13.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/18


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/2240

tat-12 ta' Diċembru 2016

li temenda d-Deċiżjoni 2012/389/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/389/PESK (1) dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR).

(2)

Fit-22 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/485/PESK (2), li emendat id-Deċiżjoni 2012/389/PESK u estendiet l-EUCAP NESTOR sat-12 ta' Diċembru 2016.

(3)

Ir-Rieżami Strateġiku Olistiku u Komprensiv tal-Involviment tal-PSDK fis-Somalja u l-Qarn tal-Afrika wassal għall-konklużjoni li l-EUCAP NESTOR għandha tiffoka fuq is-Somalja u li, konsegwentement, isimha għandu jinbidel għal EUCAP Somalja u l-mandat tagħha għandu jiġi adattat u estiż sa Diċembru 2018.

(4)

Matul l-2017 jenħtieġ li ssir reviżjoni tad-Deċiżjoni 2012/389/PESK, inklużi, jekk ikun meħtieġ, il-kompiti u l-objettivi tal-Missjoni.

(5)

L-ammont ta' referenza previst biex ikopri l-perijodu sat-12 ta' Diċembru 2016 huwa suffiċjenti biex ikopri l-perijodu sat-28 ta' Frar 2017, meta tagħrif dettaljat dwar il-ħtiġijiet finanzjarji għall-approċċ il-ġdid għandu jkun disponibbli biex jiġi stabbilit ammont ta' referenza għall-perijodu sussegwenti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2012/389/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

Fit-titolu u fit-test kollu, l-isem “EUCAP NESTOR” huwa sostitwit bl-isem “EUCAP Somalia”.

(2)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Il-Missjoni

L-Unjoni b'dan tistabbilixxi Missjoni ta' Bini tal-Kapaċità fis-Somalja (EUCAP Somalja).”.

(3)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Dikjarazzjoni tal-Missjoni

L-EUCAP Somalja għandha tassisti lis-Somalja fit-tisħiħ tal-kapaċità tas-sigurtà marittima tagħha sabiex din tkun tista' tinforza b'mod aktar effettiv il-liġi marittima.”.

(4)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Objettivi u kompiti

1.   Sabiex titwettaq id-Dikjarazzjoni tal-Missjoni kif tinsab fl-Artikolu 2, l-EUCAP Somalja għandha:

(a)

issaħħaħ il-kapaċità Somala ta' infurzar tal-liġi marittima ċivili sabiex hija teżerċita governanza marittima effettiva tal-kosta, tal-ilmijiet interni, tal-ibħra territorjali u taż-żoni ekonomiċi esklussivi tagħha;

(b)

b'mod partikolari, tirrinforza l-kapaċità Somala biex twettaq spezzjonijiet tas-sajd u infurzar, tiżgura l-funzjoni ta' tiftix u salvataġġ fuq il-baħar, tiġġieled il-kuntrabandu, tiġġieled il-piraterija u tagħmel għassa taż-żona kostali mill-art u mill-baħar;

(c)

taħdem għal dawn l-objettivi billi tappoġġa lill-awtoritajiet Somali fl-iżvilupp tal-leġislazzjoni neċessarja u fl-istabbiliment ta' awtoritajiet ġudizzjarji u billi tipprovdi l-mentoring, konsulenza, taħriġ u tagħmir meħtieġa għall-entitajiet Somali tal-infurzar tal-liġi marittima ċivili.

2.   Biex tikseb dawn l-objettivi, l-EUCAP Somalia għandha topera skont il-linji ta' operat u l-kompiti stipulati fid-dokumenti ta' ppjanar operazzjonali approvati mill-Kunsill.

3.   L-EUCAP Somalja ma għandha twettaq l-ebda funzjoni eżekuttiva.”.

(5)

Fl-Artikolu 13(1), l-aħħar subparagrafu huwa sostiwit b'dan li ġej:

“L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP Somalja għall-perijodu mis-16 ta' Diċembru 2015 sat-28 ta' Frar 2017 għandu jkun ta' EUR 12 000 000.”.

(6)

Fl-Artikolu 16, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Hija għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2018.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/389/PESK tas-16 ta' Lulju 2012 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR) (ĠU L 187, 17.7.2012, p. 40).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/485/PESK tat-22 ta' Lulju 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2012/389/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR) (ĠU L 217, 23.7.2014, p. 39).