17.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 310/81


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2012

tas-16 ta' Novembru 2016

li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi marbuta mal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 fl-Awstrija

(notifikata bid-dokument C(2016) 7512)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza avjarja hija marda virali infettiva tal-għasafar, li tinkludi t-tjur. L-infezzjonijiet bil-vajrusis tal-influwenza avjarja fit-tjur domestiċi jikkawżaw żewġ forom ta' dik il-marda li huma distinti mill-virulenza tagħhom. Ġeneralment, il-forma b'patoġeniċità baxxa twassal għal sintomi ħfief biss, filwaqt li l-forma b'patoġeniċità għolja tirriżulta f'rati għoljin ferm ta' mwiet fil-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet tat-tjur. Dik il-marda jista' jkollha impatt serju fuq il-profitabilità tat-trobbija tat-tjur.

(2)

Għalkemm l-influwenza avjarja tinsab l-iktar fl-għasafar, okkażjonalment u f'ċerti ċirkustanzi partikulari kien hemm xi bnedmin ukoll li ġew infettati bil-vajrus li jikkawżaha.

(3)

F'każ ta' tifqigħa tal-influwenza avjarja, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista' jinxtered f'azjendi oħrajn fejn jinżammu t-tjur jew għasafar oħrajn miżmuma fil-magħluq. B'hekk, tista' tinxtered minn Stat Membru għal Stati Membri oħrajn jew għal pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ fit-tjur ħajjin jew f'għasafar oħrajn miżmuma fil-magħluq jew fil-prodotti tagħhom.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (3) tistabbilixxi ċerti miżuri preventivi marbutin mas-sorveljanza u mad-detezzjoni bikrija tal-influwenza avjarja u l-miżuri minimi ta' kontroll li għandhom jiġu applikati f'każ ta' tifqigħa ta' dik il-marda fit-tjur jew f'għasafar oħrajn miżmuma fil-magħluq. Dik id-Direttiva tipprevedi l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza f'każ ta' tifqigħa tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja.

(5)

L-Awstrija nnotifikat lill-Kummissjoni dwar tifqigħa tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 f'azjenda fit-territorju tagħha fejn jinżammu tjur jew għasafar oħra miżmuma fil-magħluq u ħadet il-miżuri meħtieġa skont id-Direttiva 2005/94/KE, inkluż l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza.

(6)

Il-Kummissjoni eżaminat il-miżuri li ħadet l-Awstrija skont id-Direttiva 2005/94/KE, u tinsab issodisfata li l-konfini taż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza, stabbiliti mill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru, huma 'l bogħod biżżejjed minn kwalunkwe azjenda fejn ġiet ikkonfermata tifqigħa.

(7)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u biex jiġi evitat li pajjiżi terzi jimponu ostakli mhux iġġustifikati għall-kummerċ, jeħtieġ li jiġu deskritti malajr, fil-livell tal-Unjoni, b'kollaborazzjoni mal-Awstrija, iż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti f'dak l-Istat Membru,

(8)

Għalhekk, iż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fl-Awstrija, fejn japplikaw il-miżuri previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE għandhom jiġu deskritti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u għandu jiġi stabbilit it-tul taż-żmien ta' dik ir-reġjonalizzazzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Awstrija għandha tiżgura li ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2005/94/KE jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fil-Partijiet A u B tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2016.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16).


ANNESS

PARTI A

Iż-żona ta' protezzjoni kif hemm imsemmi fl-Artikolu 1:

ISO Kodiċi tal-pajjiż

Stat Membru

Kodiċi

(jekk disponibbli)

Isem

Data sa meta applikabbli skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2005/94/KE

AT

L-Awstrija

 

L-erja li tinkludi:

 

 

 

 

Gemeinden Bregenz, Hard, Fußach, Lauterach

14.12.2016

PARTI B

Iż-żona ta' sorveljanza kif hemm imsemmi fl-Artikolu 1:

ISO Kodiċi tal-pajjiż

Stat Membru

Kodiċi

(jekk disponibbli)

Isem

Data sa meta applikabbli skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE

AT

L-Awstrija

 

L-erja li tinkludi:

 

 

 

 

Gemeinden Langen, Buch, Schwarzach, Kennelbach, Wolfurt, Bildstein, Dornbirn, Lustenau, Lochau, Höchst, Hörbranz, Gaißau, Eichenberg

23.12.2016

 

Gemeinden Bregenz, Hard, Fußach, Lauterach

15.12.2016-23.12.2016