4.11.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 297/16 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1925
tal-31 ta' Ottubru 2016
li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/17 li tawtorizza lir-Renju Unit biex jipprojbixxi l-użu ta' varjetà ta' qanneb elenkata fil-Katalgu Komuni ta' varjetajiet ta' speċi ta' pjanti agrikoli fuq it-territorju tiegħu, skont id-Direttiva 2002/53/KE
(notifikata bid-dokument C(2016) 6860)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta' katalgi ta' speċi ta' pjanti agrikoli (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 32(6) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistipula li biex jiġi evitat l-appoġġ għall-produzzjoni ta' wċuħ tar-raba' illegali, iż-żoni li jintużaw għall-produzzjoni tal-qanneb għandhom ikunu eliġibbli biss jekk il-varjetajiet imkabbrin ikollhom kontenut ta' tetraidrokannabinol (THC) li ma jkunx iżjed minn 0,2 %. |
(2) |
L-Artikolu 45(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 (3) jistabbilixxi li jekk, għat-tieni sena, il-medja tal-kampjuni kollha ta' varjetà partikolari tal-qanneb taqbeż il-kontenut tat-THC kif stipulat fl-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istat Membru għandu jitlob awtorizzazzjoni biex jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta' din il-varjetà skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/53/KE. |
(3) |
Fit-28 ta' April 2015, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand ir-Renju Unit għall-awtorizzazzjoni biex jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-varjetà tal-qanneb Finola, billi l-kontenut ta' tetraidrokannabinol tiegħu qabeż l-ammont tal-kontenut awtorizzat ta' 0,2 % għat-tieni sena konsekuttiva. |
(4) |
Wara din it-talba, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/17 (4) u awtorizzat lir-Renju Unit biex jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta' dik il-varjetà tal-qanneb fit-territorju tiegħu. |
(5) |
Fil-15 ta' Marzu 2016, ir-Renju Unit informa uffiċjalment lill-Kummissjoni li wara ttestjar ulterjuri ta' kampjuni tal-varjetà tal-qanneb Finola, ġie skopert li l-kontenut ta' THC għall-2014 ma kien jaqbeż il-limitu ta' 0.2 % kif stabbilit fl-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. |
(6) |
F'dan ir-rigward, ir-Renju Unit talab li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/17 titħassar. |
(7) |
Għalhekk, dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni għandha titħassar. |
(8) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-Tħassir tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/17
Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/17 titħassar.
Artikolu 2
L-Indirizzati
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u lill-Irlanda ta' Fuq.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Ottubru 2016.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).
(4) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/17 tas-7 ta' Jannar 2016 li tawtorizza lir-Renju Unit biex jipprojbixxi l-użu ta' varjetà ta' qanneb elenkata fil-Katalgu Komuni ta' varjetajiet ta' speċi ta' pjanti agrikoli fuq it-territorju tiegħu, skont id-Direttiva 2002/53/KE (ĠU L 5, 8.1.2016, p. 7).