|
17.11.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 310/66 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2009
tal-15 ta' Novembru 2016
li tapprova l-programmi tat-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda ppreżentati mill-Istati Membri
(notifikata bid-dokument C(2016) 7219)
(It-testi bil-Bulgaru, bil-Grieg u bil-Kroat biss huma awtentiċi)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(1)(a), (3)(a) u (6) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Il-marda tal-infafet fil-ġilda (lumpy skin disease — LSD) hija marda virali li primarjament tittieħed minn vettur tal-annimali bovini, ikkaratterizzata minn telfiet sinifikanti u bil-potenzjal li tinfirex sew, l-aktar permezz tal-annimali ħajjin u tal-prodotti miksuba mill-annimali infettati. |
|
(2) |
Id-Direttiva 92/119/KEE tistabbilixxi miżuri ġenerali għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali. Dawn jinkludu l-miżuri li għandhom jittieħdu f'każ ta' suspett u l-konferma tal-LSD f'azjenda, il-miżuri li għandhom jittieħdu fiż-żoni ristretti u miżuri addizzjonali oħrajn biex tiġi kkontrollata l-marda. B'mod supplimentari għal miżuri oħra ta' kontroll, dawn il-miżuri jipprovdu wkoll għat-tilqim li huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, f'każ ta' tifqigħa tal-LSD. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2055 (4) u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1183 (5) jipprevedu li l-Greċja u l-Bulgarija jistgħu jlaqqmu b'emerġenza lill-annimali bovini miżmuma fl-azjendi agrikoli fiż-żona fejn isir it-tilqim kif stabbilit fl-Anness I ta' kull waħda minn dawn id-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni. Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali tal-LSD, il-Kroazja li qiegħda taħt theddida imminenti, minħabba l-okkorrenza tal-LSD fir-reġjun, innotifikat lill-Kummissjoni li hija wkoll beħsiebha tniedi kampanja ta' tilqim ta' dan it-tip kontra l-marda tal-LSD fit-8 ta' Awwissu 2016. |
|
(4) |
Skont il-parir urġenti dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda mogħti mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel adottat fid-29 ta' Lulju 2016 (6) it-tilqim kontra l-LSD huwa l-aktar mod effettiv biex jonqos it-tixrid tal-marda. Sabiex il-marda msemmija hawn fuq ma tixteridx aktar, hemm bżonn li titlaqqam il-popolazzjoni suxxettibbli kollha li tinsab fir-reġjuni fejn hemm ir-riskju tal-LSD sabiex jonqos kemm jista' jkun l-għadd ta' tifqigħat, u għandha tinkiseb kopertura wiesgħa ta' tilqim fil-livell tal-irziezet u l-annimali. |
|
(5) |
Għal raġunijiet ta' ċarezza u ta' simplifikazzjoni, l-approvazzjoni tal-programmi tat-tilqim tal-Greċja u tal-Bulgarija, inkluża fid-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2055 u (UE) 2016/1183 rispettivament, se tingħata f'din id-Deċiżjoni wkoll. Barra minn hekk, għandu jiġi approvat il-programm tat-tilqim ippreżentat mill-Kroazja. Il-programmi tat-tilqim tal-Greċja u tal-Bulgarija, inklużi fid-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2055 u (UE) 2016/1183 rispettivament, u l-programm tat-tilqim ippreżentat mill-Kroazja jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi għall-programmi tat-tilqim tal-marda tal-infafet fil-ġilda stabbiliti fl-Anness II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2008 (7) rigward miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali f'dak li għandu x'jaqsam mal-marda tal-infafet fil-ġilda f'ċerti Stati Membri. |
|
(6) |
Sabiex ikunu suċċess, għandhom jiġu applikati programm tat-tilqim kontra l-LSD flimkien ma' miżuri oħrajn għal bosta snin konsekuttivi ħalli tkun żgurata l-immunizzazzjoni tal-popolazzjoni suxxettibbli kollha għal tul ta' żmien suffiċjenti. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-approvazzjoni tal-programmi tat-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda
Il-programmi tat-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda elenkati fl-Anness huma b'dan approvati.
Artikolu 2
L-applikabbiltà
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2019.
Artikolu 3
Id-destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika tal-Kroazja.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Novembru 2016.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.
(2) ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.
(3) ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69.
(4) Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2055 tal-10 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex jiġi stabbilit il-programm għal tilqim ta' emerġenza ta' annimali bovini kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda (LSD) fil-Greċja u li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500 (ĠU L 300, 17.11.2015, p. 31)
(5) Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1183 tal-14 ta' Lulju 2016 li tapprova l-programm ta' tilqim ta' emerġenza kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda ta' annimali bovini fil-Bulgarija u li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/645 (ĠU L 195, 20.7.2016, p. 75.)
(6) EFSA Journal 2016;14(8):4573 [27 pp.].
(7) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2008 tal-15 ta' Novembru 2016 rigward miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali f'dak li għandu x'jaqsam mal-marda tal-infafet fil-ġilda f'ċerti Stati Membri (ara paġna 51 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali)
ANNESS
|
— |
Il-programm tat-tilqim ippreżentat mill-Greċja. |
|
— |
Il-programm tat-tilqim ippreżentat mill-Bulgarija. |
|
— |
Il-programm tat-tilqim ippreżentat mill-Kroazja. |