25.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 319/42


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (EU, Euratom) 2016/2060

tat-23 ta' Novembru 2016

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/176/Euratom, KEE li tawtorizza lil Franza biex ma tikkunsidrax ċerti kategoriji ta' tranżazzjonijiet u biex tuża ċerti stimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT

(notifikata bid-dokument C(2016) 7426)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (1), u b'mod partikulari t-tieni inċiż tal-Artikolu 6(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 371 tad-Direttiva tal-Kunsill2006/112/KE (2), Franza tista', skont il-kondizzjonijiet li japplikaw f'dak l-Istat Membru fl-1 ta' Jannar 1978, tkompli teżenta t-tranżazzjonijiet elenkati fl-Anness X, Parti B; dawk it-tranżazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati biex tkun determinata l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/176/Euratom, KEE (3), Franza għandha awtorizzazzjoni għall-użu ta' stimi approssimattivi għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 1 tal-Anness X, Parti B tad-Direttiva 2006/112/KE.

(3)

Fl-ittra elettronika tagħha tas-27 ta' April 2016 (4), Franza talbet l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT tagħha għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 1 tal-Anness X, il-Parti B tad-Direttiva 2006/112/KE, minħabba li m'għadux meħtieġ minħabba bidla fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b'effett mill-1 ta' Jannar 2015. L-awtorizzazzjoni għandha tiġi rtirata kif mitlub minn Franza.

(4)

Huwa għalhekk xieraq li tkun emendata d-Deċiżjoni 90/176/Euratom, KEE skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fid-Deċiżjoni 90/176/Euratom, KEE, il-Punt 1 tal-Artikolu 2 huwa mħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Kristalina GEORGIEVA

Viċi President


(1)   ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/176/Euratom, KEE tat-23 ta' Marzu 1990 li tawtorizza lil Franza biex ma tikkunsidrax ċerti kategoriji ta' tranżazzjonijiet u biex tuża ċerti stimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT (ĠU L 99, 19.4.1990, p. 22).

(4)  Ares(2016)2019351.