13.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 337/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/2232

tas-6 ta' Diċembru 2016

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(1) u l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-10 ta' Frar 2014 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni li tiftaħ negozjati mar-Repubblika ta' Kuba għal ftehim ta' djalogu politiku u ta' kooperazzjoni.

(2)

In-negozjati tlestew b'suċċess bl-inizjalar fil-11 ta' Marzu 2016 tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”).

(3)

L-Artikolu 86(3) tal-Ftehim jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja tiegħu sa meta jidħol fis-seħħ.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u li jiġi applikat parzjalment fuq bażi provviżorja, sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu.

(5)

L-applikazzjoni provviżorja ta' partijiet tal-Ftehim ma tippreġudikax l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri skont it-Trattati. Hija għandha wkoll tkun konsistenti man-natura tal-kompetenza tal-Unjoni, partikolarment fir-rigward ta' kwistjonijiet imsemmija fit-Titoli IV sa VII tal-Parti III tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta' Kuba, min-naħa l-oħra, huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Sa meta jidħol fis-seħħ il-Ftehim, skont l-Artikolu 86(3) tiegħu u soġġett għan-notifiki previsti fih, il-partijiet li ġejjin tal-Ftehim għandhom jiġu applikati fuq bażi provviżorja (1) bejn l-Unjoni u r-Repubblika ta' Kuba, iżda biss sa fejn huma jkopru kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, inklużi kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni biex tiddefinixxi u timplimenta politika estera u ta' sigurtà komuni:

il-Partiijiet I sa IV; u

il-Parti V, sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha huma limitati għall-iskop li jiżguraw l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim.

Minkejja l-ewwel subparagrafu ta' dan l-Artikolu, l-Artikoli li ġejjin ma għandhomx jiġu applikati fuq bażi provviżorja:

l-Artikolu 29;

l-Artikolu 35;

l-Artikolu 55 sa fejn jikkonċerna l-kooperazzjoni dwar it-trasport marittimu;

l-Artikolu 58;

l-Artikolu 71 sa fejn jikkonċerna s-sigurtà tal-fruntieri; u

l-Artikolu 73 sa fejn jikkonċerna l-kooperazzjoni dwar indikazzjonijiet ġeografiċi mhux agrikoli.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KAŽIMÍR


(1)  Id-data li minnha l-Ftehim jibda jiġi applikat b'mod provviżorju ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.