20.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 345/50


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/2310

tas-17 ta' Ottubru 2016

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Meditteranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ġordan, inkluż il-Patt

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fil-24 ta' Novembru 1997 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2002.

(2)

Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta' Novembru 2015 dwar ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat intlaqgħet tajjeb mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2015, fejn, fost l-oħrajn, il-Kunsill ikkonferma l-intenzjoni li jibda fażi ġdida ta' involviment mas-sħab fl-2016 li tista' twassal biex jiġu stabbiliti prijoritajiet ġodda ta' sħubija, fejn xieraq, iffokati fuq prijoritajiet u interessi miftiehma.

(3)

Il-mira kondiviża tal-Unjoni u tal-Ġordan għal żona komuni ta' paċi, prosperità u stabbiltà teħtieġ ħidma flimkien, partikolarment permezz ta' sjieda konġunta u differenzjazzjoni, u li jitqies ir-rwol ċentrali tal-Ġordan fir-reġjun.

(4)

Filwaqt li jindirizzaw l-aktar sfidi urġenti, l-Unjoni u l-Ġordan qed ikomplu jsegwu l-objettivi ewlenin tas-sħubija antika tagħhom u jsaħħu l-istabbiltà u r-reżiljenza tal-pajjiż u tar-reġjun kif ukoll it-tkabbir ekonomiku u żvilupp soċjali sostenibbli u bbażati fuq l-għarfien skont l-istat tad-dritt u l-governanza demokratika.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ikun ibbażat fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ġordan, inkluż il-Patt, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Ġordan mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra (ĠU L 129, 15.5.2002, p. 3).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru 1/2016 TAT-12-il KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-ĠORDAN

ta' …

dwar qbil fuq il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ġordan

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-ĠORDAN,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fl-24 ta' Novembru 1997 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2002.

(2)

L-Artikolu 91 tal-Ftehim jagħti s-setgħa lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni li jieħu deċiżjonijiet għall-finijiet li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim u li jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa.

(3)

L-Artikolu 101 tal-Ftehim jipprovdi li l-Partijiet jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u jaraw li jinkisbu l-għanijiet stipulati fil-Ftehim.

(4)

Ir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ipproponiet fażi ġdida ta' involviment mas-sħab, li tippermetti sens akbar ta' sjieda miż-żewġ naħat.

(5)

L-UE u l-Ġordan qablu li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom billi jaqblu fuq sett ta' prijoritajiet għall-perijodu 2016-2018, bl-għan li jappoġġjaw u jsaħħu r-reżiljenza u l-istabbiltà tal-Ġordan filwaqt li jfittxu li jindirizzaw l-impatt tal-kunflitt fis-Sirja li issa ilu għaddej żmien twil.

(6)

Il-Partijiet għall-Ftehim qablu fuq it-test tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE -Ġordan, inkluż il-Patt, li ser jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Ftehim, b'enfasi fuq il-kooperazzjoni fir-rigward ta' interessi identifikati b'mod komuni bejniethom,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jirrakkomanda li l-Partijiet jimplimentaw il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ġordan, inkluż il-Patt, li huma stipulati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiddeċiedi li l-Pjan ta' Azzjoni UE-Ġordan, li daħal fis-seħħ f'Ottubru 2012, jiġi sostitwit mill-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ġordan, inkluż il-Patt.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …,

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Ġordan

Il-President