|
12.11.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 305/30 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1982
tat-8 ta' Novembru 2016
li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/441/KE (2), l-Italja ġiet awtorizzata biex, sal-31 ta' Diċembru 2010, tillimita d-dritt ta' tnaqqis tal-VAT imposta fuq infiq fuq ċerti vetturi bil-mutur li ma jintużawx esklussivament għal skopijiet kummerċjali għal 40 %. Dik id-Deċiżjoni tipprovdi wkoll li l-użu għal skopijiet privati ta' tali vetturi ma għandux jiġi kkunsidrat bħala forniment bi ħlas. Barra minn hekk, ċerti kategoriji ta' vetturi u nfiq huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni 2007/441/KE kienet sussegwentament emendata bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/748/UE (3) u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/679/UE (4), li estendiet id-data ta' skadenza ta' dawk il-miżuri (il-'miżuri ta' deroga') sal-31 ta' Diċembru 2016. |
|
(3) |
B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-31 ta' Marzu 2016, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex testendi l-miżuri ta' deroga. |
|
(4) |
F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, permezz tal-ittra datata t-22 ta' Ġunju 2016, bit-talba tal-Italja. Permezz ta' ittra datata t-23 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba. |
|
(5) |
Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2007/441/KE, l-Italja ssottomettiet rapport lill-Kummissjoni li jkopri l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni, inkluża reviżjoni tar-restrizzjoni tal-persentaġġ. L-informazzjoni pprovduta mill-Italja turi li r-restrizzjoni tad-dritt għal tnaqqis għal 40 % għadha tirrifletti ċ-ċirkostanzi attwali fir-rigward tal-proporzjon ta' użu kummerċjali u użu mhux kummerċjali tal-vetturi kkonċernati. |
|
(6) |
Għalhekk l-Italja għandha tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżuri ta' deroga għal perjodu limitat ieħor, sal-31 ta' Diċembru 2019. |
|
(7) |
Fl-eventwalità li l-Italja titlob estensjoni oħra lil hinn mill-2019, għandu jitressaq rapport lill-Kummissjoni flimkien mat-talba għall-estensjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' April 2019. |
|
(8) |
L-estensjoni tal-miżuri ta' deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tal-VAT. |
|
(9) |
Għalhekk, id-Deċiżjoni 2007/441/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni 2007/441/KE huma sostitwiti b'dan li ġej:
“Artikolu 6
Kwalunkwe talba għall-estensjoni tal-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni għandha ssir lill-Kummissjoni sal-1 ta' April 2019.
Kwalunkwe talba għall-estensjoni ta' dawk il-miżuri għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi reviżjoni tar-restrizzjoni tal-persentaġġ applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT impost fuq infiq fuq vetturi tat-triq bil-mutur li ma jintużawx esklussivament għal skopijiet kummerċjali.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2019.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Jannar 2017.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Novembru 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
P. KAŽIMÍR
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/441/KE tat-18 ta' Ġunju 2007 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 165, 27.6.2007, p. 33).
(3) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/748/UE tad-29 ta' Novembru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 318, 4.12.2010, p. 45).
(4) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/679/UE tal-15 ta' Novembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 37).