1.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1749

tas-17 ta' Ġunju 2016

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 33, 113, 114 u 207 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Qafas dwar il-kontroll fuq it-Tabakk (FCTC) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ġiet approvata f'isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE (1).

(2)

B'konformità mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2013/744/UE (2) u 2013/745/UE (3), il-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk tad-WHO FCTC (“il-Protokoll”) ġie ffirmat fl-20 ta' Diċembru 2013, bil-kundizzjoni li jiġi konkluż f'data aktar tard.

(3)

Il-Protokoll jirrappreżenta kontribut sinifikanti għall-isforzi internazzjonali biex tiġi eliminata kull forma ta' kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk u biex b'hekk tiġi miġġielda ċ-ċirkomvenzjoni tal-obbligi tat-taxxa u d-dazji doganali u jonqos il-forniment ta' prodotti tat-tabakk b'konformità mal-Artikolu 15 tal-FCTC tad-WHO. Il-Protokoll jagħti wkoll kontribut għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk filwaqt li jiżgura livell għoli ta' saħħa pubblika.

(4)

L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva għal numru ta' dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni jew f'oqsma fejn l-Unjoni stabbilixxiet regoli komuni (4). Il-Protokoll jista' jaffettwa tali regoli komuni msemmija hawn fuq jew jaltera l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom. Għalhekk, il-Protokoll għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni, fir-rigward ta' materji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni sa fejn il-Protokoll jista' jaffettwa biss dawn ir-regoli komuni jew jaltera l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom.

(5)

Bil-konklużjoni tal-Protokoll, l-Unjoni mhux ser tkun qed teżerċita kompetenza kondiviża, għalhekk l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom fl-oqsma koperti mill-Protokoll li ma jaffettwawx regoli komuni jew ma jalterawx il-kamp ta' applikazzjoni ta' tali regoli komuni.

(6)

L-Artikoli 14, 16, 26, 29 u 30 tal-Protokoll jikkonċernaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u d-definizzjoni ta' reati kriminali, u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1750 (5), adottata b'mod parallel ma' din id-Deċiżjoni, tikkonċerna dawk id-dispożizzjonijiet.

(7)

Il-Protokoll għandu jiġi approvat, fir-rigward ta' materji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas dwar il-kontroll fuq it-Tabakk tad-WHO, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 14, 16, 26, 29 u 30, huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna/persuni awtorizzata/i biex tiddepożita/jiddepożitaw f'isem l-Unjoni:

(a)

l-istrument provdut fl-Artikolu 44(1) tal-Protokoll;

(b)

id-dikjarazzjoni tal-kompetenzi stipulata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, f'konformità mal-Artikolu 44(3) tal-Protokoll.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-17 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

J.R.V.A. DIJSSELBLOEM


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE tat-2 ta' Ġunju 2004 tat-2 ta' Ġunju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-kontroll fuq it-Tabakk (ĠU L 213, 15.6.2004, p. 8).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/744/UE tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni Qafas dwar il-kontroll fuq it-Tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, mad-definizzjoni ta' reati kriminali, u mal-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 333, 12.12.2013, p. 73).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/745/UE tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, mad-definizzjoni ta' reati kriminali, u mal-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 333, 12.12.2013, p. 75).

(4)  Id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1);

Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15);

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1);

Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazji tas-sisa u li tħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12);

Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta' Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (ĠU L 176, 5.7.2011, p. 24).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1750 tas-17 ta' Ġunju 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewroepa, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk tal-Konvenzjoni Qafas dwar il-kontroll fuq it-Tabakk (FCTC) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, rigward id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-obbligi relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u d-definizzjoni ta' reati kriminali (ara l-paġna 6 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

DIKJARAZZJONI TAL-KOMPETENZI MILL-UNJONI EWROPEA RIGWARD IL-MATERJI KOPERTI MILL-PROTOKOLL BIEX JIĠI ELIMINAT IL-KUMMERĊ ILLEĊITU TAL-PRODOTTI TAT-TABAKK

(F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 44 TAL-PROTOKOLL)

L-Unjoni Ewropea (UE) tissottometti, f'konformità mal-Artikolu 44 tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu fil-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (“il-Protokoll FCTC”), id-Dikjarazzjoni ta' Kompetenzi segwenti li tispeċifika l-kategoriji u l-oqsma ta' politika li għalihom l-Istati Membri tal-UE taw kompetenzi lill-UE fl-oqsma koperti mill-Protokoll FCTC.

1.   Prinċipji Ġenerali

Il-kategoriji u l-oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni huma stipulati fl-Artikoli 2 sa 6 TFUE. Meta t-Trattati jagħtu kompetenza esklużiva lill-UE f'qasam speċifiku, l-UE biss tista' tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti, u l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu dan biss jekk jingħataw is-setgħa mill-UE jew sabiex jimplimentaw l-atti tal-UE. Meta t-Trattati jagħtu lill-UE kompetenza kondiviża mal-Istati Membri f'qasam speċifiku, l-UE u l-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw u jadottaw atti legalment vinkolanti f'dak il-qasam. L-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sakemm l-UE ma tkunx eżerċitat il-kompetenza tagħha. L-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom mill-ġdid sakemm l-Unjoni tkun iddeċidiet li tieqaf teżerċita l-kompetenza tagħha.

Fir-rigward tal-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali, għall-oqsma ta' politika elenkati fl-Artikolu 3(1) TFUE, hija l-UE biss li għandha l-kompetenza li taġixxi. Għall-oqsma ta' politika elenkati fl-Artikolu 4(2) TFUE, l-UE tikkondividi l-kompetenza mal-Istati Membri, iżda hija l-UE biss li għandha l-kompetenza li taġixxi meta l-azzjoni maħsuba hija neċessarja biex tippermetti li l-Unjoni teżerċita l-kompetenza interna tagħha, jew sakemm id-dispożizzjonijiet fil-ftehim jistgħu jaffettwaw regoli komuni jew jalteraw l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom fit-tifsira tal-Artikolu 3(2) TFUE; sakemm dan ma jkunx il-każ (jiġifieri il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) TFUE ma jkunux issodisfati), l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom li jaġixxu f'dawn l-oqsma ta' politika.

Il-kompetenzi li mhumiex attribwiti lill-UE mit-Trattati jaqgħu fil-kompetenzi tal-Istati Membri tal-UE.

Kif suppost, l-UE tinnotifika kwalunkwe modifika sostanzjali fil-firxa tal-kompetenzi tagħha, b'konformità mal-Artikolu 44 tal-Protokoll, mingħajr ma dan jikkostitwixxi prerekwiżit għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha fi kwistjonijiet koperti mill-Protokoll FCTC.

2.   Kompetenza esklużiva tal-UE

2.1.   L-UE għandha kompetenza esklużiva sabiex taġixxi fir-rigward tal-materji koperti mill-Protokoll FCTC li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-politika kummerċjali komuni tal-UE (l-Artikolu 207 tat-TFUE).

2.2.   Barra minn hekk, l-UE għandha l-kompetenza esklużiva biex taġixxi fir-rigward ta' materji koperti mill-Protokoll FCTC li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kooperazzjoni doganali (l-Artikolu 33 TFUE), l-approssimazzjoni tal-liġijiet fis-suq intern (Artikoli 113 u 114 TFUE), il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali (Artikolu 82 TFUE) u d-definizzjoni ta' reati kriminali (Artikolu 83 TFUE), biss sa fejn id-dispożizzjonijiet ta' att tal-Unjoni jistabbilixxu regoli komuni li jistgħu jiġu affettwati jew alterati fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tagħhom permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll FCTC.

Il-lista ta' atti tal-Unjoni ta' hawn taħt turi l-punt sa fejn l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza interna tagħha f'dawn l-oqsma f'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni li jirriżulta minn dawn l-atti jrid ikun ivvalutat b'referenza għad-dispożizzjonijiet preċiżi ta' kull miżura, u b'mod partikolari l-punt sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu regoli komuni li jirriskjaw li jiġu affettwati jew alterati fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, mid-dispożizzjonijiet tal-Protokoll FCTC jew xi att adottat fl-implimentazzjoni tagħhom.

Id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1);

Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15);

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1);

Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li tħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12);

Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta' Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (ĠU L 176, 5.7.2011, p. 24);

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/500/ĠAI tas-26 ta' Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, id-detezzjoni u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità (ĠU L 182, 5.7.2001, p. 1);

L-Att tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 1995 li jfassal il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 316, 27.11.1995, p. 48).

3.   Kompetenza tal-Istati Membri

L-Istati Membri jibqgħu kompetenti biex jaġixxu fir-rigward ta' kwistjonijiet oħrajn koperti mill-Protokoll FCTC li mhumiex imsemmija fit-taqsimiet 2.1 u 2.2, u li l-UE ma għandhiex il-kompetenza esklużiva biex taġixxi fuqhom.