22.11.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 314/20 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/2040
tal-21 ta' Novembru 2016
li temenda d-Deċiżjoni 2010/279/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN), li tipprevedi l-likwidazzjoni tagħha
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fit-18 ta' Mejju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/279/PESK (1) dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN). |
(2) |
Fis-17 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/922/PESK (2) li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/279/PESK sal-31 ta' Diċembru 2016 u tipprevedi ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2015. |
(3) |
Fl-14 ta' Diċembru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/2336 (3) li tipprevedi ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2016. |
(4) |
Il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-Afganistan tat-12 ta' Mejju 2016, ikkonferma li filwaqt li l-UE għadha impenjata li tappoġġa l-pulizija ċivili fl-Afganistan wara t-tmiem tal-missjoni, il-EUPOL AFGHANISTAN ser tispiċċa fl-2016. |
(5) |
Konsegwentement, il-fażi operattiva ta' EUPOL AFGHANISTAN ser tintemm fil-31 ta' Diċembru 2016. Il-fażi ta' likwidazzjoni tagħha ser tibda fl-1 ta' Jannar 2017. Il-fażi ta' likwidazzjoni ser tirrikjedi Tim ta' Likwidazzjoni fl-Afganistan. |
(6) |
Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/279/PESK tiġi emendata skont dan u jenħtieġ li jiġi previst ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2017, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2010/279/PESK hija emendata kif ġej:
(1) |
L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej: ‘Artikolu 1 Missjoni 1. Il-Missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (‘EUPOL AFGHANISTAN’ jew il-‘Missjoni’), stabbilita mill-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK, għandha tiġi estiża mill-31 ta' Mejju 2010 sal-15 ta' Settembru 2017. 2. Sal-31 ta' Diċembru 2016, EUPOL AFGHANISTAN għandha topera skont l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 u twettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 3. 3. Mill-1 ta' Jannar 2017, EUPOL AFGHANISTAN għandha twettaq il-likwidazzjoni tal-Missjoni.’ |
(2) |
L-Artikolu 7, paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej: ‘1. Sal-31 ta' Diċembru 2016, l-għadd u l-kompetenzi tal-persunal ta' EUPOL AFGHANISTAN għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2, il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 3 u l-istruttura tal-Missjoni stabbilita fl-Artikolu 4. Mill-1 ta' Jannar 2017, l-għadd u l-kompetenzi tal-persunal ta' EUPOL AFGHANISTAN għandhom ikunu konsistenti mal-għan li l-likwidazzjoni tal-Missjoni titwettaq b'mod rapidu u ordnat.’ |
(3) |
L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 13(1) huwa sostitwit b'dan li ġej: ‘L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata ma' EUPOL AFGHANISTAN għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2017 sal-15 ta' Settembru 2017 għandu jkun EUR 11 600 000.’ |
(4) |
L-Artikolu 17 huwa sostitwit b'dan li ġej: ‘Artikolu 17 Dħul fis-seħħ u dewmien Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Hija għandha tapplika mill-31 ta' Mejju 2010 sal-15 ta' Settembru 2017.’ |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Novembru 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
P. PLAVČAN
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/279/PESK tat-18 ta' Mejju 2010 dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN) (ĠU L 123, 19.5.2010, p. 4).
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/922/PESK tas-17 ta' Diċembru 2014 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/279/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN) (ĠU L 363, 18.12.2014, p. 152).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2336 tal-14 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2010/279/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN) (ĠU L 329, 15.12.2015, p. 16).