11.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/31


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/1791

tat-12 ta' Lulju 2016

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni f'isem l-Unjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana dwar l-istatus tal-Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-19 ta' April 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/610/PESK (1) dwar Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA), li tipprovdi li l-istatus tal-unitajiet u tal-persunal immexxija mill-Unjoni, inklużi l-privileġġi, immunitajiet u garanziji oħra neċessarji għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tagħhom, ikun is-suġġett ta' ftehim konkluż taħt l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(2)

Konsegwentement għall-adozzjoni, ukoll fid-19 ta' April 2016, ta' Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati għal dan il-għan, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà nnegozjat, f'konformità mal-Artikolu 37 TUE, Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana dwar l-istatus fir-Repubblika Ċentru-Afrikana tal-EUTM RCA.

(3)

Skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka ma tipparteċipax fit-tfassil u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet fil-qasam tad-difiża. Id-Danimarka ma tipparteċipax fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għalhekk ma tipparteċipax fil-finanzjament ta' din il-missjoni.

(4)

Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Ċentru-Afrikana dwar l-istatus tal-Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri sabiex tintrabat l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KAŽMIR


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/610 tad-19 ta' April 2016 dwar Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (ĠU L 104, 20.4.2016, p. 21).