7.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/2136

tal-21 ta' Novembru 2016

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Ġunju 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Iżlanda bil-għan li jiġi ffirmat ftehim dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (“il-Ftehim”). In-negozjati ġew konklużi b'suċċess permezz tal-inizjalar tal-Ftehim.

(2)

Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu bejniethom l-iżvilupp armonjuż tal-indikazzjonijiet ġeografiċi kif iddefiniti fl-Artikolu 22(1) tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) (1) u li jrawmu l-kummerċ fil-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mit-territorji tal-Partijiet.

(3)

Għalhekk, il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (2).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Novembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. PLAVČAN


(1)  L-Anness 1C tal-Ftehim ta' Marrakesh li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, iffirmat f'Marrakesh, il-Marokk fil-15 ta' April 1994.

(2)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.