4.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/14


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1764

tad-29 ta' Settembru 2016

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-ICAO fir-rigward tad-Deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta' anness dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa (1) (minn hawn “il quddiem imsejjaħ il-'Memorandum ta' Kooperazzjoni”) daħal fis-seħħ fid-29 ta' Marzu 2012.

(2)

Skont l-Artikolu 7.3(c) tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni, il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 7.1 tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni jista' jadotta annessi għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni.

(3)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-adozzjoni ta' anness dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt UE-ICAO, kif imsemmi fl-Artikolu 7.3(c) tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa (il-Memorandum ta' Kooperazzjoni), fir-rigward tal-adozzjoni ta' anness dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt UE-ICAO, li huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Settembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. ŽIGA


(1)   ĠU L 232, 9.9.2011, p. 2.


ABBOZZ TA' DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-ICAO

ta' …

dwar l-adozzjoni ta' anness dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru għall-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa

IL-KUMITAT KONĠUNT UE-ICAO,

Wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jipprovdi qafas għal kooperazzjoni msaħħa (il-Memorandum ta' Kooperazzjoni), li daħal fis-seħħ fid-29 ta' Marzu 2012, u b'mod partikolari l-Artikolu 7.3(c) tiegħu,

Billi huwa xieraq li jiddaħħal anness dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru fil-Memorandum ta' Kooperazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għal din id-Deċiżjoni b'dan qed jiġi adottat u għandu jifforma parti integrali mill-Memorandum ta' Kooperazzjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi, ….

Għall-Kumitat Konġunt UE-ICAO

Il-Presidenti


ANNESS

DWAR IL-ĠESTJONI TAT-TRAFFIKU TAL-AJRU

1.   Għanijiet

1.1.   Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-qasam tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru u s-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru (minn hawn 'il quddiem imsejħin ATM/ANS) fil-kuntest tal-Memorandum ta' Kooperazzjoni (MOC) bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) li ġie ffirmat f'Montreal fit-28 ta' April 2011 u fi Brussell fl-4 ta' Mejju 2011.

1.2.   B'mod konsistenti mal-impenn tagħhom li jarmonizzaw b'mod globali r-rekwiżiti inklużi fl-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati (SARPs) għall-ATM/ANS u li jkun hemm interoperabbiltà globali tat-teknoloġiji u s-sistemi l-ġodda fil-qasam tal-ATM/ANS, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw mill-qrib fi spirtu ta' trasparenza u ta' djalogu biex jikkoordinaw l-attivitajiet tal-ATM/ANS tagħhom.

2.   Kamp ta' applikazzjoni

2.1.   Sabiex jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta' dan l-Anness, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fl-oqsma li ġejjin:

fit-twettiq ta' djaloġu regolari dwar kwistjonijiet marbutin mal-ATM/ANS li huma ta' interess reċiproku;

fil-kisba tat-trasparenza permezz tal-iskambju regolari tal-informazzjoni rilevanti dwar l-ATM/ANS;

fil-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-ATM/ANS;

fil-monitoraġġ u fl-analiżi tal-konformità tal-Istati mal-istandards tal-ICAO u tal-ħarsien tagħhom tal-prattiki rakkomandati fil-qasam tal-ATM/ANS;

fil-kooperazzjoni fi kwistjonijiet regolatorji u fi kwistjonijiet li jistabbilixxu l-istandards;

fil-kooperazzjoni fil-qasam tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni tal-Pjan Globali tal-ICAO tan-Navigazzjoni bl-Ajru u tal-metodoloġija tiegħu ta' titjib ġenerali tas-sistema tal-avjazzjoni msejħa “aviation system block upgrade” (ASBU);

fl-iżvilupp u fil-forniment ta' proġetti u programmi ta' assistenza teknika;

fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari fir-reġjun Ewropew tal-ICAO (ir-reġjun EUR), filwaqt li jitqiesu b'mod speċifiku r-riżultati li nkisbu fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) u l-ħidma tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) fi kwistjonijiet marbutin mal-ATM/ANS; u

fl-iskambju tal-esperti tekniċi fl-oqsma rilevanti tal-ATM/ANS.

3.   L-implimentazzjoni

3.1.   Il-Partijiet jistgħu jistabbilixxu arranġamenti ta' ħidma li jispeċifikaw mekkaniżmi u proċeduri miftiehma b'mod reċiproku biex jimplimentaw il-kooperazzjoni b'mod effettiv fl-oqsma msemmijin fl-Artikolu 2.1 ta' dan l-Anness. Dawk l-arranġamenti ta' ħidma għandhom jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 7 tal-MOC.

3.2.   It-twettiq tal-attivitajiet ta' kooperazzjoni fil-kuntest ta' dan l-Anness għandhom jitwettqu, f'isem il-Partijiet, mill-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-ICAO tan-Navigazzjoni bl-Ajru (ANB). Il-Kummissjoni Ewropea tista' tinvolvi, skont kif ikun xieraq, lill-Istati Membri tal-UE u l-organizzazzjonijiet Ewropej, fosthom l-EASA, l-Impriża Konġunta SESAR, lill-Maniġer responsabbli għall-adozzjoni tas-SESAR u l-EUROCONTROL.

4.   Djalogu

4.1.   Il-Partijiet għandhom jorganizzaw laqgħat u/jew telekonferenzi fuq bażi regolari biex jiddiskutu kwistjonijiet marbutin mal-ATM/ANS li huma ta' interess reċiproku u, fejn ikun meħtieġ u jkun xieraq, biex jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom.

5.   Trasparenza u skambju tal-informazzjoni

5.1.   Il-Partijiet għandhom iħeġġu, skont ir-regoli applikabbli tagħhom, it-trasparenza fil-qasam tal-ATM/ANS fir-relazzjonijiet tagħhom ma' partijiet terzi.

5.2.   Il-Partijiet għandhom ikunu trasparenti fil-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni tagħhom b'rabta mal-attivitajiet tal-ATM/ANS permezz tal-iskambju ta' data, informazzjoni u dokumentazzjoni rilevanti u xierqa bla ħsara għar-regoli applikabbli tagħhom, u billi jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni reċiproka fil-laqgħat.

5.3.   Għal dak il-għan, kull Parti għandha tistabbilixxi proċeduri għall-iskambju tal-informazzjoni, li jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tkun waslitilhom mingħand il-Parti l-oħra skont l-Artikolu 6 tal-MOC.

6.   Parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-ATM/ANS

6.1.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta' dan l-Anness, kull Parti għandha, kif xieraq, tistieden lill-Parti l-oħra tipparteċipa, skont ir-regoli ta' proċedura stabbiliti, f'attivitajiet u f'laqgħat marbutin mal-ATM/ANS bħala osservatur bil-għan li jkunu żgurati kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib.

7.   Qsim tal-informazzjoni u l-analiżi dwar l-ATM/ANS

7.1.   Bla ħsara għar-regoli applikabbli tagħhom, u skont l-arranġamenti ta' ħidma xierqa li jkunu jridu jiġu żviluppati, il-Partijiet għandhom jaqsmu l-informazzjoni u d-data rilevanti dwar l-ATM/ANS, kif ukoll l-analiżi li jkunu saru abbażi ta' dik l-informazzjoni u d-data.

7.2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw mill-qrib fl-azzjonijiet li jittieħdu biex ikun hemm konformità iktar effettiva mal-SARPs fl-UE u fi Stati oħrajn. Tali kooperazzjoni għandha tinkludi l-iskambju ta' informazzjoni, l-iffaċilitar tad-djalogu bejn il-Partijiet ikkonċernati u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-assistenza teknika li jista' jkun hemm.

7.3.   Abbażi tal-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-analiżi tal-prestazzjoni u tal-iffissar tal-miri, kif ukoll fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju Ewropew għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru, l-UE għandha tgħin lill-ICAO fl-iżvilupp ta' approċċ globali bbażat fuq il-prestazzjoni u ta' approċċ globali ta' monitoraġġ għall-implimentazzjoni tal-GANP tal-ICAO u tal-metodoloġija tal-ASBU inkluża fih. L-ICAO għandha tuża bl-aħjar mod u kif xieraq il-materjali eżistenti tal-UE jew il-materjali tagħha li qed jiġu żviluppati, li ġejjin mill-iżvilupp u mill-implimentazzjoni tal-SES, fl-iżvilupp tal-approċċi globali tagħha.

8.   Kwistjonijiet regolatorji u dawk li jistabbilixxu l-istandards

8.1.   Kull Parti għandha tiżgura li l-Parti l-oħra tinżamm infurmata dwar il-liġijiet, ir-regolamenti, l-istandards, ir-rekwiżiti u l-prattiki rakkomandati rilevanti tagħha kollha, li jistgħu jaffettwaw l-implimentazzjoni ta' dan l-Anness, kif ukoll dwar kwalunkwe emenda għal dawn.

8.2.   Il-Partijiet għandhom jgħarrfu lil xulxin fil-ħin dwar kwalunkwe emenda proposta fil-liġijiet, ir-regolamenti, l-istandards, ir-rekwiżiti u l-prattiki rakkomandati rilevanti tagħhom, safejn dawk l-emendi jista' jkollhom impatt fuq l-applikazzjoni ta' dan l-Anness. Tali notifika tista' tinkludi wkoll, skont il-bżonn, il-qsim tal-istrumenti x-xierqa tal-ippjanar, bħal programmi annwali jew pluriennali rilevanti. Fid-dawl ta' emendi bħal dawn, il-Kumitat Konġunt jista' jadotta emendi għal dan l-Anness, kif meħtieġ, skont l-Artikolu 7 tal-MOC.

8.3.   Bil-għan li jiġu armonizzati r-regolamenti u l-istandards tal-ATM/ANS b'mod globali, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar kwistjonijiet regolatorji tekniċi fil-qasam tal-ATM/ANS matul il-proċessi rispettivi tagħhom tat-tfassil tar-regoli jew tal-iżvilupp tal-SARPs, u għandhom jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-korpi tekniċi assoċjati, kif u meta dan ikun xieraq.

8.4.   Għal dak il-għan, l-UE u l-ICAO għandhom ikomplu jissimplifikaw il-kooperazzjoni ta' bejniethom sabiex tkun żgurata l-analiżi fil-ħin tar-regoli tal-UE wara li l-ICAO tagħmel xi emendi fl-Annessi tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (il-Konvenzjoni ta' Chicago) u biex jingħataw kummenti fil-ħin lill-ICAO meta jkunu qed jitqiesu emendi fl-Annessi li jkunu rilevanti għall-qasam tal-ATM/ANS.

8.5.   L-ICAO għandha tagħti informazzjoni fil-ħin lill-UE dwar id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ICAO li jaffettwaw lill-SARPs marbutin mal-ATM/ANS billi tipprovdilha aċċess sħiħ għall-ittri tagħha lill-Istati u għall-Bulettini Elettroniċi tagħha.

8.6.   Fejn ikun xieraq, l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-leġislazzjoni rilevanti tal-UE tkun konformi mal-SARPs tal-ICAO marbutin mal-ATM/ANS.

8.7.   Minħabba li l-Pjan Ġenerali ATM Ewropew huwa marbut mill-qrib mal-GANP tal-ICAO u mal-metodoloġija tal-ASBU inkluża fih, l-UE, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri tagħha, ser tassisti lill-ICAO tiżviluppa tal-SARPs u l-materjal ta' appoġġ għar-rekwiżiti l-ġodda tal-ATM/ANS, abbażi tal-bżonnijiet u l-esperjenza tagħha fl-adozzjoni tas-SESAR. Bl-istess mod, l-ICAO ser tassisti lill-UE taġġorna l-istandards tagħha għall-interoperabbiltà globali tar-rekwiżiti l-ġodda tal-ATM/ANS, abbażi tal-GANP, il-metodoloġija tal-ASBU u l-pjanijiet direzzjonali relatati tagħha.

8.8.   Minkejja l-obbligi tal-Istati Membri tal-UE bħala Stati kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Chicago, l-UE għandha, fejn u meta dan ikun xieraq, tidħol fi djalogu mal-ICAO biex tipprovdi informazzjoni teknika f'każijiet fejn jinqalgħu kwistjonijiet marbutin mal-konformità mal-istandards tal-ICAO u mal-ħarsien tal-prattiki rakkomandati tal-ICAO wara l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE.

8.9.   It-twettiq ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni b'rabta ma' kwistjonijiet regolatorji u ma' kwistjonijiet li jistabbilixxu l-istandards la għandu jmur kontra l-proċeduri eżistenti tal-ICAO tat-tfassil tar-regoli u lanqas ma għandu jwassal biex jiġu stabbiliti obbligi legali jew tar-rappurtar ġodda għall-ICAO fil-konfront tal-UE jew tal-Istati Membri tagħha.

9.   Proġetti u Programmi ta' Assistenza Teknika

9.1.   Il-Partijiet għandhom jikkoordinaw l-assistenza mogħtija lill-Istati sabiex ikun żgurat użu effettiv tar-riżorsi u sabiex ma jkunx hemm sforzi doppji, u għandhom jiskambjaw l-informazzjoni, inkluża d-data, dwar il-proġetti u l-programmi ta' assistenza teknika marbutin mal-ATM/ANS.

10.   Kooperazzjoni Reġjonali

10.1.   Il-Partijiet għandhom jagħtu prijorità lill-attivitajiet li għandhom l-għan li jħaffu l-pass tal-istabbiliment tal-Ajru Uniku Ewropew, fosthom l-attivitajiet rilevanti tal-EASA fil-qasam tal-ATM/ANS, fejn l-approċċ reġjonali joffri opportunitajiet għal iktar kost-effiċjenza, għal sorveljanza mtejba u/jew għal proċessi mtejbin ta' armonizzazzjoni.

10.2.   B'rabta mal-paragrafu 10.1 ser tingħata attenzjoni partikolari lill-approċċ reġjonali bbażat fuq il-prestazzjoni, lir-regolamenti tekniċi Ewropej fil-qasam tal-ATM/ANS, lill-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali, lill-ġestjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk (inkluża ċ-Ċellula Ewropea ta' Koordinazzjoni tal-Kriżijiet fis-Settur tal-Avjazzjoni — EACCC) u lill-adozzjoni u l-monitoraġġ ta' kunċetti ġodda tal-ATM/ANS abbażi tas-SESAR u tal-Pjan Ġenerali ATM Ewropew.

10.3.   Sabiex jintlaħqu l-aspettattivi ta' Kooperazzjoni Reġjonali, għandha tinżamm relazzjoni ta' ħidma mill-qrib bejn l-UE u l-Uffiċċju Reġjonali tal-ICAO f'Pariġi, inkluż il-parteċipazzjoni reċiproka fil-laqgħat rilevanti (pereżempju f'dawk tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku).

10.4.   L-UE ser torganizza l-koordinazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri tal-UE u l-Uffiċċju Reġjonali tal-ICAO fid-dawl tal-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Anness, b'mod partikolari sabiex tagħti kontribut għall-pjanijiet reġjonali tal-ICAO.

11.   Assistenza mill-esperti

11.1.   Bla ħsara għall-iskemi ta' assistenza mill-esperti żviluppati lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Anness, l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-esperti tal-ICAO, fuq talba, esperti b'għarfien espert tekniku fl-oqsma rilevanti tal-ATM/ANS sabiex dawn iwettqu ħidmiet u jieħdu sehem f'attivitajiet li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Anness. Il-kondizzjonijiet marbutin ma' tali assistenza mill-esperti għandhom jiġu speċifikati f'arranġament ta' ħidma bejn il-Partijiet.

12.   Analiżi

12.1.   Il-Partijiet għandhom janalizzaw l-implimentazzjoni ta' dan l-Anness fuq bażi regolari u jqisu l-iżviluppi rilevanti fil-politika jew dawk regolatorji skont il-bżonn.

12.2.   Kwalunkwe analiżi ta' dan l-Anness għandu jagħmilha l-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 7 tal-MOC.(il-“Kumitat Konġunt”).

13.   Dħul fis-seħħ, Emendi u Terminazzjoni

13.1.   Dan l-Anness għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni mill-Kumitat Konġunt u għandu jibqa' fis-seħħ sa ma jiġi tterminat.

13.2.   Safejn ikun hemm bżonnhom, l-arranġamenti ta' ħidma li jkun intlaħaq qbil dwarhom skont dan l-Anness għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni mill-Kumitat Konġunt.

13.3.   Kwalunkwe emenda fl-arranġamenti ta' ħidma adottati skont dan l-Anness jew it-terminazzjoni tagħhom għandu jintlaħaq qbil dwarhom fil-Kumitat Konġunt.

13.4.   Kull Parti tista' tittermina dan l-Anness fi kwalunkwe waqt. Tali terminazzjoni għandha ssir effettiva sitt xhur wara li Parti waħda tirċievi notifika ta' terminazzjoni bil-miktub mingħand il-Parti l-oħra, sakemm it-tali notifika ta' terminazzjoni ma tkunx ġiet irtirata bil-kunsens reċiproku tal-Partijiet qabel ma jkun skada dak il-perjodu ta' sitt xhur.

13.5.   Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' dan l-Artikolu, jekk jiġi tterminat l-MOC, dan l-Anness u kwalunkwe arranġament ta' ħidma adottat skont dan l-Anness għandhom jiġu tterminati b'mod simultaju miegħu.