|
16.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 342/51 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2273
tal-15 ta' Diċembru 2016
dwar l-ekwivalenza ta' swieq rikonoxxuti tal-kuntratti fil-Kanada skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 2a(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistabbilixxi rekwiżiti tal-ikklerjar u tal-immaniġġar bilaterali tar-riskju għal kuntratti derivattivi ta' barra l-Borża (“OTC”) kif ukoll rekwiżiti ta' rappurtar għal tali kuntratti. Il-punt (7) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jiddefinixxi d-derivattivi OTC bħala kuntratti tad-derivattivi li l-eżekuzzjoni tagħhom ma sseħħx f'suq regolat skont it-tifsira tal-punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jew f'suq ta' pajjiż terz ikkunsidrat bħala ekwivalenti għal suq regolat f'konformità mal-Artikolu 2a tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għalhekk, kull kuntratt ta' derivattiv li l-eżekuzzjoni tiegħu sseħħ f'suq ta' pajjiż terz mhux meqjus bħala ekwivalenti għal swieq regolati huwa kklassifikat bħala OTC għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 2a tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, suq ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għal suq regolat jekk jikkonforma ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu III tad-Direttiva 2004/39/KE u li huwa soġġett għal superviżjoni effettiva u infurzar f'dak il-pajjiż terz fuq bażi kontinwa. |
|
(3) |
Sabiex suq ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għal suq regolat skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/39/KE, l-eżitu sostantiv applikabbli tar-rekwiżiti legalment vinkolanti u l-arranġamenti superviżorji u ta' infurzar għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni rigward l-objettivi regolatorji li jiksbu. L-għan ta' din il-valutazzjoni tal-ekwivalenza huwa għalhekk li jiġi vverifikat li r-rekwiżiti legalment vinkolanti li japplikaw għal swieq rikonoxxuti fil-Kanada huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu III tad-Direttiva 2004/39/KE, u li dawk is-swieq huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Is-swieq li huma awtorizzati bħala swieq rikonoxxuti fid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom għalhekk jiġu identifikati bħala swieq meqjusa ekwivalenti għal suq regolat skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/39/KE. |
|
(4) |
Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti għal kambji rikonoxxuti awtorizzati fil-Kanada jikkonsistu fi struttura bi tliet livelli. L-ewwel livell jikkonsisti f'leġiżlazzjoni legali provinċjali u territorjali li tistipula r-rekwiżiti ġenerali li l-operaturi taċ-ċentri tan-negozju jridu jikkonformaw magħhom jekk huma jkunu jixtiequ jeżerċitaw attivitajiet fi provinċja jew f'territorju. Aktar rekwiżiti speċifiċi u ddettaljati applikabbli għall-boroż rikonoxxuti huma stipulati fi Strumenti Nazzjonali (NIs), li jikkostitwixxu t-tieni livell. NIs jiġu adottati mill-Awtoritajiet Regolatorji tat-Titoli (SRAs) ta' kull provinċja u territorju u jkopru oqsma bħal aċċess ġust u trasparenza, l-ikklerjar u s-saldu, ir-rappurtar u l-obbligi tad-divulgazzjoni. Ordnijiet ta' rikonoxximent jikkostitwixxu t-tielet livell. Dawn jinħarġu għal kull borża rikonoxxuta mill-SRA rilevanti u jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet operattivi imposti fuq kull borża rikonoxxuta. L-ordnijiet ta' rikonoxximent maħruġa minn kull SRA għandhom saħħa ġuridika u kull ksur tat-termini u l-kundizzjonijiet stabbilit hemmhekk huwa ksur tal-liġi tat-titoli jew tal-liġi tal-futures tal-komoditajiet. |
|
(5) |
Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għal boroż rikonoxxuti fil-Kanada jagħtu riżultati sostantivi ekwivalenti għal dawk tar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu III tad-Direttiva 2004/39/KE fl-oqsma li ġejjin: il-proċess tal-awtorizzazzjoni, ir-rekwiżiti tad-definizzjonijiet, l-aċċess għall-borża rikonoxxuta, ir-rekwiżiti organizzattivi, ir-rekwiżiti tal-maniġment superjuri, l-ammissjoni ta' strumenti finanzjarji għan-negozjar, is-sospensjoni u t-tneħħija ta' strumenti min-negozjar, il-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli tal-borża rikonoxxuta u l-aċċess għal arranġamenti tal-ikklirjar u tas-saldu. |
|
(6) |
Skont id-Direttiva 2004/39/KE, ir-rekwiżiti tat-trasparenza ta' qabel u ta' wara n-negozjar japplikaw biss għall-ishma ammessi għan-negozjar fi swieq regolati. Minkejja li l-ishma jistgħu jiġu ammessi għall-kummerċ f'boroż rikonoxxuti awtorizzati fil-Kanada, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-valutazzjoni ta' dawn ir-rekwiżiti madankollu mhijiex rilevanti għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni peress li l-għan tagħha huwa li tivverifika l-ekwivalenza tar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għal swieq ta' pajjiżi terzi fir-rigward ta' kuntratti ta' derivattivi li huma eżegwiti f'dawk is-swieq. |
|
(7) |
Għalhekk għandu jiġi konkluż li r-rekwiżiti legalment vinkolanti għal boroż rikonoxxuti awtorizzati fil-Kanada jwasslu għal riżultati ekwivalenti għal dawk tar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu III tad-Direttiva 2004/39/KE. |
|
(8) |
L-SRAs huma responsabbli għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni ta' boroż rikonoxxuti awtorizzati fil-ġuriżdizzjoni tagħhom. Is-setgħat ta' sorveljanza tagħhom jinkludu, fost l-oħrajn, l-awtorità li jiddeċiedu fir-rigward tan-negozjar u l-mod li bih il-boroż rikonoxxuti jwettqu n-negozju tagħhom. Minbarra dan, boroż rikonoxxuti huma obbligati mit-termini tal-Ordni ta' Rikonoxximent tagħhom li jirrappurtaw ksur suspettat tal-liġi tat-titoli minn parteċipanti u mill-klijenti tagħhom lill-SRAs, u huma wkoll meħtieġa li jirrappurtaw b'mod regolari fuq l-istatus tal-investigazzjonijiet tagħhom u l-azzjoni dixxiplinari lill-SRAs. Sabiex iwettqu d-dmirijiet tagħhom ta' sorveljanza, boroż rikonoxxuti għandhom persunal ta' investigazzjoni u ta' infurzar iddedikat sabiex jimmonitorja n-negozjar fuq bażi kontinwa u jwettaq analiżijiet fuq il-post tat-trade desk tal-parteċipanti. L-SRAs għandhom ukoll is-setgħa li jimponu sanzjonijiet fuq boroż rikonoxxuti għall-ksur tal-liġijiet tat-titoli (atti leġiżlattivi, strumenti nazzjonali, regoli u ordnijiet ta' rikonoxximent). Is-sanzjonijiet jinkludu multi, twissijiet, l-irtirar tal-ordni tar-rikonoxximent jew is-sospensjoni tar-reġistrazzjoni, jew iż-żieda ta' termini u kundizzjonijiet li l-boroż rikonoxxuti jridu jissodisfaw sabiex jikkonformaw mal-liġijiet tat-titoli. |
|
(9) |
Għalhekk għandu jiġi konkluż li dawk is-swieq finanzjarji huma meqjusa soġġetti għal superviżjoni effettiva u infurzar fil-Kanada fuq bażi kontinwa. |
|
(10) |
Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2a tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala ssodisfati fir-rigward ta' boroż rikonoxxuti awtorizzati fil-Kanada. |
|
(11) |
Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq ir-rekwiżiti legalment vinkolanti relatati ma' boroż rikonoxxuti applikabbli fil-Kanada fiż-żmien tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tkompli timmonitorja fuq bażi regolari l-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji għall-boroż rikonoxxuti u t-twettiq tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-Deċiżjoni. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-Deċiżjoni fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(12) |
Ir-rieżami regolari tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għal boroż rikonoxxuti fil-Kanada huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin, fejn żviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza mogħtija b'din id-Deċiżjoni. Valutazzjoni mill-ġdid bħal din tista' twassal għat-tħassir ta' din id-Deċiżjoni. |
|
(13) |
Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-finijiet tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-boroż rikonoxxuti fil-Kanada u stipulati fl-Anness għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti għal swieq regolati kif definiti f'punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(2) Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).
(4) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349)
ANNESS
Il-boroż rikonoxxuti fil-Kanada msemmija fl-Artikolu 1:
|
(a) |
Bourse de Montréal Inc. |
|
(b) |
Canadian Securities Exchange |
|
(c) |
ICE Futures Kanada, Inc. |
|
(d) |
NGX Inc. |
|
(e) |
TSX Inc. |
|
(f) |
TSX Venture Inc. |
|
(g) |
Alpha Exchange Inc. |
|
(h) |
Aequitas Neo Exchange Inc. |