18.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1830

tal-11 ta' Ottubru 2016

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat ta' Monaco li jipprevedi miżuri ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 115, flimkien mal-Artikolu 218(6)(b) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1392 (2), il-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat ta' Monaco li jipprevedi miżuri ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE (“il-Protokoll Emendatorju”) ġie ffirmat fit-12 ta' Lulju 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(2)

It-test tal-Protokoll Emendatorju li huwa r-riżultat tan-negozjati, jirrifletti b'mod xieraq id-direttivi ta' negozjar maħruġa mill-Kunsill billi jallinja l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat ta' Monaco li jipprevedi miżuri ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE (3) (“il-Ftehim”) mal-aktar żviluppi reċenti fil-livell internazzjonali rigward l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, jiġifieri mal-Istandard Globali għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji fi kwistjonijiet tat-taxxa żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). L-Unjoni, l-Istati Membri u l-Prinċipat ta' Monaco pparteċipaw b'mod attiv fil-ħidma tal-Forum Globali tal-OECD immirata biex tappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' dak l-Istandard Globali. It-test tal-Ftehim, kif emendat bil-Protokoll Emendatorju, huwa l-bażi ġuridika għall-implimentazzjoni tal-Istandard Globali fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Prinċipat ta' Monaco.

(3)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dats ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(4)

Il-Protokoll Emendatorju għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat ta' Monaco li jipprevedi miżuri ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni (5).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 2(1) tal-Protokoll Emendatorju (6).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-11 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KAŽIMÍR


(1)  Opinjoni tat-23 ta' Ġunju 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1392 tat-12 ta' Lulju 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Prinċipat ta' Monaco li jipprevedi miżuri ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE (ĠU L 225, 19.8.2016, p. 1).

(3)  ĠU L 19, 21.1.2005, p. 55.

(4)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(5)  It-test tal-Protokoll Emendatorju ġie ppubblikat fil-ĠU L 225, 19.8.2016, p. 3 flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tiegħu.

(6)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Emendatorju ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.