16.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 342/54


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2274

tal-15 ta' Diċembru 2016

dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fi New Zealand skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-proċedura għar-rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) stabbiliti f'pajjiżi terzi, stipulata fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandha l-għan li tippermetti lis-CCPs stabbiliti u awtorizzati f'pajjiżi terzi li għandhom standards regolatorji ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament, li jipprovdu servizzi ta' kklirjar lill-membri tal-ikklirjar jew liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, din il-proċedura ta' rikonoxximent u d-deċiżjonijiet ta' ekwivalenza previsti fiha jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jitnaqqas ir-riskju sistemiku billi jiġi estiż l-użu ta' CCPs sikuri u sodi biex jikklerjaw il-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża (“OTC”), inkluż fejn dawk is-CCPs ikunu stabbiliti u awtorizzati f'pajjiż terz.

(2)

Sabiex reġim legali ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim legali tal-Unjoni fir-rigward ta' CCPs, l-eżitu sostantiv tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni rigward l-objettivi regolatorji li jiksbu. Għalhekk, l-għan ta' din il-valutazzjoni ta' ekwivalenza huwa li tivverifika li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' New Zealand jiżguraw li s-CCPs stabbiliti u awtorizzati hemmhekk ma jesponux lill-membri tal-ikklirjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal livell ogħla ta' riskju milli dawn jistgħu jkunu esposti għalih minn CCPs awtorizzati fl-Unjoni u, konsegwentement, ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta' riskju sistemiku fl-Unjoni. Għalhekk, ir-riskji ferm aktar baxxi inerenti f'attivitajiet ta' kklirjar imwettqa fis-swieq finanzjarji li huma iżgħar mis-suq finanzjarju tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati b'mod partikolari.

(3)

Skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex jiġi determinat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati hemmhekk huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(4)

Skont l-ewwel kundizzjoni, is-CCPs awtorizzati f'pajjiż terz iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(5)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti ta' New Zealand għas-CCPs awtorizzati hemmhekk jikkonsistu fil-Parti 5C tal-Att tal-1989 tar- Reserve Bank of New Zealand (“ir-regoli primarji”) u l-ordinijiet li bihom is-CCPs huma awtorizzati bħala sistema ta' deżinjazzjoni ta' saldu (“ordinijiet ta' deżinjazzjoni”). Ir-regoli primarji u l-ordnijiet ta' deżinjazzjoni jistabbilixxu r-rekwiżiti li s-CCPs iridu jikkonformaw magħhom fuq bażi kontinwa biex ikunu jistgħu jipprovdu servizzi ta' kklerjar fi New Zealand. CCPs stabbiliti fi New Zealand jistgħu jiġu awtorizzati bħala sistema ta' deżinjazzjoni ta' saldu mill-Gvernatur Ġenerali, fuq parir kemm tal-Ministru tal-Finanzi kif ukoll tal-Ministru tal-Kummerċ u skont rakkomandazzjoni konġunta tal-Bank of New Zealand u l-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji (flimkien, “ir-regolaturi konġunti”). Jistgħu jiġu imposti kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' CCP bħala sistema ta' deżinjazzjoni ta' saldu. L-ordinijiet ta' deżinjazzjoni japprovaw ir-regoli interni speċifiċi u l-proċedura tas-sistema ta' sistema ta' deżinjazzjoni ta' saldu li fiha l-kundizzjonijiet li s-sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu jridu jikkonformaw magħhom, u li huma konsistenti mal-politika ta' livell għoli tar-regolaturi konġunti ppubblikata mir-regulaturi konġunti. Skont l-Att tal-1989 tar-Reserve Bank of New Zealand, sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu għandhom jikkonformaw ma' standards internazzjonali ta' sorveljanza rigward sistemi ta' saldu u kklirjar, inklużi l-Prinċipji għall-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji (“il-PFMIs”) maħruġa f'April 2012 mill-Kumitat dwar is-Sistemi tal-Pagamenti u s-Saldu (2) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (“IOSCO”). Ir-regolaturi konġunti ħarġu dikjarazzjoni ta' politika “Id-deżinjazzjoni u s-Sorveljanza ta' Sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu” fejn jobbligaw is-sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu jikkonformaw mal-PFMIs.

(6)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs awtorizzati fi New Zealand għalhekk jikkonsistu fi struttura fuq żewġ saffi. Il-prinċipji ewlenin stabbiliti fir-regoli primarji, jistabbilixxu l-istandards ta' livell għoli li s-sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu jridu jikkonformaw magħhom sabiex jiksbu awtorizzazzjoni biex jipprovdu servizzi ta' kklerjar fi New Zealand. Dawk ir-regoli primarji jinkludu l-ewwel livell ta' rekwiżiti legalment vinkolanti fi New Zealand. Sabiex jagħtu prova tal-konformità mar-regoli primarji, is-sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu jridu jressqu r-regoli u l-proċeduri interni tagħhom għall-approvazzjoni lir-regolaturi konġunti. Dawk ir-regoli u proċeduri interni, flimkien mal-ordnijiet ta' deżinjazzjoni li bihom huma approvati, jiffurmaw it-tieni saff tar-rekwiżiti legalment vinkolanti ta' New Zealand, li jridu jipprovdu dettall preskrittiv dwar il-mod li bih is-sistema ta' deżinjazzjoni ta' saldu se tissodisfa dawk l-istandards u l-PFMIs. Ir-regolaturi konġunti jevalwaw il-konformità tas-sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu ma' dawk l-istandards u mal-PFMIs. Ladarba s-sistema tkun ġiet awtorizzata bħala sistema ta' deżinjazzjoni ta' saldu, ir-regoli u l-proċeduri interni, isiru legalment vinkolanti fuqha u ma tistax tiġi emendata jekk ir-regolatur konġunt joġġezzjona għall-emendi intenzjonati.

(7)

Il-valutazzjoni ta' ekwivalenza tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu stabbiliti fi New Zealand trid tqis ukoll l-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju li huma jiżguraw f'termini tal-livell ta' riskju li l-membri tal-ikklirjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jkunu esposti għalih meta jipparteċipaw f'dawk l-entitajiet. L-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju huwa determinat kemm mill-livell ta' riskju inerenti fl-attivitajiet ta' kklirjar imwettqa mis-CCP ikkonċernata, li jiddependi mid-daqs tas-suq finanzjarju li topera fih, kif ukoll minn kemm huma xierqa l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs biex inaqqsu dak il-livell ta' riskju. Sabiex jinkiseb eżitu ekwivalenti ta' mitigazzjoni tar-riskju, rekwiżiti ta' mitigazzjoni tar-riskju aktar stretti huma neċessarji għas-CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji ikbar li għandhom livell ta' riskju inerenti ogħla, minn dawk ta' CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji iżgħar li għandhom livell ta' riskju inerenti iktar baxx.

(8)

Is-suq finanzjarju fejn is-sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu awtorizzati fi New Zealand iwettqu l-attivitajiet tal-ikklirjar tagħhom huwa ferm iżgħar minn dak fejn huma attivi s-CCPs stabbiliti fl-Unjoni. Tul l-aħħar tliet snin, il-valur totali tat-tranżazzjonijiet derivattivi kklerjati fi New Zealand irrappreżenta inqas minn 1 % tal-valur totali tat-tranżazzjonijiet ikklerjati fl-Unjoni. Għalhekk, il-parteċipazzjoni fis-sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu stabbiliti fi New Zealand tesponi lill-membri tal-ikklerjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal riskji ferm iktar baxxi mill-parteċipazzjoni tagħhom f'CCPs awtorizzati fl-Unjoni.

(9)

L-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu stabbiliti fi New Zealand jistgħu għalhekk jitqiesu bħala ekwivalenti meta dawn ikunu addattati biex itaffu dak il-livell iktar baxx ta' riskju. Ir-regoli primarji applikabbli għas-sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu fi New Zealand, ikkumplimentati bir-regoli u l-proċeduri interni tagħhom li jimplimentaw il-PFMIs, jimmitigaw il-livell aktar baxx ta' riskju li jeżisti fi New Zealand, u jagħtu riżultat tal-mitigazzjoni tar-riskju li huwa ekwivalenti għal dak imfittex mir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(10)

Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' New Zealand jiżguraw li s-sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu awtorizzati hemm jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(11)

Skont it-tieni kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji ta' New Zealand fir-rigward ta' CCPs awtorizzati hemmhekk iridu jipprovdu superviżjoni u infurzar effettivi ta' dawn is-CCPs fuq bażi kontinwa.

(12)

Is-superviżjoni ta' sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu awtorizzati fi New Zealand hija mwettqa mir-regolaturi konġunti. Ir-regolaturi konġunti jistgħu jitolbu informazzjoni minn sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu u l-parteċipanti tagħhom u jistgħu jimponu penali jekk jirrifjutaw li jwieġbu. Ir-regolaturi konġunti jistgħu jirrevokaw l-awtorizzazzjoni ta' sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu. Ir-regolaturi konġunti jissorveljaw il-konformità tas-sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu mal-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-awtorizzazzjoni għal sistema ta' saldu. Dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jinkludu rekwiżiti ta' notifika lir-regolaturi konġunti ta' avvenimenti materjali (bħal nuqqas ta' konformità mal-qafas ta' mmaniġġjar tar-riskju tas-sistema jew il-politika tar-riżorsi finanzjarji jew bidliet fihom), rapporti regolari biex ir-regolaturi konġunti u biex jippubblikaw informazzjoni, inklużi awtovalutazzjoni skont standards internazzjonali rilevanti (il-PFMIs). Ir-regolaturi konġunti jiltaqgħu b'mod regolari mal-maniġment anzjan tas-sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu u jistgħu jagħmlu reviżjoni tal-awtorizzazzjoni u jagħmluha suġġetta għal kundizzjonijiet supplimentari jew jirrevokawha jekk ir-rekwiżiti applikabbli ma jiġux sodisfatti.

(13)

Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li s-sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu stabbiliti fi New Zealand huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

(14)

Skont it-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji ta' New Zealand iridu jinkludu sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs awtorizzati skont reġimi legali ta' pajjiżi terzi (“CCPs ta' pajjiżi terzi”).

(15)

Is-CCPs ta' pajjiżi terzi jistgħu joperaw fi New Zealand bil-kondizzjoni li l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għalihom u tal-parteċipanti tagħhom huma legalment sodi. Barra minn hekk, is-CCPs ta' pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għal superviżjoni effettiva li tiżgura konformità mal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli. Memorandum ta' ftehim bejn il-Bank of New Zealand u l-awtorità superviżorja kompetenti tal-pajjiż terz tas-CCP jista' jiġi konkluż.

(16)

Għalhekk, għandu jitqies li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' New Zealand jipprevedu għal sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiż terz.

(17)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq ir-rekwiżiti legalment vinkolanti relatati ma' sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu applikabbli fi New Zealand fiż-żmien tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-ESMA, għandha tkompli twettaq monitoraġġ fuq bażi regolari tal-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji għas-sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu fi New Zealand u s-sodisfar tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-Deċiżjoni.

(18)

Ir-rieżami regolari tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fi New Zealand għas-CCPs awtorizzati hemmhekk għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni jwettaq eżami speċifiku fi kwalunkwe ħin barra mill-ambitu tal-analiżi ġenerali, meta l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza mogħtija minn din id-Deċiżjoni. Valutazzjoni mill-ġdid bħal din tista' twassal għat-tħassir tad-Deċiżjoni.

(19)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji ta' New Zealand li jikkonsistu fil-Part 5C tal-Att tal-1989 tar-Reserve Bank of New Zealand, kif ikkumpimentati mid-dikjarazzjoni politika “Id-deżinjazzjoni u s-Sorveljanza ta' Sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu” fejn jobbligaw is-sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu jikkonformaw mal-PFMIs, u applikabbli għal sistemi ta' deżinjazzjoni ta' saldu għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Mill-1 ta' Settembru 2014, il-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u s-Saldu biddel ismu għal Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u tal-Infrastrutturi tas-Suq.