|
20.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 345/59 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/2313
tat-8 ta' Diċembru 2016
li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3), flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni Ewropea stabbiliet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Miżuri għall-protezzjoni tat-tfal kontra t-teħid jew iż-żamma b'mod illeċitu huma parti essenzjali minn dik il-politika. |
|
(2) |
Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (2) (“ir-Regolament Brussell IIa”), li għandu l-għan li jħares it-tfal mill-effetti dannużi tat-teħid jew taż-żamma b'mod illeċitu u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn rapidu tagħhom lejn l-istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-aċċess u d-drittijiet tal-kustodja. |
|
(3) |
Ir-Regolament Brussell IIa jikkumplimenta u jirrinforza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta' obbligi u kooperazzjoni fost l-istati kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li tiżgura r-ritorn minnufih ta' tfal li jittieħdu jew jinżammu b'mod illeċitu. |
|
(4) |
L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma parti għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. |
|
(5) |
L-Unjoni tinkoraġġixxi lil stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt internazzjonali privat. |
|
(6) |
Qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u stati terzi jista' jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' ħtif internazzjonali ta' minuri. |
|
(7) |
Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-istat aderenti u tali stati kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni. |
|
(8) |
Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru parti għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista' taderixxi mal-Konvenzjoni, u lanqas ma tista' tressaq dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' stat aderenti. |
|
(9) |
Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 huma parti mill-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. |
|
(10) |
Ir-Repubblika tal-Korea ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fit-13 ta' Diċembru 2012. Il-Konvenzjoni tal-aja tal-1980 daħlet fis-seħħ għar-Repubblika tal-Korea fl-1 ta' Marzu 2013. |
|
(11) |
Bosta Stati Membri diġà aċċettaw l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Valutazzjoni tas-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Korea wasslet għall-konklużjoni li dawk l-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea, jinsabu f'pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. |
|
(12) |
L-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea għalhekk jenħtieġ li jkunu awtorizzati li jiddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stipulati f'din id-Deċiżjoni. Ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda u r-Repubblika tal-Litwanja li diġà aċċettaw l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma għandhomx jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda ta' aċċettazzjoni peress li d-dikjarazzjonijiet eżistenti jibqgħu validi skont id-dritt internazzjonali pubbliku. |
|
(13) |
Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament Brussell IIa u qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. |
|
(14) |
B'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan huma b'dan awtorizzati li jaċċettaw l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) fl-interess tal-Unjoni.
2. L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, mhux aktar tard mid-9 ta' Diċembru 2017, jiddepożitaw dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni fformulata kif ġej:
“[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2313”.
3. Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad- dikjarazzjoni tiegħu ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea u jikkomunika lill-Kummissjoni t-test tad-dikjarazzjoni fi żmien xahrejn minn meta jiddepożitaha.
Artikolu 2
Dawk l-Istati Membri li ddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Korea mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, ma għandhomx jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Repubblika tal-Litwanja.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
L. ŽITŇANSKÁ
(1) Opinjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ottubru 2016 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).