29.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/57


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2084

tal-10 ta' Ġunju 2016

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38132 (2015/C) (ex 2014/NN) — Kumpens PSO għall-Arfea

(notifikata bid-dokument C(2016) 3472)

(It-test Taljan biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) ċċitata/i hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

L-awtoritajiet Taljani, permezz ta' notifika elettronika tad-9 ta' Jannar 2014 u skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, innotifikaw il-kumpens addizzjonali mogħti mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta' Pjemonte) lill-Arfea - Aziende Riunite Filovie ed Autolinee (l-“Arfea”), għall-provvista ta' servizzi tat-trasport tal-passiġġieri b'xarabank abbażi ta' konċessjonijiet mogħtija mir-Reġjun Taljan ta' Pjemonte (“ir-Reġjun”) matul il-perjodu ta' bejn l-1997 u l-1998 (“il-perjodu taħt eżami”).

(2)

In-notifika ġiet irreġistrata taħt in-numru tal-kawża SA.38132. Wara talba għall-informazzjoni li l-Kummissjoni bagħtet fis-7 ta' Frar 2014 biex tiċċara jekk il-kumpens addizzjonali kienx tħallas, fil-11 ta' Marzu 2014 ir-Reġjun ikkonferma li kien ħallas il-kumpens addizzjonali lill-Arfea fis-7 ta' Frar 2014, jiġifieri wara li l-gvern Taljan kien innotifika l-miżura lill-Kummissjoni. Għalhekk il-miżura ġiet trattata bħala miżura mhux notifikata.

(3)

Fis-7 ta' April 2014 u l-21 ta' Mejju 2014, l-awtoritajiet Taljani pprovdew aktar informazzjoni, u wara talba għall-informazzjoni li l-Kummissjoni bagħtet fl-24 ta' Lulju 2014, fl-20 ta' Awwissu 2014 huma pprovdew aktar informazzjoni.

(4)

B'ittra datata t-23 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni infurmat lill-Italja li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem it-“TFUE”) fir-rigward tal-għajnuna. L-awtoritajiet Taljani ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ b'ittra tas-16 ta' April 2015.

(5)

Fid-deċiżjoni tagħha biex tagħti bidu għall-proċedura, li ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2), il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

(6)

L-unika parti terza li ssottomettiet osservazzjonijiet bħala tweġiba għad-deċiżjoni tal-ftuħ kienet l-Arfea, il-benefiċjarju tal-miżura. Is-sottomissjoni tagħha waslet fit-30 ta' Lulju 2015 u ntbagħtet lill-Italja fit-18 ta' Awwissu 2015, li ngħatat l-opportunità tirreaġixxi. Il-kummenti tal-Italja waslu b'ittra datata l-24 ta' Settembru 2015.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA

2.1.   Il-kumpanija u s-servizzi pprovduti

(7)

L-Arfea hija kumpanija privata li tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku lokali bbażati fuq konċessjonijiet u servizzi tat-trasport kummerċjali privat. B'mod aktar speċifiku, skont l-Awtoritajiet Taljani, l-Arfea kienet topera netwerk ta' konnessjonijiet ta' xarabanks bħala konċessjonarju fil-Provinċja ta' Alessandria u l-Provinċja ta' Asti (“il-Provinċji”) matul il-perjodu taħt eżami (l-1997 u l-1998). Il-kumpanija kienet tipprovdi wkoll servizzi privati oħra, bħal servizzi turistiċi u l-kiri ta' xarabanks.

(8)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Taljani, ir-Reġjun diġà ħallas kontribuzzjonijiet pubbliċi lill-Arfea għas-servizz imsemmi hawn fuq matul il-perjodu mill-1997 sal-1998 skont id-deċiżjoni qafas tal-Gvern Reġjonali (id-Delibera della Giunta Regionale jew id-D.G.R.) Nru 658-2041 tas-16 ta' Frar 1984 (“id-Deċiżjoni Qafas tal-1984”) li timplimenta l-Liġi Nru 151/1981 (3) u l-Liġi Reġjonali Nru 16/1982 (4). Dawk il-liġijiet stabbilew ir-regoli għall-għoti tal-kontribuzzjonijiet pubbliċi għall-investimenti u d-defiċits operazzjonali tal-entitajiet jew l-impriżi li jipprovdu s-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri. Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Reġjonali Nru 16/82, tali servizzi huma dawk “normalment maħsuba għat-trasport kollettiv ta' persuni jew beni pprovduti b'mod kontinwu jew perjodiku b'tariffi, ħinijiet, frekwenzi u itinerarji ffissati minn qabel u b'offerta mhux iddivrenzjata”. Fl-1997, l-Arfea talbet u kisbet ukoll kontribuzzjonijiet pubbliċi addizzjonali mir-Reġjun skont l-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 472/1999 għall-1997. Minħabba li jidher li dawk il-kontribuzzjonijiet pubbliċi ngħataw lill-Arfea aktar minn għaxar snin qabel ma l-Kummissjoni bagħtet l-ewwel talba tagħha għall-informazzjoni lill-Istat Taljan, dawk il-kontribuzzjonijiet mhumiex se jkunu soġġetti għal valutazzjoni skont din id-deċiżjoni

(9)

Fl-2007, wara sentenza tal-Kunsill tal-Istat (il-Qorti Amministrattiva suprema tal-Italja) li tat kumpens retroattiv tas-servizz pubbliku lil fornitur tas-servizz tat-trasport direttament skont ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 tal-Kunsill (5) barra mill-kumpens li diġà kienet irċeviet skont il-liġi nazzjonali (6), l-Arfea talbet kumpens tas-servizz pubbliku addizzjonali mir-Reġjun abbażi ta' dak ir-regolament għall-iżvantaġġi ekonomiċi li kienet ġarrbet minħabba l-obbligi tas-servizz pubbliku (il-“PSOs”) li allegatament ġew imposti fuqha fl-1997 u l-1998, rispettivament. Skont l-Arfea, l-ammont ta' kumpens li rċeviet, kif ikkalkulat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma ppermettiex il-kumpens sħiħ tad-defiċits tagħha fit-tħaddim tal-PSOs. Dik it-talba ġiet rifjutata mir-Reġjun permezz tan-noti tal-14 ta' Mejju 2007 u tal-25 ta' Jannar 2008. Permezz tal-Appelli Nri 913/2007 u 438/2008, l-Arfea u fornituri tas-servizzi oħra sfidaw dawk in-noti li rrifjutaw it-talbiet tagħhom għal kumpens addizzjonali.

2.2.   Is-sentenzi tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta' Pjemonte (Tribunale Amministrativo Regionale del Piemonte – TAR Piemonte)

(10)

Bis-sentenzi tat-18 ta' Frar 2010 (Is-Sentenzi Nri 976 u 977/2010), il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta' Pjemonte (“il-Qorti Amministrattiva Reġjonali”) laqgħet l-appell tal-Arfea u kkonkludiet li din kienet intitolata biex tirċievi kumpens addizzjonali għas-servizz pubbliku li wettqet, skont ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

(11)

F'dawk is-sentenzi, il-Qorti Amministrattiva Reġjonali sostniet li impriża li topera servizz pubbliku ma tistax tiġi miċħuda t-talba tagħha għal ripagament tal-ispejjeż b'mod effettiv imġarrba fit-twettiq ta' dak is-servizz. Il-livell inadegwat tal-kontribuzzjoni applikata mill-Italja kien jirrappreżenta żvantaġġ mhux ġustifikat għall-konċessjonarju. Il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, barra minn hekk qieset li l-Arfea kienet intitolata tirċievi kumpens għal servizz pubbliku anke fin-nuqqas ta' talba minn qabel għat-tneħħija tal-PSOs. Skont il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, l-ammont preċiż tal-kumpens addizzjonali dovut lill-Arfea kellu jiġi ddeterminat mir-Reġjun abbażi ta' dejta affidabbli meħuda mill-kontijiet tal-kumpanija, li turi d-differenza bejn l-ispejjeż li jistgħu jiġu attribwiti għall-parti mill-attivitajiet tal-Arfea assoċjati mal-PSO u d-dħul korrispondenti. Madanakollu, ir-Reġjun naqas milli jikkalkula l-ammont ta' kumpens li kellu jitħallas lill-Arfea, kif ordnat mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali.

(12)

B'ordnijiet (ordinanze istruttorie) Nri 198 u 199 tal-14 ta' Frar 2013, il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ħatret espert (“l-espert”) biex jimpenja ruħu fil-kompitu li jivverifika jekk l-ammonti mitluba mill-Arfea (EUR 1 446 526 għall-1997 u EUR 421 884 għall-1998) ġewx ikkalkulati f'konformità mar-Regolament (KEE) Nru 1191/1969 u l-paragrafi 87 sa 95 tas-sentenza ta' Altmark (7). Jidher mis-sentenzi tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali (giudizio per l'ottemperanza) Nri 1070 u 1071/2013 tal-10 ta' Ottubru 2013, li l-espert ivverifika li l-iżvantaġġ ekonomiku fil-forma ta' nuqqas ta' kumpens imġarrab mill-Arfea kien ta' EUR 1 196 780 għall-1997 u EUR 102 814 għall-1998. Il-Qorti Amministrattiva Reġjonali kkwantifikat l-ammonti ta' kumpens addizzjonali li r-Reġjun kien obbligat iħallas lill-Arfea skont dan u ordnat li l-pagament ta' dawk is-somom isir sa mhux aktar tard mis-7 ta' Frar 2014. L-awtoritajiet Taljani kkonfermaw li l-pagament ta' dawk is-somom kien sar mir-Reġjun lill-Arfea fis-7 ta' Frar 2014.

(13)

Huwa l-pagament ta' dak il-kumpens addizzjonali mir-Reġjun lill-Arfea bħala konsegwenza tas-sentenzi Nri. 1070 u 1071/2013 li jikkostitwixxi l-miżuri mhux notifikati u li huma s-suġġett ta' din id-Deċiżjoni.

2.3.   Ammont ta' kumpens addizzjonali

(14)

Kif spjegat fit-taqsima preċedenti, il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ħatret espert biex jiddetermina l-kumpens addizzjonali li r-Reġjun għandu jagħti lill-Arfea. Fis-17 ta' Ġunju 2013, l-espert ħareġ żewġ rapporti, wieħed għall-1997 u ieħor għall-1998. L-espert għamel korrezzjonijiet tal-kontabilità fil-kalkolu tal-ammont ta' kumpens li sar mill-konsulenti tal-Arfea iżda kkonferma li l-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-kumpens addizzjonali kienet konformi mal-Artikoli 10 et seq. tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 u l-paragrafi 87 sa 95 tas-sentenza ta' Altmark. Il-metodoloġija li għamel użu minnha l-espert kienet din li ġejja:

(a)

Ikkalkula d-differenza bejn l-ispejjeż netti u d-dħul li joriġina mill-provvista tal-PSOs;

(b)

mill-ammont ikkalkulat skont (a), naqqas il-kontribuzzjonijiet pubbliċi li diġà ngħataw lill-Arfea (id-“defiċit verifikat”);

(c)

id-defiċit verifikat imbagħad jiġi kkumparat mal-effett finanzjarju nett “ekwivalenti għat-total tal-effetti, pożittivi jew negattivi, ta' konformità mal-obbligu ta' servizz pubbliku fuq l-ispejjeż u d-dħul tal-operatur tas-servizz pubbliku” (8). Għal dan il-għan, l-espert ikkalkula l-effett finanzjarju nett fuq il-metodoloġija indikata fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(15)

Fir-rapporti tiegħu, l-espert jispjega li d-dejta użata għall-verifika kienet iċċertifikata mir-Reġjun. B'kuntrast mat-talba li saret mill-awtoritajiet Taljani, l-espert iqis li, abbażi tal-kontijiet tal-Arfea, huwa possibbli li wieħed jiddetermina liema kienu l-ispejjeż imġarrba fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku allegatament imposti mir-Reġjun ta' Pjemonte. Skont l-espert, xi spejjeż jistgħu jiġu allokati direttament, filwaqt li xi spejjeż komuni jistgħu jiġu separati permezz ta' attribut indirett ta' tali spejjeż għall-attivitajiet pubbliċi u privati tal-Arfea. L-allokazzjoni indiretta tal-ispejjeż komuni saret abbażi tal-parametri indikati fl-hekk imsejjaħ “mudell bażi” (modelli base) ippreparat mill-Arfea allegatament abbażi tal-istruzzjonijiet ipprovduti mir-Reġjun (l-hekk imsejħa “Istruzzjonijiet 97”). Tali parametri kienu jindikaw il-persentaġġ tal-attività għas-servizz pubbliku urban u ta' ġol-belt imwettaq fir-Reġjun u l-persentaġġ ta' attivitajiet privati oħra (e.ż. kiri ta' xarabanks). L-espert applika dawn il-persentaġġi tal-ispejjeż komuni li għalihom ma kienx allegatament possibbli li jinżammu kontijiet separati.

(16)

Fir-rigward tal-konformità mas-sentenza ta' Altmark, l-espert ma jesprimix il-fehma tiegħu dwar jekk l-Arfea kinitx fil-fatt ġiet fdata b'PSOs definiti b'mod ċar minħabba li dan ma kienx fir-responsabbiltà tiegħu. Huwa jikkonferma li l-parametri għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet pubbliċi ġew stabbiliti fid-Deċiżjoni Qafas tal-1984 u li l-kumpens addizzjonali vverifikat fir-rapporti tiegħu ma jaqbiżx dak li huwa neċessarju biex jiġu koperti l-ispejjeż kollha jew parti mill-ispejjeż imġarrba fl-eżekuzzjoni tal-PSOs, waqt li jitqiesu l-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta' dawk l-obbligi.

(17)

L-espert jaqbel mal-kalkoli li saru mill-konsulenti tal-Arfea dwar il-profitt raġonevoli, li huwa definit bħala remunerazzjoni medja tal-kapital, abbażi tas-suppożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-kapital investit ġie kkalkulat bħala l-assi netti tal-Arfea li jirriżultaw mill-kontijiet (fl-1997: ITL 7,98 biljun) minbarra l-kontribuzzjonijiet reġjonali għall-investimenti. L-ammont imbagħad tnaqqas biex jirrifletti l-proporzjon tal-assi użati għall-provvista ta' servizzi pubbliċi biss, bl-użu tal-persentaġġ rilevanti tal-attivitajiet tal-Arfea. L-ammont li rriżulta għall-1997 kien dak ta' ITL 1,6 biljun.

(b)

Abbażi tal-formola magħżula mill-konsulent għall-kalkolu tad-dħul meħtieġ fuq il-kapital investit, ir-rata rilevanti tad-dħul ġiet iffissata għal 12,39 % għall-1997 u 10,81 % għall-1998;

(18)

Fl-aħħar nett, l-espert isostni li l-ispejjeż tal-unità tal-Arfea fl-1997 u l-1998 huma koerenti ma' dawk ta' impriża tipikament immexxija tajjeb li tipprovdi servizzi simili fis-suq.

(19)

Minħabba f'hekk, il-kumpens addizzjonali għall-1997 u l-1998 (EUR 1 196 780 għall-1997 u l-EUR 102 814 għall-1998) jikkorrispondi mad-differenza bejn id-defiċit verifikat u l-effett finanzjarju nett, minbarra l-kontribuzzjonijiet pubbliċi li diġà kienu tħallsu mir-Reġjun.

2.4.   Il-Ftehimiet ta' Konċessjonijiet

(20)

L-awtoritajiet Taljani pprovdew 28 konċessjoni (disciplinari di concessione) mogħtija mill-Provinċji lill-Arfea għall-provvista tas-servizzi f'27 rotta reġjonali u rotta interreġjonali waħda, b'dati ta' validità differenti. Xi wħud mill-konċessjonijiet kienu fis-seħħ biċ-ċar matul il-perjodu taħt eżami, filwaqt li għal oħrajn ma hemm l-ebda evidenza ta' tiġdid iżda ta' modifiki sussegwenti biss:

Konċessjoni

Validità

1.

Alessandria - Voghera (servizz interreġjonali)

1996

2.

Acqui – Mombaruzzo

15.9.1993-31.12.93 – evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda f'Settembru 1996

3.

Acqui - Spinetta - fabbriki industrijali (linea operaia)

1996 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda f'Ottubru 1998

4.

Oviglio - Asti fs

18.10.93 - 31.12.93 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda f'Settembru 1996

5.

Alessandria – Mirabello – Casale

1986 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda fl-1994

6.

Alessandria - Ovada

1.6.97 - 31.12.97 (iffirmata fl-1999 - il-konċessjoni ssemmi l-pagamenti mill-Arfea kemm għall-1997 kif ukoll għall-1998)

7.

Altavilla - Casale

1983 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda fl-1994

8.

Arquata – Spinetta - Alessandria - il-fabbriki industrijali Michelin u Montedison (linea operaia)

1997 (iffirmata fl-1998)

9.

Cassano Spinola - Novi - il-fabbrika industrijali (ILVA)

15.9.93 - 31.12.93 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda f'Settembru 1997

10.

Avolasca – Tortona

1.3.83 - 31.12.83 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda fl-1995

11.

Moretti - Acqui Terme

15.9.93 - 31.12.93 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda fl-1996

12.

Novi Ligure – Tortona

1998 (tissemma' l-konċessjoni preċedenti mill-1994)

13.

Sarizzola-Tortona

15.9.93 - 31.12.93 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda fl-1995

14.

Fontanile-Alessandria

15.9.93 - 31.12.93 - iffirmata fl-1996

15.

Isola s. Antonio – Tortona

8.11.93 - 31.12.93 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda fl-1996

16.

Mombaruzzo-Quattordio

1993 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda f'Novembru 1996

17.

Altavilla-Alessandria

18.10.93 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda f'Ġunju 1996

18.

Arquata – Tortona

29.9.97 - 31.12.98 - iffirmata fl-1999

19.

Garbagna – Tortona

1997 - iffirmata f'Ottubru 1998

20.

Bassignana - Alessandria

18.10.93 - 31.12.93 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda fl-1997

21.

Caldirola - Alessandria

1.4.96 - 31.12.96 - iffirmata f'Novembru 1996

22.

Masio - Alessandria

18.10.93 - 31.12.93 - l-aħħar modifiki li ntlaħaq qbil dwarhom f'Ottubru 1997 minn April 1997

23.

Quattordio - Alessandria

Talba 1993 - evidenza tat-tiġdid fl-1994, l-1995, l-1996 u l-1997

24.

S.Agata Fossili - Tortona

1.4.92 - 31.12.92 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda fl-1995

25.

Torre Garofoli - Tortona

1973 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda fl-1993

26.

Castelnuovo S.- Spinetta M.

1981 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda fl-1997

27.

Acqui - Alessandria

1994 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda fl-1999

28.

Alessandria - Acqui Terme

1994 - evidenza ta' modifiki, l-aħħar waħda fl-1996

(21)

Il-konċessjonijiet kollha huma konċessjonijiet annwali, li t-tiġdid tagħhom kien soġġett għall-introduzzjoni ta' talba għat-tiġdid ta' tal-anqas xahar qabel l-iskadenza tal-konċessjoni u l-pagament ta' tariffa tal-konċessjoni. Dawn kollha jistipulaw li s-servizzi twettqu kompletament u b'riskju għall-impriża. Diversi konċessjonijiet jirreferu għall-iskedi reġjonali li jistabbilixxu t-tariffi. Ħames konċessjonijiet jindikaw li l-provvista tas-servizz ma tikkostitwixxix dritt għall-ebda tip ta' sussidju jew kumpens. It-23 konċessjoni li baqa' jindikaw li l-aċċess għall-kontribuzzjonijiet pubbliċi huwa subordinat għall-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-konċessjonijiet u li l-kalkoli rilevanti għandhom isiru abbażi tad-Deċiżjoni Qafas tal-1984 (10).

2.5.   Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura

(22)

Kif ġie spjegat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kellha diversi dubji dwar il-kompatibilità tal-miżura mas-suq intern.

(23)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni staqsiet jekk l-erba' kundizzjonijiet stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-“QtĠ”) fil-ġurisprudenza ta' Altmark tagħha ġewx issodisfati.

(24)

It-tieni nett, il-Kummissjoni ddubitat jekk il-miżura inkwistjoni kinitx eżentata mill-obbligu ta' notifika skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69. B'mod partikolari, il-Kummissjoni esprimiet dubji l-ewwel dwar jekk kienx hemm xi PSO li ġiet imposta unilateralment fuq l-Arfea mir-Reġjun, u t-tieni jekk il-kumpens inkwistjoni kienx konformi mar-rekwiżiti kollha tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69. Jekk l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkun tidher li ġiet issodisfata, il-kompatibilità tal-miżura nnotifikata tkun teħtieġ li tiġi vvalutata skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

(25)

It-tielet nett, il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-kompatibilità tal-miżura inkwistjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Il-Kummissjoni staqsiet jekk l-Arfea ġietx fdata b'obbligi tas-servizz pubbliku (PSO) fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 permezz ta' kuntratt tas-servizz pubbliku jew regoli ġenerali. Sabiex il-ftehimiet ta' konċessjoni jitqiesu bħala kuntratti tas-servizz pubbliku, il-Kummissjoni ddubitat li dawn il-ftehimiet kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, li jistabbilixxi l-kontenut obbligatorju tal-kuntratti tas-servizz pubbliku. Il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar jekk il-kalkolu tal-kumpens mogħti lill-Arfea kienx jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 sabiex jiġi evitat il-kumpens żejjed.

(26)

Ir-raba' nett, il-Kummissjoni kellha dubji rigward in-natura preċiża tal-miżura inkwistjoni. B'mod partikolari, il-Kummissjoni staqsiet jekk, minflok bħala għotja għall-kumpens tas-servizz pubbliku, il-miżura inkwistjoni setgħatx titqies bħala kumpens għad-danni għal att inġust, li ma jikkostitwixxix vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

3.   KUMMENTI MILL-ITALJA

(27)

Fis-sottomissjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet Taljani qiesu li l-miżura notifikata kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, b'mod speċifiku minħabba li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-sentenza ta' Altmark tagħha. L-awtoritajiet Taljani qiesu wkoll li l-kumpens mogħti mir-Reġjun la kien jikkonforma mar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 u lanqas mar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. F'dan ir-rigward, l-Italja essenzjalment issottomettiet l-argumenti li ġejjin.

(28)

L-awtoritajiet Taljani saħqu li matul il-perjodu kkonċernat għas-servizzi tax-xarabanks ma kienet teżisti l-ebda impożizzjoni unilaterali jew kuntrattwali tal-obbligi tas-servizz pubbliku. L-ewwel nett, l-Italja ssostni li l-Arfea kienet topera abbażi tal-konċessjonijiet li kellhom jiġġeddu kull sena fuq it-talba tal-kumpanija. Dawk il-konċessjonijiet (total ta' 28, elenkati fil-premessa 19 hawn fuq) kienu jinkludu obbligu għall-użu ta' sistema ta' tariffi approvata mir-Reġjun għal skeda ddeterminata minn qabel għad-dritt esklużiv li jiġu pprovduti s-servizzi rilevanti, iżda ma identifikaw l-ebda PSO speċifiku fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69. Bl-istess mod, fl-opinjoni tal-awtoritajiet Taljani, dawk il-konċessjonijiet ma kinux jindikaw parametri ta' kumpens stabbiliti minn qabel u li jirreferu għal PSOs speċifiċi. L-għoti ta' kumpens ex post permezz ta' sentenza minn qorti nazzjonali ma jkunx kompatibbli ma' dak ir-rekwiżit.

(29)

It-tieni nett, id-dokumenti tal-konċessjonijiet kollha jispeċifikaw li s-servizz għandu jiġi pprovdut kompletament f'riskju proprju tal-kumpanija u l-ispiża għandha tiġi mġarrba kollha mill-fornitur tas-servizz. Minkejja l-fatt li l-konċessjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Taljani kienu jistipulaw li l-operat tas-servizz kien qed isir kompletament f'riskju proprju għall-kumpanija, l-Arfea ripetutament talbet it-titwil ta' dawk il-konċessjonijiet.

(30)

It-tielet nett, id-dokumenti ta' konċessjoni juru wkoll li, fuq talba tal-kumpanija r-rotot moqdija mix-xarabanks tagħha nbidlu diversi drabi, u għalhekk jista' jiġi eskluż li kienu ġew imposti xi obbligi tas-servizzi pubbliku, anke b'mod impliċitu, mill-awtorità kontraenti reġjonali jew provinċjali.

(31)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani spjegaw kif għad-dritt esklużiv li jipprovdu servizzi tat-trasport, skont il-kundizzjonijiet speċifikati mal-bidliet li saru fuq it-talba tagħha, il-kumpanija rċeviet il-kontribuzzjonijiet tal-operat previsti mil-liġi Taljana bħala remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti, abbażi ta' spiża standard ikkalkulata abbażi tad-Deċiżjoni Qafas tal-1984. L-ispiża standard tas-servizz ġiet ikkalkulata skont il-leġiżlazzjoni li dak iż-żmien kienet fis-seħħ (il-Liġi Nru 151/81 u l-Liġi Reġjonali Nru 16/82), li pprovdiet għal kontribuzzjoni għall-ispejjeż għall-provvista ta' servizzi tat-trasport pubbliku lokali abbażi tan-nefqa eliġibbli standard. Dan kien maħsub li jkopri d-defiċit operatorju kollu tal-kumpanija. Skont il-leġiżlazzjoni Taljana tali kontribuzzjonijiet operatorji kienu maħsuba biex jippermettu lill-fornitur tas-servizz jikseb bilanċ ekonomiku, filwaqt li defiċits ulterjuri kellhom jiġu attribwiti lil maniġment ineffiċjenti mill-fornitur. Skont dan, ġie pprovdut b'mod ċar li tali defiċits kellhom jiġu mġarrba mill-kumpanija, minħabba li kienet naqset milli tadotta l-miżuri kollha meħtieġa biex tnaqqas l-ispejjeż u żżid id-dħul.

(32)

L-awtoritajiet Taljani jsostnu wkoll li l-kalkolu tal-kumpens addizzjonali li sar ex post mill-espert b'mandat mill-Qorti sar bi ksur ċar tar-rekwiżiti tal-proċedura tal-kumpens komuni stipulata fl-Artikoli 10 et seq. tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69. Skont l-awtoritajiet Taljani, l-espert ikkonsultat mill-Qorti sempliċiment analizza l-ispejjeż u d-dħul ippreżentati mill-konsulent tal-kumpanija, li ġew determinati ex post u fl-assenza tas-separazzjoni xierqa tal-kontijiet. U mbagħad, huwa kkonkluda li, minbarra xi ftit punti fejn instabu diskrepanzi, ir-riżultat miksub essenzjalment kien wieħed korrett.

(33)

L-aworitajiet Taljani qiesu wkoll li l-kumpens ma jissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. B'mod partikolari, il-kalkolu tal-ammont ta' kumpens ma jissodisfax il-metodu stabbilit fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għall-kalkolu tal-effett finanzjarju nett tal-konformità mal-PSOs.

(34)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Taljani jsostnu li s-sentenzi tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali ordnaw il-ħlas tal-kumpens finanzjarju lill-Arfea għall-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz fl-1997 u l-1998, iżda ma tawx kumpens għad-danni li rriżultaw mill-fatt li dawk il-kontribuzzjonijiet ma tħallsux. L-awtoritajiet Taljani spjegaw li fis-6 ta' Ġunju 2014 l-Arfea ssottomettiet applikazzjoni għall-kumpens għad-danni barra mill-kumpens li kienet diġà ngħatat mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali. Skont l-awtoritajiet Taljani, dan juri li l-kumpens mogħti lill-Arfea mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali, u li huwa l-għan ta' din id-deċiżjoni, ma kienx jikkostitwixxi kumpens għad-danni.

4.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(35)

L-unika parti interessata li ssottomettiet osservazzjonijiet bi tweġiba għad-deċiżjoni ta' ftuħ kienet l-Arfea, il-benefiċjarju tal-miżura. Fis-sottomissjonijiet tagħha, l-Arfea ma qablitx mal-pożizzjonijiet preliminari li l-Kummissjoni ħadet fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

(36)

L-Arfea ssostni l-ewwel li l-kompatibilità u l-legalità tal-miżura inkwistjoni għandhom jiġu vvalutati mill-Kummissjoni biss skont ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 u mhux skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Skont l-Arfea, ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 ma jistax japplika għal sitwazzjonijiet li oriġinaw qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, jiġifieri t-3 ta' Diċembru 2009, hekk kif kien jiġi kkonfermat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal-20 ta' Marzu 2013 fil-Kawża Andersen T-92/11. L-Arfea madanakollu ssostni li fi kwalunkwe każ il-kumpens mogħti lilha jikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

(37)

It-tieni nett, l-Arfea ssostni li kienet fdata bl-obbligi tas-servizz pubbliku fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69. Skont l-Arfea, is-servizzi tat-trasport pubbliku lokali huma servizzi pubbliċi. Fl-Italja, dawn is-servizzi jiġu assenjati b'tali mod li l-konċessjonijiet amministrattivi u l-obbligi tas-servizzi pubbliċi mehmuża mal-provvista ta' dawn is-servizzi jiġu stipulati fil-ftehimiet ta' konċessjoni kif ukoll fil-ftehimiet u r-regolamenti mehmuża ma' dawn il-ftehimiet ta' konċessjoni. Fil-każ tal-Arfea, dawn l-obbligi tas-servizz pubbliku jikkonċernaw il-programmi operatorji, ir-rotot tax-xarabanks, il-waqfiet u t-tariffi. Fir-rigward tal-fatt li l-konċessjonijiet kienu jispeċifikaw li s-servizz kellu jiġi operat b'riskju proprju għall-kumpaniji, l-Arfea ssostni li dan huwa relatat mar-riskji ta' sigurtà għall-passiġġieri u l-partijiet terzi, mhux ma' riskju tan-negozju ġenerali.

(38)

It-tielet nett, l-Arfea tistqarr li l-fatt li hi naqset milli titlob it-terminazzjoni ta' dawn il-PSOs, kif mitlub mill-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, dan ma jċaħħadhiex mid-dritt għall-kumpens skont ir-Regolament. Skont l-Arfea, il-proċedura imposta mill-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 ma kinitx tapplika għall-PSOs li kienu imposti fuq impriża wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, skont l-Arfea, tkun appoġġjata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Marzu 2014 fil-Kawża CTP C-518/12.

(39)

Ir-raba' nett, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont ta' kumpens mogħti lilha mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali tar-Reġjun ta' Pjemonte, l-Arfea ssostni li r-rapport tal-espert b'mandat mill-qorti ma jistax jiġi ddubitat mill-Kummissjoni peress li din hija attività teknika preliminari li taqa' esklussivament taħt ir-responsabbiltà tal-qrati nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, skont l-Arfea, il-parametri għall-kalkolu tal-kumpens kienu jkunu ġew stabbiliti minn qabel fid-deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali tas-16 ta' Frar 1984 u ma kinitx tiġi kkumpensata żżejjed. Il-kumpens inkwistjoni għalhekk ikun jikkonforma mar-rekwiżiti stipulati f'dak ir-rigward mir-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

(40)

Il-ħames nett, skont l-Arfea l-argumenti mqassra fil-premessi 37 sa 39 hawn fuq japplikaw ukoll għall-valutazzjoni tal-kompatibilità tal-kumpens inkwistjoni mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Madanakollu, fir-rigward tal-konformità ta' dan il-kumpens mar-rekwiżiti formali imposti minn dan ir-Regolament iċċitati mill-Kummissjoni fil-premessa 64 u wara d-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, l-Arfea sostniet li dawn ma għandhomx japplikaw fil-każ inkwistjoni. Skont l-Arfea, ikun legalment u loġikament impossibbli li tintwera l-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti, peress li s-sitwazzjoni inkwistjoni seħħet ħafna snin qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007.

(41)

Fl-aħħar nett, l-Arfea ssostni li l-kumpens mogħti lilha mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali tar-Reġjun ta' Pjemonte jissodisfa l-erba' kundizzjonijiet ta' Altmark. L-ewwel nett, l-Arfea kienet tiġi fdata b'obbligi tas-servizz pubbliku definiti sew, skont l-ewwel kundizzjoni ta' Altmark. It-tieni nett, il-parametri għall-kumpens ikunu ġew stabbiliti minn qabel b'mod trasparenti u oġġettiv fid-deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali tas-16 ta' Frar 1984, skont it-tieni kundizzjoni ta' Altmark. It-tielet nett, ir-rapport tal-espert ikun stabbilixxa li l-kumpens ma kienx jaqbeż l-ispiża tal-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku, inkluż profitt raġonevoli, skont it-tielet kundizzjoni ta' Altmark. Fl-aħħar nett, l-Arfea kienet tikkwalifika bħala impriża tipika u mmexxija tajjeb fis-sens tar-raba' kriterju ta' Altmark, kif jixhed il-fatt li l-ispiża medja/km kienet taħt l-ispejjeż reġjonali standard.

5.   KUMMENTI DWAR IL-KUMMENTI TAL-PARTI TERZA

(42)

Fil-kummenti tagħhom dwar il-kummenti tal-Arfea, l-awtoritajiet Taljani jaffermaw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom espressa fil-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ mingħajr kummenti addizzjonali.

6.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

6.1.   Eżistenza tal-għajnuna

(43)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, “kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi ta' l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(44)

Skont dan, biex miżura ta' appoġġ titqies bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, trid tissodisfa b'mod kumulattiv il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

trid tingħata mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat;

trid tagħti vantaġġ selettiv, billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti beni;

trid tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni; u

trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.1.   Kawżalità u riżorsi tal-Istat

(45)

Il-Kummissjoni tinnota li s-sentenzi tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali jeħtieġu li r-Reġjun iħallas kumpens addizzjonali lill-Arfea fir-rigward tal-provvista tas-servizzi tax-xarabank skedati fl-1997 u l-1998 rigward ir-rotot reġjonali. L-espert ivverifika li l-Arfea ġarrbet żvantaġġ ekonomiku fil-forma ta' nuqqas ta' kumpens fl-ammont ta' EUR 1 196 780 għall-1997 u EUR 102 814 għall-1998, bħala riżultat tal-PSOs allegatament imposti fuqha. Fis-7 ta' Frar 2014, ir-Reġjun effettivament ħallas din is-somma lill-Arfea sabiex jikkonforma ma' dawn is-sentenzi.

(46)

Il-fatt li r-Reġjun huwa obbligat minn qorti nazzjonali li jħallas kumpens lil impriża ma jagħmilx lir-Reġjun li jikkonforma ma' dik is-sentenza mhux imputabbli, peress li l-qrati domestiċi ta' dak l-Istat għandhom jitqiesu bħala entitajiet ta' dak l-Istat u b'hekk huma marbuta bl-obbligu tagħhom ta' kooperazzjoni ġenwina (11).

(47)

Il-miżura hija għalhekk imputabbli għall-Istat u r-riżorsi li minnhom tħallas dak il-kumpens huma riżorsi tal-Istat.

6.1.2.   Vantaġġ ekonomiku selettiv

(48)

Qabel kollox, il-Kummissjoni tinnota li l-Arfea hija impenjata f'attività ekonomika, jiġifieri t-trasport tal-passiġġieri għal remunerazzjoni. Għalhekk, l-Arfea għandha titqies bħala “impriża” fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(49)

L-għotja tal-miżura għandha wkoll titqies selettiva, minħabba li tibbenefika biss lill-Arfea.

(50)

Fir-rigward tal-għoti ta' vantaġġ ekonomiku, mis-sentenza ta' Altmark jirriżulta li l-kumpens mogħti mill-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat lill-impriżi b'kunsiderazzjoni tal-PSOs imposti fuqhom ma jagħtix tali vantaġġ lill-impriżi kkonċernati, u b'hekk ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, dejjem jekk jiġu ssodisfati erba' kundizzjonijiet kumulattivi:

L-ewwel nett, l-impriża riċevitur fil-fatt tkun meħtieġa teżegwixxi l-PSOs u dawk l-obbligi ġew definiti b'mod ċar;

It-tieni nett, il-parametri li abbażi tagħhom il-kumpens jiġi kkalkulat ġew stabbiliti qabel b'mod oġġettiv u trasparenti;

It-tielet nett, il-kumpens ma jaqbiżx dak li hu neċessarju biex l-ispejjeż imġarrba jiġu koperti kollha jew tiġi koperta parti minnhom fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku, filwaqt li jitqiesu l-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta' dawk l-obbligi;

Ir-raba' nett, meta l-impriża li għandha teżegwixxi l-obbligi tas-servizz pubbliku ma tintgħażilx fi proċedura ta' akkwist pubbliku, il-livell meħtieġ ta' kumpens ikun ġie ddeterminat abbażi ta' analiżi tal-ispejjeż li impriża tipika, immexxija tajjeb u fornuta b'mod adegwat b'mezzi tat-trasport sabiex tkun tista' tissodisfa r-rekwiżiti tas-servizz pubbliku neċessarji, kienet iġġarrab fl-eżekuzzjoni ta' dawk l-obbligi, filwaqt li jitqiesu l-irċevuti rilevanti u profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni tal-obbligi.

(51)

Is-sentenza ta' Altmark teħtieġ li l-erba' kundizzjonijiet kollha jiġu ssodisfati b'mod kumulattiv biex tiġi eskluża l-preżenza ta' vantaġġ ekonomiku fejn il-kumpens jingħata lil impriżi b'kunsiderazzjoni għall-obbligi tas-servizz pubbliku imposti fuqhom.

(a)   L-ewwel kundizzjoni ta' Altmark

(52)

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni ta' Altmark, il-Kummissjoni tinnota qabel kollox li l-Istati Membri huma responsabbli biex juru li impriża partikolari ġiet fdata b'obbligi tas-servizz pubbliku u li l-impożizzjoni ta' tali obbligi tas-servizz pubbliku huma ġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet ta' interess ġenerali (12). Madanakollu, l-awtoritajiet Taljani ma spjegawx liema obbligi tas-servizz pubbliku ġustifikati minn kunsiderazzjonijiet ta' interess ġenerali ġew imposti fuq l-Arfea. B'kuntrast ma' dan, huma sostnew li l-Arfea ma kienet ġiet fdata bl-ebda obbligu tas-servizz pubbliku.

(53)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tinnota li l-idea ta' obbligu tas-servizz pubbliku hija relatata mal-kundizzjonijiet imposti fuq operatur, li dak l-operatur, li kieku kien iqis l-interess kummerċjali tiegħu, ma kienx jassumi jew ma kienx jassumi sal-istess punt mingħajr għotja. Barra minn hekk, dawn il-kundizzjonijiet iridu jiġu definiti b'mod ċar mill-awtorità f'att ta' fiduċja. F'dak ir-rigward, l-Arfea ma kinitx kapaċi tispjega b'mod preċiż liema obbligi tas-servizz pubbliku ġew imposti fuqha u lanqas turi li dawn il-PSOs ġew definiti b'mod ċar f'att ta' fiduċja. Barra minn hekk, għar-raġunijiet spjegati fil-premessi 77 sa 82 hawn taħt, il-Kummissjoni tqis li hemm indikazzjonijiet serji li l-ebda obbligu tas-servizz pubbliku definit b'mod ċar ma ġie impost fuq l-Arfea.

(b)   It-Tieni kundizzjoni ta' Altmark

(54)

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni ta' Altmark, il-Kummissjoni tosserva li, il-parametri għall-kalkolu tal-kumpens mogħti lill-Arfea mis-sentenzi tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali ma ġewx stabbiliti minn qabel. Huma ġew iddeterminati biss abbażi ta' kalkolu ex post li sar mill-espert abbażi tas-suppożizzjonijiet varji li ma ġewx spjegati b'mod xieraq u fl-assenza tas-separazzjoni tal-kontijiet.

(55)

B'kuntrast ma' dak li ssostni l-Arfea, ma għandux jitqies li l-parametri għall-kalkolu ta' dan il-kumpens ġew stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali fis-16 ta' Frar 1984. Fil-fatt, il-kumpens mogħti lill-Arfea mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali huwa kumpens addizzjonali, li l-għan tiegħu huwa preċiżament li jkopri l-piż finanzjarju tal-PSOs allegatament imposti fuq l-Arfea, li ma kinux jiġu koperti kompletament mill-kumpens li diġà ngħata lilha fl-applikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill Reġjonali tas-16 ta' Frar 1984.

(56)

Tali approċċ jikkontradixxi t-tieni kundizzjoni ta' Altmark u kwalunkwe kumpens mogħti abbażi ta' dan jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-Qorti fil-fatt għamlitha ċara fis-sentenza tagħha ta' Almark li “l-kumpens minn Stat Membru ta' telf sostnut minn impriża mingħajr mal-parametri għal tali kumpens ma jkunu ġew stabbiliti minn qabel, meta jirriżulta a posteriori li l-operazzjoni ta' ċerti servizzi fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta' obbligi ta' servizz pubbliku ma kinitx ekonomikament vijabbli, jikkostitwixxi intervent finanzjarju li jaqa' taħt il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE” (13).

(57)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżura nnotifikata ma tissodisfax it-tieni kundizzjoni ta' Altmark.

(c)   It-tielet kundizzjoni ta' Altmark

(58)

Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni ta' Altmark, il-Kummissjoni qabel kollox tqis li, meta impriża twettaq iż-żewġ attivitajiet li huma soġġetti għall-PSOs u l-attivitajiet li mhumiex soġġetti għall-PSOs, mhuwiex possibbli li tiddetermina b'mod preċiż x'inhuma l-ispejjeż imġarrba fl-eżekuzzjoni tal-PSOs fl-assenza ta' separazzjoni xierqa tal-kont bejn l-attivitajiet differenti tal-fornitur.

(59)

F'din l-istanza, l-awtoritajiet Taljani sostnew li l-Arfea ma implimentatx separazzjoni xierqa ta' kont bejn l-attivitajiet tagħha allegatament soġġetti għall-PSOs imposti mir-Reġjun ta' Pjemonte u l-attivitajiet l-oħra tagħha. Il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji dwar jekk l-Arfea kinitx implimentat tali separazzjoni tal-kontijiet u l-Arfea ma pprovdiet ebda kummenti dwar din il-kwistjoni. Barra minn hekk, l-estratti tal-kont tal-Arfea li l-espert b'mandat tal-qorti uża biex jiddetermina l-ammont tal-kumpens ma jurux separazzjoni tal-kont bejn l-attivitajiet differenti tal-Arfea. L-allokazzjoni tal-ispejjeż li saret mill-espert b'mandat mill-Qorti saret ex post, abbażi tal-mudell bażi mħejji mill-konsulenti tal-Arfea, li ddeterminat il-persentaġġi tal-ispejjeż li kellhom jiġu allokati lill-attivitajiet differenti tal-Arfea.

(60)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li l-livelli tal-profitt meqjusa mill-espert għall-kalkolu tal-ammonti tal-kumpens huma ogħla minn dak li jista' jitqies bħala profitt raġonevoli fis-sens tat-tielet kundizzjoni ta' Altmark.

(61)

L-espert qies li rata ta' dħul fuq il-kapital investit ta' 12,89 % għall-1997 u ta' 10,81 % għall-1998 kienet rata ta' profitt raġonevoli, minħabba li dawn ir-rati huma bbażati fuq ir-rendiment tal-bond tal-Istat Taljan ta' għaxar snin (6,8 % għall-1997) flimkien ma' premium ta' riskju medju (4,8 % għall-1997) ikkoreġut 'il fuq biex titqies is-sitwazzjoni finanzjarja proprja tal-Arfea (b'1,28 għall-1997).

(62)

F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-premium tar-riskju ddeterminat mill-espert huwa partikolarment għoli, peress li r-riskju li l-Arfea kienet esposta għalih kien pjuttost limitat. Fil-fatt, l-Arfea operat il-konċessjonijiet abbażi ta' dritt esklużiv, li ddefendiha mill-kompetizzjoni minn operaturi oħra, u l-kumpens iddeterminat mill-espert kien ikkompensa għall-ispiża sħiħa allegatament imġarrba fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku.

(63)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li, filwaqt li l-espert innota li s-settur tat-trasport ibbenefika minn riskju medju taħt is-suq, hi kkoreġiet il-premium tar-riskju 'l fuq sabiex tqis l-esponiment finanzjarju proprju tal-Arfea li kien ogħla mill-medja tas-settur. B'dan il-mod, għalhekk l-espert ma qiesx ir-riskju ta' kumpanija tipika tat-trasport iżda r-riskju proprju tal-Arfea, li kien ogħla mill-medja fis-settur.

(64)

Filwaqt li tqis dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li t-tielet kundizzjoni ta' Altmark ma ġietx issodisfata.

(d)   Konklużjoni

(65)

Minħabba n-natura kumulattiva tal-kundizzjonijiet ta' Altmark u l-fatt li l-miżura inkwistjoni ma tikkonformax mal-ewwel tliet kundizzjonijiet ta' Altmark, ma hemmx bżonn li l-Kummissjoni teżamina jekk ir-raba' kundizzjoni ta' Altmark ġietx issodisfata.

(66)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-kumpens addizzjonali mħallas lill-Arfea għas-servizzi mwettqa matul il-perjodu taħt eżami ma jissodisfax l-erba' kundizzjonijiet kumulattivi ta' Altmark, u għalhekk jagħti lil dik il-kumpanija vantaġġ ekonomiku selettiv għall-għanijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

6.1.3.   Distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(67)

Qabel kollox, il-Kummissjoni tinnota li l-kumpens inkwistjoni ngħata lill-Arfea permezz ta' żewġ sentenzi tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta' Pjemonte tal-10 ta' Ottubru 2013 u tħallas lir-Reġjun ta' Pjemonte fis-7 ta' Frar 2014, jiġifieri ħafna żmien wara li s-suq tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabanks kien infetaħ għall-kompetizzjoni fl-UE.

(68)

F'dak ir-rigward, fis-sentenza ta' Altmark tagħha, il-QtĠ irrimarkat li mill-1995 diversi Stati Membri bdew jiftħu ċerti swieq tat-trasport għall-kompetizzjoni minn impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, biex b'hekk sa dak iż-żmien għadd ta' impriżi diġà kienu qed joffru s-servizzi tat-trasport urbani, suburbani jew reġjonali tagħhom fi Stati Membri barra mill-Istat ta' oriġini tagħhom.

(69)

Għalhekk, kwalunkwe kumpens mogħti lill-Arfea għandu jitqies bħala suxxettibbli li jfixkel il-kompetizzjoni għall-provvista tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank u suxxettibbli li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, sal-punt li jaffettwa b'mod negattiv il-kapaċità tal-impriżi tat-trasport stabbiliti fi Stati Membri oħra li joffru s-servizzi tagħhom fl-Italja u jsaħħaħ il-pożizzjoni tas-suq tal-Arfea billi jtaffilha l-ispejjeż li inkella kien ikollha ġġarrab matul l-operazzjonijiet tan-negozju tagħha minn jum għal jum.

(70)

Barra minn dan, il-Kummissjoni tinnota li l-Arfea hija attiva fi swieq oħra, bħas-servizzi tat-trasport privat, u b'hekk tikkompeti ma' kumpaniji oħra fl-Unjoni rigward dawk is-swieq. Kull kumpens mogħti lill-Arfea hemm ċans li jfixkel il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri f'dawk is-swieq ukoll.

(71)

Skont dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.4.   Konklużjoni

(72)

Fid-dawl ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri jikkostitwixxu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

6.2.   Eżenzjoni mill-obbligu tan-notifika skont ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69

(73)

Għar-raġunament tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali li ssostni li l-Arfea kienet intitolata għal kumpens tal-PSO addizzjonali skont ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69, l-Arfea kien ikollha tikseb id-dritt għal kumpens addizzjonali fil-mument li fih wettqet dawk is-servizzi u dawk il-pagamenti ta' kumpens riedu jkunu eżentati mill-proċedura ta' notifika obbligatorja skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69. Inkella, sa fejn il-kumpens jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, in-nuqqas li tinnotifika dak il-kumpens kien jagħmel dak il-kumpens illegali skont l-Artikolu 108 tat-TFUE. Dan minħabba li skont l-Artikolu 17(2) ta' dak ir-regolament, il-kumpens imħallas skont dan ir-regolament huwa eżentat mill-proċedura ta' informazzjoni preliminari stipulata fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE u b'hekk min-notifika.

(74)

F'dak ir-rigward, mis-sentenza Combus jirriżulta li l-kunċett ta' “kumpens tas-servizz pubbliku” fis-sens ta' dik id-dispożizzjoni jrid jiġi interpretat f'sens dejjaq ħafna (14). L-eżenzjoni min-notifika prevista mill-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 tkopri biss il-kumpens għall-PSOs imposti b'mod unilaterali fuq impriża skont l-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament li huma kkalkulati bl-użu tal-metodu deskritt fl-Artikoli 10 sa 13 ta' dak ir-Regolament (il-proċedura ta' kumpens komuni). Madanakollu din ma tapplikax għall-kuntratti tas-servizz pubbliku kif definiti fl-Artikolu 14. Il-kumpens imħallas skont kuntratt tas-servizz pubbliku kif definit mill-Artikolu 14 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, li jinvolvi għajnuna mill-Istat, irid jiġi notifikat lill-Kummissjoni qabel jiġi fis-seħħ. Jekk dan ma jsirx, dan iwassal biex dak il-kumpens jitqies bħala għajnuna implimentata b'mod illegali skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(75)

Il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 fil-fatt eżentax lill-awtoritajiet Taljani minn notifika minn qabel fil-każ attwali għalhekk l-ewwel tiddependi fuq jekk PSO fil-fatt kinitx ġiet imposta b'mod unilaterali fuq l-Arfea mir-Reġjun, u t-tieni dwar jekk il-kumpens imħallas skont dak l-obbligu jikkonformax mar-Regolament (KEE) Nru 1191/69. Il-Kummissjoni se teżamina ż-żewġ kwistjonijiet waħda wara l-oħra.

(i)   PSO impost b'mod unilaterali

(76)

Skont l-Arfea, ir-Reġjun ta' Pjemonte impona fuqha obbligi tas-servizz pubbliku li kienu ġew iddefiniti fil-ftehimiet ta' konċessjoni għall-provvista tas-servizzi tat-trasport bix-xarabank kif ukoll fil-ftehimiet u r-regolamenti mehmuża ma' dawn il-ftehimiet ta' konċessjoni. Dawn l-obbligi tas-servizz pubbliku jikkonċernaw il-programmi operatorji, ir-rotot tax-xarabank, il-waqfiet tax-xarabank u t-tariffi.

(77)

Qabel kollox, il-Kummissjoni tinnota li l-ftehimiet tal-konċessjonijiet pprevedew b'mod ċar li kienu validi għal sena biss u kienu rinnovabbli fuq talba tal-fornitur tat-trasport, soġġetti għall-pagament ta' tariffa ta' konċessjoni. Minn dan jirriżulta li dawn il-konċessjonijiet kienu jiffurmaw il-bażi ta' relazzjoni kuntrattwali bejn l-Arfea u r-Reġjun ta' Pjemonte, li fih l-Arfea daħlet b'mod volontarju.

(78)

Għalhekk ma jistax jitqies li l-obbligi tas-servizz pubbliku fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 ġew imposti b'mod unilaterali fuq l-Arfea abbażi ta' dawn il-ftehimiet. Kif imfakkar mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tat-3 ta' Marzu 2016 fil-Kawża Simet T-15/14, adeżjoni volontarja għal relazzjoni kuntrattwali hija differenti minn impożizzjoni unilaterali tal-PSOs u ma twassalx għal obbligu ta' kumpens skont ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 (15).

(79)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tinnota li l-Arfea ma identifikatx b'mod ċar il-ftehimiet u r-regolamenti mehmuża mal-ftehimiet ta' konċessjoni, li kienu jimponu fuqha l-obbligi tas-servizz pubbliku. Il-Kummissjoni madanakollu tifhem li l-Arfea tirreferi għall-ftehimiet dwar ir-rotot u l-iskedi tal-ħin tax-xarabanks li ġew mehmuża mal-ftehimiet ta' konċessjoni u l-iskedi tal-ħin li jistabbilixxu t-tariffi reġjonali, li għalihom kienu jirreferu wħud mill-ftehimiet ta' konċessjoni.

(80)

Fir-rigward ta' dawn il-ftehimiet dwar ir-rotot u l-iskedi tal-ħin tax-xarabanks, il-Kummissjoni tinnota li dawn ma jistgħux jitqiesu bħala li jimponu PSOs b'mod unilaterali fuq l-Arfea. Fil-fatt, bħala l-ftehimiet ta' konċessjonijiet infushom, dawn ġew konklużi b'mod volontarju mill-Arfea. Barra minn hekk, il-kontenut ta' dawn il-ftehimiet, eż. ir-rotot tax-xarabanks, ġie mmodifikat fuq talba tal-Arfea għal diversi konċessjonijiet. Għalhekk ma jistgħux jitqiesu li imponew obbligi tas-servizz pubbliku b'mod unilaterali fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

(81)

Fir-rigward tat-tabelli li jistabbilixxu t-tariffi reġjonali, li jistabbilixxu t-tariffi massimi għall-passiġġieri kollha, il-Kummissjoni tinnota li, fis-sentenza tagħha tat-3 ta' Marzu 2016 fil-każ Simet T-15/14, il-Qorti Ġenerali spjegat b'mod ċar li tali regoli ġenerali dwar it-tariffi ma jimponux PSOs fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69. Fil-fatt, skont il-Qorti, l-idea ta' obbligi tat-tariffi fis-sens ta' dik id-dispożizzjoni hija limitata għat-tariffi massimi imposti għal passiġġieri jew prodotti ta' kategorija partikolari u ma tkoprix miżuri ġenerali tal-politika tal-prezzijiet (16).

(82)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li, fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-Arfea talbet it-tiġdid tal-konċessjonijiet u anke ħallset tariffa ta' konċessjoni minħabba li bilkemm hi rikonċiljabbli mal-impożizzjoni ta' kwalunkwe obbligu tas-servizz pubbliku fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69. Fil-fatt, skont dik id-diżpożizzjoni obbligu tas-servizz pubbliku “tfisser obbligi li l-impriża tat-trasport partikolari, jekk ikollha tqis l-interessi kummerċjali tagħha biss, ma tinkarigax ruħha minnhom jew ma tinkarigax ruħha bl-istess mod jew taħt l-istess kondizzjonijiet”. Kif il-Qorti Ġenerali osservat fis-sentenza tagħha tat-3 ta' Marzu 2016 fil-Kawża Simet T-15/14, huwa diffiċli li tammetti li impriża li titlob it-tiġdid għal konċessjoni, filwaqt li tqis l-obbligi marbuta magħha, waqt li l-eżekuzzjoni ta' dik il-konċessjoni ma tkunx fl-interess kummerċjali tagħha.

(ii)   Konformità tal-kumpens mal-proċedura tal-kumpens komuni

(83)

Anke jekk ikun intwera li l-PSOs ġew imposti b'mod unilaterali fuq l-Arfea f'dan il-każ, quod non, il-kumpens għal dawk is-servizzi xorta waħda jkollu jikkonforma mal-proċedura ta' kumpens komuni (it-Taqsima IV) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 li għandha tiġi eżentata minn notifika preċedenti skont l-Artikolu 17(2) ta' dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni ma tqisx li dan huwa l-każ.

(84)

F'dak ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar qabel kollox li mill-Artikolu 10 u 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 jirriżulta li kumpens ma jistax ikun iżjed mill-piż finanzjarju mġarrab mill-impriża bħala riżultat tal-impożizzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku. Barra minn hekk, il-paragrafu 5 tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, fil-verżjoni applikabbli tiegħu mill-1 ta' Lulju 1992, kien jipprovdi li: “Meta kull intrapriża tat-trasport mhux biss topera servizzi bla ħsara għal obbligazzjonijiet dwar servizz pubbliku iżda wkoll tagħmel attivitajiet oħra, is-servizzi pubbliċi għandhom ikunu mħaddma bħala diviżjonijiet separati li ta' l-inqas jilħqu l-kondizzjonijiet segwenti:

(a)

il-kontijiet operattivi li jikkorrispondu għal kull wieħed minn dawn l-attivitajiet għandhom ikunu separati u l-proporzjoni ta' l-assi li jappartienu għal kull wieħed għandhom jintużaw b'mod konformi mar-regoli tal-kontijiet li jkunu fis-seħħ;

[…]”

(85)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 jitlob li l-amministrazzjoni tiffissa l-ammont tal-kumpens minn qabel.

(86)

Fl-istanza preżenti, il-Kummissjoni tqis li l-kumpens mogħti lill-Arfea ma jikkonformax ma' dawn ir-rekwiżiti.

(87)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li, kif indikat fil-premessa (59) hawn fuq, ma ntweriex li l-Arfea implimentat separazzjoni xierqa tal-kontijiet bejn l-attivitajiet tagħha allegatament soġġetti għall-PSOs u l-attivitajiet l-oħra tagħha, kif mitlub mill-Artikolu 1 il-paragrafu 5(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69. B'kuntrast ma' dan, l-estratti tal-kontijiet tal-Arfea għas-snin 1997 u 1998, li l-espert mandat mill-qorti uża biex jiddetermina l-ammont tal-kumpens, pjuttost juru li l-ispejjeż ma ġewx separati għal kull attività.

(88)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tinnota li, b'kuntrarju għall-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, il-kumpens mogħti lill-Arfea ma ġiex iffissat minn qabel iżda ġie ddeterminat abbażi ta' valutazzjoni ex post, kif preskritt mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali.

(89)

Fid-dawl ta' dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li dak il-kumpens addizzjonali mogħti lill-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta' Pjemonte lill-Arfea ma kienx eżentat min-notifika minn qabel obbligatorja abbażi tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

6.3.   Kompatibilità tal-għajnuna

(90)

Minħabba li ma ntweriex li l-miżura taħt eżami kienet eżentata minn notifika minn qabel skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, il-kompatibilità ta' dawk il-pagamenti mas-suq intern se jkun jeħtieġ li tiġi eżaminata, peress li huma meqjusa li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, kif spjegat fit-Taqsima 6.1.

(91)

F'dak ir-rigward, l-Artikolu 93 tat-Trattat fih regoli għall-kompatibilità tal-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-koordinazzjoni tat-trasport u tal-PSOs fil-qasam tat-trasport u jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 107(3), kif ukoll l-Artikolu 106(2), peress li fih regoli speċjali għall-kompatibilità tal-għajnuna mill-Istat. Il-QtĠ iddeċidiet li din id-dispożizzjoni “tirrikonoxxi li l-għajnuna għat-trasport hija kompatibbli mas-suq intern f'każijiet definiti sew biss li ma jfixklux l-interessi ġenerali tal-[Unjoni]” (17).

(92)

Fit-3 ta' Diċembru 2009, ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 daħal fis-seħħ u rrevoka r-Regolament (KEE) Nru 1191/69 u r-Regolament (KEE) Nru 1107/70 tal-Kunsill (18). Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 japplika għall-kumpens tal-PSOs rigward is-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq.

(93)

Il-Kummissjoni tqis li l-eżami tal-kompatibilità tal-miżura mhux notifikata għandu jitwettaq skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, peress li dan huwa l-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-mument li fih din id-Deċiżjoni tiġi adottata. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li dak il-kumpens addizzjonali mogħti lill-Arfea mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali kien tħallas fis-7 ta' Frar 2014. (19)

(94)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jiddikjara li “[k]umpens għal servizz pubbliku għall-operat ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri jew għall-konformità ma' obbligi ta' tariffa stabbiliti permezz ta' regoli ġenerali mħallsa skont dan ir-Regolament għandu jkun kompatibbli mas-suq komuni. Tali kumpens għandu jkun eżenti mill-ħtieġa ta' notifika minn qabel imniżżla fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat.”

(95)

Għar-raġunijiet stipulati hawn taħt, il-Kummissjoni tqis li l-kumpens mhux notifikat ma jikkonformax mar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, u għalhekk ma jistax jiġi ddikjarat kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 9(1) ta' dak ir-Regolament.

(96)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li l-ftehimiet ta' konċessjonijiet ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament, li jistabbilixxi l-kontenut obbligatorju tar-regoli ġenerali u l-kuntratti tas-servizz pubbliku li jistabbilixxu l-obbligi tas-servizz pubbliku:

l-Artikolu 4(1)(b) jitlob li l-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkulat il-kumpens jiġu stabbiliti minn qabel b'mod oġġettiv u trasparenti b'tali mod li jiġi evitat il-kumpens żejjed. Madanakollu, kif spjegat hawn fuq fil-premessi 54 sa 57 dwar l-ilħuq tat-tieni kundizzjoni ta' Altmark, il-kumpens addizzjonali mogħti lill-Arfea ma ġiex ikkalkulat abbażi tal-parametri stabbiliti minn qabel b'mod oġġettiv u trasparenti.

L-Artikolu 4(1)(c) u l-Artikolu 4(2) jeħtieġu li l-kuntratt tas-servizz pubbliku jipprovdi l-ftehimiet għall-allokazzjoni tal-ispejjeż u d-dħul marbuta mal-provvista tas-servizzi. Madanakollu, il-ftehimiet ta' konċessjoni ma kienx fihom ftehimiet li jikkonċernaw l-allokazzjoni tal-ispejjeż u d-dħul, u kif ġie spjegat fil-premessa 59 hawn fuq, l-Arfea ma applikatx separazzjoni xierqa tal-kontijiet bejn l-attivitajiet differenti tagħha.

(97)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tinnota li l-miżura inkwistjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar il-kalkolu tal-ammont ta' kumpens.

(98)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jipprovdi li, fil-każ ta' kuntratti tas-servizz pubbliku mogħtija direttament, il-kumpens irid jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 u mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness biex jiġi żgurat li l-kumpens ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju għat-twettiq tal-obbligu tas-servizz pubbliku.

(99)

Il-Punt 2 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jipprovdi li l-kumpens ma jaqbiżx l-ammont li jikkorrispondi mal-ammont finanzjarju magħmul mill-fatturi li ġejjin: l-ispejjeż imġarrba b'rabta mal-PSO minbarra d-dħul mill-biljetti, minbarra kwalunkwe effetti finanzjarji pożittivi ġġenerati fin-netwerk operat skont l-obbligu tas-servizz pubbliku, flimkien ma' profitt raġonevoli. Il-Punt 4 ta' dak l-Anness jitlob li l-ispejjeż u d-dħul jiġu kkalkulati skont ir-regoli tal-kontabilità u tat-taxxa fis-seħħ. Il-Punt 5 tal-anness jipprovdi li: “fejn operatur ta' servizz pubbliku mhux biss iħaddem servizzi kkumpensati soġġetti għall-obbligi ta' servizz ta' trasport pubbliku, iżda wkoll jidħol f'attivitajiet oħrajn, il-kontijiet tas-servizzi pubbliċi msemmija għandhom ikunu separati sabiex jiġu ssodisfati mill-anqas il-kondizzjonijiet li ġejjin:

il-kontijiet operattivi li jikkorrispondu għal kull waħda mill-attivitajiet għandhom ikunu separati u l-proporzjon tal-assi li jikkorrispondu u l-ispejjeż fissi għandhom jiġu allokati skond ir-regoli tal-kontabbiltà u tat-taxxa fis-seħħ,

l-ispejjeż kollha varjabbli, kontribut adegwat għall-ispejjeż fissi u qligħ raġonevoli marbut ma' kwalunkwe attività oħra tal-operatur tas-servizz pubbliku, ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jkunu debitati fuq is-servizz pubbliku inkwistjoni,

l-ispejjeż ta' servizz pubbliku għandhom jiġu bbilanċjati mid-dħul operattiv u l-ħlasijiet minn awtoritajiet pubbliċi, mingħajr kwalunkwe possibbiltà ta' trasferiment tad-dħul lil kwalunkwe settur ieħor tal-attività tal-operatur ta' servizz pubbliku.”

(100)

Madanakollu, kif diġà ġie nnutat fil-premessa 59, l-Arfea ma applikatx separazzjoni xierqa tal-kont bejn l-attivitajiet tagħha li huma allegatament soġġetti għall-PSOs u l-attivitajiet l-oħra tagħha, kif mitlub mill-punt 5 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. Konsegwentement, huwa impossibbli li jintwera li jkun xi jkun il-kumpens li fl-aħħar mill-aħħar jingħata dan ma jaqbiżx l-ammont li jikkorrispondi mal-effett finanzjarju nett ekwivalenti għat-total tal-effetti, pożittivi jew negattivi, tal-konformità mal-obbligu tas-servizz pubbliku fuq l-ispejjeż u d-dħul tal-operatur tas-servizz pubbliku (il-Punt 2 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007). Barra minn hekk, fl-assenza ta' parametri ta' kumpens stipulati minn qabel, kwalunkwe kalkolu tal-kumpens irid bilfors jitwettaq ex post abbażi ta' suppożizzjonijiet arbitrarji, kif sar mill-konsulenti tal-Arfea u l-espert b'mandat mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta' Pjemonte. Fl-aħħar nett, kif spjegat fil-premessi 60 sa 63 il-livelli ta' profitt li l-espert qies għall-kalkolu tal-ammonti tal-kumpens huma ogħla minn dak li jista' jitqies bħala profitt raġonevoli.

(101)

It-tielet nett, il-Kummissjoni tinnota li l-Arfea nnifisha rrikonoxxiet li r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 ma ntlaħqux f'dan il-każ, billi ssostni li tali konformità tkun legalment u loġikament impossibbli, minħabba li s-sitwazzjoni inkwistjoni seħħet ħafna snin qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(102)

Skont dan, il-Kummissjoni tqis li l-kumpens addizzjonali ordnat mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali ma tħallasx skont ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 u għalhekk il-kumpens addizzjonali mhuwiex kompatibbli mas-suq intern.

6.4.   Il-kumpens mogħti mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali ma jikkostitwixxix danni

(103)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar il-kwistjoni dwar jekk is-sentenzi tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali kinux jikkonċernaw il-kumpens għad-danni għall-allegat ksur tal-liġi meta mqabbel mal-għoti ta' kumpens tas-servizz pubbliku abbażi tar-Regolamenti tal-Kunsill applikabbli. L-awtoritajiet Taljani biss issottomettew kummenti f'dak ir-rigward, fejn sostnew li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi l-għoti ta' kumpens għall-eżekuzzjoni tal-PSOs, mhux il-kumpens għad-danni.

(104)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li f'ċerti ċirkostanzi, il-kumpens għad-danni minħabba att inġust jew imġiba oħra tal-awtoritajiet nazzjonali (20) ma jikkostitwixxix vantaġġ u għalhekk ma għandux jitqies bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (21). L-għan tal-kumpens għad-danni mġarrba huwa differenti minn dak tal-għajnuna mill-Istat minħabba li għandu l-għan li jreġġa' lura l-parti li ġarrbet id-danni għas-sitwazzjoni li kienet tinsab fiha qabel l-att dannuż, bħallikieku dan tal-aħħar qatt ma seħħ (restitutio in integrum).

(105)

Madanakollu, biex kumpens għad-danni ma jaqax taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, dan irid ikun ibbażat fuq regola ġenerali ta' kumpens (22). Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha f'Lucchini, il-QtĠ ikkunsidrat li qorti nazzjonali kienet impedita milli tapplika l-liġi nazzjonali fejn l-applikazzjoni ta' dik il-liġi kien ikollha l-effett li “ma tapplikax id-dritt Komunitarju f'dan il-każ u tagħmel impossibbli l-irkupru ta' għajnuna mogħtija mill-Istat li kienet magħmula bi ksur tad-dritt Komunitarju” (23). Il-prinċipju li jenfasizza din id-dikjarazzjoni huwa li regola ta' liġi nazzjonali ma tistax tiġi applikata meta tali applikazzjoni tkun ta' tfixkil għall-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Unjoni (24). F'dak ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha tat-3 ta' Marzu 2016 fil-Kawża Simet T-15/14 ikkunsidrat li l-kumpens għad-danni jkun jikkonsisti mill-indennifikazzjoni ta' preġudizzju mġarrab minħabba li l-impożizzjoni tal-obbligi tas-servizz pubbliku ma setgħetx tevita l-kwalifika tal-għajnuna mill-Istat sempliċiment minħabba li kienet tikkonsisti minn kumpens għad-danni, minħabba li dan jippermetti ċ-ċirkomvenzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (25).

(106)

Fir-rigward tal-kumpens addizzjonali mogħti lill-Arfea mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali, qabel kollox, il-Kummissjoni tinnota li s-sentenzi tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali jirreferu għad-dritt tal-Arfea li tirċievi ammonti permezz ta' kumpens skont l-Artikoli 6, 10 u 11 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69, li jrid jiġi ddeterminat mill-amministrazzjoni abbażi ta' dejta affidabbli. Dan jindika li d-dritt tal-Arfea għall-flussi ta' kumpens addizzjonali, skont il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, mhux minn regola ġenerali għall-kumpens għad-danni minħabba att abbużiv jew l-imġiba ta' awtoritajiet nazzjonali oħra, iżda mid-drittijiet li ġejjin mir-Regolament (KEE) Nru 1191/69.

(107)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tinnota li l-Arfea fis-6 ta' Ġunju 2014 issottomettiet applikazzjoni quddiem il-Qrati Taljani fejn talbet il-pagament għad-danni mir-Reġjun ta' Pjemonte barra mill-kumpens li diġà kien ingħatalha mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali. Fl-applikazzjoni tagħha, l-Arfea allegat li ġarrbet danni minħabba r-rikonoxximent tard u l-pagament tal-kumpens dovut lilha għas-snin 1997 u 1998 mir-Reġjun. Dan jindika li l-Arfea nnifisha ma tqisx li l-kumpens li ngħatalha diġà mill-Qorti Amministrattiva Reġjonali jikkostitwixxi kumpens għad-danni.

(108)

It-tielet nett, il-Kummissjoni tqis li fi kwalunkwe każ kumpens għad-danni favur l-Arfea bħala kumpens għall-piż finanzjarju li jirriżulta mill-impożizzjoni unilaterali allegatament illegali tal-PSOs mill-awtoritajiet Taljani jkun qed jikser l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat.

(109)

Dan peress li tali għotja tipproduċi l-istess riżultat preċiż għall-Arfea bħal għotja ta' kumpens tas-servizz pubbliku għall-perjodu taħt eżami, minkejja l-fatt li l-ftehimiet ta' konċessjoni li jirregolaw is-servizzi inkwistjoni la kienu eżenti minn notifika minn qabel u lanqas ma kienu jikkonformaw mar-rekwiżiti sostantivi tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 jew ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007, kif muri hawn fuq.

(110)

Id-disponibbiltà ta' tali għotja b'hekk tippermetti b'mod effettiv iċ-ċirkomvenzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat u l-kundizzjonijiet stipulati mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont liema l-awtoritajiet kompetenti meta jimponu jew jikkuntrattaw għall-PSOs, jikkumpensaw lill-operaturi tas-servizz pubbliku għall-ispejjeż imġarrba għall-eżekuzzjoni tal-PSOs. Fil-fatt, kumpens għad-danni daqs it-total tal-ammonti ta' għajnuna li kienu previsti li jingħataw ikun jikkostitwixxi għotja indiretta ta' għajnuna mill-Istat li jinstab li hija llegali u mhux kompatibbli mas-suq intern (26). Kif ġie mfakkar hawn fuq, il-Qorti Ġenerali għamlitha ċara li f'tali ċirkostanzi, ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat ma jistgħux jiġu evitati sempliċiment minħabba li l-miżura inkwistjoni tikkonsisti minn kumpens għad-danni. (27)

(111)

Skont dan, il-Kummissjoni ma tqisx li s-sentenza tal-Qorti Reġjonali Amministrattiva tikkostitwixxi kumpens għad-danni mġarrba mill-Arfea minħabba l-att abbużiv jew imġiba oħra tal-awtoritajiet nazzjonali, pjuttost milli l-għoti ta' għajnuna illegali u inkompatibbli mill-Istat, li hija pprojbita skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(112)

Fid-dawl ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura mhux notifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat li mhix kompatibbli mas-suq intern.

7.   RKUPRU TAL-GĦAJNUNA

(113)

Skont it-Trattat u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat irid jabolixxi jew jibdel l-għajnuna meta jsib li hija inkompatibbli mas-suq intern (28). Barra minn hekk, il-Qorti b'mod konsistenti kkunsidrat li l-obbligu ta' Stat Membru li jabolixxi l-għajnuna li l-Kummissjoni tqisha inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel (29).

(114)

F'dan il-kuntest, il-Qorti stabbiliet li dan l-objettiv jinkiseb ladarba r-riċevitur iħallas lura l-ammonti mogħtija permezz tal-għajnuna llegali, u b'hekk jitlef il-vantaġġ li kien igawdi fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u s-sitwazzjoni ta' qabel il-pagament tal-għajnuna tiġi rkuprata (30).

(115)

F'konformità mal-ġurisprudenza, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/1589 (31) ddikjara li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]”.

(116)

B'hekk, minħabba li l-miżuri inkwistjoni ġew implimentati bi ksur tal-Artikolu 108 tat-Trattat, u għandhom jitqiesu bħala għajnuna llegali u inkompatibbli, dawn iridu jiġu rkuprati sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel l-għoti tagħhom. L-irkupru għandu jkopri ż-żmien minn meta l-vantaġġ akkumula għall-Arfea, jiġifieri meta l-għajnuna ngħatat għad-disponibbiltà tagħha (jiġifieri fis-7 ta' Frar 2014), sal-irkupru effettiv, u s-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu interessi sal-irkupru effettiv.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 1 299 594 mogħtija llegalment mir-Repubblika Taljana, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, favur l-Arfea hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

(1)   Ir-Repubblika Taljana għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mill-benefiċjarju.

(2)   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-interessi mis-7 ta' Frar 2014 sal-irkupru attwali tagħhom.

(3)   L-interess għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta f'konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (32) u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (33) li jemendaw ir-Regolament (KE) Nru 794/2004.

(4)   Ir-Repubblika Taljana għandha tikkanċella l-pagamenti pendenti kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

(1)   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

(2)   Ir-Repubblika Taljana għandha tiżugra li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data ta' notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

(1)   F'xahrejn wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni, ir-Repubblika Taljana għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

l-ammont totali (il-kapital u l-interessi ta' rkupru) li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u ppjanati biex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna

(2)   Ir-Repubblika Taljana għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 jkun tlesta. Meta l-Kummissjoni titlob informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu diġà u ppjanati li jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni, hija għandha tissottemeti din l-informazzjoni minnufih. Għandha wkoll tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta' għajnuna u interess ta' rkupru diġà rkuprat mill-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 219, 3.7.2015, p. 12.

(2)  Ara n-nota [1] f'qiegħ il-paġna.

(3)  Legge 10 aprile 1981, n. 151 Legge quadro per l'ordinamento, la ristrutturazione ed il potenziamento dei trasporti pubblici locali. Istituzione del Fondo nazionale per il ripiano dei disavanzi di esercizio e per gli investimenti nel settore (GU n. 113 del 24.4.1981), disponibbli fuq: http://www.normattiva.it/uri-res/N2Ls?urn:nir:stato:legge:1981-04-10;151

(4)  Legge regionale 23 luglio 1982, n. 16. Interventi finanziari della Regione nel settore del trasporto pubblico di persone (B.U. 28 luglio 1982, n. 30), disponibbli fuq: http://arianna.consiglioregionale.piemonte.it/base/leggi/l1982016.html.

(5)  Ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta' servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma (ĠU L 156, 28.6.1969, p.1).

(6)  Is-Sentenza Nru 5043 tat-28 ta' Awwissu 2006.

(7)  Il-Kawża C-280/00 Altmark Trans v Regierungsprasidium Magdeburg EU:C:2003:415.

(8)  Ara l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).

(9)  Skont il-punt 2 tal-Anness, “l-effetti għandhom ikunu vvalutati bi tqabbil tas-sitwazzjoni fejn l-obbligu tas-servizz pubbliku jiġi rrispettat mas-sitwazzjoni li tkun eżistiet kieku l-obbligu ma kienx ġie rrispettat. Sabiex jiġi kkalkulat l-effett finanzjarju nett, l-awtorità kompetenti għandha tkun iggwidata mill-iskema segwenti:

spejjeż magħmula b'rabta ma' obbligu ta' servizz pubbliku jew grupp ta' obbligi ta' servizz pubbliku imposti mill-awtorità/awtoritajiet kompetenti, li jinsabu f'kuntratt għal servizz pubbliku u/jew f'regola ġenerali,

bit-tnaqqis ta' kwalunkwe effetti finanzjarji pożittivi ġenerati fin-network imħaddem taħt l-obbligu(i) ta' servizz pubbliku inkwistjoni,

bit-tnaqqis ta' tariffa jew kwalunkwe dħul ieħor ġenerat fir-rispett tal-obbligu(i) tas-servizz pubbliku inkwistjoni,

biż-żieda ta' qligħ raġonevoli,

ugwali għall-effett finanzjarju nett”.

(10)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-1984 stabbiliet il-livelli tal-“ispejjeż standard” għas-servizzi tax-xarabanks u t-trams għall-belt ta' Turin u għal muniċipalitajiet oħra fi Pjemonte, u ddistingwiet aktar fid-dettall bejn linji tal-livell u linji tal-muntanji. L-Artikolu 1 jispeċifika li l-ispejjeż standard ġew stabbiliti abbażi ta' kriterji ta' ġestjoni prudenti u rigorużi, waqt li tqiesu wkoll il-kwalità tas-servizz ipprovdut u l-kundizzjonijiet ġeografiċi. Skont l-Artikolu 4, l-ammont li ġej mill-applikazzjoni tal-ispejjeż standard għall-kilometri koperti mill-fornitur tas-servizz kien jirrappreżenta l-livell ammissibbli massimu ta' kontribuzzjonijiet pubbliċi kull sena, sakemm l-ispejjeż attwali mġarrba mill-fornitur tas-servizz ma kinux aktar baxxi mill-ispejjeż standard. Jekk dan kien il-każ, il-kontribuzzjonijiet pubbliċi kellhom jingħataw abbażi tal-ispejjeż attwali tal-fornitur tas-servizz.

(11)  Il-Kawża C-527/12 il-Kummissjoni v il-Ġermanja EU:C:2014:2193, il-paragrafu 56 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll, il-Kawża C-119/05 Lucchini EU:C:2007:434, il-paragrafu 59.

(12)  Il-Kawża T-17/02 Fred Olsen [2005] ECR II-2031, il-paragrafu 216; il-Kawża T-289/03 BUPA u Oħrajn v il-Kummissjoni [2008] ECR II-81, il-paragrafi 166-169 u 172

(13)  Il-Kawża C-280/00 Altmark Trans v Regierungsprasidium Magdeburg EU:C:2003:415, il-paragrafu 91

(14)  Il-Kawża T 157/01 Danske Busvognmænd EU:T:2004:76, il-punti 77 sa 79.

(15)  Il-Kawża T-15/14, Simet SpA v il-Kummissjoni, il-paragrafu 163

(16)  Il-Kawża T-15/14, Simet SpA v il-Kummissjoni, il-paragrafu 159

(17)  Il-Kawża 156/77 il-Kummissjoni v il-Belġju EU:C:1978:180, il-paragrafu 10.

(18)  Ir-Regolament (KEE) Nru 1107/70 tal-Kunsill tal-4 ta' Ġunju 1970 dwar l-għoti ta' għajnuniet għal trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 130, 15.6.1970, p. 1).

(19)  C-303/13 P il-Kummissjoni v. Andersen, il-paragrafu 55

(20)  Pereżempju, arrikkiment mhux ġustifikat jew delitt.

(21)  Il-Kawżi konġunti 106 sa 120/87, Asteris u Oħrajn v il-Greċja u EEC EU:C:1988:457.

(22)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ġunju 2004 dwar l-għajnuna tan-Netherlands favur l-Akzo-Novel sabiex jiċċekken it-trasport tal-kloru (il-Kawża Nru 304/2003), in-notifika ta' sommarju f'ĠU C 81, 2.4.2005, p. 4; ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-għajnuna Netherlandiża għar-rilokazzjoni tal-kumpanija taż-żarmar tal-karozzi Steenbergen (il-Kawża Nru 575/2005), in-notifika ta' sommarju f'ĠU C 80, 13.4.2007, p. 1

(23)  Il-Kawża C-119/05 Lucchini EU:C:2007:434, il-paragrafu 59.

(24)  Ara ibid, il-paragrafu 61.

(25)  Il-Kawża T-15/14, Simet SpA v il-Kummissjoni, il-paragrafi 102 sa 103.

(26)  L-Opinjoni tat-28 ta' April 2005 fil-Kawi Magħquda C-346/03 u C-529/03 Atzori EU:C:2005:256, il-paragrafu 198.

(27)  Il-Kawża T-15/14, Simet SpA v il-Kummissjoni, il-paragrafi 102-103.

Ara wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali dwar il-klawżoli ta' indennifikazzjoni għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat:

Il-Kawża T-384/08 Elliniki Nafpigokataskevastiki AE Chartofylakeiou v il-Kummissjoni EU:T:2011:650, u l-Kawża T-565/08 Corsica Ferries v il-Kummissjoni EU:T:2012:415, il-paragrafi 23, 114 u 120 sa 131. Ara wkoll, b'analoġija, il-Kawża C-111/10 il-Kummissjoni v il-Kunsill EU:C:2013:785, il-paragrafu 44.

(28)  Ara l-Kawża C-70/72 il-Kummissjoni v il-Ġermanja [1973] ECR 813, il-paragrafu 13.

(29)  Ara l-Kawżi Magħquda C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja v il-Kummissjoni [1994] ECR I-4103, il-paragrafu 75.

(30)  Ara l-Kawża C-75/97 il-Belġju v il-Kummissjoni [1999] ECR I-3671 il-paragrafi 64 u 65.

(31)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(32)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(33)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta' Jannar 2008 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).