27.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 260/61


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1699

tal-11 ta' Jannar 2016

dwar l-iskema ta' għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju

(notifikata bid-dokument numru C(2015) 9837)

(It-testi bil-Franċiż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom f'konformità mal-Artikoli msemmija (1) u wara li kkunsidrat dawn il-kummenti,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittra tad-19 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni talbet lill-Belġju jipprovdi informazzjoni dwar is-“sistema ta' deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem dwar il-qligħ eċċessiv” (l-“eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv” jew l-“iskema inkwistjoni”), li hija bbażata fuq l-Artikolu 185(2)(b) tal-“Code des impôts sur les revenus 1992” (Kodiċi dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-1992 — is-“CIR 92”). Il-Kummissjoni talbet ukoll lista tad-deċiżjonijiet bil-quddiem dwar l-applikazzjoni tal-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv.

(2)

Permezz tal-ittra tal-21 ta' Jannar 2014, il-Belġju wieġeb għall-mistoqsijiet li dehru fit-talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni. Madankollu ma bagħatilhiex il-lista li talbet ta' deċiżjonijiet bil-quddiem, minħabba li, kif spjega, din it-talba kienet teħtieġ aktar żmien.

(3)

Fil-21 ta' Frar 2014, il-Kummissjoni bagħtet xi mistoqsijiet ta' segwitu u tenniet il-talba tagħha għal-lista tad-deċiżjonijiet bil-quddiem. F'dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet maħruġa fl-2004, l-2007, l-2010 u l-2013 taħt l-iskema inkwistjoni, hija talbet ukoll li jintbagħtilha t-test sħiħ tad-deċiżjonijiet kif ukoll l-applikazzjonijiet għal deċiżjoni korrispondenti, l-annessi u, jekk ikun il-każ, kwalunkwe korrispondenza ulterjuri relatata ma' dawn l-applikazzjonijiet.

(4)

Fit-18 ta' Marzu 2014, il-Belġju wieġeb għall-mistoqsijiet ta' segwitu tal-Kummissjoni billi bagħtilha d-deċiżjonijiet bil-quddiem mitluba, inklużi l-applikazzjonijiet, l-annessi u l-korrispondenzi ulterjuri relatati mal-ħruġ ta' dawn id-deċiżjonijiet.

(5)

Permezz tal-ittra tat-28 ta' Lulju 2014, il-Kummissjoni għarrfet li l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern. Hija talbet ukoll informazzjoni oħra dwar diversi deċiżjonijiet partikolari. Permezz tal-ittri tal-1 ta' Settembru u tal-4 ta' Novembru 2014, il-Belġju wieġeb għat-talba tat-28 ta' Lulju 2014.

(6)

Fil-25 ta' Settembru 2014 saret laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Belġjani.

(7)

Permezz tal-ittra tat-3 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni għarrfet lill-Belġju li kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) dwar l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv.

(8)

Fid-29 ta' Mejju 2015, wara li talab estensjoni tal-iskadenza, il-Belġju bagħat il-kummenti tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ.

(9)

Fil-5 ta' Ġunju 2015, id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali (id-“deċiżjoni tal-ftuħ”) ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). F'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jgħaddu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni.

(10)

Fl-1 u fit-2 ta' Lulju 2015, il-partijiet interessati ppreżentaw il-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ li ntbagħtu lill-awtoritajiet Belġjani. Fl-14 ta' Settembru 2015, il-Belġju għarraf lill-Kummissjoni li ma kellux intenzjoni li jikkumenta dwar dawn il-kummenti.

(11)

Permezz tal-ittra tas-16 ta' Settembru 2015, il-Kummissjoni talbet lill-Belġju jissostanzja ċerti argumenti ppreżentati fil-kummenti bil-miktub tiegħu tad-29 ta' Mejju 2015 dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ. Il-Belġju wieġeb għal din it-talba bl-ittra tas-16 ta' Ottubru 2015.

(12)

Is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Belġjani ltaqgħu fl-20 ta' Ottubru u fis-7 ta' Diċembru 2015.

2.   DESKRIZZJONI TAL-ISKEMA INKWISTJONI

2.1.   L-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv

(13)

L-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tippermetti li l-kumpaniji residenti Belġjani li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali u l-istabbilimenti permanenti Belġjani ta' kumpaniji residenti barranin li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali (l-“entitajiet Belġjani ta' grupp”) inaqqsu l-bażi taxxabbli tagħhom fil-Belġju billi jnaqqsu l-“qligħ eċċessiv” tagħhom mill-qligħ li jkunu rreġistraw fir-realtà. Dan il-qligħ eċċessiv jiġi ddeterminat billi wieħed jistma l-qligħ medju ipotetiku li impriża indipendenti (3) li twettaq attivitajiet simili tista' tagħmel f'ċirkustanzi simili u jnaqqas dan l-ammont mill-qligħ realment irreġistrat mill-kumpanija Belġjana ta' grupp ikkonċernat. Biex wieħed jibbenefika minn eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, jeħtieġ li s-“Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem” jadotta deċiżjoni bil-quddiem.

(14)

Skont l-awtoritajiet Belġjani (4), l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv hija ġġustifikata mix-xewqa li jkun żgurat li entità Belġjana ta' grupp tkun intaxxata biss tal-qligħ ta' distakkament, billi titħalla teżonera mill-bażi taxxabbli tagħha l-qligħ irreġistrat li jaqbeż l-imsemmi qligħ ta' distakkament, korrispondenti għas-sinerġiji, l-ekonomija ta' skala jew vantaġġi oħrajn li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tagħha fi grupp multinazzjonali u li ma jeżistix għal impriża indipendenti simili.

(15)

Skont l-awtoritajiet Belġjani (5), l-ammont tal-qligħ eċċessiv eżentat taħt l-iskema ta' eżenzjoni huwa stabbilit permezz ta' approċċ f'żewġ stadji:

L-ewwel nett, il-prezzijiet ta' distakkament applikati għat-tranżazzjonijiet konklużi bejn l-entità Belġjana ta' grupp u l-kumpaniji li hija assoċjata magħhom huma ffissati fuq il-bażi ta' rapport dwar il-prezz tat-trasferiment ipprovdut mill-kontribwent. Peress li l-entità Belġjana ta' grupp hija kkunsidrata bħala l-“imprenditur ċentrali” fil-kuntest ta' din ir-relazzjoni, il-qligħ residwu li jirriżulta minn dawn it-tranżazzjonijiet huwa attribwit lilha.

It-tieni nett, skont il-Belġju, il-qligħ residwu ma għandux jitqies bħala l-qligħ ta' distakkament tal-entità Belġjana ta' grupp peress li jista' jaqbeż il-qligħ li impriża indipendenti simili kienet tagħmel f'ċirkustanzi simili għal dawk li fihom topera l-entità mingħajr ma tifforma parti minn grupp multinazzjonali. Għaldaqstant, dan il-“qligħ eċċessiv” huwa stabbilit fuq il-bażi ta' rapport ieħor ippreżentat mill-kontribwent fl-applikazzjoni għal deċiżjoni bil-quddiem li huwa jkun ressaq taħt l-iskema inkwistjoni, u jiġi eżentat mit-taxxa.

(16)

Il-Belġju jsostni li r-rapporti ppreżentati matul dawn iż-żewġ stadji japplikaw il-metodi l-aktar xierqa ta' ffissar tal-prezz tat-trasferiment tal-OECD. Fil-prattika, l-informazzjoni pprovduta tindika li l-metodu użat matul it-tieni stadju huwa l-metodu ta' tranżazzjoni tal-marġni pożittiv (“MTMP”). L-użu tal-MTMP f'dan il-kuntest għandu l-għan li jwassal għal approssimazzjoni tal-profittabbiltà ta' entità li tifforma parti minn grupp multinazzjonali billi tiġi kkomparata mal-qligħ ta' impriżi (awtonomi) indipendenti (6) simili li jwettqu attivitajiet simili. L-MTMP jgħin fl-istima tal-qligħ li impriżi indipendenti jistgħu jagħmlu minn attività, pereżempju l-bejgħ ta' oġġetti, billi tittieħed bażi xierqa bħall-ispejjeż, il-fatturat jew l-investimenti f'assi fissi (skont il-funzjonijiet eżerċitati, ir-riskji assunti u l-assi użati) u billi jiġi applikat proporzjon ta' qligħ (“indikatur tal-livell ta' qligħ”) li jirrifletti dak osservat fuq din il-bażi għal impriżi indipendenti simili.

(17)

L-MTMP jippermetti l-kalkolu ta' qligħ medju ipotetiku għall-entità Belġjana ta' grupp fuq il-bażi ta' studju li jistabbilixxi paragun bejn din l-entità u impriżi indipendenti simili (7). Il-qligħ medju ipotetiku huwa stabbilit bħala valur fil-medda interkwartili tal-indikatur tal-livell ta' qligħ magħżul għal grupp ta' impriżi indipendenti simili (8), li l-medja tiegħu hija kkalkolata fuq perjodu partikolari (ġeneralment ħames snin). Il-Belġju jqis dan il-qligħ medju ipotetiku bħala l-qligħ li l-kumpanija Belġjana ta' grupp kienet tagħmel kieku kienet kumpanija indipendenti minflok entità li tifforma parti minn grupp multinazzjonali. Għall-finijiet ta' din id-deċiżjoni, il-qligħ huwa indikat bil-frażi “qligħ ta' distakkament aġġustat”.

(18)

L-ammont tal-qligħ eċċessiv li jrid jiġi eżentat wara jiġi kkalkulat bħala d-differenza bejn il-qligħ ta' distakkament stmat għall-entità Belġjana ta' grupp skont l-ewwel stadju (medja kkalkolata fuq perjodu kkunsidrat) u l-“qligħ ta' distakkament aġġustat” miksub waqt it-tieni stadju (ukoll medja kkalkolata fuq l-istess perjodu kkunsidrat). Din id-differenza hija espressa f'persentaġġ ta' eżenzjoni mill-qligħ qabel it-taxxa (EBIT (9) jew PBT (10)) sabiex jinkiseb persentaġġ medju tal-qligħ eċċessiv fuq perjodu kkunsidrat. Dan il-persentaġġ jirrappreżenta t-tnaqqis mill-bażi taxxabbli li ġiet aċċettata u applikata, taħt l-iskema inkwistjoni, għall-qligħ li l-entità Belġjana ta' grupp attwalment irreġistrat għall-ħames snin li matulhom id-deċiżjoni bil-quddiem torbot lill-amministrazzjoni tat-taxxa Belġjana.

(19)

L-awtoritajiet Belġjani jsostnu li r-riżultati kummerċjali mistennija mill-entitajiet li jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni jiġu vvalutati skont il-qligħ li attwalment ikunu rreġistraw wara tliet snin. Il-persentaġġ miftiehem imbagħad jista' jiġi aġġustat skont il-bżonn waqt din il-valutazzjoni. Madankollu xejn ma jindika li din il-valutazzjoni diġà wasslet għal xi aġġustament tal-persentaġġ miftiehem fil-każijiet eżaminati mill-Kummissjoni.

(20)

Fuq il-bażi tal-Artikolu 185(2) tas-CIR 92, deċiżjoni bil-quddiem hija obbligatorja biex wieħed ikun jista' jibbenefika mill-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv. Din id-dispożizzjoni tillimita wkoll l-għoti ta' tali deċiżjoni lill-entitajiet li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali ta' kumpaniji assoċjati fil-kuntest tar-relazzjonijiet transfruntiera tagħhom. Barra minn hekk, skont il-Liġi Belġjana tal-24 ta' Diċembru 2002 (11), id-deċiżjonijiet bil-quddiem jistgħu jingħataw biss f'sitwazzjonijiet ġodda (12).

(21)

Peress li teħtieġ deċiżjoni bil-quddiem biex wieħed ikun jista' jibbenefika mill-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv u li tali deċiżjoni tista' tingħata biss għal qligħ li jirriżulta min sitwazzjoni ġdida, il-vantaġġ li grupp multinazzjonali jista' jieħu mill-iskema inkwistjoni jiddependi mir-rilokazzjoni jew mit-tkabbir tal-attivitajiet tiegħu fil-Belġju u huwa proporzjonat għall-importanza tal-attivitajiet il-ġodda u l-qligħ ġdid iġġenerat fil-pajjiż. Id-deċiżjonijiet bil-quddiem li ngħataw taħt l-iskema inkwistjoni u li ġew eżaminati mill-Kummissjoni jirrigwardaw b'mod konsistenti bidliet fl-istruttura organizzattiva tal-grupp multinazzjonali; f'dan il-kuntest, l-elementi essenzjali deskritti fl-applikazzjonijiet għal deċiżjoni bil-quddiem jenfasizzaw ir-rilokazzjoni ppjanata tal-attivitajiet fil-Belġju, investimenti ġodda u l-ħolqien ta' impjiegi fil-pajjiż.

(22)

Fi ftit kliem, l-entitajiet Belġjani ta' grupp li kisbu deċiżjoni bil-quddiem fuq il-bażi tal-iskema inkwistjoni jistgħu jagħmlu aġġustament negattiv proattiv tal-bażi taxxabbli taħt it-taxxa fuq il-kumpaniji kull sena abbażi tal-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92, billi jnaqqsu l-allegat “qligħ eċċessiv” mill-qligħ realment irreġistrat. L-awtoritajiet Belġjani jikkunsidraw għalhekk li dan il-qligħ eċċessiv ma għandux ikun attribwit lill-entità Belġjana ta' grupp u għandu għalhekk ikun eskluż mill-bażi taxxabbli tagħha fil-Belġju skont l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92. Għaldaqstant, entità Belġjana ta' grupp li tibbenefika minn eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tiġi intaxxata fuq ammont korrispondenti għad-differenza bejn il-qligħ li hija effettivament irreġistrat u l-“qligħ eċċessiv” tagħha.

2.2.   Il-qafas leġiżlattiv u regolatorju applikabbli

2.2.1.   It-taxxa fuq id-dħul taħt is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju

(23)

Is-CIR 92 jistabbilixxi r-regoli tat-taxxa fuq id-dħul applikati mill-Belġju. L-Artikolu 1 jiddefinixxi erba' kategoriji ta' tassazzjoni fuq id-dħul li jkopru t-taxxa tal-persuni fiżiċi (Titolu II: Artikoli 3 sa 178), tal-kumpaniji residenti (Titolu III: Artikoli 179 sa 219), tal-persuni ġuridiċi l-oħrajn (Titolu IV: Artikoli 220 sa 226) u tal-kontribwenti mhux residenti — persuni fiżiċi, impriżi, persuni ġuridiċi oħrajn (Titolu V: Artikoli 227 sa 248/3).

(24)

L-Artikolu 183 tas-CIR 92 jipprovdi li d-dħul soġġett għat-taxxa taħt it-Titolu III (kumpaniji residenti) huwa tal-istess tip bħal dak soġġett għat-taxxa taħt it-Titolu II (persuni ġuridiċi) u li l-ammont taxxabbli huwa stabbilit skont ir-regoli li japplikaw għall-qligħ. L-Artikolu 24 tas-CIR 92 jispeċifika li d-dħul taxxabbli tal-kumpaniji industrijali, kummerċjali u agrikoli jinkludi d-dħul kollu li jirriżulta mill-attivitajiet imprenditorjali, bħall-qligħ li jiġi minn “kull operazzjoni mwettqa mill-istabbilimenti ta' dawn il-kumpaniji jew permezz tagħhom”, u minn “kull żieda fil-valur tal-assi […]u minn kull tnaqqis fil-valur tal-obbligazzjonijiet[…] meta dan il-qligħ jew telf ikun ġie realizzat jew espress fil-kontabilità jew fil-kontijiet annwali”.

(25)

L-Artikolu 185(1) tas-CIR 92 jipprovdi li l-kumpaniji huma taxxabbli fuq l-ammont totali tal-qligħ qabel id-distribuzzjoni. Moqrija flimkien mal-Artikoli 1, 24 u 183 tas-CIR 92, din id-dispożizzjoni tfisser li l-qligħ taxxabbli taħt il-liġi dwar it-taxxa Belġjana għandu jinkludi mill-inqas — bħala punt ta' tluq u minkejja aġġustamenti eventwali ulterjuri 'l fuq jew 'l isfel — l-ammont totali tal-qligħ irreġistrat fil-kontijiet tal-kontribwent.

(26)

Fil-fatt, il-bażi taxxabbli taħt it-taxxa Belġjana fuq id-dħul hija ddeterminata fuq il-bażi tal-qligħ realment irreġistrat fil-kontijiet tal-kontribwent bħala punt ta' tluq. Ċertu numru ta' aġġustamenti pożittivi (bħall-infiq li ma jistax jitnaqqas) jew negattivi (bħall-eżenzjoni parzjali ta' ċerti dividendi distribwiti, it-tnaqqis tat-telf riportat, inċentivi tat-taxxa) jistgħu jkunu applikati sussegwentement biex tiġi stabbilita l-bażi taxxabbli. Għal kull waħda minn dawn l-operazzjonijiet, il-kontribwenti jridu jibagħtu informazzjoni lid-dipartiment tat-taxxa permezz tad-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħhom (il-formola 275.1) u jridu jipprovdu d-dokumenti li jiġġustifikaw aġġustamenti bħal dawn.

(27)

Meta l-liġi fiskali Belġjana tipprovdi eżenzjoni permanenti ta' parti mill-qligħ realment irreġistrat fil-kontijiet tal-kontribwent bħala riżerva, jista' jsir aġġustament fl-ewwel operazzjoni tal-kalkolu tal-bażi taxxabbli permezz ta' “żieda fis-sitwazzjoni inizjali tar-riżervi”.

(28)

Għaldaqstant, filwaqt li l-bażi taxxabbli mhux bilfors tikkorrispondi dejjem għall-qligħ nett realment irreġistrat fil-kontijiet annwali tal-kontribwent, minħabba l-aġġustamenti magħmula f'din il-bażi għall-finijiet tat-taxxa, id-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa trid tkun ibbażata fi kwalunkwe każ fuq iċ-ċifri realment irreġistrati fil-kontijiet bħala punt ta' tluq. Id-determinazzjoni tal-bażi taxxabbli tibda, pereżempju, permezz tal-kalkolu taż-żieda jew it-tnaqqis nett tar-riżervi taxxabbli (qligħ/telf għas-sena, qligħ/telf riportat, qligħ ieħor miżmum) matul is-sena fiskali. Fil-każijiet iġġustifikati mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi fiskali jew wara verifika fiskali, iċ-ċifri rreġistrati fil-kontijiet tal-kontribwent jew dawk indikati fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tiegħu jistgħu jkunu soġġetti għal aġġustamenti jew korrezzjonijiet.

2.2.2.   Il-Liġi tal-21 ta' Ġunju 2004 li temenda s-CIR 92

(29)

Permezz tal-Liġi tal-21 ta' Ġunju 2004 (13), il-Belġju introduċa dispożizzjonijiet fiskali ġodda dwar it-tranżazzjonijiet trandfruntiera ta' entitajiet assoċjati fi grupp multinazzjonali. B'mod partikolari żdied paragrafu ieħor mal-Artikolu 185 tas-CIR 92, biex jiġi traspost fil-liġi fiskali Belġjana l-prinċipju ta' “distakkament” rikonoxxut internazzjonalment għall-finijiet tal-iffissar tal-prezzijiet ta' trasferiment (14). L-Artikolu 185(2) tas-CIR 92 jipprovdi dan li ġej:

“[…], fil-każ ta' żewġ kumpaniji li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali ta' kumpaniji assoċjati u f'dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet transfruntiera reċiproċi tagħhom:

(a)

meta, fir-relazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tagħhom, żewġ kumpaniji jkunu marbutin b'kundizzjonijiet miftiehma jew imposti differenti minn dawk li jiġu miftiehma bejn kumpaniji indipendenti, il-qligħ li, mingħajr dawn il-kundizzjonijiet, kien ikun realizzat minn waħda minn dawn il-kumpaniji, iżda li ma setax jiġi realizzat minħabba dawn il-kundizzjonijiet, jista' jkun inkluż fil-qligħ ta' din il-kumpanija;

(b)

meta, fil-qligħ ta' kumpaniji jiġi inkluż qligħ li wkoll huwa inkluż fil-qligħ ta' kumpanija oħra, u l-qligħ hekk inkluż ikun qligħ li din it-tieni kumpanija kienet tagħmel kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejn iż-żewġ kumpaniji kienu jkunu bħal dawk miftiehma bejn kumpaniji indipendenti, il-qligħ tal-ewwel kumpanija jiġi aġġustat kif xieraq.

Il-paragrafu 1 japplika b'deċiżjoni bil-quddiem mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja.”

(30)

Għalkemm ifformulat b'mod differenti, l-Artikolu 185(2) tas-CIR 92 huwa simili għall-Artikolu 9 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD dwar id-Dħul u l-Kapital, li jikkostitwixxi l-bażi ġuridika tal-aġġustamenti tal-prezzijiet ta' trasferiment fil-parti l-kbira tal-ftehimiet konklużi bejn żewġ ġurisdizzjonjiet sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja tad-dħul iġġenerat minn resident ta' waħda mill-ġurisdizzjonijiet ikkonċernati (“konvenzjoni kontra t-taxxa doppja”).

(31)

Skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 185(2) tas-CIR 92, l-aġġustament pożittiv imsemmi fil-punt (a) u l-aġġustament negattiv imsemmi fil-punt (b), huma soġġetti għal proċedura obbligatorja ta' awtorizzazzjoni minn qabel li twassal għal deċiżjoni bil-quddiem. Il-każijiet li fihom l-aġġustament jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja in konnessjoni mal-aġġustament tal-qligħ ta' intrapriżi assoċjati (il-“konvenzjoni tal-UE dwar l-arbitraġġ”) (15) jew ta' konvenzjoni kontra t-taxxa doppja huma l-uniċi eċċezzjonijiet għal din ir-regola.

(32)

Il-Liġi tal-21 ta' Ġunju 2004 introduċiet ukoll emenda għall-Artikolu 235(2) tas-CIR 92 biex ir-regoli dwar l-iffissar tal-prezzijiet ta' trasferiment stabbiliti mill-Artikolu 185(2) tas-CIR 92 japplikaw ukoll għall-istabbilimenti permanenti Belġjani ta' kumpaniji mhux residenti.

2.2.3.   Il-memorandum ta' spjegazzjoni tal-Liġi tal-21 ta' Ġunju 2004 u l-linji gwida li jinsabu fih

2.2.3.1.   Il-memorandum ta' spjegazzjoni tal-Liġi tal-21 ta' Ġunju 2004

(33)

Il-memorandum ta' spjegazzjoni tal-Liġi tal-21 ta' Ġunju 2004 (il-“memorandum ta' spjegazzjoni”) jipprovdi linji gwida dwar l-għan u l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2) tas-CIR 92 (16). Skont il-memorandum ta' spjegazzjoni, l-Artikolu 185(2) tas-CIR 92 “huwa bbażat fuq it-test tal-Artikolu 9 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD dwar id-Dħul u l-Kapital (17). Il-memorandum ta' spjegazzjoni jispeċifika wkoll li “id-dispożizzjoni proposta tippermetti lil-liġi Belġjana li ssir konformi mal-istandard aċċettat internazzjonalment (18). Huwa jenfasizza r-rabta qawwija bejn il-liġi dwar il-kontabilità u l-liġi fiskali, li twassal biex deroga mil-liġi dwar il-kontabilità għal finijiet ta' taxxa teħtieġ bażi ġuridika espliċita. Għaldaqstant il-kodifikazzjoni tal-prinċipju ta' distakkament fil-kodiċi Belġjan dwar it-taxxa fuq id-dħul kienet meqjusa meħtieġa biex tippermetti aġġustamenti fil-prezzijiet ta' trasferiment meħtieġa skont l-istandards miftiehma fil-livell internazzjonali iżda jidderogaw mil-liġi dwar il-kontabilità.

(34)

F'dak li jirrigwarda l-aġġustament negattiv previst fl-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92, il-memorandum ta' spjegazzjoni jispjega li din id-dispożizzjoni għandha l-għan “li tevita jew li tneħħi tassazzjoni doppja (possibbli).” Huwa jispeċifika barra minn hekk li dan l-aġġustament isir biss jekk is-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem jikkunsidra l-aġġustament primarju ġustifikat fil-prinċipju u fl-ammont tiegħu.

(35)

Il-memorandum ta' spjegazzjoni jinkludi wkoll linji gwida dwar dak li jeħtieġ jiġi kkunsidrat bħala grupp multinazzjonali ta' kumpaniji assoċjati u dwar il-kompiti tas-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem. Jingħad b'mod partikolari li s-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem ikun irid jiddeċiedi dwar il-metodoloġija użata, il-funzjonijiet imwettqa, ir-riskji assunti u l-assi użati fid-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa.

2.2.3.2.   Iċ-ċirkolari amministrattiva tal-4 ta' Lulju 2006

(36)

Fl-4 ta' Lulju 2006, ġiet ippubblikata ċirkolari amministrattiva li tinkludi l-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2) tas-CIR 92 (iċ-“Ċirkolari”) kemm għall-aġġustamenti pożittivi kif ukoll għall-aġġustamenti negattivi tal-prezzijiet ta' trasferiment (19). Iċ-Ċirkolari tikkonferma d-definizzjonijiet stabbiliti fil-memorandum ta' spjegazzjoni għall-entitajiet li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali u t-tranżazzjonijiet transfruntiera msemmija fl-Artikolu 185(2) tas-CIR 92. Din tiddeskrivi wkoll ir-rwol, ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tas-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem.

(37)

Iċ-Ċirkolari tirreferi għall-intervent obbligatorju tas-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem fl-aġġustamenti negattivi u għall-awtonomija li għandu s-Servizz biex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet skont il-każ, biex tikkontribwixxi għal aktar effikaċja u ċertezza għall-kontribwenti u biex ittejjeb il-klima ta' investiment fil-Belġju.

(38)

Iċ-Ċirkolari tikkonferma li għall-finijiet tal-kalkolu tal-bażi tat-taxxa, għandu jsir aġġustament negattiv xieraq tal-qligħ skont l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 fil-forma ta' “żieda tas-sitwazzjoni inizjali tar-riżervi” fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tal-kumpanija (formola 275.1) (20). F'dak li jirrigwarda t-terminu “xieraq” użat fl-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 b'rabta mal-aġġustament negattiv, iċ-Ċirkolari tinnota li ma jkun hemm ebda aġġustament negattiv korrelattiv (21) meta l-aġġustament pożittiv ewlieni li jsir minn ġurisdizzjoni oħra jkun eċċessiv. Hija tiddeskrivi wkoll il-mod li bih jeħtieġ li jiġu rreġistrati l-aġġustamenti tal-prezzijiet ta' trasferiment fil-kontijiet tat-taxxa tal-kumpanija Belġjana kkonċernata. Fl-aħħar nett, iċ-Ċirkolari tfakkar li l-Artikolu 185(2) tas-CIR 92 ilu jiġi applikat mid-19 ta' Lulju 2004.

2.2.3.3.   Tweġibiet tal-Ministru tal-Finanzi għal mistoqsijiet parlamentari dwar l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv

(39)

Bi tweġiba għal mistoqsija parlamentari ppreżentata fl-2005 (22), il-Ministru tal-Finanzi ta' dak iż-żmien ikkonferma li l-qligħ realment irreġistrat minn entità Belġjana ta' grupp li jaqbeż qligħ ta' distakkament ma għandux ikun intaxxat fil-Belġju u li l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani mhumiex responsabbli biex jiddeterminaw liema huma l-entitajiet l-oħrajn barranin ta' grupp li għandhom iżidu dan il-qligħ eċċessiv mal-bażi taxxabbli tagħhom.

(40)

Mistoqsija parlamentari tal-2007 dwar id-deċiżjonijiet bil-quddiem u l-evażjoni tat-taxxa internazzjonali (23) tirreferi għar-rabta bejn il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 185(2) tas-CIR 92, minn naħa, u l-paragrafi 1 u 2 korrispondenti tal-Artikolu 9 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD dwar id-Dħul u l-Kapital, min-naħa l-oħra. Il-membru parlamentari li għamel il-mistoqsija innota li l-parti l-kbira tal-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja konklużi mill-Belġju kien fihom biss dispożizzjoni waħda dwar l-aġġustamenti pożittivi tal-prezzijiet ta' trasferiment. Fil-konvenzjonijiet li jinkludu dispożizzjoni dwar l-aġġustamenti negattivi tal-prezzijiet ta' trasferiment, l-aġġustament negattiv magħmul mill-awtoritajiet Belġjani dejjem kien reazzjoni għal aġġustament pożittiv magħmul mill-Istat kontraenti l-ieħor. Il-membru parlamentari nnota wkoll li ftit kontribwenti jitolbu li jiksbu deċiżjoni bil-quddiem fuq aġġustament pożittiv tal-prezzijiet ta' trasferiment, anki jekk, minn aspett legali, l-obbligu japplika wkoll għal dan it-tip ta' aġġustament. Fl-aħħar nett, il-membru parlamentari staqsa jekk il-Belġju kienx jagħmel aġġustament negattiv unilaterali jekk il-pajjiż barrani kkonċernat jallinja l-aġġustament primarju tiegħu jew ikun informat dwar l-aġġustament negattiv tal-Belġju.

(41)

Il-Ministru tal-Finanzi ta' dak iż-żmien kien wieġeb li f'dak l-istadju kienu fil-fatt daħlu biss applikazzjonijiet għal aġġustament negattiv. Barra minn hekk, il-Ministru kien ikkonferma li ma kinitx responsabbiltà tal-Belġju li jispeċifika l-pajjiż li lilu kien jeħtieġ li jiġi attribwit il-qligħ eċċessiv u li kien għalhekk impossibbli li wieħed jiddetermina l-pajjiż li miegħu kien jeħtieġ li tiġi skambjata l-informazzjoni dwar aġġustament negattiv mill-Belġju.

(42)

F'Jannar 2015, wara r-rivelazzjonijiet fl-istampa dwar il-każ “LuxLeaks”, reġgħu ġew indirizzati diversi mistoqsijiet parlamentari lill-Ministru tal-Finanzi dwar l-iskambji ta' informazzjoni bejn id-dipartimenti tat-taxxa jew in-nuqqas tagħhom, il-promozzjoni tal-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv bis-slogan “Only in Belgium” u l-possibbiltajiet offruti lill-multinazzjonali li jnaqqsu l-ammont dovut ta' taxxa fuq il-kumpaniji bis-saħħa tad-deċiżjonijiet bil-quddiem (24). Il-Ministru tal-Finanzi fakkar li, fid-deċiżjonijiet bil-quddiem dwar l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, is-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem kien sempliċiment japplika l-prinċipju ta' distakkament, u kkonferma t-tweġiba li kien ta l-Ministru tal-Finanzi fl-2007 dwar l-iskambji ta' informazzjoni.

2.2.4.   Il-Liġi tal-24 ta' Diċembru 2002 li tintroduċi sistema ta' deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem

(43)

Il-Liġi tal-24 ta' Diċembru 2002 tippermetti lill-Ministru tal-Finanzi jiddeċiedi permezz ta' deċiżjoni bil-quddiem dwar kwalunkwe talba għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar it-taxxa (25).

(44)

L-Artikolu 20 ta' din il-liġi jiddefinixxi x'inhi deċiżjoni bil-quddiem u jistabbilixxi l-prinċipju li deċiżjoni bħal din ma għandhiex ikollha l-effett li tnaqqas l-ammont tat-taxxa dovut jew li teżenta lill-kontribwent minnu.

“Deċiżjoni bil-quddiem tfisser l-att ġuridiku li permezz tiegħu s-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi jiddetermina skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ kif ser tiġi applikata l-liġi għal sitwazzjoni jew għal operazzjoni partikolari li għadha ma pproduċietx effetti fuq it-tassazzjoni.

Id-deċiżjoni bil-quddiem ma tistax twassal għal eżenzjoni jew għal tnaqqis tat-taxxa”.

(45)

L-Artikolu 22 tal-liġi jiddefinixxi ċ-ċirkustanzi li fihom ma tistax tingħata deċiżjoni bil-quddiem, pereżempju meta t-talba tkun relatata ma' sitwazzjoni jew operazzjonijiet identiċi għal dawk li diġà pproduċew effetti fuq it-tassazzjoni. L-Artikolu 23 tal-liġi jiddefinixxi l-prinċipju li d-deċiżjonijiet bil-quddiem jorbtu lid-dipartiment tat-taxxa għall-futur, kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom deċiżjoni bil-quddiem ma tistax torbot lid-dipartiment tat-taxxa. Dan huwa l-każ meta jirriżulta li d-deċiżjoni bil-quddiem ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali.

(46)

Il-Liġi tal-21 ta' Ġunju 2004 temenda l-Liġi tal-24 ta' Diċembru 2002 billi tistabbilixxi sistema ta' deċiżjoni fiskali bil-quddiem li tinvolvi l-ħolqien ta' korp awtonomu fi ħdan id-dipartiment Belġjan inkarigat milli joħroġ id-deċiżjonijiet bil-quddiem (26). Fuq il-bażi tal-Liġi tal-21 ta' Ġunju 2004, is-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem inħoloq permezz tad-digriet reġju tat-23 ta' Awwissu 2004 fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi responsabbli mill-għoti tad-deċiżjonijiet bil-quddiem (is-“Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi”). Is-Servizzi tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem jippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu.

2.3.   Deskrizzjoni tal-istruzzjonijiet tal-OECD dwar il-prezzijiet ta' trasferiment

2.3.1.   Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD u l-prinċipji tal-OECD dwar il-prezzijiet ta' trasferiment

(47)

L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (l-“OECD”) tipprovdi struzzjonijiet dwar it-taxxa lill-pajjiżi membri tagħha. L-istruzzjonijiet tal-OECD dwar il-prezzijiet ta' trasferiment jidhru fil-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD u l-prinċipji tal-OECD dwar il-prezzijiet ta' trasferiment indirizzat lill-impriżi multinazzjonali u lid-dipartimenti tat-taxxa (il-“prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment”) (27), li t-tnejn mhumiex strumenti ġuridiċi vinkolanti.

(48)

Minħabba li l-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali u tal-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment mhuwiex vinkolanti, id-dipartimenti tat-taxxa tal-pajjiżi membri tal-OECD huma sempliċiment imħeġġa biex isegwuhom. B'mod ġenerali, madankollu, dawn iż-żewġ strumenti jservu bħala punt ta' referenza u żgur jinfluwenzaw il-prattiki tat-taxxa tal-pajjiżi membri tal-OECD (u anki tal-pajjiżi mhux membri). Barra minn hekk, f'bosta pajjiżi membri tal-OECD, dawn l-istrumenti saru jorbtu legalment jew iservu ta' referenza għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-taxxa (28). Jekk il-Kummissjoni tikkwota l-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali u l-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment f'din id-deċiżjoni, ir-raġuni hija li dawn l-istrumenti huma r-riżultat ta' diskussjonijiet ta' esperti fil-qafas tal-OECD u jipprovdu dettalji dwar it-tekniki li jindirizzaw l-isfidi komuni.

(49)

Il-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD u l-kummenti tiegħu jipprovdu linji gwida dwar l-interpretazzjoni tal-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja. Il-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment jipprovdu lid-dipartimenti tat-taxxa u lill-impriżi multinazzjonali linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' distakkament sabiex jiddeterminaw il-prezzijiet ta' trasferiment (29). Il-prezzijiet ta' trasferiment ifissru l-prezzijiet mitluba għal tranżazzjonijiet kummerċjali bejn l-entitajiet individwali tal-istess grupp ta' impriżi. Ir-rabtiet li jgħaqqdu lill-membri ta' grupp multinazzjonali jistgħu jippermettulhom jiffissaw fir-relazzjonijiet tagħhom fi ħdan il-grupp, li għandhom impatt fuq il-prezzijiet ta' trasferiment (u, allura, fuq id-dħul taxxabbli), kundizzjonijiet speċjali differenti minn dawk li kienu japplikaw kieku l-membri tal-grupp kienu aġixxew bħala impriżi indipendenti (30). Dan jista' jippermetti t-trasferiment tal-qligħ minn territorju fiskali għal ieħor u jinkoraġġixxi l-allokazzjoni tal-inqas qligħ possibbli lit-territorji li huma l-aktar intaxxati. Biex jevitaw dawn is-sitwazzjonijiet, id-dipartimenti tat-taxxa għandhom jaċċettaw biss il-prezzijiet ta' trasferiment bejn impriżi tal-istess grupp li jħallsu t-tranżazzjonijiet daqs li kieku kienu ffissati bejn impriżi indipendenti li jinnegozjaw f'kundizzjonijiet simili ta' distakkament (31). Dan huwa l-hekk imsejjaħ “prinċipju ta' distakkament”.

(50)

L-applikazzjoni tal-prinċipju ta' distakkament hija bbażata għalhekk fuq tqabbil bejn il-kundizzjonijiet ta' tranżazzjonijiet (fi ħdan il-grupp) ikkontrollati u dawk ta' tranżazzjonijiet simili bejn impriżi indipendenti li jsiru f'ċirkustanzi simili, waqt li jiġi assigurat li ebda differenza eventwali bejn is-sitwazzjonijiet imqabbla ma tista' tinfluwenza b'mod konsiderevoli l-kundizzjonijiet analizzati (pereżempju, il-prezz jew il-marġni) jew li jistgħu jsiru aġġustamenti raġonevolment affidabbli biex jiġi eliminat l-impatt ta' dawn id-differenzi.

(51)

Kemm il-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali kif ukoll il-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment jistrieħu fuq il-prinċipju li qablu miegħu l-pajjiżi membri tal-OECD u, b'mod aktar wiesa', li fuqu d-diversi entitajiet ġuridiċi li flimkien jifformaw grupp multinazzjonali huma ttrattati bħala entitajiet separati fir-rigward tat-taxxa fuq il-kumpaniji (“il-metodu tal-entità separata”). Minn dan il-metodu tal-entità separata jirriżulta li kull entità individwali ta' grupp multinazzjonali tiġi ntaxxata fuq id-dħul proprju (32). Il-metodu tal-entità separata ntgħażel bħala prinċipju ta' tassazzjoni internazzjonali mill-pajjiżi membri tal-OECD bl-għan li jistabbilixxu b'mod korrett it-taxxa f'kull pajjiż u jevitaw it-tassazzjoni doppja, sabiex jevitaw il-kunflitti bejn id-dipartimenti tat-taxxa u jħeġġu l-kummerċ u l-investimenti internazzjonali.

(52)

Il-paragrafu 1.10 tal-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment jirreferi b'mod espliċitu għall-ekonomiji ta' skala u għall-vantaġġi tal-integrazzjoni (sinerġiji) f'dak li jirrigwarda l-metodu tal-entità separata, li fuqu jistrieħ il-prinċipju ta' distakkament:

“Għal xi wħud, il-prinċipju ta' distakkament għandu nuqqasijiet intrinsiċi peress li l-metodu tal-entità separata li fuqu huwa bbażat mhux dejjem jieħu inkunsiderazzjoni l-ekonomiji ta' skala u l-interazzjonijiet bejn diversi attivitajiet li jirriżultaw mill-integrazzjoni tal-impriżi. Madankollu ma hemmx kriterji oġġettivi aċċettati b'mod wiesa' biex wieħed jalloka l-ekonomiji ta' skala jew il-vantaġġi tal-integrazzjoni lid-diversi impriżi assoċjati.”.

2.3.2.   Il-prinċipju ta' distakkament

(53)

Il-prinċipju awtorevoli ta' distakkament huwa msemmi fl-Artikolu 9 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, li huwa l-bażi tal-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja li jgħaqqad lill-pajjiżi membri tal-OECD, fosthom il-Belġju, kif ukoll, aktar u aktar pajjiżi mhux membri. Peress li l-flessibbiltà prevista fil-ftehim tal-prezz ta' trasferiment tista' twassal għaċ-ċaqliq tal-bażi taxxabbli minn territorju għal ieħor, il-preżenza tal-prinċipju awtorevoli ta' distakkament fil-konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja jservi l-għan segwit minn dawn il-konvenzjonijiet, jiġifieri li jevitaw it-tassazzjoni doppja u jeliminaw l-evażjoni tat-taxxa.

(54)

L-Artikolu 9 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD jsemmi l-mod kif fil-prattika għandhom isiru l-aġġustamenti tal-bażi taxxabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment u jispeċifika meta għandhom isiru dawn l-aġġustamenti.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 jispeċifika li Stat kontraenti jista' jgħolli l-bażi tat-taxxa ta' kontribwent residenti fit-territorju tiegħu meta jqis li l-prezzijiet ta' trasferiment li jkun applika wasslu għal bażi tat-taxxa dgħajfa wisq u jippermetti lil dan l-Istat jintaxxah kif xieraq. Dan huwa l-hekk imsejjaħ “aġġustament primarju”, li permezz tiegħu d-dipartiment tat-taxxa jgħolli l-qligħ taxxabbli ddikjarat minn kontribwent (33).

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 huwa maħsub biex jevita li l-qligħ intaxxat b'dan il-mod mill-Istat kontraenti li jkun għamel l-aġġustament primarju skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 jiġi ntaxxat ukoll fil-livell ta' impriża assoċjata residenti fl-Istat kontraenti l-ieħor (34). Biex jagħmel dan, huwa jitlob lill-Istat kontraenti l-ieħor jew biex inaqqas il-bażi taxxabbli ta' din l-impriża assoċjata bl-ammont tal-qligħ aġġustat intaxxat mill-ewwel Stat kontraenti wara l-aġġustament primarju, jew li jipprovdi rimborż tat-taxxi diġà mħallsa. Madankollu dan l-aġġustament magħmul mill-Istat kontraenti l-ieħor mhuwiex awtomatiku. Jekk huwa jqis li l-aġġustament primarju mhuwiex iġġustifikat, kemm fil-prinċipju kif ukoll fl-ammont tiegħu, jista' jastjeni milli jagħmel dan l-aġġustament — u ġeneralment hekk jagħmel (35).

L-aġġustament negattiv magħmul mill-Istat kontraenti l-ieħor fuq il-bażi tal-Artikolu 9(2), jissejjaħ “aġġustament korrelattiv” u, meta jsir, jevita b'mod effettiv li jkun hemm tassazzjoni doppja tal-qligħ.

(55)

Il-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment jipprovdu ħames metodi biex tiġi stabbilita l-approssimazzjoni tal-prezzijiet ta' distakkament u tat-tqassim tal-qligħ bejn l-impriżi tal-istess grupp: i) il-metodu tal-prezz komparabbli fis-suq ħieles; ii) il-metodu “cost plus”; iii) il-metodu tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid; iv) l-MTMP u v) il-metodu tranżazzjonali ta' tqassim tal-qligħ. Il-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment jagħmlu distinzjoni bejn il-metodi tradizzjonali bbażati fuq it-tranżazzjonijiet (l-ewwel tliet metodi) u l-metodi tranżazzjonali bbażati fuq il-qligħ (l-aħħar żewġ metodi). L-impriżi multinazzjonali jibqgħu liberi li japplikaw metodi ta' ffissar tal-prezzijiet ta' trasferiment mhux deskritti f'dawn il-prinċipji sakemm dawn il-metodi jwasslu għal prezzijiet ta' trasferiment ta' distakkament (36).

(56)

L-MTMP huwa wieħed mill-“metodi indiretti” biex tiġi stabbilita l-approssimazzjoni tal-prezzijiet ta' distakkament u tat-tqassim tal-qligħ bejn l-impriżi tal-istess grupp. Huwa jistabbilixxi approssimazzjoni tal-qligħ ta' distakkament għal sensiela ta' tranżazzjonijiet ivverifikati jew attività sħiħa, minflok għal tranżazzjoni partikolari.

(57)

Meta wieħed japplika l-MTMP, jeħtieġ li tintgħażel il-parti għat-tranżazzjoni vverifikata jew għal sensiela ta' tranżazzjonijiet ivverifikati li għalihom jintgħażel u jiġi ttestjat indikatur tal-qligħ nett (37). Din l-għażla trid tkun kompatibbli mal-analiżi funzjonali mwettqa. Bħala regola ġenerali, il-parti ttestjata fil-kuntest ta' studju bbażat fuq l-MTMP hija dik li għaliha l-metodu jista' jiġi applikat bl-aktar mod affidabbli u li għaliha jistgħu jinstabu l-aktar paraguni affidabbli. Fil-prattika, din tkun il-parti l-inqas kumplessa miż-żewġ partijiet ikkonċernati fuq il-bażi tal-analiżi funzjonali, filwaqt li l-qligħ residwu ġġenerat mit-tranżazzjoni vverifikata jew is-sensiela ta' tranżazzjonijiet ivverifikati jiġi allokat lill-parti l-aktar kumplessa (38).

(58)

L-MTMP spiss għalhekk jiġi applikat fil-każijiet fejn waħda mill-partijiet għal tranżazzjoni vverifikata jew għal sensiela ta' tranżazzjonijiet ivverifikati tipprovdi l-kontribuzzjonijiet kumplessi kollha u/jew uniċi għat-tranżazzjoni jew għat-tranżazzjonijiet, filwaqt li l-parti l-oħra twettaq il-funzjonijiet l-aktar komuni u/jew awtomatiċi u ma tipprovdi ebda kontribuzzjoni unika, bħalma huwa l-każ, pereżempju, ta' distributur b'riskju limitat. Għall-kuntrarju, l-MTMP ma jkunx affidabbli jekk kull parti tagħmel kontribuzzjonijiet uniċi ta' valur. F'każ bħal dan, il-metodu tranżazzjonali ta' tqassim tal-qligħ huwa meqjus bħala metodu aktar adattat ta' ffissar tal-prezzijiet ta' trasferiment (39).

2.4.   Il-benefiċjarji tal-iskema kkontestata

(59)

L-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv ilha tiġi applikata mill-2004 u bil-mod il-mod żiedet l-importanza tagħha. Skont l-informazzjoni mibgħuta mill-Belġju, l-għadd ta' impriżi li bbenefikaw mill-iskema kkontestata minn meta ġiet introdotta jammonta għal 55, għal total ta' 66 deċiżjoni bil-quddiem (40). L-awtoritajiet Belġjani indikaw li qatt ma rrifjutaw applikazzjoni għal deċiżjoni bil-quddiem biex wieħed jibbenefika mill-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv minn meta ġiet introdotta l-iskema kkontestata (41). L-għadd ta' deċiżjonijiet bil-quddiem mogħtija fis-sena, mill-introduzzjoni tal-iskema kkontestata fl-2004, jidher fit-tabella.

Għadd ta' deċiżjonijiet bil-quddiem li jeżentaw il-qligħ eċċessiv mill-2004 'l hawn

Sena

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

2011

2012

2013

2014

Għadd ta' fajls

0

2

3

5

4

7

6

7

15

9

8

Sors: Ministeru għall-Finanzi tal-Belġju, fil-31 ta' Mejju 2014

(60)

Il-Belġju bagħat dejta finanzjarja ewlenija għas-66 deċiżjoni bil-quddiem li taw eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv (għal aktar dettalji, ara l-Anness).

(61)

Is-sitwazzjonijiet li fihom ingħatat l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv jistgħu jintwerew mill-eżempji mogħtija fil-premessi (62) sa (64).

(62)

L-ewwel eżempju: fl-applikazzjoni tagħha għal deċiżjoni bil-quddiem, l-impriża A tħabbar li għandha l-intenzjoni li żżid il-kapaċitajiet ta' produzzjoni ta' prodott partikolari fil-fabbrika tagħha fil-Belġju, waqt li ser iċċaqlaq il-koordinazzjoni (il-funzjoni ta' “imprenditur ċentrali”) minn sussidjarja barranija għall-Belġju. L-applikazzjoni tindika wkoll li l-impriża A trid tittrasferixxi diversi pożizzjonijiet ekwivalenti ta' ingaġġ full time (“FTE”) lejn il-Belġju. Jirriżulta mid-deċiżjoni bil-quddiem li ma hemm ebda problema ta' tassazzjoni doppja. Id-deċiżjoni tindika li l-fatt li l-qligħ tal-kontabilità fil-Belġju huwa ogħla minn dak ta' kumpanija indipendenti huwa marbut b'mod partikolari mal-għarfien, il-vantaġġi f'dak li jirrigwarda l-akkwist, il-listi ta' klijenti, eċċ., li kienu jeżistu fil-grupp qabel ma l-funzjoni ta' imprenditur ċentrali tiġi trasferita lejn il-Belġju. Madankollu, fid-deċiżjoni bil-quddiem, jissemma li dawn l-“assi intanġibbli” tqiegħdu bla ħlas għad-dispożizzjoni tal-entità Belġjana tal-grupp minn dan tal-aħħar, li jimplika li ma hemm ebda dħul taxxabbli xi mkien ieħor fil-grupp u għalhekk ebda riskju ta' tassazzjoni doppja. Fir-realtà, id-deċiżjoni bil-quddiem (il-punt 48) tfakkar li “mhuwiex kompitu tal-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani li jiddeterminaw il-kont” qligħ “ta' impriżi barranin li fih irid jidher il-qligħ eċċessiv”.

(63)

It-tieni eżempju: fl-applikazzjoni tagħha għal deċiżjoni bil-quddiem, l-impriża B tħabbar l-intenzjoni tagħha li tinvesti fl-espansjoni fil-Belġju. Hija tiddikjara li l-investiment il-ġdid huwa aktar vantaġġjuż għaliha bħala entità ta' grupp milli bħala kumpanija indipendenti. Is-sinerġiji li għalihom tirreferi d-deċiżjoni bil-quddiem jirrigwardaw il-vantaġġi li tgawdi minnhom fil-Belġju fil-forma ta' kost tal-investiment aktar baxx marbut mal-fatt li hija għandha diġà impjant fil-Belġju, spejjeż ta' funzjonament aktar baxxi marbuta mal-fatt li l-ispejjeż ġenerali tas-sit jistgħu jitqassmu fuq bażi ta' produzzjoni estiża, u l-aċċess għal enerġija rħisa.

(64)

It-tielet eżempju: fl-applikazzjoni tagħha għal deċiżjoni bil-quddiem, l-impriża C tispjega l-intenzjoni tagħha li tagħmel lis-sussidjarja Belġjana tagħha l-imprenditur ċentrali wara r-ristrutturar tal-attivitajiet tagħha fl-Ewropa. L-impriża C ser iżżid il-ħaddiema tagħha FTE fil-Belġju. Anki hawnhekk il-Belġju aċċetta li juża l-MTMP billi kkunsidra l-qligħ qabel it-taxxa magħmul minn impriżi indipendenti fil-kuntest ta' tranżazzjonijiet komparabbli fis-suq ħieles bħala indikatur tal-livell ta' qligħ biex jikkalkula l-bażi taxxabbli tal-imprenditur ċentrali. Fuq din il-bażi, l-impriża C kisbet aġġustament negattiv ta' madwar 60 % tal-qligħ nett tagħha qabel it-taxxa.

(65)

Wara li eżaminat kampjun ta' 22 deċiżjoni bil-quddiem, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn it-tliet eżempji jirrappreżentaw l-iskema sħiħa inkwistjoni. Għalkemm il-fatti, l-ammonti kkonċernati u t-tranżazzjonijiet ivarjaw bejn każ u ieħor, dawn tal-aħħar kollha jirrigwardaw multinazzjonali li żiedu l-attività tagħhom fil-Belġju u talbu u kisbu li l-qligħ tagħhom realment irreġistrat fil-Belġju iżda allegatament attribwibbli lil sinerġiji, ekonomiji ta' skala jew għal fatturi oħrajn marbutin mas-sħubija tagħhom fi grupp jitnaqqas mill-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq il-kumpaniji. Minn dan il-kampjun, il-Kummissjoni osservat li l-eżenzjonijiet tal-qligħ eċċessiv ma ngħatawx lil kumpaniji żgħar u l-awtoritajiet Belġjani ma setgħux jappoġġjaw l-allegazzjoni tagħhom li l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv setgħet tingħata wkoll lil entitajiet li jifformaw parti minn grupp żgħir jew għal raġunijiet oħrajn minbarra l-eżistenza allegata ta' sinerġiji u ekonomiji ta' skala.

(66)

Mistednin jappoġġjaw id-disponibbiltà tal-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju (minn hawn 'il quddiem l-“SMEs”), l-awtoritajiet Belġjani kkwotaw tliet eżempji mill-iżgħar benefiċjarji:

l-impriża D turi total tal-karta tal-bilanċ ta' EUR [100-120] (*) miljun u fatturat ta' EUR [60-80] miljun u timpjega [200-250] FTE;

l-impriża E turi total tal-karta tal-bilanċ ta' EUR [70-90] miljun u timpjega [250-300] FTE;

l-impriża F turi total tal-karta tal-bilanċ ta' EUR [50-70] miljun u fatturat ta' EUR [70-90] miljun u timpjega [350-400] FTE;

(67)

Mistednin jappoġġjaw id-disponibbiltà tal-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv għal raġunijiet oħrajn minbarra l-eżistenza allegata ta' sinerġiji jew ekonomiji ta' skala, l-awtoritajiet Belġjani pprovdew tliet eżempji. F'dawn id-deċiżjonijiet bil-quddiem dwar il-prezzijiet ta' trasferiment, is-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem approva, fuq talba tal-impriżi Belġjani tal-gruppi, aġġustament negattiv korrelattiv għal-livell ta' dawn l-impriżi, fuq il-bażi tal-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92. Madankollu, f'dawn it-tliet każijiet, l-aġġustament negattiv mogħti lill-entitajiet Belġjani kien isegwi aġġustament primarju pożittiv, permezz tal-prezzijiet ta' trasferiment, tal-qligħ tal-impriżi assoċjati tal-grupp tagħhom fil-Ġermanja, fir-Renju Unit u fid-Danimarka, magħmul rispettivament mid-dipartiment tat-taxxa Ġermaniż, Britanniku u Daniż.

(68)

Din id-deċiżjoni la tirrigwarda dawn l-aġġustamenti korrelattivi awtentiċi tal-prezzijiet ta' trasferiment u lanqas aġġustamenti oħrajn simili. Tirrigwarda biss deċiżjonijiet bil-quddiem li jagħtu eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, li tikkostitwixxi tnaqqis unilaterali u proattiv tal-bażi tat-taxxa Belġjana li ma tikkorrispondix għal aġġustament pożittiv primarju tal-prezzijiet ta' trasferiment magħmul minn ġurisdizzjoni fiskali oħra u mingħajr ebda indikazzjoni oħra li l-ammonti mnaqqsa ġew inklużi f'bażi tat-taxxa barranija. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, mhux meħtieġ li l-qligħ eżentat ikun ġie ntaxxat jew inkluż fil-bażi tat-taxxa ta' impriża barranija oħra tal-grupp. Din il-karatteristika tiddistingwi d-deċiżjonijiet bil-quddiem ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv minn deċiżjonijiet oħrajn bil-quddiem għall-prezzijiet ta' trasferiment mogħtija mis-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem fuq il-bażi tal-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92, li jippermettu wkoll tnaqqis tal-qligħ realment irreġistrat għal skopijiet ta' taxxa, iżda f'każ li t-tnaqqis huwa l-konsegwenza tat-tassazzjoni reali jew ta' aġġustament pożittiv primarju tal-prezzijiet ta' trasferiment minn dipartiment tat-taxxa barrani.

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-INIZJALAR TAL-PROĊEDURA TA' FTUĦ

(69)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali minħabba li qieset b'mod preliminari li l-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv kienet tikkostitwixxi skema ta' għajnuna mill-Istat ipprojbita mill-Artikolu 107(1) tat-Trattat minħabba li mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

(70)

L-ewwel nett, skont l-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni, l-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tikkostitwixxi skema ta' għajnuna mill-Istat, fit-tifsira tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (42), li tippermetti lil ċerti kumpaniji Belġjani li jappartjenu għal gruppi multinazzjonali li jiksbu, mingħajr il-bżonn ta' miżuri ta' applikazzjoni addizzjonali, tnaqqis konsiderevoli tal-ammont tat-taxxa fuq il-kumpaniji li suppost iridu jħallsu fil-Belġju. Il-Kummissjoni waslet għal din il-konklużjoni minkejja l-fatt li l-eżenzjoni tingħata permezz ta' deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem.

(71)

It-tieni nett, il-Kummissjoni qieset b'mod preliminari li l-iskema kkontestata kienet tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħha. Hija kkunsidrat li l-iskema kienet tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta' referenza, minħabba li eżenzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji tingħata għal parti tal-qligħ realizzat filwaqt li dan ikun realment iġġenerat minn u rreġistrat fil-kontabilità tal-entità Belġjana tal-grupp. Il-Kummissjoni wriet ukoll dubji fuq il-fatt li l-qligħ imsejjaħ eċċessiv li huwa eżenti taħt l-iskema huwa konformi mal-prinċipju ta' distakkament, peress li l-possibbiltà li tali komponent tal-qligħ jiġi identifikat b'mod separat hija ferm dubjuża u li l-qligħ reali magħmul minħabba l-appartenenza għal grupp multinazzjonali kien, fi kwalunkwe każ, sopravvalutat b'mod sinifikanti.

(72)

B'mod preliminari, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-vantaġġ mogħti mill-iskema kkontestata kien selettiv, peress li huma biss l-entitajiet Belġjani li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali li jistgħu jibbenefikaw minnu. L-entitajiet Belġjani li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom esklussivament fil-Belġju ma setgħux fil-fatt jiddikjaraw qligħ bħal dan. Barra minn hekk, il-benefiċjarji tal-iskema ġeneralment irrilokaw parti kbira mill-attivitajiet tagħhom fil-Belġju jew investew b'mod sostanzjali fil-pajjiż.

(73)

Il-Kummissjoni stmat ukoll, b'mod preliminari, li l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv ma setgħetx tkun iġġustifikata bil-ħtieġa li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja, peress li ma hija l-ebda intenzjoni ta' xi pajjiż ieħor li jintaxxa l-istess qligħ.

(74)

Billi l-kundizzjonijiet l-oħrajn kollha msemmija fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE huma ssodisfati u ma jidher li hemm ebda raġuni li tippermetti li tiġi stabbilita l-kompatibilità tal-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv mas-suq intern, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li din l-iskema tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant hija ddeċidiet li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE fir-rigward tal-iskema inkwistjoni.

4.   KUMMENTI TAL-BELĠJU

(75)

Il-Belġju kkumenta dwar il-qafas magħżul għall-valutazzjoni tal-miżura fid-deċiżjoni tal-ftuħ, invoka l-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali u sostna li d-deċiżjoni tal-ftuħ kellha diversi żbalji ta' interpretazzjoni.

4.1.   Kummenti tal-Belġju dwar il-qafas magħżul għall-valutazzjoni tal-miżura u l-prinċipju ta' trattament ugwali

(76)

Il-Belġju kkuntesta li l-kombinazzjoni tal-Artikolu 185(2) tas-CIR 92, taċ-ċirkolari tal-4 ta' Lulju 2006, tar-rapporti annwali tas-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem u tal-analiżi tad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem, tikkostitwixxi skema li tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589. Huwa jqis li fin-nuqqas ta' eżami fil-fond tad-deċiżjonijiet kollha bil-quddiem li taw eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, l-analiżi tal-miżura bħala skema għandha tirrigwarda biss id-dispożizzjonijiet legali. Huwa jikkunsidra li l-eżempji mogħtija fid-deċiżjoni tal-ftuħ intgħażlu b'mod selettiv u jwasslu biss għal konklużjonijiet superfiċjali.

(77)

Huwa jsostni wkoll li huwa l-uniku Stat Membru li għalih il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward ta' skema ta' deċiżjonijiet bil-quddiem minflok fir-rigward ta' miżura individwali, meta l-maġġoranza tal-Istati Membru jużaw id-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem. Il-Belġju jqis li dan l-approċċ imur kontra l-prinċipju ta' trattament ugwali.

4.2.   Kummenti tal-Belġju dwar l-eżistenza ta' żbalji ta' interpretazzjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ

4.2.1.   Ir-rwol tal-qligħ ta' kontabilità u tas-sistema ta' referenza

(78)

Il-Belġju jgħid li l-Kummissjoni tagħti wisq importanza lill-qligħ ta' kontabilità tal-impriżi Belġjani għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sistema ta' referenza. Il-leġiżlazzjoni Belġjana dwar it-taxxa fuq il-kumpaniji tawtorizza jew tippreskrivi għadd ta' aġġustamenti, pożittivi u negattivi, biex tgħaddi minn qligħ ta' kontabilità għal qligħ taxxabbli. Skont il-Belġju, dawn l-aġġustamenti, fosthom dawk previsti fl-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92, huma element inerenti għas-sistema ta' referenza u japplikaw għall-kontribwenti kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jibbenefikaw mill-aġġustamenti inkwistjoni.

(79)

Il-Belġju jiddikjara wkoll li l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 għandu l-għan li jevita t-tassazzjoni doppja. Minħabba li la l-gruppi nazzjonali u lanqas l-entitajiet indipendenti ma huma affettwati mill-problemi tat-tassazzjoni doppja ekonomika, qegħdin f'sitwazzjoni fattwali u ġuridika differenti minn dik tal-impriżi multinazzjonali fir-rigward tal-għan imfittex mill-miżura inkwistjoni. Għaldaqstant l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 mhuwiex deroga mis-sistema fiskali komuni.

4.2.2.   L-applikazzjoni mill-Belġju tal-prinċipju ta' distakkament fuq il-bażi tal-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 ma tagħti l-ebda vantaġġ

(80)

Il-Belġju jafferma li l-qligħ ta' distakkament biss jista' jiġi ntaxxat taħt is-sistema tiegħu ta' taxxa fuq il-kumpaniji. Barra minn hekk, minħabba li qabel il-Kummissjoni aċċettat il-prinċipju ta' distakkament bħala prinċipju li jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta' vantaġġ biex tivvaluta l-għajnuna mill-Istat, deċiżjoni fiskali bil-quddiem tista' biss tagħti vantaġġ lil kontribwent jekk tmur kontra l-prinċipju ta' distakkament.

(81)

Il-Belġju jfakkar li l-iffissar tal-prezzijiet ta' trasferiment iservi biss biex jiġi stabbilit il-prezz xieraq tal-beni u tas-servizzi skambjati bejn partijiet assoċjati, iżda wkoll biex isir it-tqassim tal-qligħ eċċessiv bejn id-diversi impriżi ta' grupp. Il-Belġju jsostni li anki jekk it-tranżazzjonijiet bejn l-impriżi huma fatturati sew, dan mhux bilfors ifisser li l-qligħ totali huwa konformi mal-prinċipju ta' distakkament (43). Huwa jżid li l-mekkaniżmu nnifsu tal-aġġustamenti tal-prezzijiet ta' trasferiment juri li, għal finijiet ta' taxxa, wieħed ma jistax jibbaża fuq il-prezzijiet li jidhru fil-kontijiet kummerċjali. Għaldaqstant, il-fatt li l-qligħ kummerċjali huwa ogħla mill-qligħ ta' distakkament aċċettat huwa irrilevanti.

(82)

Il-Belġju jsostni li l-qligħ eċċessiv ma jistax ikun attribwit lill-entitajiet Belġjani skont il-metodu tal-entità separata, li fuqu jibbaża b'mod speċifiku l-prinċipju ta' distakkament. L-esklużjoni ta' dan il-qligħ mill-bażi taxxabbli tal-entitajiet Belġjani għalhekk ma tkunx qed tagħtihom vantaġġ. Skont il-Belġju, ma hemm l-ebda qbil fil-livell internazzjonali dwar il-mod li bih il-qligħ realizzat permezz tas-sinerġiji tal-grupp u/jew tal-ekonomiji ta' skala għandu jitqassam bejn id-diversi entitajiet ta' grupp. Anki jekk il-qligħ eċċessiv kellu jaħrab minn kull tassazzjoni minħabba li ma jiġux intaxxati minn ebda ġurisdizzjoni fiskali, filwaqt li huma eżenti mill-Belġju, mhijiex responsabbiltà ta' dan li jara li l-qligħ kollu jiġi intaxxat.

(83)

Il-Belġju pprovda deskrizzjoni tal-proċedura f'żewġ stadji, imsemmija fid-deskrizzjoni qasira fil-premessa 15, użata biex jiġi ddeterminat il-qligħ imnaqqas taħt l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv.

(84)

Huwa jqis li l-oriġini tal-qligħ eċċessiv huwa irrilevanti biex wieħed ikun jaf jekk jagħtix vantaġġ, diment li huwa jintaxxa l-qligħ ta' distakkament kollu tal-entitajiet ikkonċernati. Il-Belġju jafferma li l-qligħ eċċessiv jirriżulta ġeneralment minn sinerġiji ta' ekonomiji ta' skala u jirreferi għall-paragrafu 1.10 tal-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment biex jiġġustifika n-nuqqas ta' allokazzjoni ta' dan il-qligħ lill-Belġju (44). Huwa jqis li jekk il-qligħ eċċessiv ma jiġi attribwit lil ebda territorju fiskali ieħor u minħabba dan ma jkun soġġett għal ebda taxxa, dan ikun nuqqas tal-prinċipju ta' distakkament.

(85)

Il-Belġju jirrifjuta l-eżistenza ta' inkoerenza fl-għażla tal-metodu ta' pprezzar tat-trasferiment l-aktar xieraq jew f'dik tal-parti ttestjata. Barra minn hekk, skont il-Belġju, l-inkoerenzi eventwali kkonstatati ma jistgħux ikunu ġeneralizzati għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-iskema mingħajr ma tkun saret analiżi bir-reqqa, każ b'każ, tad-deċiżjonijiet kollha bil-quddiem.

(86)

Il-Belġju jgħid li t-tassazzjoni jew le tal-qligħ eċċessiv barra mill-pajjiż ma taqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Uħud mid-deċiżjonijiet bil-quddiem li jagħtu eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv ġew ippubblikati u ċerti impriżi jagħtu prova tat-trasparenza fil-kontijiet annwali tagħhom. L-iskambju ta' informazzjoni mhuwiex possibbli, minħabba li mhijiex responsabbiltà tal-Belġju li jiddeċiedi l-allokazzjoni tal-qligħ u tal-post ta' tassazzjoni tagħhom. Jekk jirriżulta effettivament li dan il-qligħ ma huwa soġġett għal ebda taxxa, il-kawża ta' dan tkun diskrepanza bejn id-dritt Belġjan u d-dritt barrani u/jew nuqqas tal-prinċipju ta' distakkament.

4.2.3.   Applikazzjoni magħmula tal-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 mhijiex selettiva

(87)

B'referenza għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (45), il-Belġju jgħid li l-impriżi li jibbenefikaw mill-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 ma għandhomx karatteristiċi komuni li jiddistingwuhom mill-impriżi l-oħrajn, ħlief il-fatt li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni. Skont il-Belġju, il-fatt li l-benefiċċju ta' din id-dispożizzjoni huwa limitat għall-multinazzjonali mhuwiex biżżejjed biex tiġi stabbilita s-selettività tagħha peress li l-impriżi ta' dan it-tip, għall-kuntrarju tal-kumpaniji offshore, pereżempju, ma għandhomx karatteristiċi komuni f'termini ta' settur ekonomiku, attività, importanza tal-karta tal-bilanċ, l-għadd ta' impjegati jew ta' pajjiżi fejn huma stabbiliti.

(88)

Il-Belġju jirrifjuta wkoll l-argument li r-rilokazzjoni ta' attivitajiet sostanzjali, ir-realizzazzjoni ta' investimenti jew il-ħolqien ta' impjiegi fil-Belġju jikkostitwixxu kundizzjoni impliċita jew espliċita tal-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem li jagħtu eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv. Skont il-Belġju, il-liġi ma timponi ebda kundizzjoni ta' dan it-tip u s-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem ma għandux is-setgħa li jistabbilixxi kundizzjonijiet bħal dawn. L-uniku obbligu legali impost fuq l-applikant jikkonsisti f'deskrizzjoni tal-attivitajiet tiegħu kif ukoll deskrizzjoni sħiħa tas-sitwazzjoni jew tal-operazzjoni partikolari, kif jipprovdi l-Artikolu 21 tal-Liġi tal-24 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi sistema ta' deċiżjoni bil-quddiem fil-liġi fiskali Belġjana.

4.2.4.   Ġustifikazzjoni

(89)

Il-Belġju jqis li l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv hija ġġustifikata minħabba li hija mezz neċessarju u proporzjonat biex tiġi evitata l-possibbiltà ta' tassazzjoni doppja. Il-Belġju jenfasizza li din l-eżenzjoni ma għandhiex l-għan li tnaqqas it-tassazzjoni doppja attwali u lanqas li jirrimedja għaliha.

4.2.5.   Rkupru

(90)

Il-Belġju jsostni li, fi kwalunkwe każ, rkupru tal-għajnuna huwa eskluż minħabba l-prinċipji ta' ċertezza legali u aspettattivi leġittimi (46), peress li d-deċiżjonijiet bil-quddiem tal-Kummissjoni dwar il-prezzijiet ta' trasferiment u l-għajnuna mill-Istat wassluh biex jikkunsidra li wieħed jista' jikkonkludi li ma hemmx għajnuna mill-Istat meta Stat Membru jirrispetta l-prinċipju ta' distakkament (47), minħabba n-nuqqas ta' leġiżlazzjoni armonizzata fil-livell tal-Unjoni f'dan il-qasam. Il-Belġju jirreferi wkoll għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri dwar il-Kodiċi tal-Kondotta fir-rigward tat-Tassazzjoni tal-Intrapriżi (48), u jirreferi għal skema oħra allegatament ibbażata fuq l-istess prinċipji tal-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv (49), u jinvoka l-fatt li l-Kummissjoni ma sabitx problemi f'dan fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ħlief għaxar snin wara li ntemmet l-iskema tal-ftehimiet dwar il-kapital informali. Fl-aħħar nett, l-irkupru tal-għajnuna jkun eċċezzjonalment ikkumplikat u jwassal għal tassazzjoni doppja kif ukoll għal trattament mhux ugwali bejn il-Belġju u l-Istati Membri l-oħrajn li wkoll jagħmlu użu mill-prattika tad-deċiżjonijiet bil-quddiem f'dak li jirrigwarda t-tassazzjoni.

5.   KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(91)

Saru kummenti minn AGC Glass Europe SA/NV fl-1 ta' Lulju 2015 u minn […] fit-3 ta' Lulju 2015. Iż-żewġ impriżi bbenefikaw mid-deċiżjonijiet bil-quddiem taħt l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92.

(92)

Fil-kummenti tagħha, AGC Glass Europe SA/NV tosserva li hija qatt ma applikat jew implimentat id-deċiżjoni bil-quddiem li hija kisbet abbażi tal-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92.

(93)

[…] tgħid li ma kellhiex tkun imsemmija fid-deċiżjoni tal-ftuħ fost il-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni. Hija tkompli tgħid li hija kisbet ftehim minn qabel dwar il-prezzijiet li seta' jinvolvi kemm aġġustament pożittiv tal-prezzijiet ta' trasferiment fuq il-bażi tal-Artikolu 185(2)(a) tas-CIR 92, kif ukoll aġġustament negattiv fuq il-bażi tal-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 (50). Minħabba dawn l-elementi, hija tqis li ma bbenefikatx mill-iskema u titlob li tiġi eskluża mid-deċiżjoni finali u minn kwalunkwe azzjoni ta' rkupru li din tista' ġġib magħha.

6.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

6.1.   Eżistenza ta' skema

(94)

Il-Kummissjoni tqis li l-miżura inkwistjoni hija skema ta' għajnuna, skont l-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589. Skont dan l-Artikolu, skema ta' għajnuna tfisser “kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta' implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b'mod ġenerali u astratt”.

(95)

Il-ġurisprudenza tal-Unjoni ma tagħti ebda indikazzjoni dwar l-interpretazzjoni ta' din id-definizzjoni. Madankollu l-Kummissjoni tosserva li l-ġurisdizzjonijiet tal-Unjoni aċċettaw il-prattika preċedenti tagħha li tikkwalifika bħala skemi ta' għajnuna, fit-tifsira ta' din id-dispożizzjoni, miżuri fiskali li kienu jippreżentaw diversi karatteristiċi identiċi għal dawk tal-iskema inkwistjoni (51).

(96)

B'definizzjoni, skema ta' għajnuna tissodisfa dawn it-tliet kriterji li ġejjin: i) hija dispożizzjoni li fuq il-bażi tagħha tista' tingħata għajnuna; ii) l-iskema ma teħtieġx miżuri ta' implimentazzjoni oħrajn; u iii) l-iskema tiddefinixxi lill-benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna b'mod ġenerali u astratt.

(97)

F'dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju, l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv qiegħda tingħata fuq il-bażi tal-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92. Din id-dispożizzjoni, introdotta fil-Kodiċi Belġjan dwar it-taxxa fuq id-dħul bil-Liġi tal-21 ta' Ġunju 2004, tawtorizza l-aġġustamenti negattivi tal-prezzijiet ta' trasferiment inklużi fil-bażi taxxabbli tal-kontribwenti meta jkunu ssodisfati għadd ta' kundizzjonijiet. Din hija kkwotata fid-diversi deċiżjonijiet bil-quddiem li jeżentaw il-qligħ eċċessiv bħala l-bażi legali ta' din l-eżenzjoni u tissemma mill-Belġju f'diversi dokumenti li jiddeskrivu l-eżenzjoni (52).

(98)

L-applikazzjoni magħmula tal-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 hija spjegata fil-Memorandum ta' Spjegazzjoni tal-Liġi tal-21 ta' Ġunju 2004, fiċ-Ċirkolari tal-4 ta' Lulju 2006 u fit-tweġibiet ipprovduti mill-Ministru tal-Finanzi għall-mistoqsijiet parlamentali dwar l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni. Dawn it-tweġibiet jikkonfermaw li l-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tmur lil hinn minn dak li tipprovdi d-dispożizzjoni msemmija qabel u hija estiża għall-qligħ li ma ġiex inkluż ukoll fil-qligħ ta' impriża asoċjata li tifforma parti mill-istess grupp f'territorju fiskali ieħor. In-nuqqas ta' kwalunkwe obbligu ta' prova li l-istess qligħ huwa inkluż fil-bażi taxxabbli ta' żewġ impriżi assoċjati (waħda barra l-pajjiż u l-oħra fil-Belġju) huwa element importanti li jippermetti li ssir distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet bil-quddiem li jagħtu eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv u d-deċiżjonijiet l-oħrajn bil-quddiem li jawtorizzaw aġġustament negattiv tal-prezzijiet ta' trasferiment taħt l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 (53).

(99)

Fi ftit kliem, l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92, il-Memorandum ta' Spjegazzjoni tal-Liġi tal-21 ta' Ġunju 2004, iċ-Ċirkolari tal-4 ta' Lulju 2006 u t-tweġibiet tal-Ministru tal-Finanzi għall-mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92, huma l-atti li fuq il-bażi tagħhom tingħata l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv.

(100)

F'dak li jirrigwarda t-tieni kriterju, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-terminu “miżuri ta' implimentazzjoni” għandu jinftiehem li jissupponi l-eżerċitar ta' diskrezzjoni sinifikanti ta' valutazzjoni mill-awtoritajiet li tagħti l-għajnuna, li tista' tinfluwenza l-ammont, il-karatteristiċi jew il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna permezz tal-adozzjoni ta' atti ulterjuri (54). Bil-kuntrarju, is-sempliċi applikazzjoni teknika tal-att li jipprovdi l-għoti tal-għajnuna inkwistjoni mhijiex miżura ta' implimentazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589.

(101)

Il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tingħata mingħajr il-bżonn ta' miżuri ta' implimentazzjoni oħrajn, fit-tifsira tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589. L-elementi meħtieġa biex wieħed jibbenefika minn din l-eżenzjoni jistgħu jkunu deskritti in abstracto. Huma jiżvelaw l-eżistenza ta' linja ta' mġiba sistematika rigward l-għoti tal-għajnuna, li ġiet innutata fil-kampjun ta' deċiżjonijiet bil-quddiem eżaminati mill-Kummissjoni u deskritta mill-Belġju fil-kummenti tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ.

(102)

Għalhekk eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tingħata jekk l-elementi kumulattivi li ġejjin ikunu preżenti:

l-entitajiet benefiċjarji jappartjenu għal impriża multinazzjonali;

dawn l-entitajiet jiksbu awtorizzazzjoni obbligatorja minn qabel permezz ta' deċiżjoni tas-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem, b'mod li l-għajnuna tista' tingħata biss għall-qligħ relatat ma' sitwazzjoni ġdida li għadha ma pproduċietx effetti mill-aspett ta' taxxa, pereżempju riorganizzazzjoni li tinvolvi r-rilokazzjoni tal-imprenditur ċentrali fil-Belġju, jew inkella t-tkabbir tal-attivitajiet jew it-twettiq ta' investimenti ġodda fil-pajjiż (55);

il-qligħ magħmul minn dawn l-entitajiet jaqbeż il-qligħ li entitajiet indipendenti simili jagħmlu f'ċirkustanzi simili;

dawn l-entitajiet ma għandhomx jistabbilixxu aġġustament pożittiv primarju fi Stat Membru ieħor.

(103)

Kif indikat fil-premessa 65, il-Kummissjoni vvalutat kampjun ta' 22 deċiżjoni individwali bil-quddiem, li jista' jitqies bħala rappreżentattiv tal-iskema inkwistjoni. Fir-realtà, anki jekk il-fatti individwali, l-ammonti kkonċernati u l-operazzjonijiet ivarjaw minn deċiżjoni bil-quddiem għal oħra, dawn id-deċiżjonijiet kollha jirrigwardaw kumpaniji multinazzjonali kbar li kabbru l-attività tagħhom fil-Belġju, u talbu u kisbu li l-qligħ tagħhom realment irreġistrat fil-Belġju iżda allegatament attribwibbli lil sinerġiji, ekonomiji ta' skala jew għal fatturi oħrajn marbutin mas-sħubija tagħhom fi grupp jiġi mnaqqas mill-bażi taxxabbli għall-finijiet tat-taxxa fuq il-kumpaniji.

(104)

Kuntrarju għal dak li qal il-Belġju, il-fatt li l-Kummissjoni tirreferi għal elementi komuni nnutati f'kampjun ta' deċiżjonijiet bil-quddiem ma jimplikax li hija tqis li dawn l-elementi ta' għajnuna mill-Istat jirriżultaw minn deċiżjonijiet bil-quddiem individwali minflok minn skema. Il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjonijiet bil-quddiem huma strument li permezz tiegħu qed tiġi applikata l-iskema, kif tipprovdi l-liġi li fuqha hija bbażata l-iskema, u li d-deskrizzjoni ta' ċerti deċiżjonijiet bil-quddiem individwali fid-deċiżjoni tal-ftuħ isservi biss biex tispjega l-mod li bih l-iskema ġiet implimentata fil-prattika. Fi kwalunkwe każ, fit-Taqsima 4.1 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni spjegat b'mod ċar ir-raġunijiet li għalihom, f'dan l-istadju, hija qieset li l-miżura kienet tikkostitwixxi skema ta' għajnuna, b'mod li l-Belġju ma setax bl-ebda mod jimmaġina li l-Kummissjoni setgħet tqis li l-elementi ta' għajnuna mill-Istat kienu r-riżultat ta' deċiżjonijiet individwali bil-quddiem u mhux ta' xi skema.

(105)

L-obbligu li wieħed jikseb deċiżjoni individwali bil-quddiem biex ikun jista' jibbenefika mill-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv mhuwiex miżura ta' implimentazzjoni, iżda mod tekniku ta' applikazzjoni tal-iskema, li jservi biex jikkonferma r-rispett tal-kundizzjonijiet definiti mill-iskema u biex jivverifika l-metodu magħżul mill-kontribwent biex jiddetermina l-ammont tal-allegat qligħ eċċessiv li jrid jiġi eżentat (56).

(106)

Din il-konklużjoni mhijiex affettwata mill-fatt li s-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem għandu diskrezzjoni limitata biex jaċċetta r-rata eżatta tal-aġġustament negattiv applikat għall-bażi taxxabbli skont l-informazzjoni pprovduta mill-kontribwent jew biex jivvaluta jekk ċerti kundizzjonijiet li taħthom jista' jingħata dan it-tnaqqis humiex issodisfati (pereżempju, permezz tal-eżistenza ta' sitwazzjoni ġdida li għadha ma pproduċietx effetti fuq it-taxxa). Fil-fatt, l-eżistenza ta' servizz speċjali inkarigat mid-deċiżjonijiet bil-quddiem li għandu diskrezzjoni esklussiva fuq id-deċiżjonijiet bil-quddiem biex jivvaluta l-affidabilità tal-approssimazzjoni tal-ammont tal-qligħ eċċessiv iddikjarat mill-kontribwent matul it-tieni stadju, bilfors teħtieġ diskrezzjoni ta' valutazzjoni limitata min-naħa tas-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem. Madankollu, dan jippermetti biss li tiġi garantita applikazzjoni koerenti tal-eżenzjoni.

(107)

Is-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem sistematikament ħareġ deċiżjonijiet li jagħtu eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv meta l-kundizzjonijiet imsemmija fil-premessa (102) kienu ssodisfati. Barra minn hekk, kif ikkonferma l-Belġju, is-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem qatt ma rrifjuta xi applikazzjoni għal deċiżjoni bil-quddiem li tagħti eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv (57).

(108)

Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv ma teħtieġ ebda miżura ta' implimentazzjoni oħra.

(109)

F'dak li jirrigwarda t-tielet kriterju, l-att li fuq il-bażi tiegħu tingħata l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv jiddefinixxi b'mod ġenerali u astratt il-benefiċjarji ta' din l-eżenzjoni. L-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92, li jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjonijiet bil-quddiem meħtieġa biex wieħed ikun jista' jibbenefika mill-eżenzjoni, hija limitata għall-entitajiet li jifformaw parti minn “grupp multinazzjonali ta' kumpaniji assoċjati”.

(110)

B'konklużjoni ta' dan, l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, kif hija sistematikament implimentata mis-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem, tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-eżistenza ta' skema ta' għajnuna definiti fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta' skema ta' għajnuna, il-Kummissjoni tista' sempliċiment tistudja l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni u mhijiex mistennija teżamina kull każ partikolari li fih tiġi implimentata l-iskema (58).

6.2.   Eżistenza ta' għajnuna

(111)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

(112)

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f'din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfati (59). Għaldaqstant huwa stabbilit li biex miżura tista' tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, l-ewwel nett, trid tkun intervent tal-Istat permezz ta' riżorsi tal-Istat; it-tieni nett, dan l-intervent irid ikun jista' jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri; it-tielet nett, irid jagħti vantaġġ selettiv lil impriża; u, ir-raba' nett, irid joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (60).

(113)

F'dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni tal-eżistenza ta' għajnuna, l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv hija bbażata fuq l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 u fuq id-dokumenti kollha ta' gwida li jappoġġjaw l-interpretazzjoni mill-awtoritajiet Belġjani ta' din id-dispożizzjoni li tagħti l-eżenzjoni. Barra minn hekk, l-eżenzjoni tingħata permezz ta' deċiżjonijiet obbligatorji bil-quddiem maħruġin mis-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem, korp tad-Dipartiment tat-Taxxa Belġjan, u li huma vinkolanti għad-Dipartiment tat-Taxxa Belġjan. Għaldaqstant, l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv hija imputabbli lill-Istat Belġjan.

(114)

F'dak li jirrigwarda l-finanzjament tal-iskema permezz ta' riżorsi tal-Istat, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, għalkemm ma tinvolvi ebda trasferiment pożittiv ta' riżorsi tal-Istat, tqiegħed lil dawn l-impriżi f'sitwazzjoni finanzjarja aktar vantaġġjuża mill-kontribwenti l-oħrajn, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (61). Il-Kummissjoni ser turi,fit-Taqsima 6.3, li l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tinvolvi tnaqqis tat-taxxa dovuta fil-Belġju mill-impriżi li kisbu deċiżjoni bil-quddiem taħt l-iskema inkwistjoni billi tiffranka t-taxxa li dawn l-impriżi suppost kellhom iħallsu skont is-sistema komuni ta' tassazzjoni tal-kumpaniji kieku l-iskema ma kinitx teżisti. Għaldaqstant, l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv toħloq telf ta' riżorsi tal-Istat, minħabba li kull tnaqqis tat-taxxa dovuta mill-impriżi li jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni jwassal għal telf ta' dħul mit-taxxi li l-Belġju normalment kien ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu.

(115)

F'dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni tal-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat, l-impriżi li jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni huma kumpaniji multinazzjonali li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f'diversi Stati Membri, b'mod li kwalunkwe għajnuna għall-benefiċċju tagħhom tista' taffettwa l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni. Barra minn hekk, minħabba li deċiżjoni bil-quddiem li tagħti l-eżenzjoni tista' tinħareġ biss għall-qligħ li jirriżulta minn sitwazzjoni ġdida, li jissupponi r-rilokazzjoni jew iż-żieda tal-attivitajiet tal-impriża fil-Belġju, u minħabba li l-vantaġġ mogħti mill-eżenzjoni huwa proporzjonat għall-estensjoni tal-attivitajiet il-ġodda u għall-qligħ il-ġdid iġġenerat mill-impriża fil-Belġju, min-natura tagħha l-iskema tinfluwenza l-għażliet tal-gruppi multinazzjonali rigward il-lokalizzazzjoni tal-investimenti tagħhom fi ħdan l-Unjoni, u allura taffettwa l-kummerċ fl-Unjoni.

(116)

Barra minn hekk, miżura mogħtija mill-Istat titqies li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni meta trid ittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarji meta mqabbla ma' impriżi oħra li jikkompetu magħhom (62). Sakemm, bit-tnaqqis tat-taxxa dovuta taħt sistema komuni ta' tassazzjoni tal-qligħ tal-kumpaniji, hija teħles lill-impriżi benefiċjarji minn piż li normalment kien ikollhom iġorru, l-iskema inkwistjoni tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi ttejjeb il-pożizzjoni finanzjarja ta' dawn l-impriżi, b'mod li r-raba' kundizzjoni tal-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat hija wkoll issodisfata.

(117)

F'dak li jirrigwarda t-tielet kundizzjoni tal-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ser turi fit-Taqsimali jmiss kif l-iskema inkwistjoni toħloq vantaġġ selettiv għall-entitajiet Belġjani ta' grupp ammessi f'din l-iskema, kif ukoll għall-gruppi multinazzjonali li għalihom jappartjenu dawn l-entitajiet. Dan il-vantaġġ jirriżulta minn aġġustament negattiv unilaterali tal-bażi taxxabbli tagħhom, li jġib tnaqqis fit-taxxa fuq il-kumpaniji dovuta minn dawn l-entitajiet fil-Belġju meta mqabbla mat-taxxi li kien ikollhom normalment iħallsu taħt is-sistema komuni ta' tassazzjoni tal-qligħ tal-kumpaniji.

6.3.   Eżistenza ta' vantaġġ selettiv

(118)

Skont il-ġurisprudenza, “l-Artikolu 107(1) tat-Trattat jimponi l-obbligu li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta' sistema ġuridika partikolari, miżura nazzjonali hijiex ta' tali natura li tiffavorixxi” ċerti impriżi jew ċerti produtturi “fil-konfront ta' oħrajn li jinsabu, fir-rigward tal-għan li l-imsemmija sistema tfittex li tilħaq, f'sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli. Jekk dan ikun il-każ, il-miżura kkonċernata tissodisfa l-kundizzjoni ta' selettività li hija element kostituttiv tal-kunċett ta' għajnuna mill-Istat previst f'din id-dispożizzjoni”  (63).

(119)

Fil-kawżi li jirrigwardaw il-qasam tat-taxxa, il-Qorti tal-Ġustizzja fasslet analiżi fi tliet stadji sabiex tiddetermina jekk miżura fiskali partikolari hijiex selettiva (64). L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi ddeterminat liema hija l-iskema fiskali li komunement jew normalment tiġi applikata fl-Istat Membru: is-“sistema ta' referenza”. It-tieni nett, għandu jiġi determinat jekk il-miżura fiskali inkwistjoni tidderogax mis-sistema komuni msemmija sa fejn tiddistingwi bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan marbut mas-sistema fiskali, ikunu jinsabu f'sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli. Jekk il-miżura tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta' referenza, jeħtieġ, fl-aħħar nett, li jiġi stabbilit jekk din il-miżura hijiex ġustifikata min-natura jew l-ekonomija ġenerali tas-sistema ta' referenza. Miżura fiskali li tikkostitwixxi deroga mill-applikazzjoni tas-sistema ta' referenza tista' tkun iġġustifikata jekk l-Istat Membru kkonċernat jirnexxielu juri li din il-miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji fundamentali jew prinċipali tas-sistema fiskali tiegħu (65). Jekk dan ikun il-każ, il-miżura fiskali ma tkunx selettiva. L-oneru tal-prova f'dan it-tielet stadju jaqa' fuq l-Istat Membru.

6.3.1.   Determinazzjoni tas-sistema ta' referenza

(120)

Għall-finijiet tal-analiżi tan-natura selettiva ta' miżura ta' għajnuna, sistema ta' referenza hija magħmula minn ġabra koerenti ta' regoli li, fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi, japplikaw għall-impriżi kollha li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha kif ikun definit mill-għan tagħha.

6.3.1.1.   Is-sistema ta' referenza hija s-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju

(121)

F'dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li s-sistema ta' referenza hija s-sistema tal-liġi komuni ta' tassazzjoni tal-qligħ tal-kumpaniji pprovduta mill-iskema tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji fil-Belġju (66), li l-għan tagħha huwa t-tassazzjoni tal-qligħ tal-kumpaniji kollha soġġetti għat-taxxa fil-Belġju. Is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju tapplika għall-kumpaniji residenti fil-Belġju kif ukoll għall-fergħat Belġjani ta' kumpaniji mhux residenti. Il-kumpaniji residenti fil-Belġju (67) jridu jħallsu t-taxxa fuq il-kumpaniji fuq il-qligħ li jagħmlu fuq livell globali (68), ħlief meta tapplika konvenzjoni kontra t-tassazzjoni doppja. Il-kumpaniji mhux residenti huma soġġetti għat-taxxa fuq il-kumpaniji biss għal ċertu tip ta' dħul speċifiku minn sors Belġjan (69). Fiż-żewġ każijiet, it-taxxa Belġjana fuq il-kumpaniji hija dovuta fuq il-qligħ totali, kemm jekk iġġenerat fuq livell globali kif ukoll jekk iġġenerat fil-Belġju. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, l-impriżi kollha li jiġġeneraw dħul fil-Belġju huma kkunsidrati li jinsabu f'sitwazzjoni legali u fattwali simili mill-perspettiva tat-tassazzjoni tal-impriżi.

(122)

Il-qligħ totali huwa stabbilit skont ir-regoli relatati mal-qligħ imsemmija fid-dispożizzjonijiet dwar il-kalkolu tal-qligħ taxxabbli tal-imprendituri individwali, kif definiti fl-Artikolu 24 tas-CIR 92. Il-qligħ totali jikkorrispondi għad-dħul nieqes l-ispejjeż deduċibbli, li ġeneralment jiġu rreġistrati fil-kontabilità, b'mod li l-qligħ realment irreġistrat jikkostitwixxi l-bażi tal-kalkolu tal-qligħ totali taxxabbli skont is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju (70).

6.3.1.2.   L-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv mhijiex parti integrali mis-sistema ta' referenza

(123)

Taħt is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju, il-qligħ realment irreġistrat jiġi soġġett għal sensiela ta' aġġustamenti pożittivi u negattivi previsti mil-liġi fiskali Belġjana biex jinkiseb il-qligħ totali taxxabbli (71). F'dan ir-rigward, il-Belġju jargumenta li l-aġġustamenti kollha magħmula għall-qligħ realment irreġistrat li jirrakkomanda s-CIR 92, fosthom l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, huma parti integrali mis-sistema ta' referenza.

(124)

Il-Kummissjoni ma taqbilx li l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv hija parti integrali mis-sistema ta' referenza għar-raġunijiet mogħtija fil-premessi (125) sa (128).

(125)

L-ewwel nett, l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv ma hija preskritta minn ebda dispożizzjoni tas-CIR 92. Fil-fatt, il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92, li fuq il-bażi tiegħu effettivament tingħata l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, jirreferi għal tranżazzjonijiet jew arranġamenti speċifiċi bejn żewġ entitajiet assoċjati li jifformaw parti minn grupp. In-natura ta' distakkament tal-kundizzjonijiet stabbiliti għal dawn it-tranżazzjonijiet jew arranġamenti tista' twassal għal aġġustament tal-prezzijiet ta' trasferiment fuq il-bażi ta' din id-dispożizzjoni, iżda ma tawtorizzax u lanqas tippreskrivi eżenzjoni unilaterali astratta ta' sehem fiss jew ta' perċentwali fiss tal-qligħ realment irreġistrat minn entità Belġjana li tappartjeni għal grupp multinazzjonali. Din id-dispożizzjoni pjuttost teżiġi li tiġi identifikata tranżazzjoni jew arranġament (jew sensiela ta' tranżazzjonijiet) ma' kontroparti barranija speċifika assoċjata li tappartjeni għall-grupp. Fil-fatt, l-Artikolu 185(2)(a) tas-CIR 92 biss, li jirrigwarda l-aġġustamenti pożittivi tal-prezzijiet ta' trasferiment, jippermetti li d-dipartiment tat-taxxa Belġjan jagħmel aġġustament unilaterali primarju tal-prezzijiet ta' trasferiment jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti għal tranżazzjoni jew għal arranġament ikunu differenti minn dawk maqbula f'kundizzjonijiet ta' distakkament. Bil-kuntrarju, l-applikazzjoni tal-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92, li jirrigwarda l-aġġustamenti negattivi tal-prezzijiet ta' trasferiment, jinkludi l-kundizzjoni addizzjonali li l-qligħ iġġenerat mit-tranżazzjoni jew l-arranġament li jrid jiġi eżentat irid ukoll ikun iddaħħal fil-qligħ tal-kontroparti barranija għal din it-tranżazzjoni jew arranġament.

(126)

It-tieni nett, is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju għandha l-għan li tintaxxa lill-kumpaniji kollha soġġetti għat-taxxa fuq il-qligħ reali tagħhom, kemm jekk huma kumpaniji indipendenti kif ukoll jekk jappartjenu għal xi grupp, jekk jappartjenu għal grupp nazzjonali jew multinazzjonali, jekk jappartjenu għal grupp multinazzjonali kbir jew żgħir u kemm jekk ikun ilhom stabbiliti għal ftit żmien fil-Belġju kif ukoll jekk ikun ilhom snin kbar jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom hemmhekk. Fi kliem ieħor, dawn il-kontribwenti kollha jinsabu f'sitwazzjoni legali u fattwali simili fir-rigward tal-għan imfittex mis-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji, jiġifieri li tintaxxa lill-kumpaniji kollha soġġetti għat-taxxa fuq il-qligħ reali tagħhom. Il-liġi Belġjana tidentifika wkoll l-entitajiet preżenti fil-Belġju li huma soġġetti għat-taxxa fuq il-kumpaniji u tinkludi kwalunkwe kumpanija, assoċjazzjoni, stabbiliment jew korp kostitwit b'mod regolari li għandu personalità ġuridika u huwa involut f'attivitajiet jew operazzjonijiet bi skop ta' qligħ (72). La l-forma ġuridika tal-impriża u lanqas l-istruttura tagħha (grupp ta' kumpaniji jew le) ma jikkostitwixxu kriterju determinanti għal dak li jirrigwarda l-ġbir tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju. Għaldaqstant, għalkemm l-aġġustamenti magħmula fil-qligħ realment irreġistrat u aċċessibbli għall-kontribwenti kollha huma ta' natura ġenerali u, għalhekk, mhux selettivi fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE (73), l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tagħmel distinzjoni bejn dawn il-kontribwenti, peress li huma biss l-entitajiet Belġjani li jifformaw parti minn grupp mulitanazzjonali ta' daqs suffiċjenti u li jkun ilu ftit żmien biss iwettaq attivitajiet fil-Belġju li jistgħu jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni, kif spjegat fit-Taqsima 6.3.2.

(127)

It-tielet nett, id-differenza fil-kalkolu tal-qligħ taxxabbli bejn il-kumpaniji indipendenti u l-kumpaniji ta' grupp ma taffettwax l-għan tas-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju, jiġifieri, li jiġi intaxxat il-qligħ tal-kumpaniji kollha residenti jew attivi permezz ta' stabbiliment permanenti fil-Belġju, kemm jekk ikunu indipendenti kif ukoll integrati. Għalkemm il-kalkolu tal-qligħ taxxabbli fil-każ tal-kumpaniji indipendenti mhux integrati/nazzjonali li jagħmlu tranżazzjonijiet fis-suq huwa relattivament sempliċi, minħabba li huwa bbażat fuq id-differenza bejn id-dħul u l-ispejjeż iddeterminati minn suq kompetittiv, dak tal-qligħ taxxabbli fil-każ tal-kumpaniji integrati ta' grupp multinazzjonali jeħtieġ l-użu ta' dejta indiretta. Għalhekk, il-kumpaniji integrati ta' grupp multinazzjonali jkollhom jiffissaw il-prezzijiet li jridu japplikaw għal dawn it-tranżazzjonijiet fi ħdan il-gruppi biex jikkalkulaw il-qligħ taxxabbli tagħhom minflok ma jużaw prezzijiet iddettati direttament mis-suq. Anki jekk wieħed iqis li ċerti deċiżjonijiet strateġiċi jittieħdu fl-aħjar interess tal-grupp kollu, it-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju tinġabar mingħand entitajiet individwali u mhux mingħand il-gruppi. L-iskema inkwistjoni tirrigwarda esklussivament il-qligħ taxxabbli tal-kumpaniji Belġjani ta' grupp, b'mod li kwalunkwe tnaqqis fid-dħul mit-taxxa huwa bbażat b'mod individwali fuq ir-riżultati ta' dawn il-kumpaniji. Għalkemm huwa minnu li l-liġi fiskali Belġjana tipprovdi dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għall-gruppi, dawn ġeneralment ikollhom l-għan li jqiegħdu fuq l-istess livell lill-kumpaniji mhux integrati u lill-entitajiet ekonomiċi strutturati fil-forma ta' gruppi, iżda mhux li jiffavorixxu lil dawn tal-aħħar.

(128)

Fl-aħħar nett, kieku l-Kummissjoni kellha taċċetta l-arugment tal-Belġju dwar dan il-punt, dan ikun ifisser li Stat Membru jista' jevadi r-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, sempliċiment billi jintroduċi eżenzjoni fil-Kodiċi Fiskali tiegħu.

6.3.1.3.   Konklużjoni dwar is-sistema ta' referenza

(129)

Bħala konklużjoni, is-sistema ta' referenza li għandha tiġi kkunsidrata biex jiġi stabbilit jekk l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv għandhiex karattru selettiv jew le hija s-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju, li għandha l-għan li tintaxxa bl-istess mod il-qligħ tal-kumpaniji kollha residenti jew attivi permezz ta' stabbiliment permanenti fil-Belġju. Fil-fatt, peress li l-għan tal-iskema inkwistjoni huwa li taġġusta l-qligħ taxxabbli tal-kumpanija biex tinġabar it-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju skont is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju, din is-sistema hija s-sistema ta' referenza li fir-rigward tagħha trid tiġi eżaminata l-iskema biex ikun stabbilit jekk ingħatax vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħha.

6.3.2.   L-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv hija deroga mis-sistema ta' referenza

(130)

Peress li issa huwa stabbilit li s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju hija s-sistema ta' referenza li fuqha trid tiġi vvalutata l-iskema inkwistjoni, jeħtieġ li jkun iddeterminat jekk l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv hijiex deroga minn din is-sistema ta' referenza, li tirriżulta fi trattament differenti bejn il-kumpaniji li jkunu f'sitwazzjoni legali u fattwali simili fid-dawl tal-għan imfittex minn din is-sistema.

(131)

F'dak li jirrigwarda t-tieni stadju tal-analiżi tas-selettività, il-fatt li jiġi stabbilit jekk miżura fiskali hijiex deroga jew le mis-sistema ta' referenza ġeneralment imur id f'id mad-definizzjoni tal-vantaġġ mogħti minn din il-miżura lill-benefiċjarji tagħha. Fil-fatt, meta miżura fiskali tirriżulta fi tnaqqis mhux ġustifikat tat-taxxa dovuta mill-benefiċjarji li, fin-nuqqas ta' din il-miżura, ikollhom iħallsu taxxa ogħla taħt is-sistema ta' referenza, dan it-tnaqqis huwa kemm deroga mis-sistema ta' referenza kif ukoll vantaġġ mogħti mill-miżura fiskali.

(132)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv mogħti fuq il-bażi tal-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 hija deroga mis-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju u mhux is-sempliċi applikazzjoni ta' din is-sistema. Kif ser juru ż-żewġ subtaqsimiet li ġejjin, il-Kummissjoni tqis li din id-deroga tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tal-iskema inkwistjoni.

(133)

L-ewwel nett, l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tvarja mis-sistema komuni ta' tassazzjoni tal-qligħ tal-kumpaniji prevista mis-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju, li taħtha l-entitajiet ta' kumpaniji residenti jew attivi permezz ta' stabbiliment permanenti fil-Belġju huma intaxxati fuq il-bażi tal-qligħ totali tagħhom, jiġifieri l-qligħ realment irreġistrat tagħhom, u mhux fuq il-bażi ta' livell ipotetiku ta' qligħ miksub bl-istima ta' “qligħ ta' distakkament aġġustat” għall-entità inkwistjoni. L-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tagħti vantaġġ selettiv lill-entitajiet Belġjani ta' grupp li jibbenefika mill-iskema inkwistjoni għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE billi teżenta mit-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju parti mill-qligħ realment irreġistrat tagħhom (74).

(134)

U barra minn hekk, u mingħajr preġudizzju għall-premessa preċedenti, irrispettivament mill-fatt li wieħed jista' jqis li s-sistema ta' referenza tinkludi regola ġenerali li tipprovdi li l-kumpaniji ta' grupp multinazzjonali residenti jew attivi permezz ta' stabbiliment permanenti fil-Belġju ma għandhomx ikunu intaxxati fuq qligħ realment irreġistrat li jaqbeż qligħ ta' distakkament, li mhuwiex il-każ (75), il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv hija applikazzjoni ħażina tal-prinċipju ta' distakkament u għalhekk devjazzjoni minnu, li huwa parti minn din is-sistema (76).

6.3.2.1.   L-iskema inkwistjoni tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħha billi tidderoga mis-sistema komuni tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju

(135)

Vantaġġ ekonomiku jista' jingħata billi jitnaqqas b'diversi modi l-piż tat-taxxa ta' impriża u, b'mod partikolari, billi titnaqqas il-bażi taxxabbli jew l-ammont tat-taxxa dovuta (77). Kif spjegat fit-Tasima2.1, l-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tippermetti lill-entitajiet residenti jew attivi permezz ta' stabbiliment permanenti fil-Belġju li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali li jnaqqsu t-taxxa tagħhom dovuta fil-Belġju billi jnaqqsu l-qligħ imsejjaħ “eċċessiv” mill-qligħ realment irreġistrat. Dan il-qligħ eċċessiv huwa kkalkulat billi wieħed jistma l-qligħ medju ipotetiku li impriża indipendenti li twettaq attivitajiet simili tista' tagħmel f'ċirkustanzi simili. Id-differenza bejn dan il-qligħ realment irreġistrat tal-entità u dan il-qligħ medju ipotetiku mbagħad jiġi tradott f'persentaġġ ta' eżenzjoni tal-qligħ qabel it-taxxa biex jinkiseb persentaġġ tal-qligħ eċċessiv medju fuq perjodu propost. Dan il-persentaġġ jirrappreżenta l-bażi taxxabbli deċiża għall-benefiċjarju taħt l-iskema inkwistjoni għall-ħames snin li matulhom id-deċiżjoni bil-quddiem torbot lid-dipartiment tat-taxxa.

(136)

L-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv madankollu mhijiex aċċessibbli għall-entitajiet kollha ta' kumpaniji li jinsabu f'sitwazzjoni legali u fattwali simili li, fid-dawl tal-għan tas-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju li huwa li jiġi intaxxat id-dħul tal-kumpaniji, jikkorrispondi għal kumpaniji kollha soġġetti għat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju. Fil-fatt, is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju ma tinkludi ebda prinċipju u lanqas regola li tippermetti l-eżenzjoni fiskali tal-qligħ realment irreġistrat li jaqbeż livell ipotetiku ta' qligħ ta' distakkament (78). L-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92, invokat mill-Belġju biex tagħti l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv taħt l-iskema inkwistjoni, la għandu din it-tifsira u lanqas dan l-għan. L-iskema inkwistjoni hija pjuttost deroga mir-regola ġenerali prevista mil-liġi fiskali Belġjana li tgħid li l-qligħ realment irreġistrat huwa intaxxat.

(137)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonferma l-opinjoni espressa fil-premessa 89 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, jiġifieri li l-iskema inkwistjoni hija selettiva f'diversi livelli u għal diversi raġunijiet.

(138)

L-ewwel nett, l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv hija aċċessibbli biss għall-entitajiet li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali, u mhux għall-entitajiet indipendenti jew li jifformaw parti minn gruppi nazzjonali ta' kumpaniji. Fil-fatt, minħabba li l-iskema inkwistjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92, li jillimita l-applikazzjoni tal-eżenzjoni — u l-għoti ta' deċiżjoni bil-quddiem meħtieġa biex wieħed jibbenefika mill-eżenzjoni — għall-entitajiet involuti fi tranżazzjonijiet transfruntiera, l-entitajiet Belġjani li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali biss jistgħu jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv. Fi kliem ieħor, il-vantaġġ ekonomiku mogħti lill-benefiċjarji taħt l-iskema inkwistjoni huwa selettiv de jure, peress li huwa aċċessibbli biss għall-entitajiet li jappartjenu għal grupp multinazzjonali, u mhux għall-entitajiet indipendenti jew li jifformaw parti minn grupp nazzjonali ta' kumpaniji. B'mod partikolari, l-entitajiet li jifformaw parti minn grupp nazzjonali ta' kumpaniji jistgħu jaġixxu wkoll bħala imprendituri ċentrali wara riorganizzazzjoni nazzjonali u jistgħu għalhekk jargumentaw ukoll li l-qligħ realment irreġistrat tagħhom wara din ir-riorganizzazzjoni huwa ogħla minn qligħ medju ipotetiku li kumpanija indipendenti li twettaq attivitajiet simili tista' tistenna li tirreġistra bil-ħolqien (allegat) ta' sinerġiji jew ekonomiji ta' skala fil-livell nazzjonali. Madankollu, b'differenza mill-imprendituri ċentrali bbażati fil-Belġju tal-kompetituri internazzjonali tagħhom li jittrattaw ma' kumpaniji barranin assoċjati tal-grupp, dawn l-entitajiet ma jistgħux jibbenefikaw mill-iskont fuq il-bażi taxxabbli tagħhom previst mill-iskema inkwistjoni f'każ ta' qligħ eċċessiv, peress li dawn l-entitajiet ma jaqgħux taħt l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92.

(139)

It-tieni nett, biex wieħed ikun jista' jibbenefika mill-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv taħt l-iskema inkwistjoni, is-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem irid jagħti l-awtorizzazzjoni minn qabel fil-forma ta' deċiżjoni bil-quddiem u din l-awtorizzazzjoni tista' tinkiseb biss għas-sitwazzjonijiet jew l-operazzjonijiet futuri li għadhom ma pproduċewx effetti fuq it-taxxa u mhux għal sitwazzjonijiet eżistenti. Is-sistema ta' deċiżjoni bil-quddiem għat-taxxa introdotta fil-Kodiċi tat-Taxxa Belġjana mil-Liġi tal-24 ta' Diċembru 2002 tipprovdi, fil-fatt, li deċiżjoni bil-quddiem tapplika biss “għal sitwazzjoni jew operazzjoni partikolari li għadha ma pproduċietx effetti fuq it-taxxa” għall-kontribwent ikkonċernat (79). B'mod aktar preċiż, kontribwent mhuwiex intitolat li jitlob deċiżjoni bil-quddiem li tkopri l-konsegwenzi fiskali tas-sitwazzjoni attwali tiegħu, huma biss l-implikazzjonijiet fiskali ta' “sitwazzjoni ġdida” li jistgħu jkunu koperti minn deċiżjoni fiskali bil-quddiem. Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw ukoll għad-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem li jagħtu eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv taħt l-iskema inkwistjoni. Fil-fatt, fil-kampjun ta' deċiżjonijiet bil-quddiem li jagħtu eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv analizzat mill-Kummissjoni, kull deċiżjoni bil-quddiem kienet issemmi investimenti kbar u/jew il-ħolqien ta' impjiegi u/jew ir-rilokazzjoni tal-attivitajiet fil-Belġju (80). Dawn l-elementi mhumiex espliċitament imsemmija bħala kundizzjonijiet għall-għoti tal-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv fuq il-bażi tal-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92, iżda huma essenzjali biex wieħed ikun jista' jibbenefika minn deċiżjoni bil-quddiem, li huwa obbligatorju għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv. L-obbligu tas-“sitwazzjoni ġdida”, li jirriżulta mill-obbligu li wieħed jitlob deċiżjoni bil-quddiem minn qabel biex ikun jista' jibbenefika mill-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv (81), jiġġenera għalhekk bi dritt selettività bejn il-gruppi multinazzjonali li jibdlu l-mudell ta' negozju tagħhom billi jintroduċu attivitajiet ġodda fil-Belġju u l-operaturi ekonomiċi l-oħrajn kollha (inklużi l-gruppi multinazzjonali) li jkomplu jsegwu mudelli ta' negozju eżistenti fil-Belġju.

(140)

It-tielet nett, l-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv teżenta l-qligħ li — allegatament — jirriżulta minn sinerġiji, ekonomiji ta' skala jew vantaġġi oħrajn li jiġu mill-appartenenza għal grupp multinazzjonali. Għalkemm il-gruppi ta' kumpaniji kollha jistgħu jistennew dawn il-vantaġġi, dawk l-entitajiet biss li jappartjenu għal grupp multinazzjonali kbir biżżejjed biex jiġġenera qligħ sinifikanti minn sinerġiji, ekonomiji ta' skala jew vantaġġi oħrajn fi ħdan il-grupp huma mħeġġa jiksbu deċiżjoni bil-quddiem taħt l-iskema inkwistjoni. Ir-raġuni hija li l-proċess biex tinkiseb deċiżjoni bil-quddiem jeħtieġ applikazzjoni dettaljata li tippreżenta s-sitwazzjoni ġdida li tiġġustifika l-eżenzjoni, b'dettalji dwar il-preżenza tal-entità f'termini ta' impjiegi u li tipprovdi studju sħiħ tal-qligħ eċċessiv, li huwa ferm aktar restrittiv għall-gruppi ta' kumpaniji żgħar milli għall-kumpaniji l-kbar. Is-sinerġiji u t-tfaddil ta' spejjeż invokati fl-applikazzjonijiet għad-deċiżjonijiet bil-quddiem jeħtieġu effettivament li l-ambitu u d-daqs tal-attivitajiet ikunu kbar biżżejjed biex jiġġustifikaw it-talba għal deċiżjoni bil-quddiem. Fil-fatt, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Kummissjoni, il-Belġju ma setax jipprovdi eżempju wieħed ta' eżenzjoni ta' qligħ eċċessiv mitluba u miksuba minn entità Belġjana li tifforma parti minn grupp multinazzjonali żgħir. Fi kliem ieħor, l-iskema inkwistjoni hija wkoll selettiva de facto minħabba li dawk l-entitajiet Belġjani biss li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali kbir, jew tal-inqas medju, jistgħu effettivament jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, u mhux l-entitajiet li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali żgħir.

(141)

B'konklużjoni ta' dan, minħabba li l-iskema inkwistjoni tippermetti biss lill-entitajiet Belġjani li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali kbir biżżejjed li jwettaq attivitajiet ġodda fil-Belġju li jnaqqsu l-bażi tat-taxxa taxxabbli tagħhom billi jnaqqsu l-hekk imsejjaħ qligħ “eċċessiv” mill-qligħ realment irreġistrat tagħhom, jeħtieġ ikun ikkunsidrat li din l-iskema tipprovdi vantaġġ selettiv lil dawn l-entitajiet għall-finjiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Fil-fatt, bit-tnaqqis tal-ammont ta' taxxa normalment dovuta taħt is-sistema komuni ta' tassazzjoni tal-qligħ tal-kumpaniji, l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tnaqqas piż mill-baġit ta' dawn l-entitajiet Belġjani li normalment ikollhom iġorru, u b'hekk tagħtihom vantaġġ selettiv.

(142)

Il-Belġju jiġġustifika d-differenza fit-trattament mogħti mill-iskema inkwistjoni billi jirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta' Novembru 2014 fil-Kawża T-399/11 u billi jargumenta li l-fatt li miżura tkun limitata għall-multinazzjonali mhuwiex biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li hija selettiva, peress li dan il-grupp ta' kumpaniji, b'differenza mill-kumpaniji offshore, ma għandhomx karatteristiċi komuni f'termini ta' settur ekonomiku, attività, importanza tal-karta tal-bilanċ, l-għadd ta' impjegati jew ta' pajjiżi fejn huma stabbiliti (82). Madankollu, is-sentenza li għaliha jirreferi l-Belġju mhux biss hija kkontestata (83), iżda lanqas biss tapplika għall-iskema inkwistjoni, peress li kienet tirrigwarda l-kwistjoni ta' jekk vantaġġ fiskali relatat ma' tranżazzjonijiet finanzjarji partikolari kienx selettiv, filwaqt li l-iskema inkwistjoni tirrigwarda vantaġġi mogħtija lil ċerti kategoriji speċifiċi ta' kumpaniji. Fil-fatt, fis-sentenza li jirreferi għaliha l-Belġju, il-Qorti Ġenerali qieset li miżura fiskali li tiffavorixxi x-xiri ta' sussidjarji barranin minflok sussidjarji nazzjonali ma tinvolvi ebda vantaġġ selettiv għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE peress li a priori ma tipprojbixxi lil ebda kategorija ta' impriżi li jibbenefikaw minnha. Għall-kuntrarju, ċerti kategoriji ta' impriżi biss jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, jiġifieri l-entitajiet li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali kbir biżżejjed u li jwettaq attivitajiet ġodda fil-Belġju.

(143)

Il-Kummissjoni ma tikkunsidrax lanqas, kif jgħid il-Belġju, li l-vantaġġ selettiv huwa marbut man-nuqqas ta' tassazzjoni barra l-pajjiż tal-qligħ eżentat fil-Belġju, peress li huwa l-Belġju li qed inaqqas b'mod unilaterali l-bażi taxxabbli tal-entità Belġjana tal-grupp li qed tibbenefika mill-iskema inkwistjoni, irrispettivament mit-tassazzjoni effettiva jew allegata tal-istess qligħ minn Stat Membru. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 107(1) tat-TFUE jipprojbixxi l-għoti ta' għajnuna mill-Istat minn Stat Membru. Għaldaqstant, il-kwistjoni ta' jekk skema speċifika tagħtix vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha għandha tkun ivvalutata fid-dawl tal-azzjonijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, jiġifieri l-Belġju. Din il-valutazzjoni ma għandhiex tqis l-effett newtrali jew negattiv possibbli tal-iskema fuq il-kumpaniji l-oħrajn tal-grupp minħabba t-trattament tagħhom minn Stati Membri oħrajn.

6.3.2.2.   L-iskema inkwistjoni tipprovdi vantaġġ selettiv peress li tiddevja mill-prinċipju ta' distakkament

(144)

Jekk is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju tista' titqies li fiha regola ġenerali jew leli tipprojbixxi l-intaxxar tal-qligħ realment irreġistrat mill-entitajiet ta' grupp multinazzjonali li jaqbeż qligħ ta' distakkament, li l-Kummissjoni tikkontesta (84), l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv hija deroga mis-sistema ta' referenza peress li r-raġunijiet li jiġġustifikaw kemm l-eżenzjoni u l-metodu użat biex jiġi stabbilit il-qligħ eċċessiv għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-iskema inkwistjoni jiksru l-prinċipju ta' distakkament, li jagħmel parti minn din is-sistema.

(a)   Il-prinċipju ta' distakkament fir-rigward tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat

(145)

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tnaqqis tal-bażi taxxabbli li jirriżulta minn miżura fiskali li tippermetti lil kontribwent li juża, fil-kuntest ta' tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp, prezzijiet ta' trasferiment differenti mill-prezzijiet użati f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ħielsa bejn impriżi indipendenti li jinnegozjaw f'kundizzjonijiet simili skont il-prinċipju ta' distakkament, jipprovdi vantaġġ selettiv lil dan il-kontribwent, peress li t-taxxa li jrid iħallas skont is-sistema fiskali ġenerali hija inqas minn dik li jridu jħallsu l-kumpaniji indipendenti li jikkalkulaw il-bażi tat-taxxa tagħhom fuq il-bażi tal-qligħ realment irreġistrat (85).

(146)

Fis-sentenza tagħha dwar l-iskema fiskali applikata mill-Belġju għaċ-ċentri ta' koordinazzjoni (86), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat appell kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet tikkonkludi fost l-oħrajn li l-metodu ta' determinazzjoni tad-dħul taxxabbli previst minn din l-iskema kien jipprovdi vantaġġ selettiv lil dawn iċ-ċentri (87). Skont din l-iskema, il-qligħ taxxabbli kien stabbilit f'ammont fiss, li jikkorrispondi għal persentaġġ tal-ammont totali tal-infiq u tal-ispejjeż operattivi li minnhom kienu esklużi l-ispejjeż tal-persunal u l-piżijiet finanzjarji. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[b]iex jiġi eżaminat jekk id-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli, kif previst fl-iskema taċ-ċentri ta' koordinazzjoni, tagħtix vantaġġ lil dawn tal-aħħar, jeħtieġ, […], li l-iskema msemmija titqabbel mas-sistema tal-liġi komuni bbażata fuq id-differenza bejn id-dħul u l-ispejjeż għal kumpanija li twettaq l-attivitajiet tagħha f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ħielsa.” Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad qieset li “l-esklużjoni [tal-ispejjeż tal-persunal u tal-piżijiet finanzjarji] mill-ispejjeż li jintużaw għad-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli ta' dawn iċ-ċentri ma tgħinx biex wieħed jasal għal prezzijiet ta' trasferiment simili għal dawk li jintużaw f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ħielsa”, li, għall-Qorti tal-Ġustizzja, “[tipprovdi] vantaġġ ekonomiku liċ-ċentri msemmija (88).

(147)

Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja aċċertat li miżura fiskali li twassal lil kumpanija li tappartjeni għal grupp li titlob prezzijiet ta' trasferiment mhux konformi ma' dawk li jintalbu f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ħielsa, jiġifieri prezzijiet innegozjati minn impriżi indipendenti f'ċirkustanzi simili skont il-prinċipju ta' distakkament, tagħti vantaġġ selettiv lil din il-kumpanija peress li din twassal għal tnaqqis tal-bażi taxxabbli tagħha u, allura, tat-taxxa dovuta skont is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-kumpaniji. Dan il-prinċipju li fuqu t-tranżazzjonijiet imwettqa bejn kumpaniji tal-istess grupp għandhom jitħallsu bħallikieku kienu konklużi minn kumpaniji indipendenti li jinnegozjaw f'ċirkustanzi simili f'kundizzjonijiet ta' distakkament ġeneralment jissejjaħ il-“prinċipju ta' distakkament”.

(148)

Il-prinċipju ta' distakkament għandu l-għan li jiggarantixxi li tranżazzjonijiet magħmula bejn il-kumpaniji tal-istess grupp jiġu ttrattati għall-finijiet ta' taxxa b'kunsiderazzjoni tal-ammont tal-qligħ li kien ikun realizzat kieku l-istess tranżazzjonijiet kienu jkunu konklużi minn kumpaniji indipendenti, inkella l-kumpaniji tal-grupp jibbenefikaw minn trattament favorevoli skont is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-kumpaniji f'dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-qligħ taxxabbli tagħhom, għall-kuntrarju tal-kumpaniji indipendenti, li jwassal għal trattament differenti fir-rigward tal-għan ta' din is-sistema, li huwa l-intaxxar tal-qligħ tal-kumpaniji kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni fiskali tagħha.

(149)

Biex ikun ivvalutat jekk il-Belġju tax vantaġġ selettiv permezz tal-iskema inkwistjoni, il-Kummissjoni trid tivverifika jekk il-metodu approvat mill-Belġju biex jiddetermina l-qligħ ta' distakkament aġġustat matul it-tieni stadju tal-iskema jvarjax mill-metodu li jwassal għal approssimazzjoni affidabbli ta' riżultat ibbażat fuq is-suq u, għalhekk, mill-prinċipju ta' distakkament. Diment li l-metodu jwassal għal tnaqqis tat-taxxa dovuta mill-entità Belġjana skont is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju meta mqabbla mal-impriżi li jinsabu f'sitwazzjoni legali u fattwali simili, din l-iskema titqies li tagħti vantaġġ selettiv għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(150)

Il-prinċipju ta' distakkament għaldaqstant jifforma neċessarjament parti integrali mill-valutazzjoni li għamlet il-Kummissjoni, fir-rigward tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, tal-miżuri fiskali mogħtija lill-kumpaniji ta' grupp, irrispettivament mill-kwistjoni ta' jekk Stat Membru inkludiex dan il-prinċipju fis-sistema ġuridika nazzjonali tiegħu u f'liema forma. Jiġi applikat biex ikun determinat jekk il-qligħ taxxabbli ta' kumpanija li tappartjeni għal grupp għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq il-kumpaniji kienx ikkalkulat permezz ta' metodu li jkun qrib il-kundizzjonijiet tas-suq, b'mod li din il-kumpanija ma tibbenefikax minn trattament aktar favorevoli, permezz ta' sistema komuni tat-taxxa fuq il-kumpaniji, minn dak użat għal kumpaniji indipendenti li l-qligħ taxxabbli tagħha huwa ddeterminat mis-suq. Għaldaqstant, biex tiġi evitata kwalunkwe ambigwità, il-prinċipju ta' distakkament li l-Kummissjoni tapplika għall-finijiet tal-valutazzjoni tagħha tal-għajnuna mill-Istat mhuwiex dak li jirriżulta mill-Artikolu 9 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD u tal-prinċipji tal-OECD dwar il-prezzijiet ta' trasferiment, li mhumiex strumenti vinkolanti, iżda prinċipju ġenerali ta' trattament ugwali fit-tassazzjoni li jaqa' taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, li jorbot lill-Istati Membri u jkopri r-regoli tat-taxxa nazzjonali (89).

(151)

F'dan il-każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-metodu għad-determinazzjoni tal-“qligħ ta' distakkament aġġustat” matul it-tieni stadju previst mill-iskema inkwistjoni, kif deskritt fil-premessa 15, jiddevja mill-prinċipju ta' distakkament, li jwassal għall-għoti ta' vantaġġ selettiv lill-entitajiet li jibbenefikaw minn din l-iskema. Skont id-deskrizzjoni li jagħtu l-awtoritajiet Belġjani tal-iskema inkwistjoni u fid-dawl tal-informazzjoni ppreżentata fil-kampjun ta' deċiżjonijiet bil-quddiem individwali eżaminati mill-Kummissjoni (90), l-entitajiet Belġjani tal-grupp li jibbenefikaw minn eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tagħhom huma meqjusa li jamministraw u jassumu l-funzjonijiet l-aktar kumplessi fi ħdan il-grupp multinazzjonali tagħhom (kemm jekk huma l-funzjonijiet kollha kif ukoll dawk marbutin biss ma' linja ta' attività jew territorju ġeografiku). Kif spjegat fis-subtaqsima li jmiss, il-Kummissjoni tqis għalhekk li l-qligħ residwu totali li jirriżulta mit-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp konklużi bejn dawn l-entitajiet u l-kumpaniji assoċjati magħhom fi ħdan il-grupp għandu jkun attribwibbli lill-entitajiet Belġjani tal-grupp taħt il-qligħ ta' distakkament tagħhom (fl-ewwel stadju). L-applikazzjoni tal-prinċipju ta' distakkament ma tħalli ebda lok għar-rikonoxxoment u l-attribuzzjoni ġenerali separati mill-qligħ li jkun ġej minn sinerġiji u ekonomiji ta' skala f'valutazzjoni tal-prezzijiet ta' trasferiment (fit-tieni stadju).

(b)   Il-qligħ residwu huwa l-qligħ ta' distakkament tal-entità Belġjana tal-grupp li taġixxi bħala “imprenditur ċentrali”

(152)

L-awtoritajiet Belġjani jiddeskrivu l-iskema inkwistjoni bħala li hija bbażata fuq l-idea li l-entitajiet Belġjani tal-grupp jaġixxu bħala “imprendituri ċentrali (91). Fil-fehma tagħhom, ir-responsabbiltajiet ewlenin li jirrigwardaw il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet strateġiċi u tattiċi u l-funzjonijiet l-aktar kumplessi tal-grupp — kemm jekk huma l-funzjonijiet kollha kif ukoll dawk marbutin biss ma' linja ta' attività jew territorju ġeografiku — huma kkonsolidati fi ħdan dawn l-entitajiet Belġjani tal-grupp. L-entitajiet assoċjati tal-grupp li jittrattaw ma' dawn l-entitajiet Belġjani tal-grupp aktarx ikunu għalhekk sottokuntratturi, manifatturi, fornituri ta' servizzi ta' riċerka, distributuri limitati jew aġenti (92) jew entitajiet oħrajn li jeżerċitaw funzjonijiet “awtomatiċi” u li għandhom responsabbiltajiet limitati.

(153)

Kif spjegat fil-premessa 15, l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tingħata permezz ta' approċċ f'żewġ stadji. Fl-ewwel stadju ta' dan l-approċċ, l-entità Belġjana tal-grupp tistma l-qligħ ta' distakkament tagħha bħala qligħ residwu, li jimplika l-użu ta' metodu unilaterali ta' ffissar tal-prezzijiet ta' trasferiment bħall-MTMP, li huwa l-aktar użat fil-prattika (93). Xi drabi dan jitqies bħala metodu ta' kalkolu tal-prezzijiet ta' trasferiment adegwat biex jiġu ddeterminati l-prezzijiet u l-kundizzjonijiet għat-tranżazzjoni kkontrollata bejn entitajiet li jeżerċitaw funzjonijiet kumplessi u entitajiet li jeżerċitaw funzjonijiet inqas kumplessi. Il-parti ttestjata waqt l-applikazzjoni tal-MTMP ġeneralment hija l-parti għat-tranżazzjoni li għaliha l-metodu jista' jiġi applikat bl-aktar mod affidabbli u li għaliha jistgħu jinstabu l-aktar paraguni affidabbli, u għalhekk din tkun spiss dik li tippreżenta l-analiżi funzjonali l-inqas kumplessa (94). Waqt l-applikazzjoni tal-MTMP, il-qligħ nett tal-parti ttestjata jiġi eżaminat b'paragun ma' bażi xierqa bħall-ispejjeż, il-bejgħ jew l-assi (95). Bil-maqlub, il-qligħ residwu (jew, eventwalment, it-telf residwu) li jirriżulta mis-sensiela ta' tranżazzjonijiet ikkontrollati waqt l-applikazzjoni tal-MTMP ikun dovut lill-parti mhux ittestjata, jiġifieri ġeneralment l-entità li jkollha l-aktar profil kumpless.

(154)

Mingħajr ma tippreġudika l-opportunità li jiġi applikat metodu unilaterali ta' iffissar tal-prezzijiet ta' trasferiment biex jiġi ddeterminat il-qligħ ta' distakkament tal-entità Belġjana tal-grupp waqt l-ewwel stadju għal kull każ partikolari li fih ingħatat deċiżjoni bil-quddiem taħt l-iskema inkwistjoni (96), il-Kummissjoni tikkunsidra li l-entità Belġjana tal-grupp, bħala imprenditur ċentrali inkarigat mit-teħid ta' deċiżjonijiet strateġiċi u tattiċi fi ħdan il-grupp u li jmexxi u jeżerċita l-funzjonijiet l-aktar kumplessi fi ħdan il-grupp multinazzjonali, għandha tikseb żieda fir-redditu skontat bħala kumpens biex jiġi garantit riżultat konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq (97). Bil-maqlub, il-kontropartijiet assoċjati tagħha fi ħdan il-grupp li huma esposti għal riskju żgħir għandhom jirċievu kumpens limitat minħabba l-fatt li huma protetti kontra r-riskji kummerċjali u t-telf assoċjat (98). Fi kliem ieħor, fi tmiem l-eżerċizzju ta' ffissar tal-prezzijiet ta' trasferiment li jsir waqt l-ewwel stadju, l-entità Belġjana tal-grupp, bħala “imprenditur ċentrali”, tiġi attribwita l-qligħ residwu li jirriżulta mit-tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp. Dan il-qligħ residwu huwa għalhekk ugwali għall-qligħ ta' distakkament tal-entità Belġjana tal-grupp fir-rigward tas-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju u, fil-każ tal-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, huwa ugwali wkoll għall-qligħ realment irreġistrat tagħha.

(155)

Madankollu, matul it-tieni stadju tal-proċess deskritt fil-premessa 15, l-entità Belġjana tal-grupp tqis il-qligħ li kumpanija indipendenti simili kienet tagħmel f'ċirkustanzi simili biex tasal għal “qligħ ta' distakkament aġġustat” billi tapplika l-MTMP, din id-darba bl-entità Belġjana tal-grupp bħala l-parti ttestjata. Id-differenza bejn il-qligħ miksub skont l-ewwel u t-tieni stadju (qligħ residwu nieqes il-“qligħ ta' distakkament aġġustat” ikkalkulat fit-tieni stadju) hija l-ammont tal-“qligħ eċċessiv” eżentat mit-taxxa skont l-iskema inkwistjoni (99). Skont il-Belġju, it-tieni stadju tal-proċess huwa ġġustifikat mill-fatt li l-entitajiet Belġjani ta' grupp multinazzjonali għandhom ikunu ntaxxati biss fuq il-“qligħ ta' distakkament aġġustat” u, allura, il-qligħ realment irreġistrat li jaqbeż dan il-qligħ ta' distakkament aġġustat jista' jkun injorat għall-finijiet ta' taxxa peress li jkun “qligħ eċċessiv”.

(156)

Il-Kummissjoni ma tqisx li t-tieni stadju jirrispetta l-prinċipju ta' distakkament. Kif spjegat fil-premessa 153, bħala regola ġenerali, il-qligħ residwu li jirriżulta minn tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp għandu jiġi kkunsidrat, kollu kemm hu, bħala l-qligħ ta' distakkament tal-imprenditur ċentrali, fir-rigward tar-riskji kummerċjali u l-ispejjeż assoċjati mġarrba minn dan tal-aħħar (jiġifieri l-ispejjeż eventwali ta' ġestjoni jew ta' tnaqqis tar-riskju, jew l-ispejjeż li jistgħu jkunu ġġenerati mir-realizzazzjoni tar-riskju) bħala imprenditur ċentrali fl-istruttura tal-grupp. Għaldaqstant il-porzjon tal-qligħ li l-Belġju jqis huwa “eċċessiv” fir-realtà huwa biss komponent tal-qligħ residwu attribwibbli lill-entità Belġjana tal-grupp bħala imprenditur ċentrali fi ħdan il-grupp multinazzjonali tagħha. In-nuqqas ta' kunsiderazzjoni ta' kwalunkwe qligħ ta' dan it-tip fil-bażi taxxabbli tal-imprenditur ċentrali huwa għalhekk deroga mhux iġġustifikata minn mekkaniżmu tas-suq, li tmur kontra l-prinċipju ta' distakkament u tinvolvi l-għoti ta' vantaġġ selettiv lill-entitajiet li jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni peress li twassal għal tnaqqis fil-bażi taxxabbli tagħhom taħt is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju.

(157)

Il-Belġju jgħid li l-entitajiet Belġjani tal-grupp jirreġistraw parti mill-qligħ residwu mhux minħabba l-funzjonijiet, ir-riskji u l-assi tagħhom, iżda għax jappartjenu għal grupp multinazzjonali. Il-Belġju jikkwalifika din il-parti tal-qligħ bħala qligħ magħmul minn sinerġiji jew ekonomiji ta' skala u jgħid li ma għandux ikun attribwit lill-imprenditur ċentrali Belġjan taħt il-prinċipju ta' distakkament. Il-Kummissjoni ma taqbilx ma' dan ir-raġunament.

(158)

L-ewwel nett, il-prinċipju ta' distakkament ma jsostnix aġġustament ġenerali negattiv tal-qligħ magħmul minn sinerġiji jew ekonomiji ta' skala. Bil-maqlub, dan jeħtieġ li l-qligħ residwu kollu li jirriżulta mit-tranżazzjonijiet bejn impriżi assoċjati tal-grupp jiġi attribwit lill-impriża tal-grupp li għandha l-istatus ta' imprenditur ċentrali minħabba l-kontribut uniku tagħha għall-grupp, kif jixhdu l-funzjonijiet imwettqa, ir-riskji li tassumi u l-assi użati (100). Huwa t-tqassim tal-funzjonijiet, tar-riskji u tal-assi bejn il-partijiet assoċjati fit-tranżazzjonijiet ikkontrollati li jiddetermina liema entità għandha tieħu l-qligħ residwu, u sa liema punt, skont il-prinċipju ta' distakkament, inkluż f'dak li jirrigwarda l-qligħ magħmul minn sinerġiji jew ekonomiji ta' skala, jekk ikun il-każ.

(159)

Il-Kummissjoni tikkunsidra f'dan ir-rigward li l-qligħ ikkwalifikat mill-Belġju bħala “qligħ eċċessiv”, anki jekk huwa (parzjalment) relatat ma' sinerġiji u ekonomiji ta' skala, ma għandux ikun assenjat mill-ġdid, iżda ntaxxat fil-post fejn ikun iġġenerat (101). Il-qligħ relatat ma' sinerġiji jew ekonomiji ta' skala mhuwiex iddeterminat, ikkumpensat u lanqas attribwit b'mod separat skont il-prinċipju ta' distakkament. L-assenjazzjoni tiegħu tirriżulta b'mod awtomatiku mill-prezzijiet u l-kundizzjonijiet ta' trasferiment miftiehma bejn l-impriżi assoċjati għat-tranżazzjonijiet kollha u l-ftehimiet kollha bejn l-impriżi. Jekk dawn il-kundizzjonijiet u prezzijiet ikunu jirrispettaw il-prinċipju ta' distakkament, il-qligħ magħmul minn sinerġiji u ekonomiji ta' skala u l-mod kif jitqassam bejn l-entitajiet tal-grupp jirriżultaw b'mod awtomatiku minn dawn il-kundizzjonijiet u prezzijiet. Għaldaqstant għandu jkun intaxxat fil-post fejn ikun ġie ġġenerat.

(160)

Barra minn hekk, anki meta l-vantaġġ meħud minn sinerġiji u ekonomiji ta' skala fil-gruppi jista' jitqies rilevanti, ma għandux ikun ikkumpensat b'mod separat u lanqas assenjat (mill-ġdid) b'mod speċifiku lill-membri tal-grupp multinazzjonali. Dan jiġi awtomatikament maqsum bejn il-partijiet assoċjati b'konsegwenza tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta' distakkament għall-prezzijiet ta' trasferiment iffissati għat-tranżazzjonijiet u s-servizzi bejn l-impriżi (102).

(161)

It-tieni nett, il-mod li bih wieħed jasal għall-qligħ ta' distakkament aġġustat matul it-tieni stadju tal-proċess deskritt fil-premessa 15 huwa intrinsikament kontradittorju ma' kwalunkwe metodu ta' ffissar tal-prezzijiet ta' trasferiment użat biex wieħed jasal għall-qligħ ta' distakkament inizjali fl-ewwel stadju tal-proċess imsemmi. Fil-fatt, billi huma biss l-entitajiet li jaġixxu bħala imprenditur ċentrali li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, kwalunkwe metodu ta' ffissar tal-prezzijiet ta' trasferiment applikat fl-ewwel stadju għandu jqis lil dawn l-entitajiet bħala l-partijiet l-aktar kumplessi u l-aktar esposti għar-riskju f'sensiela ta' tranżazzjonijiet ikkontrollati. Fit-tieni stadju, l-istess entitajiet huma madankollu dejjem ikkunsidrati bħala l-partijiet ittestjati u bħala n-naħa l-inqas kumplessa tat-tranżazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-MTMP.

(162)

Madankollu, l-MTMP huwa kkunsidrat affidabbli biss għall-istabbiliment ta' approssimazzjoni tal-kumpens ta' distakkament għall-parti li teżerċita l-funzjonijiet sempliċi u inqas kumplessi, u li ftit iġġarrab riskji fi tranżazzjoni jew f'sensiela ta' tranżazzjonijiet ma' entità assoċjata li teżerċita l-funzjonijiet kumplessi u ġġorr ir-riskji kummerċjali (103). Jekk l-entità Belġjana tal-grupp hija l-imprenditur ċentrali, il-partijiet inqas kumplessi fi ħdan il-grupp multinazzjonali huma l-entitajiet barranin assoċjati ta' din l-entità Belġjana tal-grupp. Billi dawn l-entitajiet assoċjati għandhom jibbenefikaw minn kumpens permezz ta' redditu standard għall-funzjonijiet standard li jeżerċitaw, l-entità Belġjana tal-grupp għandha tiġi allokata, skont il-kundizzjonijiet tas-suq, qligħ residwu, u mhux standard, għall-funzjonijiet kumplessi li jeżerċitaw fi ħdan il-grupp. Bl-ittestjar taż-żewġ partijiet għat-tranżazzjonijiet ikkontrollati permezz ta' metodu unilaterali ta' iffissar tal-prezzijiet ta' trasferiment bħall-MTMP fi stadji differenti tal-valutazzjoni tal-prezz ta' trasferiment, bħal fl-iskema inkwistjoni, wieħed jinnota li l-qligħ operattiv magħmul minn tranżazzjonijiet relatati bejn il-partijiet assoċjati mhuwiex ugwali għat-total tal-qligħ miksub bl-applikazzjoni tal-MTMP għaż-żewġ partijiet, li joħloq porzjon ta' dħul mhux intaxxat, b'nuqqas ta' rispett tal-prinċipju ta' distakkament.

(163)

Fi kliem ieħor, jekk wieħed jassumi li l-prinċipju ta' distakkament ġie applikat kif suppost wara l-ewwel stadju, il-kundizzjonijiet u l-prezzijiet li jirregolaw it-tranżazzjoni bejn l-entitajiet Belġjani tal-grupp u l-entitajiet assoċjati tal-grupp għandhom ikunu riflessi fil-qligħ realment irreġistrat. Minħabba l-applikazzjoni korretta ta' dan il-prinċipju, il-qligħ standard huwa attribwibbli lill-entitajiet assoċjati barranin u realment irreġistrat minn dawn tal-aħħar u l-qligħ residwu huwa attribwibbli għall-imprenditur ċentrali u realment irreġistrat mill-entitajiet Belġjani tal-grupp.

(164)

Il-paragrafu 1.10 tal-prinċipji tal-OECD (104), li fuqhom jibbaża l-Belġju sabiex jiġġustifika l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, ma jippermettix li jiġu injorati jew eżentati t-taxxi fuq il-qligħ li jiġi minn sinerġiji jew ekonomiji ta' skala mingħajr ma dan jiġi riallokat għal membru jew diversi membri tal-grupp (105). Anki jekk dan il-paragrafu jirreferi għad-diffikultà u n-nuqqas ta' qbil fl-allokazzjoni tal-qligħ marbut mas-sinerġiji u mal-ekonomiji ta' skala lill-entitajiet separati ta' grupp multinazzjonali, ma jirrakkomandax li dan il-qligħ ma jiġix allokat jew intaxxat, fil-każ eċċezzjonali fejn jistgħu jiġu stabbiliti xi sinerġiji.

(165)

L-istess japplika għall-aġġustament fiskali unilaterali u astratt previst mill-iskema inkwistjoni u appoġġjat mill-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, li huwa l-bażi ta' diversi konvenzjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja bejn il-membri u dawk li mhumiex membri fl-OECD. Fil-fatt, l-aġġustament unilaterali magħmul mill-Belġju fuq il-qligħ realment irreġistrat mill-entità tal-grupp bilfors ifisser li l-qligħ eċċessiv eżentat taħt din l-iskema ma jistax ikun, u mhux ser ikun, intaxxat minn ġurisdizzjoni fiskali oħra għar-raġuni li dawn l-Istati l-oħrajn ma jirrikonoxxux id-dritt li jintaxxaw il-qligħ magħmul speċifikament minn sinerġiji jew ekonomija ta' skala minħabba li jirrigwarda biss lill-Belġju, l-Istat fejn huwa realment irreġistrat.

(166)

It-tielet nett, biex wieħed jibbenefika mill-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv taħt l-iskema inkwistjoni, ma hemmx bżonn li wieħed jagħti prova tal-eżistenza ta' sinerġiji jew ta' ekonomiji ta' skala jew li jikkwantifikahom waqt it-tieni stadju. Minflok, l-eżistenza ta' sinerġiji jew ta' ekonomiji ta' skala hija preżunta b'mod astratt u mkejla bħala d-differenza bejn il-qligħ ta' distakkament miksub mill-entità Belġjana, wara l-ewwel stadju tal-proċess deskritt fil-premessa 15 (kif deskritt fil-qligħ realment irreġistrat tagħha) u qligħ ta' distakkament aġġustat ikkalkulat fi tmiem it-tieni stadju.

(167)

Il-Belġju ma jeħtieġx li l-entitajiet Belġjani tal-grupp jiġġustifikaw il-preżenza u/jew l-oriġini tal-qligħ miksub minn sinerġiji jew ekonomiji ta' skala biex jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni. Madankollu, jista' jkun li s-sinerġiji ta' riorganizzazzjoni ta' impriża, li minnhom wieħed jistenna żieda fil-qligħ tal-grupp multinazzjonali, ma jseħħux. Xi drabi l-implimentazzjoni ta' mudell operattiv globali maħsub biex iżid is-sinerġiji tal-grupp fil-fatt twassal għal spejjeż addizzjonali u tnaqqis fl-effiċjenza (106). F'każijiet bħal dawn, l-applikazzjoni tal-iskema inkwistjoni twassal madankollu għal tnaqqis tal-“qligħ eċċessiv” mill-qligħ realment irreġistrat mill-entità Belġjana tal-grupp.

(168)

Barra minn hekk, għall-kuntrarju tar-rakkomandazzjonijiet tal-OECD (107), l-awtoritajiet Belġjani jaċċettaw awtomatikament li l-qligħ eċċessiv, li jifforma parti mill-qligħ residwu kollu ġġenerat minn tranżazzjonijiet ikkombinati, ikun ġej minn sinerġiji, ekonomiji ta' skala jew elementi/fatturi indefiniti relatati mal-grupp. Dan il-qligħ eċċessiv huwa għalhekk totalment separat mill-analiżi tal-funzjonijiet, tar-riskji u tal-assi tal-partijiet għat-tranżazzjonijiet ikkontrollati, li hija l-bażi ta' kull eżerċizzju ta' ffissar tal-prezzijiet ta' trasferiment. Għaldaqstant ġie eliminat mill-eżerċizzju ta' attribuzzjoni tal-qligħ, li huwa l-bażi tal-prinċipju ta' distakkament.

(c)   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' vantaġġ selettiv

(169)

Fid-dawl ta' dak li ntqal, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-metodu ta' determinazzjoni tal-qligħ taxxabbli tal-entitajiet Belġjani tal-grupp skont l-iskema jiddevja minn metodu li jwassal għal stima affidabbli ta' riżultat ibbażat fuq is-suq u għalhekk mill-prinċipju ta' distakkament. Minħabba li l-applikazzjoni ta' dan il-metodu twassal għal tnaqqis fil-qligħ realment irreġistrat minn dawn l-entitajiet, li għandu jkun il-punt ta' tluq tal-kalkolu tat-total tal-qligħ taxxabbli tagħhom skont is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju (108), din l-iskema għandha titqies li tagħti vantaġġ selettiv lil dawn l-entitajiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

(170)

Peress li tidderoga mill-prinċipju ta' distakkament, l-iskema inkwistjoni tnaqqas it-taxxa li għandha titħallas minn dawn il-benefiċjarji taħt is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju meta mqabbla mal-kumpaniji indipendenti li l-qligħ taxxabbli tagħhom huwa ddeterminat mis-suq. Din id-deroga mill-prinċipju ta' distakkament tagħti wkoll vantaġġ selettiv lil dawn il-benefiċjarji meta mqabbla mal-entitajiet li jifformaw parti minn grupp ta' impriżi nazzjonali u mal-entitajiet li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali li jkompli jsegwi l-mudell ta' negozju eżistenti fil-Belġju (109), li ebda waħda minnhom ma tista' titlob deċiżjoni bil-quddiem meħtieġa biex jibbenefikaw minn din l-iskema, peress li dawn l-entitajiet huma kollha ntaxxati fuq il-bażi tal-qligħ realment irreġistrat tagħhom. Fl-aħħar nett, din id-deroga tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħha meta mqabbla mal-entitajiet li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali żgħir, peress li dawn ukoll ikunu ntaxxati fuq il-bażi tal-qligħ realment irreġistrat tagħhom (110).

6.3.3.   Nuqqas ta' ġustifikazzjoni min-natura u l-ekonomija ġenerali tas-sistema fiskali

(171)

Miżura li tidderoga mis-sistema ta' referenza tista' madankollu titqies li mhijiex selettiva jekk tkun iġġustifikata min-natura jew l-ekonomija ġenerali ta' din is-sistema. Dan ikun il-każ meta miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta' gwida intrinsiċi tas-sistema ta' referenza jew mill-mekkaniżmi inerenti għall-funzjonament u l-effikaċja tas-sistema (111).

(172)

Il-Belġju jqis li l-iskema inkwistjoni hija ġġustifikata biex tevita l-possibbiltà ta' tassazzjoni doppja. It-tassazzjoni doppja tirreferi għas-sitwazzjonijiet li fihom l-istess qligħ jiġi ntaxxat darbtejn għall-istess kontribwent (tassazzjoni doppja ġuridika) jew għal żewġ kontribwenti differenti (tassazzjoni doppja ekonomika). Għalkemm il-ħtieġa li tiġi evitata t-taxxa doppja tista' tiġi invokata biex eventwalment tiġġustifika deroga mis-sistema komuni tat-taxxa fuq il-kumpaniji (112), il-Belġju ma weriex li l-iskema inkwistjoni kienet attwalment qiegħda ssegwi dan l-għan. Il-Belġju rrikonoxxa wkoll li l-iskema ma kinitx maħsuba biex tnaqqas jew tneħħi t-taxxa doppja attwali, iżda biss il-possibbiltà ta' tassazzjoni doppja (113). Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta' gwida intrinsiċi tas-sistema ta' referenza jew li tirriżulta mill-mekkaniżmi inerenti meħtieġa għall-funzjonament u l-effikaċja tas-sistema.

(173)

Filwaqt li taħt l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92, din id-dispożizzjoni tapplika għas-sitwazzjonijiet li jimplikaw żewġ kumpaniji (identifikati jew identifikabbli) u d-dipartiment tat-taxxa jista' japplika aġġustament negattiv (korrelattiv) fuq il-qligħ taxxabbli ta' impriża Belġjana jekk l-istess qligħ ikun inkluż ukoll fil-qligħ taxxabbli ta' impriża assoċjata barranija, it-tweġibiet mogħtija mill-Ministru tal-Finanzi għall-mistoqsijiet parlamentari dwar l-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni jindikaw b'mod ċar l-applikazzjoni estiża tal-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, lil hinn mill-ambitu ta' din id-dispożizzjoni, għall-qligħ li ma ġiex irreġistrat jew inkluż fil-bażi taxxabbli ta' entità assoċjata barranija tal-grupp f'territorju fiskali ieħor. Għalkemm il-limitazzjoni ta' aġġustament negattiv korrelattiv lill-kumpaniji li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali, skont l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 tista' tkun iġġustifikata min-natura jew l-ekonomija ġenerali tas-sistema, dan mhuwiex il-każ tal-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv.

(174)

In-nuqqas ta' kwalunkwe obbligu ta' prova li l-istess qligħ huwa inkluż fil-bażi taxxabbli ta' żewġ impriżi assoċjati (waħda barra l-pajjiż u l-oħra fil-Belġju) huwa element importanti li jiddistingwi d-deċiżjonijiet bil-quddiem li jagħtu eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv mid-deċiżjonijiet l-oħrajn bil-quddiem dwar il-prezzijiet ta' trasferiment li jawtorizzaw aġġustament korrelattiv negattiv tal-prezzijiet ta' trasferiment taħt l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92. Fil-każ ta' dan l-aħħar tip ta' deċiżjonijiet bil-quddiem, l-aġġustament negattiv iwieġeb għal sitwazzjoni li fiha l-qligħ irreġistrat fil-Belġju u eżentat ġie ddikjarat ukoll bħala qligħ taxxabbli għal kumpanija assoċjata tal-grupp f'ġurisdizzjoni fiskali oħra jew meta jkun sar aġġustament pożittiv inizjali minn dipartiment tat-taxxa barrani fuq il-qligħ taxxabbli ta' din l-entità assoċjata barranija (114). Bil-maqlub, l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tagħti eżenzjoni unilaterali, bil-quddiem, li ma teħtieġx li l-qligħ eżentat kien jew għandu jkun inkluż fil-bażi taxxabbli ta' entità assoċjata ta' grupp barrani f'territorju fiskali ieħor, lanqas li dan il-qligħ ikun effettivament intaxxat f'dan it-territorju.

(175)

Lanqas ma jista' wieħed għalhekk jikkunsidra li l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv twieġeb għal sitwazzjonijiet ta' taxxa doppja b'mod meħtieġ u proporzjonat (115). L-iskema inkwistjoni tmur għalhekk lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex jintlaħaq l-għan ta' prevenzjoni ta' taxxa doppja u għalhekk ma tistax tkun iġġustifikata min-natura jew l-ekonomija ġenerali ta' din is-sistema.

(176)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tqisx li l-prinċipju ta' distakkament, u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, li jittraduċi dan il-prinċipju f'dak li jirrigwarda t-tassazzjoni doppja, jiġġustifika l-aġġustament negattiv unilaterali tal-bażi taxxabbli ta' kontribwent mogħti taħt l-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv.

(177)

Il-Kummissjoni tfakkar li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' distakkament mid-dipartimenti tat-taxxa hija prinċipalment maħsuba biex tevita li impriżi li jifformaw parti minn grupp internazzjonali jinfluwenzaw il-prezzijiet ta' trasferiment u għalhekk it-tqassim tal-qligħ bejniethom, possibbiltà li l-kumpaniji indipendenti ma għandhomx. L-applikazzjoni normali tal-prinċipju ta' distakkament tagħti għalhekk lid-dipartimenti tat-taxxa d-dritt li jżidu l-bażi taxxabbli tal-impriżi li jagħmlu tranżazzjonijiet fi ħdan il-grupp sabiex ikun garantit li l-kontribwenti li jagħmlu tranżazzjonijiet skont il-kundizzjonijiet tas-suq biss jibbenefikaw mill-istess trattament.

(178)

Għalkemm il-prinċipju ta' distakkament jippermetti li d-dipartimenti tat-taxxa jagħmlu aġġustamenti pożittivi unilaterali tal-bażi taxxabbli tal-impriżi tal-grupp li ma jirrispettawx dan il-prinċipju meta jistabbilixxu l-prezzijiet ta' trasferiment, aġġustament negattiv tal-prezzijiet ta' trasferiment li jwassal għal tnaqqis fit-taxxa mhuwiex previst (jekk ma jkunx obbligatorju) taħt il-prinċipju ta' distakkament ħlief fis-sitwazzjoni eċċezzjonali fejn ikun aġġustament korrelattiv applikat wara aġġustament primarju magħmul minn ġurisdizzjoni fiskali oħra, jiġifieri fuq bażi simmetrika. Kif spjegat fit-Taqsima 6.3.2.2, aġġustament negattiv unilaterali tal-qligħ realment irreġistrat, magħmul bħala prekawzjoni, mhuwiex ir-riżultat tal-applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta' distakkament, la inġenerali, u lanqas fil-każ speċifiku tal-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv.

(179)

Fil-fatt, l-Artikolu 9 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD japplika biss jekk ikun stabbilit li l-istess qligħ huwa inkluż fil-bażi taxxabbli ta' żewġ kumpaniji differenti stabbiliti f'territorji fiskali differenti u kienu jew huma f'riskju li jkunu “ntaxxati b'konsegwenza ta' dan” fiż-żewġ territorji.

(180)

Fl-aħħar nett, intwera tħassib ukoll rigward in-nuqqas ta' tassazzjoni doppja relatata mal-aġġustamenti tal-prezzijiet ta' trasferiment mill-Forum Konġunt tal-UE dwar il-prezzijiet ta' trasferiment (116), li adotta rapport fl-2014 biex jirrimedja għall-problemi prattiċi marbuta mal-aġġustament, aktar tard, tal-prezzijiet ta' trasferiment iffissati waqt tranżazzjoni, imsejjaħ “aġġustament kumpensatorju” (117). Ir-rapport jenfasizza l-importanza li jsir kalkolu simmetriku tal-qligħ tal-impriżi assoċjati f'dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tagħhom. L-impriżi involuti fi tranżazzjoni għandhom jużaw l-istess prezz għal kull tranżazzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri ġew mistiedna jaċċettaw aġġustamenti kumpensatorji biss diment li l-aġġustament isir b'mod simmetriku fil-kontabilità taż-żewġ entitajiet involuti fit-tranżazzjoni u li l-aġġustament isir qabel ma tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni tat-taxxa biex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja.

(181)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv ma tistax titqies li tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta' gwida intrinsiċi tas-sistema ta' referenza jew li tirriżulta mill-mekkaniżmi inerenti meħtieġa għall-funzjonament u l-effikaċja tas-sistema. Il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li l-iskema inkwistjoni tmur b'mod ċar lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex jintlaħaq l-għan ta' prevenzjoni ta' taxxa doppja u għalhekk ma tistax tkun iġġustifikata min-natura jew l-ekonomija ġenerali ta' din is-sistema.

6.3.4.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' vantaġġ selettiv

(182)

Għar-raġunijiet imsemmija qabel, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema inkwistjoni tagħti vantaġġ selettiv lill-entitajiet Belġjani li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali bl-applikazzjoni ta' aġġustament negattiv unilaterali fil-bażi taxxabbli tagħhom, minħabba li dan l-aġġustament iwassal għal tnaqqis tat-taxxa tagħhom dovuta fil-Belġju meta mqabbla mat-taxxa li dawn l-impriżi suppost kellhom iħallsu taħt is-sistema legali komuni ta' taxxa fuq il-qligħ tal-kumpaniji bl-applikazzjoni tal-iskema tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji fil-Belġju.

6.3.5.   Il-benefiċjarji tal-iskema inkwistjoni

(183)

Il-benefiċjarji tal-iskema inkwistjoni huma entitajiet Belġjani li jifformaw parti minn grupp multinazzjonali li talbu u kisbu deċiżjoni bil-quddiem fuq il-bażi tal-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 u li għalihom ġie effettivament applikat aġġustament unilaterali negattiv fuq il-qligħ realment irreġistrat fil-kontabilità tagħhom biex jiġi ddeterminat il-qligħ taxxabbli tagħhom taħt is-sistema ġenerali tat-taxxa fuq il-kumpaniji fil-Belġju. Il-Kummissjoni tinnota li dawn l-entitajiet jifformaw parti minn grupp multinazzjonali u li l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv li jirriżulta minħabba li jappartjenu għal grupp multinazzjonali huwa l-għan iddikjarat tal-iskema inkwistjoni.

(184)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, entitajiet legali separati jistgħu jitqiesu bħala unità ekonomika waħda. Din l-unità ekonomika hija għalhekk meqjusa bħala l-kumpanija kkonċernata li tibbenefika mill-miżura ta' għajnuna. Kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, “[f]il-liġi tal-kompetizzjoni, it-terminu ‘impriża’ għandu jinftiehem bħala l-ħatra ta' unità ekonomika […] anki jekk fil-liġi dik l-unità ekonomika tkun tikkonsisti f'bosta persuni, fiżiċi jew ġuridiċi. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”  (118). Sabiex tiddetermina jekk bosta entitajiet jifformawx unità ekonomika, il-Qorti tal-Ġustizzja tħares lejn l-eżistenza ta' sehem ta' kontroll jew rabtiet organiċi, ekonomiċi jew funzjonali (119). F'dan il-każ, l-entitajiet Belġjani li jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni huma kkunsidrati li huma l-imprendituri ċentrali li jmexxu u jikkontrollaw grupp ta' impriżi (jew attività kummerċjali separata fi ħdan grupp ta' impriżi). Għalhekk dawn l-entitajiet spiss jikkontrollaw entitajiet tal-grupp assoċjati u min-naħa tagħhom huma kkontrollati mill-entità li tmexxi lill-grupp kollu ta' impriżi. Il-grupp multinazzjonali kollu għandu għalhekk jitqies bħala l-impriża li qed tibbenefika mill-miżura ta' għajnuna.

(185)

Barra minn hekk, huwa l-grupp multinazzjonali kollu li aktarx iddeċieda li jċaqlaq parti mill-attivitajiet tiegħu fil-Belġju jew li jagħmel investimenti sostanzjali fil-Belġju, li hija rekwiżit biex wieħed ikun jista' jibbenefika mill-iskema inkwistjoni. Fi kliem ieħor, meta l-iffissar tal-prezzijiet ta' trasferiment ikun meħtieġ biex jiġu ffissati l-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi bejn diversi entitajiet ġuridiċi tal-istess grupp, dan l-iffissar jaffettwa, min-natura tiegħu, iktar minn impriża waħda tal-grupp (żieda fil-prezz f'impriża jaffettwa l-qligħ tal-oħra).

(186)

Għaldaqstant, jekk il-gruppi ta' impriżi jkunux organizzati jew le f'entitajiet legali differenti, l-impriżi li jagħmlu parti minn dan il-grupp għandhom ikunu kkunsidrati bħala grupp wieħed li jibbenefika mill-iskema ta' għajnuna inkwistjoni (120). Għaldaqstant, minbarra l-entitajiet Belġjani ammessi fl-iskema inkwistjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-gruppi multinazzjonali li jagħmlu parti minnhom dawn l-entitajiet jibbenefikaw mill-għajnuna mill-Istat taħt din l-iskema fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

6.4.   Konklużjoni dwar l-eżistenza tal-għajnuna

(187)

Fid-dawl ta' dak li ntqal, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv ibbażata fuq l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 u introdotta mil-Liġi tal-21 ta' Ġunju 2004 tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħha kif ukoll lill-gruppi multinazzjonali li jagħmlu parti minnhom, hija attribwibbli lill-Belġju u ffinanzjata permezz ta' riżorsi tal-Istat, toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u tista' taffettwa l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni. Il-miżura inkwistjoni għalhekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(188)

Minħabba li l-iskema inkwistjoni toħloq tnaqqis fl-ispejjeż li normalment iridu jħallsu l-benefiċjarji bħala parti mill-attivitajiet annwali tagħhom, għandha titqies li tagħti għajnuna għall-funzjonament lill-benefiċjarji u lill-gruppi multinazzjonali li jappartjenu għalihom.

6.5.   Kompatibbiltà tal-għajnuna

(189)

Għajnuna mill-Istat hija kkunsidrata kompatibbli mas-suq intern jekk tidħol f'waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 107(2) tat-TFUE (121). Hija tkun ikkunsidrata kompatibbli mas-suq intern jekk il-Kummissjoni tinnota li taqa' taħt waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 107(3) tat-TFUE. Madankollu hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jagħti l-għajnuna li jagħti l-prova li hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2) jew (3) tat-TFUE.

(190)

L-awtoritajiet Belġjani ma wrew li rrispettaw ebda waħda mill-kundizzjonijiet biex tkun stabbilita l-kompatibilità tal-iskema ta' għajnuna mas-suq intern.

(191)

Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-premessa 188, jeħtieġ li din l-iskema titqies li tagħti għajnuna għall-funzjonament. Bħala regola ġenerali, l-għajnuniet ta' dan it-tip ma jistgħux, fil-prinċipju, jitqiesu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-TFUE, minħabba li ma jiffavorixxux l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi u l-inċentivi fiskali inkwistjoni mhumiex limitati fiż-żmien, digressivi jew proporzjonati ma' dak li huwa meħtieġ biex jirrimedja għal żvantaġġ ekonomiku speċifiku fir-reġjuni kkonċernati.

(192)

Għaldaqstant l-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

6.6.   Illegalità tal-għajnuna

(193)

Skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE, l-Istati Membri jridu jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe proġett ta' għoti ta' għajnuna (obbligu ta' notifika) u ma jistgħux jimplimentaw miżuri ta' għajnuna ppjanati qabel ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali (obbligu ta' sospensjoni).

(194)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Belġju ma nnotifikax l-intenzjoni tiegħu li jagħti għajnuna taħt l-iskema inkwistjoni u lanqas ma rrispetta l-obbligu ta' sospensjoni li kellu taħt l-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 1(f) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 l-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv hija skema ta' għajnuna illegali, implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

7.   RKUPRU

(195)

Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, il-Kummissjoni għandha titlob l-irkupru tal-għajnuna llegali u inkompatibbli, u l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna llegali u inkompatibbli mas-suq intern. L-Artikolu 16(2) tal-istess Regolament jistabbilixxi li l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandha tinkludi mgħax pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna kontra l-liġi kienet disponibbli għall-benefiċjarju sad-data li fiha tiġi rkuprata. Ir-Regolament (KE) Nru 794/2004 tal-Kummissjoni jispjega fid-dettall il-metodi li għandhom ikunu segwiti għall-kalkolu tal-imgħax applikabbli għall-irkupru (122). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 jipprovdi li “l-irkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f'konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ssir b'mod immedjat u effettiv.”

7.1.   Aspettativa leġittima u ċertezza legali

(196)

L-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 jipprovdi wkoll li l-Kummissjoni ma għandhiex teħtieġ li jsir irkupru tal-għajnuna jekk dan imur kontra xi prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni.

(197)

Il-Belġju jsostni, l-ewwel nett, li l-prinċipji ta' aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali għandhom jimpedixxu l-irkupru tal-għajnuna. Deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni dwar il-prezzijiet ta' trasferiment u l-għajnuna mill-Istat wassluh fil-fatt biex jikkunsidra li miżura fiskali partikolari ma tistax twassal għal għajnuna mill-Istat diment li l-Istat Membru jirrispetta l-prinċipju ta' distakkament. Il-Belġju jargumenta barra minn hekk li l-fatt li l-ammont tal-għajnuna diffiċilment jista' jiġi kkwantifikat u li l-irkupru jista' jwassal għal tassazzjoni doppja għandu jimpedixxi dan l-irkupru.

(198)

F'dak li jirrigwarda l-invokazzjoni tal-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettattiva leġittima mill-awtoritajiet Belġjani, il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Unjoni (123), Stat Membru li l-awtoritajiet tiegħu taw għajnuna bi ksur tar-regoli tal-proċedura previsti fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE ma jistax jinvoka l-aspettattiva leġittima tal-benefiċjarji biex jevita l-obbligu li jieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordnalu jirkupra l-għajnuna. Kieku dan kellu jkun possibbli, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE jiġu nulli, minħabba li b'hekk l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jistrieħu fuq l-imġiba illegali tagħhom sabiex jeliminaw l-effikaċja ta' deċiżjonijiet li tieħu l-Kummissjoni taħt dawn id-dispożizzjonijiet tat-TFUE. Għalhekk, ma għandux ikun l-Istat Membru kkonċernat, iżda l-impriża benefiċjarja, li tinvoka l-eżistenza taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu iġġustifikaw l-aspettattivi leġittimi tagħha biex topponi għall-għoti lura ta' għajnuna illegali (124). Peress li ħadd mill-benefiċjarji tal-iskema inkwistjoni ma argumenta dwar xi aspettattiva leġittima f'dak li jirrigwarda l-legalità tal-iskema msemmija, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-invokazzjoni ta' dan il-prinċipju mill-Belġju hija bla effett għall-finijiet tal-irkupru skont din id-deċiżjoni.

(199)

Fi kwalunkwe każ, biex wieħed ikun jista' jinvoka l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattiva leġittima, din għandha tirriżulta minn att tal-Kummissjoni li jkun ta tamiet iġġustifikati (125). L-awtoritajiet Belġjani ma jistgħu jinvokaw ebda tama preċiża rigward l-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv. B'mod partikolari, minbarra l-fatt li r-rapport tal-grupp “Kodiċi ta' Kondotta” li fuqu l-presidenza bbażat il-konklużjonijiet tagħha tad-19 ta' Marzu 2003 ma ġiex ippubblikat, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li japprovaw ftehim konkluż mill-Istati Membri fil-kuntest tar-reviżjoni, mill-grupp “Kodiċi ta' Kondotta”, ta' miżuri fiskali nazzjonali ma kinux assigurazzjoni preċiża (126). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fost l-oħrajn li “dawn il-konklużjonijiet tal-Kunsill jesprimu rieda politika u ma jistgħux, minħabba l-kontenut tagħhom, jipproduċu effetti legali li l-persuni kkonċernati jistgħu jinvokaw quddiem il-Qorti. Barra minn hekk, dawn il-konklużjonijiet ma jistgħu f'ebda każ jorbtu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha stess, li f'dak li jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat huma fdati lilha mit-Trattat.”

(200)

F'dak li jirrigwarda l-invokazzjoni tal-prinċipju taċ-ċertezza legali mill-Belġju u, b'mod partikolari, id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni favur il-prinċipju ta' distakkament, il-Kummissjoni tfakkar, b'mod preliminari, li hija mhijiex marbuta b'dawn id-deċiżjonijiet. Kwalunkwe miżura ta' għajnuna potenzjali għandha tkun ivvalutata fuq il-bażi tal-karatteristiċi proprji fid-dawl tal-kriterji oġġettivi tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, b'mod li kieku kellha tiġi rikonoxxuta deċiżjoni kuntrarja, din ma taffettwax il-validità tas-sejbiet stabbiliti f'din id-deċiżjoni (127).

(201)

Il-Kummissjoni tinnota barra minn hekk li, skont id-deċiżjonijiet iċċitati mill-awtoritajiet Belġjani, hija kkonkludiet fil-passat li deroga mill-prinċipju ta' distakkament biex jiġi ddeterminat il-qligħ taxxabbli ta' grupp hija għajnuna mill-Istat sakemm din twassal għal tnaqqis fit-taxxa li din l-entità jkollha tħallas taħt is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-qligħ tal-impriżi (128). Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li hija kkonkludiet b'mod ċar, fl-eżami tagħha tal-iskema favur iċ-ċentri l-ġodda ta' koordinazzjoni proposta mill-Belġju, li l-qligħ li tagħmel entità Belġjana li jaqbeż qligħ stabbilit skont il-metodu magħruf bħala “cost plus” kellu jkun intaxxat fil-Belġju, anki jekk dan il-metodu wassal għal qligħ ikkunsidrat konformi mal-prinċipju ta' distakkament (129). Dik il-konklużjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja (130). Minħabba li l-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tikkostitwixxi devjazzjoni mill-prinċipju ta' distakkament, kif intwera fit-Taqsima 6.3.2.2, il-Belġju ma jistax jibbaża fuq dawn id-deċiżjonijiet biex jargumenta li l-irkupru jmur kontra l-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali. Pjuttost, il-Belġju missu kien jaf li skema fiskali li twassal għal trattament favorevoli tal-benefiċjarji tagħha, permezz ta' tnaqqis artifiċjali tal-bażi taxxabbli tagħhom, setgħet twassal għal ksur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Huwa kellu għalhekk, f'każ ta' dubju, jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-iskema inkwistjoni qabel ma jimplimentaha.

(202)

F'dak li jirrigwarda l-allegata diffikultà fil-kwantifikazzjoni tal-ammont ta' għajnuna taħt l-iskema, il-Kummissjoni ma tarax li din il-kwantifikazzjoni hija diffiċli li ssir. Peress li l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tikkorrispondi għal persentaġġ tal-qligħ qabel it-taxxa applikat għall-qligħ realment irreġistrat tal-entità Belġjana ta' grupp, kull ma jeħtieġ li jsir biex jiġi eliminat il-vantaġġ selettiv ikkawżat mill-iskema, huwa li titħallas lura d-differenza bejn it-taxxa dovuta fuq il-bażi tal-qligħ realment irreġistrat u t-taxxa attwalment imħallsa taħt l-iskema inkwistjoni, flimkien mal-imgħax kumulat fuq dan l-ammont mid-data tal-għoti tal-għajnuna.

(203)

Fl-aħħar nett, rigward l-argument tal-Belġju li l-irkupru jista' jwassal għal tassazzjoni doppja, il-Kummissjoni tirreferi għat-Taqsima 6.3.3 u tfakkar li t-tassazzjoni doppja tista' sseħħ biss meta l-istess qligħ ikun inkluż fil-bażi taxxabbli tal-entità Belġjana tal-grupp u f'dik ta' entità assoċjata barranija. Madankollu l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tirrigwarda aġġustament unilaterali li ma ngħatax minħabba tassazzjoni preċedenti tal-istess qligħ minn territorju fiskali ieħor. Fi kwalunkwe każ, anki jekk ir-riskju ta' tassazzjoni doppja kellu jqajjem biża' leġittima, din tista' titneħħa permezz tal-mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni normali implimentati skont il-konvenzjonijiet bilaterali dwar it-taxxa doppja, il-ftehim ta' arbitraġġ tal-UE jew l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92. Fil-fatt, kif spjegat fil-premessa 172, l-aġġustamenti negattivi li għamel id-dipartiment tat-taxxa Belġjan minħabba t-tassazzjoni tal-istess qligħ minn ġurisdizzjoni fiskali oħra (wara li tkun ġiet iddikjarata mill-kontribwent jew aġġustament pożittiv inizjali applikat mill-ġurisdizzjoni fiskali barranija) huma ġġustifikat min-natura u l-ekonomija ġenerali tas-sistema fiskali u mhumiex għajnuna mill-Istat.

(204)

Għaldaqstant, ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Belġju favur il-prevenzjoni jew il-limitazzjoni tal-irkupru tal-għajnuna mogħtija minħabba l-applikazzjoni tal-iskema inkwistjoni ma jista' jiġi aċċettat.

7.2.   Metodu ta' rkupru

(205)

Skont it-TFUE u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat irid jabolixxi jew jibdel l-għajnuna meta tkun sabet li din tkun inkompatibbli mas-suq intern. Il-Qorti sostniet ukoll b'mod konsistenti li l-obbligu ta' Stat Membru li jabolixxi għajnuna kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala mhux kompatibbli mas-suq intern, huwa maħsub sabiex terġa' tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel. F'dan il-kuntest, hija ddeċidiet li dan l-objettiv jintlaħaq meta r-riċevitur ikun ħallas lura l-ammonti mogħtija bħala għajnuna llegali, b'hekk jitlef il-vantaġġ li jkun ibbenefika minnu minflok il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tkun ġiet irkuprata s-sitwazzjoni ta' qabel il-ħlas tal-għajnuna.

(206)

Ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma titlob mill-Kummissjoni li hija tikkwantifika l-ammont eżatt tal-għajnuna li trid tiġi rkuprata meta hija tordna l-irkupru tal-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern. Pjuttost huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu li d-destinatarju tagħha jkun jista' jiddetermina huwa stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont (131).

(207)

F'dak li jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat illegali li tikkonsisti f'miżuri ta' taxxa, il-Komunikazzjoni dwar it-tassazzjoni korporattiva tispeċifika fil-punt 35 li l-ammont li jrid jiġi rkuprat għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta' tqabbil bejn it-taxxa effettivament imħallsa u dik li suppost kellha titħallas skont ir-regola ġeneralment applikabbli. Biex jikkalkula l-ammont tat-taxxa li kellha titħallas kieku r-regoli ġeneralment applikabbli ġew irrispettati, jiġifieri kieku ma ngħatatx l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, id-dipartiment tat-taxxa Belġjan irid jerġà jivvaluta t-taxxa dovuta mill-entitajiet li bbenefikaw mill-iskema inkwistjoni għal kull sena fiskali li fiha huma bbenefikaw minnha. L-ammonti tal-għajnuna li jridu jiġu rkuprati mingħand kull benefiċjarju (132) għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni:

l-ammont tat-taxxa ffrankat minħabba d-deċiżjonijiet bil-quddiem kollha adottati favur il-benefiċjarju; u

l-imgħax akkumulat fuq dan l-ammont, ikkalkulat mid-data tal-għoti tal-għajnuna.

L-għajnuna hija meqjusa li ngħatat fid-data li fiha l-ammont iffrankat kellu jitħallas, għal kull sena fiskali, fin-nuqqas tad-deċiżjoni bil-quddiem.

(208)

L-ammont tat-taxxa ffrankat matul sena fiskali speċifika minħabba d-deċiżjoni bil-quddiem speċifika huwa ugwali

għall-qligħ effettivament imnaqqas minn bażi taxxabbli pożittiva

immultiplikat bir-rata tal-imgħax fuq il-kumpaniji tas-sena fiskali kkonċernata.

(209)

Fil-prinċipju, għandu jiġi kkunsidrat it-tnaqqis tal-qligħ eċċessiv iddikjarat mill-kontribwent fid-dikjarazzjoni tat-taxxa annwali tiegħu, eventwalment wara l-korrezzjoni mid-dipartiment tat-taxxa Belġjan waqt kontroll fiskali, biex jikkalkula l-ammont tat-taxxa ffrankat.

(210)

Jekk it-tnaqqis li l-benefiċjarju jkollu dritt għalih għal sena fiskali partikolari ma jkunx jista' jsir (għalkollox) matul din is-sena fiskali minħabba bażi taxxabbli pożittiva insuffiċjenti u jekk l-ammont li effettivament ma jitnaqqasx jiġi trasferit għas-sena fiskali sussegwenti, l-għajnuna titqies li ngħatat matul is-sena jew snin sussegwenti meta l-ammonti tal-qligħ eċċessiv jistgħu effettivament jitnaqqsu minn bażi taxxabbli pożittiva.

(211)

Peress li l-irkupru jrid jiggarantixxi li t-taxxa finalment dovuta mill-benefiċjarju tal-iskema hija t-taxxa li suppost kellu jħallas fin-nuqqas tal-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, il-metodu deskritt fil-premessi (207) sa (210) jista' jiġi rfinut aktar f'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet Belġjani matul il-proċess ta' rkupru sabiex jiġi stabbilit l-ammont effettiv tal-vantaġġ fiskali mogħti lill-benefiċjarji skont is-sitwazzjoni individwali tagħhom. It-taxxa li kellha titħallas fin-nuqqas tal-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv trid tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-iskema ġenerali applikabbli fil-Belġju meta ngħatat l-għajnuna u b'kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika reali tal-benefiċjarju, u mhux ta' sitwazzjonijiet oħrajn ipotetiċi bbażati fuq ċirkustanzi operattivi u ġuridiċi differenti, li l-benefiċjarju seta' jagħżel fin-nuqqas tal-imsemmija skema ta' eżenzjoni.

8.   KONKLUŻJONI

(212)

B'konklużjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Belġju implimenta b'mod illegali l-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Taħt l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, il-Belġju għandu jirkupra l-għajnuna kollha mogħtija lill-benefiċjarji ta' din l-iskema,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema ta' eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, li hija bbażata fuq l-Artikolu 185(2)(b) tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-1992, li skontu l-Belġju ħareġ deċiżjonijiet bil-quddiem favur entitajiet Belġjani ta' gruppi ta' impriżi multinazzjonali, li permezz tagħhom huwa jagħti lil dawn l-entitajiet il-benefiċċju ta' eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpaniji għal parti mill-qligħ li huma jagħmlu, hija għajnuna fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE li hija inkompatibbli mas-suq intern u li l-Belġju implimenta b'mod illegali bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

Artikolu 2

1.   Il-Belġju għandu jirkupra l-għajnuna inkompatibbli u illegali msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarji tagħha.

2.   Kull somma li tkun għadha ma ġietx irkuprata mingħand il-benefiċjarji wara l-irkupru deskritt fl-ewwel paragrafu għandha tinġabar mingħand il-grupp ta' impriżi li l-benefiċjarju jappartjeni għalih.

3.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu magħhom l-imgħaxijiet mid-data meta tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data meta ġew irkuprati.

4.   L-imgħax fuq l-ammonti li jridu jiġu rkuprati għandu jkun ikkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004.

5.   Il-Belġju għandu jtemm l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u jħassar il-pagamenti kollha li għadhom ma sarux taħt l-imsemmija għajnuna mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

6.   Il-Belġju għandu jirrifjuta kull talba għal deċiżjoni bil-quddiem imressqa lis-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem relatata mal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 jew pendenti fid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-Artikolu 1 huwa immedjat u effettiv.

2.   Il-Belġju għandu jiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata għalkollox fi żmien erba' xhur minn dakinhar li tiġi nnotifikata d-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni, il-Belġju jrid jippreżenta l-informazzjoni segwenti lill-Kummissjoni:

(a)

il-lista tal-benefiċjarji tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali li ħa kull wieħed minnhom taħt din l-għajnuna;

(b)

l-ammont totali (interessi prinċiali u ta' rkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju;

(c)

deskrizzjoni fid-dettall tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex ikun hemm konformità ma' din id-Deċiżjoni;

(d)

dokumenti li juru li l-benefiċjarji kienu ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

2.   Il-Belġju għandu jżomm lill-Kummissjoni infurmata rigward il-progress tal-miżuri nazzjonali li jittieħdu sabiex jimplimenta din id-Deċiżjoni sal-irkupru sħiħ tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Huwa għandu jipprovdi immedjatament, fuq sempliċi talba min-naħa tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri diġà meħuda u l-miżuri ppjanati biex jikkonforma ma' din id-Deċiżjoni. Għandu jipprovdi wkoll informazzjoni ddettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax li l-benefiċjarji jkunu diġà ħallsu lura.

Artikolu 5

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni,

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 188, 5.6.2015, p. 24.

(2)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(3)  Ara l-punt 30 tal-kummenti tal-Belġju tad-29 ta' Mejju 2015 dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, fejn it-terminu “indipendenti” huwa deskritt bħala li kumpanija ma tkunx membru ta' grupp multinazzjonali ta' kumpaniji assoċjati.

(4)  Ara fost l-oħrajn il-kummenti tal-Belġju tad-29 ta' Mejju 2015 dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, il-punti 39 u 40.

(5)  Ara l-kummenti tal-Belġju tad-29 ta' Mejju 2015 dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, il-punt 30.

(6)  Ara l-glossarju tal-prinċipji tal-OECD dwar il-prezz tat-trasferiment: “Żewġ impriżi huma indipendenti minn xulxin jekk ma jkunux assoċjati.”

(7)  F'ċerti każijiet, il-Kummissjoni innutat li l-entitajiet magħżula bħala simili għall-ħtiġijiet tal-istudju komparattiv mhumiex impriżi indipendenti meqjusa simili, iżda kumpaniji holding jew kumpaniji omm meqjusa simili, jiġifieri grupp konsolidat, magħżul fuq il-bażi ta' dejta konsolidata.

(8)  Id-dħul fuq il-bejgħ huwa l-indikatur tal-livell ta' qligħ l-aktar użat biex tiġi ddeterminata l-bażi taxxabbli tal-entità Belġjana ta' grupp.

(9)  Earnings Before Interest and taxes, jiġifieri d-dħul qabel l-imgħax u t-taxxa.

(10)  Profit before tax, jiġifieri l-profitt qabel it-taxxa.

(11)  Il-Liġi tal-24 ta' Diċembru 2002 li temenda l-iskema tal-kumpaniji dwar it-taxxa fuq id-dħul u li tistabbilixxi sistema ta' deċiżjoni bil-quddiem dwar it-taxxa, Gazzetta Uffiċjali Belġjana Nru 410, it-tieni edizzjoni tal-31 ta' Diċembru 2002, p. 58817.

(12)  Ara l-premessi (44) u (45).

(13)  Il-Liġi tal-21 ta' Ġunju 2004li temenda l-Kodiċi dwar it-taxxa fuq id-dħul 1992 u l-Liġi tal-24 ta' Diċembru 2002 li temenda l-iskema tal-kumpaniji dwar it-taxxa fuq id-dħul u li tistabbilixxi sistema ta' deċiżjoni bil-quddiem dwar it-taxxa, ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali Belġjana tad-9 ta' Lulju 2004: http://www.ejustice.just.fgov.be/cgi/article_body.pl?language=fr&caller=summary&pub_date=04-07-09&numac=2004003278. Il-liġi daħlet fis-seħħ fid-19 ta' Lulju 2004.

(14)  Ara t-Taqsima 2.3.2.

(15)  ĠU L 225, 20.8.1990, p. 10.

(16)  DOC 51, 1079/001; Kamra tar-Rappreżentanti tal-Belġju, it-30 ta' April 2004: http://www.lachambre.be/FLWB/pdf/51/1079/51K1079001.pdf

(17)  Eżami ta' kull Artikolu, Artikolu 2: “Il-kunċett ta' prinċipju ta' distakkament huwa introdott fil-liġi fiskali biż-żieda ta' paragrafu ieħor mal-Artikolu 185, CIR 92. Dan huwa bbażat fuq it-test tal-Artikolu 9 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD dwar id-Dħul u l-Kapital”.

(18)  idemId-dispożizzjoni proposta tippermetti lil-liġi Belġjana li ssir konformi mal-istandard aċċettat internazzjonalment.” ..

(19)  Ċirkolari Nru Ci.RH.421/569.019 (AOIF 25/2006) tal-4 ta' Lulju 2007.

(20)  Ara l-premessa 27.

(21)  Il-glossarju tal-prinċipji tal-OECD dwar il-prezzijiet ta' trasferiment jiddefinixxi l-aġġustament korrelattiv kif ġej: “Aġġustament tat-taxxa dovuta mill-kumpanija assoċjata stabbilita f'pajjiż ieħor, magħmul mid-dipartiment tat-taxxa ta' dan il-pajjiż sabiex jittieħed kont ta' aġġustament primarju magħmul mid-dipartiment tat-taxxa tal-ewwel pajjiż, sabiex tinkiseb distribuzzjoni konsistenti tal-qligħ bejn iż-żewġ pajjiżi.”

(22)  Minuti tal-laqgħa tal-Kumitat għall-Finanzi u l-Baġit tat-13 ta' April 2005, CRABV 51 COM 559 — 19.

(23)  Minuti tal-laqgħa tal-Kumitat għall-Finanzi u l-Baġit tal-11 ta' April 2007, CRABV 51 COM 1271 — 06.

(24)  Minuti tal-laqgħa tal-Kumitat għall-Finanzi u l-Baġit tas-6 ta' Jannar 2015, CRABV 54 COM 043 — 02.

(25)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 11.

(26)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 13.

(27)  Il-prinċipji tal-OECD dwar il-prezzijiet ta' trasferiment indirizzat lill-impriżi multinazzjonali u lid-dipartimenti tat-taxxa, OECD, Lulju 2010. Il-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment ġew adottati fil-verżjoni oriġinali tagħhom fis-27 ta' Ġunju 1995 mill-Kumitat għall-Affarijiet Fiskali tal-OECD. Il-prinċipji tal-1995 ġew aġġornati b'mod sostanzjali f'Lulju 2010. F'din id-deċiżjoni, kwalunkwe referenza għall-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment għandha tinftiehem bħala referenza għall-prinċipji tal-2010.

(28)  Fil-Belġju, il-prinċipju ta' distakkament ġie stabbilit mil-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpaniji permezz tal-introduzzjoni tal-Artikolu 185(2) tas-CIR 92.

(29)  Id-dipartimenti tat-taxxa tal-pajjiżi membri tal-OECD huma mħeġġa jsegwu l-prinċipji tal-OECD. B'mod ġenerali, madankollu, il-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment iservu bħala punt ta' referenza u jinfluwenzaw b'mod ċar il-prattiki tat-taxxa tal-pajjiżi membri tal-OECD (u anki tal-pajjiżi mhux membri).

(30)  Ara l-paragrafu 6 tal-prefazju tal-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment.

(31)  Id-dipartimenti tat-taxxa u l-leġiżlaturi huma konxji minn din il-problema u l-leġiżlazzjoni fiskali tippermetti b'mod ġenerali li d-dipartimenti tat-taxxa jikkoreġu d-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tal-impriżi assoċjati li ma japplikawx kif xieraq il-prezzijiet ta' trasferiment sabiex inaqqsu d-dħul taxxabbli tagħhom, billi jissostitwuhom bi prezzijiet li jikkorrispondu għal approssimazzjoni affidabbli ta' dawk approvati minn impriżi indipendenti li jinnegozjaw f'kundizzjonijiet simili ta' distakkament.

(32)  Ara l-paragrafu 1.15 tal-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment.

(33)  L-Artikolu 9(1) jipprovdi li: “Meta […] iż-żewġ impriżi [assoċjati], fir-relazzjonijiet kummerċjali jew finanzjarji tagħhom, ikunu marbutin b'kundizzjonijiet miftiehma jew imposti differenti minn dawk li jiġu miftiehma bejn impriżi indipendenti, il-qligħ li, mingħajr dawn il-kundizzjonijiet, kien ikun realizzat minn waħda minn dawn l-impriżi, iżda li ma setax jiġi realizzat minħabba dawn il-kundizzjonijiet, jista' jkun inkluż fil-qligħ ta' din l-impriża u ntaxxat kif xieraq.”

(34)  L-Artikolu 9(2) jipprovdi li: “Meta Stat kontraenti jinkludi fil-qligħ ta' impriża ta' dan l-Istat — u allura jintaxxa — qligħ li fuqu impriża ta' Stat kontraenti ieħor ġiet intaxxata fl-Istat ieħor, u dan il-qligħ inkluż huwa qligħ li kienet tagħmel l-impriża tal-ewwel Stat kieku l-kundizzjonijiet miftiehma bejn iż-żewġ impriżi kienu jkunu dawk miftiehma bejn żewġ impriżi indipendenti, l-Istat l-ieħor għandu jagħmel aġġustament xieraq tal-ammont ta' taxxa li jkun tħallas fuq dan il-qligħ. Biex jiġi ddeterminat dan l-aġġustament, għandu jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta' din il-Konvenzjoni u, jekk ikun meħtieġ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati kontraenti għandhom jikkonsultaw lil xulxin.”

(35)  F'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn il-partijiet ikkonċernati dwar l-ammont u t-tip ta' aġġustament meħtieġ, għandha tiġi implimentata l-proċedura ta' ftehim reċiproku prevista fl-Artikolu 25 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, anki fin-nuqqas ta' dispożizzjoni bħall-Artikolu 9(2). L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati huma biss mistennija li jagħmlu dak kollu li jistgħu, iżda mhux li jaslu għal riżultat, b'tali mod li l-problema ta' tassazzjoni doppja ma tkunx tista' tissolva jekk l-Istati kontraenti ma jkunux qablu dwar klawżola ta' arbitraġġ fil-konvenzjoni dwar it-taxxa.

(36)  Skont il-paragrafu 2.9 tal-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment: “Madankollu, dawn il-metodi l-oħrajn ma għandhomx jieħdu post dawk rikonoxxuti mill-OECD meta dawn tal-aħħar ikunu aktar adattati għaċ-ċirkustanzi tal-każ.”

(37)  Indikatur ta' qligħ nett huwa definit mill-glossarju tal-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment bħala l-bilanċ tal-qligħ nett fuq bażi adatta (eż. spejjeż, fatturat, assi). L-indikaturi tal-qligħ nett huma wkoll komunement imsejħa indikaturi tal-livell ta' qligħ.

(38)  Ara l-paragrafu 3.18 tal-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment.

(39)  Ara l-paragrafu 2.59 tal-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment.

(40)  Informazzjoni aġġornata fil-31 ta' Mejju 2015.

(41)  Ara t-tweġiba tat-18 ta' Marzu 2014 għall-ewwel mistoqsija tat-tieni talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni: “Nispeċifikaw li ma ngħatat ebda deċiżjoni negattiva.”

(*)  Kopert(i mis-sigriet professjonali.

(42)  B'effett mill-14 ta' Ottubru 2015, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (kodifikazzjoni) (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9), irrevoka u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 659/1999 tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1). Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 659/1999 għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni korrispondenti fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

(43)  Il-Belġju jirreferi f'dan ir-rigward għall-eżempji ta' servizzi mhux imħallsa fi ħdan il-gruppi elenkati fil-paragrafi 7.12 u 7.13 tal-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment.

(44)  Ara l-premessa 52.

(45)  Kawża T-399/11, Banco Santander SA u Santusa Holding vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2014:938.

(46)  Ara l-Kawżi Magħquda C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u Forum 187 ASBL vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2006:416, il-punti 69 u 147.

(47)  Ibid.

(48)  Ara l-konklużjonijiet magħmula mill-Presidenza fl-okkażjoni tal-Kunsill ECOFIN tad-19 ta' Marzu 2003, li jirreferu għar-rapport tal-grupp “Kodiċi ta' Kondotta” bir-referenza 7018/1/03 FISC 31 REV 1 u li huma aċċessibbli f'dan l-indirizz: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7431-2003-INIT/fr/pdf.

(49)  L-iskema msejħa Ftehimiet għall-Kapital Informali, identifikata bħala l-iskema E002 fid-dokumenti tal-Kodiċi tal-Kondotta.

(50)  […] bagħtet id-deċiżjoni bil-quddiem ikkonċernata mal-kummenti tagħha kif ukoll l-istudju tal-prezzijiet ta' trasferiment li fuqhom hija bbażata.

(51)  Ara, b'mod partikolari, il-Kawżi Magħquda C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u Forum 187 ASBL vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2006:416 u l-Kawża C-519/07 P, Il-Kummissjoni vs Koninklijke FrieslandCampina, ECLI:EU:C:2009:556.

(52)  Il-fatt li, fir-rapport annwali tiegħu, is-Servizz tad-Deċiżjonijiet bil-Quddiem isemmi d-deċiżjonijiet li jeżentaw il-qligħ eċċessiv bħala kategorija speċifika ta' deċiżjonijiet bil-quddiem u l-fatt li awtoritajiet Belġjani oħrajn jippromwovu l-iskema jwasslu wkoll għall-konklużjoni li teżisti din l-iskema. Ara, b'mod partikolari, Région de Bruxelles Capitale, http://www.investinbrussels.com, “Belgian R&D incentives unparalleled in Europe,”18/1/13: “Companies established in Belgium acting as the principal in a centralised business model can also apply an ‘excess accounting profit’ ruling, resulting in an average tax rate of between 7-9 %.” (Kumpaniji stabbiliti fil-Belġju li jaġixxu bħala l-prinċipal f'mudell ta' negozju ċentralizzat jistgħu japplikaw ukoll deċiżjoni ta' “profitt ta' kontabilità eċċessiv”, li jirriżulta f'rata ta' taxxa medja ta' bejn 7-9 %); Is-Servizz Pubbliku Federali tal-Finanzi, Taqsima tat-Taxxa fuq l-Investimenti Barranin, preżentazzjonijiet intitolati “Incitants fiscaux en Belgique” (Inċentivi fiskali fil-Belġju), 2009, u “Fiscalité belge: Nouvelles mesures innovatrices” (It-Taxxa fil-Belġju: Miżuri ġodda innovattivi), Pariġi, 9 ta' Ottubru 2007, li jistgħu jiġu kkonsultati fl-indirizz li ġej http://finances.belgium.be/fr/sur_le_spf/structure_et_services/services_du_president/Fiscaliteit_van_de_buitenlandse_investeringen/publications/presentations

(53)  L-aġġustamenti kollha negattivi magħmula skont l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 mhumiex ibbażati fuq l-eżistenza tal-qligħ imsejjaħ eċċessiv. Din id-dispożizzjoni hija wkoll il-bażi ġuridika tal-aġġustamenti tal-prezzijiet ta' trasferiment magħmula meta fuq talba tal-kontribwenti Belġjani, il-Belġju jaċċetta li jnaqqas il-bażi taxxabbli Belġjana minħabba aġġustament pożittiv inizjali magħmul minn territorju fiskali ieħor. Il-fatt li l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92 jintuża wkoll bħala bażi ġuridika għall-aġġustamenti negattivi tal-bażi taxxabbli minbarra dawk relatati mal-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv ma jwaqqfux milli jikkostitwixxi l-bażi ġuridika tal-iskema kkontestata.

(54)  Pereżempju, meta awtorità pubblika tkun intitolata li tagħmel użu minn diversi strumenti sabiex tippromwovi l-ekonomija lokali u timplimenta diversi miżuri ta' għajnuna għal dan il-għan, dan jimplika l-eżerċitar ta' diskrezzjoni sinifikanti ta' valutazzjoni f'dak li jirrigwarda l-ammont, il-karatteristiċi jew il-kundizzjonijiet tal-għajnuna kif ukoll l-għan li l-għoti tagħha jixtieq jilħaq, u għalhekk bilfors wieħed jasal biex jikkonkludi li teżisti skema ta' għajnuna. Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/252/UE tat-13 ta' Lulju 2011 dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru C 6/08 (ex NN 69/07) implimentata mill-Finlandja għal Ålands Industrihus Ab (ĠU L 125, 12.5.2012, p. 33), premessa 110.

(55)  Għalkemm il-kontribwent, fil-prinċipju, huwa mistenni li jipprovdi studju tal-prezzijiet ta' trasferiment, l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv tapplika bi prinċipju, mingħajr il-bżonn li tintwera l-eżistenza ta' tassazzjoni doppja. Barra minn hekk, l-eżenzjoni tibbaża dejjem fuq l-ipoteżi li l-qligħ eċċessiv huwa attribwibbli għal sinerġiji, ekonomiji ta' skala jew vantaġġi oħrajn li jirriżultaw mill-appartenenza għal grupp multinazzjonali.

(56)  Ara, b'analoġija, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/601/KE tas-17 ta' Frar 2003 dwar l-iskema ta' għajnuna C54/2001 (ex NN55/2000) l-Irlanda — Dħul Barrani (ĠU L 204, 13.8.2003, p. 51) (b'mod partikolari, il-premessa 30 ta' din id-deċiżjoni); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/755/KE tas-17 ta' Frar 2003 dwar l-iskema ta' għajnuna implimentata mill-Belġju għal ċentri ta' koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju (ĠU L 282, 30.10.2003, p. 25) (b'mod partikolari, il-premessa 13 ta' din id-deċiżjoni), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/515/KE tas-17 ta' Frar 2003 dwar l-iskema ta' għajnuna implimentata mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-attivitajiet ta' finanzjament internazzjonali (ĠU L 180, 18.7.2003, p. 52) (b'mod partikolari, il-premessa 16 ta' din id-deċiżjoni: l-istabbiliment ta' riżerva għar-riskji li twassal għal eżenzjoni mit-taxxa taħt l-iskema għandu jkun awtorizzat mill-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/501/KE tas-16 ta' Ottubru 2002 dwar l-iskema ta' għajnuna mill-Istat C 49/2001 (ex NN 46/2000) — Ċentri ta' Koordinazzjoni — implimentata mil-Lussemburgu (ĠU L 170, 9.7.2003, p. 20) (b'mod partikolari, il-premessa 9 ta' din id-deċiżjoni: kienet meħtieġa approvazzjoni uffiċjali minn qabel biex wieħed seta' jibbenefika mill-istatus speċjali tat-taxxa mogħti mill-iskema taċ-ċentri ta' koordinazzjoni); u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/81/KE tat-22 ta' Awwissu 2002 dwar l-iskema ta' għajnuna mill-Istat li r-Renju ta' Spanja applika għaċ-“ċentri ta' koordinazzjoni ta' Biscaye” C 48/2001 (ĠU L 31, 6.2.2003, p. 26) (b'mod partikolari, il-premessa 14 ta' din id-deċiżjoni: biex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema fiskali taċ-ċentri ta' koordinazzjoni, l-impriżi jridu l-ewwel nett jirċievu l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa, li hija valida għal perjodu massimu ta' ħames snin).

(57)  Ara l-premessa 59.

(58)  Ara l-Kawżi Magħquda C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u Forum 187 ASBL vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2006:416, il-punt 82; il-Kawża 248/84, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:1987:437, il-punt 18; u l-Kawża C-75/97, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:1999:311, il-punt 48.

(59)  Ara l-Kawża C-399/08 P, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, ECLI:EU:C:2010:481, il-punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

(60)  Ara l-Kawża C-399/08 P, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, ECLI:EU:C:2010:481, il-punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

(61)  Ara l-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P, Il-Kummissjoni vs Il-Gvern ta' Ġibilterra u r-Renju Unit, ECLI:EU:C:2011:732, il-punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata fihom.

(62)  Ara l-Kawża 730/79, Philip Morris, ECLI:EU:C:1980:209, il-punt 11; u l-Kawżi Magħquda T-298/97, T-312/97, eċċ., Alzetta, ECLI:EU:T:2000:151, il-punt 80.

(63)  Il-Kawża C-172/03, Heiser ECLI:EU:C:2005:130, il-punt 40.

(64)  Ara l-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08, Paint Graphos, ECLI:EU:C:2011:550. il-punti 49 u 63.

(65)  Ara l-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08, Paint Graphos, ECLI:EU:C:2011:550. il-punt 65.

(66)  Ara l-Kawżi Magħquda C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u Forum 187 ASBL vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2006:416, il-punt 95.

(67)  Jiġifieri l-kumpaniji li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom, l-istabbiliment prinċipali jew l-uffiċċju ta' ġestjoni jew ta' amministrazzjoni tagħhom fil-Belġju [Artikolu 2(1)(5) tas-CIR 92].

(68)  Ara l-Artikolu 185(1) tas-CIR 92.

(69)  Dan jinkludi l-qligħ mill-beni mmobbli li jinsabu fil-Belġju, id-dħul li jkun ġej minn assi jew kapital Belġjani u l-qligħ realizzat permezz ta' stabbiliment permanenti li jinsab fil-Belġju (l-Artikoli 227 — 229 tas-CIR 92).

(70)  Ara l-premessa 25.

(71)  Ara l-premessi 26 sa 28.

(72)  L-Artikolu 179 flimkien mal-Artikolu 2(1)(5) tas-CIR 92.

(73)  Ara l-Kawża C-6/12 P, Oy, ECLI:EU:2013:525, il-punt 18; u l-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P, Il-Kummissjoni vs Il-Gvern ta' Ġibilterra u r-Renju Unit, ECLI:EU:C:2011:732, il-punt 73.

(74)  Ara t-Taqsima 6.3.2.1.

(75)  Ara t-Taqsima 6.3.1.2.

(76)  Ara t-Taqsima 6.3.2.2.

(77)  Ara l-Kawża C-66/02, L-Italja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2005:768, il-punt 78; il-Kawża C-222/04, Cassa di Risparmio di Firenze u oħrajn, ECLI:EU:C:2006:8, il-punt 132; il-Kawża C-522/13, Ministerio de Defensa u Navantia, ECLI:EU:C:2014:2262, il-punti 21 sa 31. Ara wkoll il-punt 9 tal-avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri relatati mat-tassazzjoni diretta tan-negozju (ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3). Ara wkoll id-Deċiżjoni 2003/601/KE, il-premessi 33 sa 35.

(78)  Ara l-premessa 125.

(79)  Ara l-premessa 44.

(80)  Ara d-deċiżjoni tas-26 ta' Frar 2013 fil-fajl 2011.569, il-paragrafu 42: “Il-programm ta' investiment marbut ma' dawn il-proġetti huwa kif ġej: (…) l-introduzzjoni tat-tielet linja ta' produzzjoni: investimenti ta' USD 2,2 miljun (…) l-introduzzjoni tar-raba' u l-ħames linja ta' produzzjoni: investiment addizzjonali ta' mill-inqas USD 5 miljun (…);” il-paragrafu 43: “F'dak li jirrigwarda ħolqien ta' impjiegi, dawn l-investimenti għandhom iwasslu għal żieda fin-numru ta' ħaddiema tal-grupp fil-Belġju ta' mill-inqas 30 sa 40 ekwivalenti full-time;” il-paragrafu 83: “(…) (L-applikant) jintrabat li jżid il-kapaċitajiet ta' produzzjoni tiegħu fil-Belġju. (…)” u l-paragrafu 91: “(l-applikant) ser jagħmel qligħ akbar fil-Belġju minħabba ekonomiji ta' skala u sinerġiji li ser jibbenefika minnhom minħabba ż-żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni tiegħu wara d-deċiżjoni ta' investiment addizzjonali mill-grupp;” deċiżjoni tat-30 ta' Jannar 2007 fil-fajl 600.460, il-paragrafu 15: “(…) the business intends to relocate the Central Entrepreneur company from (abroad) to Belgium in the course of 2007;” (il-kumpanija għandha l-intenzjoni li tirriloka l-kumpanija Kontraenti Ċentrali minn (barra l-pajjiż) għall-Belġju fl-2007) il-paragrafu 18: “The Entrepreneur activities that are currently carried out (abroad) require the employment of 15 positions. (L-attivitajiet ta' imprenditorija li bħalissa qegħdin jitwettqu (barra l-pajjiż) jeħtieġu l-ingaġġ ta' 15-il impjegat.) All these positions will be transferred to Belgium;” (Dawn il-postijiet kollha ser ikunu trasferiti fil-Belġju). deċiżjoni tal-15 ta' Diċembru 2005 fil-fajl 500.249, il-paragrafu 6: “De totale investering bedroeg circa EUR 109,5 miljoen. (L-investiment totali jammonta għal madwar EUR 109,5 miljun.) De geraamde extra banentoename als gevolg van deze nieuwe investering (…) wordt geraamd op 25 mensen;” (L-impjiegi addizzjonali li ser jiżdiedu bħala riżultat ta' dan l-investiment ġdid (…) huma ta' 25 persuna). deċiżjoni tal-10 ta' Diċembru 2013 fil-fajl 2013.540, Sezzjoni 2: Impatt fuq il-livell tal-impjiegi fil-Belġju (…) il-paragrafu 68: “Permezz tal-ħolqien taċ-ċentrali ta' xiri u tal-uffiċċju tal-kwalità fil-Belġju, jistgħu jinħolqu jew jinżammu 20 impjieg ġdid fil-Belġju. Huwa previst ukoll l-ingaġġ ta' erba' persuni oħra fuq terminu medju, wara l-2015.” Il-paragrafu 69: “(…) in-numru ta' ħwienet fil-Belġju kif ukoll il-qasam kummerċjali (…) għandhom jiżdiedu. Wieħed għalhekk jistenna l-ħolqien ta' impjiegi ġodda fin-netwerk Belġjan ta' distribuzzjoni.” Il-paragrafu 70: “Jeħtieġ ukoll li jkun enfasizzat (li) f'każ ta' falliment in-numru ta' impjiegi mitlufa fi ħdan (l-impriża rkuprata) ikun tela' għal (…) 300 ekwivalenti full-time.” Il-paragrafu 71-72: “Ta' min jinnota li (l-applikant) qed jippjana wkoll (…) li joħloq maħżen ġdid (…) li jwassal għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda.”

(81)  Għad-deċiżjonijiet bil-quddiem għajr dawk li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, dan l-obbligu ma joħloqx problemi ta' selettività. Id-deċiżjonijiet bil-quddiem ordinarji jipprovdu sempliċiment ċertezza legali dwar it-trattament fiskali skont ir-regoli li japplikaw b'mod ugwali għall-kumpaniji kollha, bi jew mingħajr deċiżjoni bil-quddiem. Għaldaqstant, minbarra l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, il-qligħ taxxabbli jkun l-istess fil-prinċipju, kemm jekk ikun ġie stabbilit a priori f'deċiżjoni bil-quddiem kif ukoll a posteriori f'dikjarazzjoni tat-taxxa. Madankollu d-deċiżjoni bil-quddiem li tagħti l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv taħdem fil-prattika bħala awtorizzazzjoni minn qabel. Il-leġiżlazzjoni tipprovdi li l-iskont f'każ ta' qligħ eċċessiv ogħla mill-qligħ ta' distakkament irid ikun stabbilit permezz ta' deċiżjoni bil-quddiem u ma jistax jintalab restrospettivament f'dikjarazzjoni tat-taxxa. Għaldaqstant, kumpanija li effettivament tirreġistra qligħ (eċċessiv) kbir waqt l-attività normali tagħha ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv. Minħabba f'dan, żewġ kumpaniji li jkunu fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali, waħda wara ristrutturar u l-oħra waqt l-attività normali tagħha, jiġu ttrattati b'mod differenti, peress li l-ewwel kumpanija biss hija awtorizzata li titlob deċiżjoni bil-quddiem li tagħtiha eżenzjoni mill-qligħ eċċessiv.

(82)  Il-Kawża T-399/11, Banco Santander SA u Santusa Holding vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2014:938.

(83)  Il-Kawża C-21/15 P, Il-Kummissjoni vs Banco Santander u Santusa.

(84)  Ara t-Taqsima 6.3.1.2 u l-premessa 136.

(85)  Ara l-Kawżi Magħquda C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u Forum 187 ASBL vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2006:416.

(86)  Ibid.

(87)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/757/KE tas-17 ta' Frar 2003 dwar skema ta' għajnuna mill-Istat implimentata mill-Belġju għal ċentri ta' koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju (ĠU L 282, 30.10.2003, p. 25) (mhux disponibbli bil-Malti).

(88)  Ara l-Kawżi Magħquda C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u Forum 187 ASBL vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2006:416, il-punti 95 sa 97.

(89)  Ara l-Kawżi Magħquda C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u Forum 187 ASBL vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2006:416, il-punt 81. Ara wkoll il-Kawża T-538/11, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2015:188, il-punti 65 u 66, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

(90)  Ara l-premessa 65.

(91)  Il-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment ma jiddefinixxux it-terminu “imprenditur ċentrali”. Il-paragrafu 9.2 ta' dawn il-prinċipji jintroduċi t-terminu “donneur d'ordre” (prinċipal) bħala l-kontroparti ta' impriża assoċjata barranija li għandha r-rwol ta' distributur limitat, aġent, jew ta' sottokuntrattur/manifattur għall-prinċipal iżda dawn il-prinċipji ma jiddefinixxux b'mod aktar preċiż it-terminu “prinċipal”. Eżempji oħrajn li fihom entità titqies bħala prinċipal waqt tranżazzjoni kkontrollata jidhru fil-paragrafi 9.26 u 9.27 tal-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment. Fi struttura ta' grupp, jista' jkun razzjonali minn perspettiva ekonomika li l-funzjonijiet jitqassmu bejn, pereżempju, entità li tkun inkarigata mid-deċiżjonijiet kummerċjali strateġiċi u entità oħra li tkun inkarigata mill-funzjonijiet ta' produzzjoni u ta' eżekuzzjoni. Għal dan il-għan, struttura bħal din trid tkun konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq biex tirrispetta l-prinċipju ta' distakkament.

(92)  Deskrizzjoni tal-manifattura b'kuntratt tidher fil-paragrafu 7.40 tal-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment. Id-distribuzzjoni limitata hija deskritta fil-paragrafu 9.127 u fil-paragrafu 6.37 tal-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment hemm referenza għat-terminu “aġent”.

(93)  Il-metodi unilaterali l-oħrajn huma l-metodu “cost plus” u l-metodu tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid.

(94)  Ara l-premessa 57.

(95)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 37 u l-paragrafi 2.58 u sussegwenti tal-prinċipji tal-OECD.

(96)  Il-prinċipji tal-OECD applikabbli għall-prezzijiet ta' trasferiment adottati fl-1995, li kienu fis-seħħ meta l-iskema kkontestata ġiet implimentata, jiffavorixxu b'mod espliċitu l-metodi tradizzjonali bbażati fuq it-tranżazzjonijiet, bħas-CUP (Comparable Uncontrolled Price), minflok il-metodi ta' tranżazzjoni bħall-MTMP biex jiġi ddeterminat jekk il-prezz ta' trasferiment huwiex konformi mal-prezz ta' distakkament (ara l-paragrafu 3.49 tal-prinċipji tal-OECD tal-1995). Il-paragrafu 2.3 tal-prinċipji tal-OECD tal-2010 jipprovdi dan li ġej f'dan ir-rigward: “Meta, minħabba l-kriterji deskritti fil-paragrafu 2.2, metodu tradizzjonali bbażat fuq it-tranżazzjonijiet u metodu ta' tranżazzjoni tal-qligħ jistgħu jkunu applikati bi grad ta' affidabilità simili, il-metodu tradizzjonali bbażat fuq it-tranżazzjonijiet huwa aħjar mill-metodu ta' tranżazzjoni tal-qligħ”.

(97)  Ara l-paragrafu 1.45 tal-prinċipji tal-OECD. Barra minn hekk, il-paragrafu 9.39 ta' dawn l-istess prinċipji jgħid hekk: “B'mod ġenerali, […] l-allokazzjoni tar-riskji assoċjati ma' tranżazzjoni kkontrollata lil waħda mill-partijiet tindika li din il-parti għandha:[…] c) Ġeneralment, ikollha r-riskju kkumpensat b'żieda fir-redditu skontat.”

(98)  Diment li tista tiġi stabbilita l-ġustifikazzjoni ekonomika tal-istruttura tal-imprenditur ċentrali. Ara wkoll il-paragrafu 1.47 tal-prinċipji tal-OECD.

(99)  Il-qligħ residwu huwa għalhekk ugwali għat-total tal-qligħ medju ipotetiku ta' impriża indipendenti kkunsidrata simili, kif deskritt fil-premessa 17, imsejjaħ ukoll “qligħ ta' distakkament aġġustat”, u tal-“qligħ eċċessiv”.

(100)  Ara wkoll il-premessa 154.

(101)  Dan huwa kkonfermat ukoll fil-paragrafu 1.158 tar-rapport tal-OECD intitolat “L-allinjament tal-prezzijiet ta' trasferiment ikkalkulati fuq il-ħolqien tal-valur, Azzjonijiet 8-10-2015 Rapporti finali,” Proġett OECD/G20 dwar l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti, OECD Publishing, Pariġi (minn hawn 'il quddiem ir-“rapport finali BEPS tal-OECD”), li jipprovdi gwida addizzjonali dwar is-sinerġiji msemmija fil-paragrafu 7.13 tal-prinċipji tal-OECD: “[…] meta vantaġġi u żvantaġġi sinerġiċi jirriżultaw biss mill-appartenenza għal grupp multinazzjonali, mingħajr azzjoni intenzjonata u konċertata min-naħa ta' dan il-grupp multinazzjonali, jew mill-eżerċizzju ta' kwalunkwe servizz jew kwalunkwe funzjoni oħra minn membri tal-grupp, dawn il-vantaġġi sinerġiċi ma jistgħux ikunu kkumpensati b'mod separat u lanqas maqsuma b'mod speċifiku bejn il-membri tal-grupp.” ([…] when synergistic benefits or burdens of group membership arise purely as a result of membership in an MNE group and without the deliberate concerted action of group members or the performance of any service or other function by group members, such synergistic benefits of group membership need not be separately compensated or specifically allocated among members of the MNE group. — traduzzjoni mhux uffiċjali, il-verżjoni bil-Malti għadha ma ġietx ippubblikata).

(102)  Ara l-eżempji mogħtija fil-paragrafi 1.168 u 1.169 tar-rapport finali BEPS tal-OECD.

(103)  Ara l-paragrafu 3.18 tal-prinċipji tal-OECD: “Bħala regola ġenerali, il-parti ttestjata hija dik li għaliha jista' jiġi applikat metodu ta' prezz ta' trasferiment bl-aktar mod affidabbli u li għaliha jistgħu jinstabu l-aktar paraguni affidabbli; normalment din tkun il-waħda li l-analiżi funzjonali tagħha tkun l-inqas kumplessa”.

(104)  Ara l-premessa 52.

(105)  Fi kliem ieħor, l-interpretazzjoni li jagħti l-Belġju tal-prinċipju ta' distakkament timplika li applikazzjoni ġenerali ta' din l-interpretazzjoni tal-prinċipji tal-OECD mill-Istati kollha li jilqgħu entitajiet ta' gruppi multinazzjonali bilfors twassal għall-konklużjoni li l-qligħ ta' grupp li ġej minn sinerġiji fi ħdan il-grupp jew minn ekonomiji ta' skala ma jistgħux ikunu ntaxxati f'ebda wieħed minn dawn l-Istati.

(106)  Ara l-paragrafu 9.58 tal-prinċipji tal-OECD.

(107)  Ara l-premessa 159.

(108)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 70.

(109)  Ara l-premessi 138 u 139.

(110)  Ara l-premessa 123.

(111)  Ara, pereżempju, il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08, Paint Graphos, EU:C:2011:550, il-punt 69.

(112)  Ara, b'analoġija, il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08, Paint Graphos, ECLI:EU:C:2011:550, il-punt 71, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi l-possibbiltà li tiġi invokata n-natura jew l-ekonomija ġenerali tas-sistema fiskali nazzjonali biex wieħed jiġġustifika li kumpaniji kooperattivi li jqassmu l-profitti kollha tagħhom lill-membri tagħhom ma jiġux intaxxati fil-livell tal-kooperattiva, diment li t-taxxa titħallas mill-membri tagħhom.

(113)  Ara l-premessa 89.

(114)  Il-Kummissjoni tinnota li l-Belġju pprovda tliet eżempji ta' deċiżjonijiet bil-quddiem ibbażati fuq l-Artikolu 185(2)(b) tas-CIR 92, immirati tabilħaqq biex isolvu sitwazzjonijiet reali ta' taxxa doppja [ara l-premessa (67)]. Madankollu dawn id-deċiżjonijiet bil-quddiem huma evidentement differenti minn dawk li jagħtu eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv. Fil-fatt, fil-każ tad-deċiżjonijiet bil-quddiem li jawtorizzaw aġġustament negattiv tal-prezzijiet ta' trasferiment, dan iwassal għal reġistrazzjoni simmetrika tal-qligħ fil-kontabilità tal-kumpaniji partijiet għat-tranżazzjoni kkontrollata. Aġġustament negattiv tal-bażi tat-taxxa jkun għalhekk iġġustifikat min-natura u l-ekonomija ġenerali tas-sistema fiskali u għalhekk ma jkunx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sakemm ikun ġie motivat mix-xewqa li jiġi kkumpensat aġġustament pożittiv f'territorju fiskali ieħor. L-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv, għall-kuntrarju, ma tistax tkun iġġustifikata minn raġunijiet simili minħabba l-fatt li ebda territorju fiskali ieħor ma jiddikjara l-qligħ, b'mod li ma tinqala' ebda problema ta' taxxa doppja.

(115)  Ara l-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08, Paint Graphos, ECLI:EU:C:2011:550, il-punt 75.

(116)  Il-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta' Trasferiment (JTPF) ġie stabbilit formalment bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/75/KE tat-22 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi grupp espert dwar it-trasferiment ta' prezzijiet (ĠU L 32, 6.2.2007, p. 189) dan jgħin u jagħti pariri lill-Kummissjoni Ewropea f'dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet tat-taxxa relatati mal-prezzijiet ta' trasferiment. Il-JTPF jinkludi rappreżentant mid-dipartimenti tat-taxxa ta' kull Stat Membru u 18-il membru minn organizzazzjonijiet mhux governattivi. Il-president tiegħu huwa indipendenti.

(117)  Rapport dwar l-aġġustamenti kumpensatorji, milqugħ mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015. Fil-glossarju tal-prinċipji tal-OECD, it-terminu “aġġustament kumpensatorju” huwa definit kif ġej: “Aġġustament li fih il-kontribwent jiddikjara lid-dipartiment tat-taxxa prezz ta' trasferiment li, fil-fehma tiegħu, jikkorrispondi għal prezz ta' distakkament fil-kuntest ta' tranżazzjoni bejn impriżi assoċjati għalkemm dan il-prezz ivarja mill-ammont effettivament applikat bejn l-impriżi assoċjati. Dan l-aġġustament iseħħ qabel tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni tat-taxxa.” (Traduzzjoni mhux uffiċjali) B'mod ġenerali, ir-rapport jirreferi għall-aġġustamenti tal-prezzijiet ta' trasferiment fuq inizjattiva tal-kontribwent magħmula aktar tard (ġeneralment fl-aħħar tas-sena), prezzijiet ta' trasferiment li ġew iffissati meta seħħet tranżazzjoni jew sensiela ta' tranżazzjonijiet, jew qabel din it-tranżazzjoni jew sensiela ta' tranżazzjonijiet.

(118)  Il-Kawża C-170/83 Hydrotherm EU:C:1984:271, il-punt 11. Ara wkoll il-Kawża T-137/02 Pollmeier Malchow vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:T:2004:304, il-punt 50.

(119)  Il-Kawża C-480/09 P Acea Electrabel Produzione SpA vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2010:787, il-punti 47 sa 55; il-Kawża C-222/04 Cassa di Risparmio di Firenze SpA u Oħrajn, ECLI:EU:C:2006:8, il-punt 112.

(120)  Ara, b'analoġija, il-Kawża 323/82, Intermills, ECLI:EU:C:1984:345, il-punt 11: “Jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-applikanti stess li wara r-ristrutturar, kemm il-kumpanija Intermills kif ukoll it-tliet kumpaniji industrijali huma kkontrollati mir-reġjun tal-Vallonja u li wara t-trasferiment tal-faċilitajiet ta' produzzjoni lit-tliet kumpaniji fformati ġodda, il-kumpanija Intermills għad għandha interess f'dawn tal-aħħar. Jeħtieġ għalhekk li jkun ikkonstatat li minkejja l-fatt li t-tliet kumpaniji industrijali għandhom kull waħda personalità ġuridika separata minn dik li qabel kienet il-kumpanija Intermills, dawn il-kumpaniji kollha jifformaw flimkien grupp wieħed, tal-inqas f'dak li jirrigwarda l-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Belġjani. […].”

(121)  Id-derogi msemmija fl-Artikolu 107(2) tat-Trattat, li jirrigwardaw l-għajnuniet soċjali li jingħataw lil konsumaturi individwali, l-għajnuniet għat-tiswija ta' ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali jew minn avvenimenti oħra ta' tip eċċezzjonali, u l-għajnuniet li ngħataw għall-ekonomija ta' ċerti reġjuni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma japplikawx f'dan il-każ.

(122)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(123)  Ara l-Kawża C-5/89, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, ECLI:EU:C:1990:320, il-punt 17, u l-Kawża C-310/99, L-Italja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2002:143, il-punt 104.

(124)  Ara l-Kawża T-67/94, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:1998:7, il-punt 183; ara wkoll il-Kawżi Magħquda T-116/01 u T-118/01, P&O European Ferries (Vizcaya) SA u Diputacion Floral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2003:217, il-punt 203.

(125)  Ara l-Kawża T-290/97, Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2000:8, il-punt 59, u l-Kawżi Magħquda C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u Forum 187 ASBL vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2006:416, il-punt 147.

(126)  Ara l-Kawżi Magħquda C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u Forum 187 ASBL vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2006:416, il-punti 150 sa 152.

(127)  Ara l-Kawża C-138/09, Todaro Nunziatina & C., ECLI:EU:C:2010:291, il-punt 21.

(128)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Lulju 2001 fil-Kawża C 47/2001 (ex NN 42/2000) — Il-Ġermanja: ċentri ta' kontroll u ta' koordinazzjoni ta' impriżi barranin (ĠU C 304, 30.10.2001, p. 2). Id-Deċiżjoni 2003/501/KE.

(129)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/378/KE tat-8 ta' Settembru 2004 dwar l-iskema ta' għajnuna li l-Belġju qed jippjana li jimplimenta favur iċ-ċentri ta' koordinazzjoni (ĠU L 125, 18.5.2005, p. 10), u fosthom il-premessi 22, 34 u 37 u l-Artikolu 1(b) tagħha.

(130)  Ara l-Kawżi Magħquda C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u Forum 187 ASBL vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2006:416.

(131)  Ara l-Kawża C-441/06, Il-Kummissjoni vs Franza, ECLI:EU:C:2007:616, il-punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

(132)  Il-Kummissjoni tqis li l-lista tal-benefiċjarji pprovduta mill-awtoritajiet Belġjani u mehmuża ma' din id-deċiżjoni hija biss indikattiva. Hija ma tillimita bl-ebda mod l-obbligu li għandu l-Belġju li jidentifika lill-benefiċjarji kollha tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema kkontestata u li jirkupra mingħandhom l-ammont totali li ngħatalhom, inklużi l-benefiċjarji li kisbu vantaġġi fiskali minħabba l-iskema msemmija li mhumiex elenkati fl-Anness u l-vantaġġi fiskali ġodda mogħtija taħtha lill-benefiċjarji mniżżlin fil-lista.


ANNESS

LISTA TAD-DEĊIŻJONIJIET BIL-QUDDIEM MAĦRUĠA SKONT L-ISKEMA INKWISTJONI

Nru tad-deċiżjoni

Data

Kumpanija

Validità (Bidu)

Validità (Tmiem)

EBIT eżentat (%)

NPBT eżentat (%)

Total ta' qligħ eċċessiv

Dikjarazzjonijiet

Sena fiskali 2005-2014

500.117

26.5.2005

BASF Antwerpen

Perjodu ta' 3 snin

 

 

 

(…)

500.249

15.12.2005

Eval Europe NV

1.4.2004

2009

 

 

(…)

500.343

4.5.2006

BASF Antwerpen

Perjodu ta' 4 snin

 

 

 

(…)

600.144

17.10.2006

Celio International NV

1.2.2007

2012

 

 

(…)

600.279

21.11.2006

[…] (*)

1.1.2007

2012

[40-60]

 

 

600.460

30.1.2007

BP Aromatics Limited NV

1.1.2007

 

[40-60]

 

(…)

600.469

6.2.2007

BASF Antwerpen

Perjodu ta' 5 snin u 3 snin

 

 

 

(…)

700.064

8.5.2007

[…] (*)

8.5.2007

2012

 

 

 

700.075

10.7.2007

The Heating Company

10.7.2007

2012

[60-80]

 

(…)

700.357

25.11.2008

LMS International

1.1.2008

2013

[60-80]

 

(…)

700.412

27.11.2007

[…] (*)

1.1.2007

2012

 

 

 

800.044

12.8.2008

[…] (*)

1.1.2008

2013

[60-80]

 

 

800.122

1.7.2008

Tekelec International sprl

1.6.2008

2013

[60-80]

 

(…)

800.225

15.7.2008

VF Europe bvba

1.1.2010

2015

[60-80]

 

(…)

800.231

13.1.2009

Noble International Europe bvba

1.9.2007

2012

[60-80]

 

(…)

800.346

9.6.2009

[…] (*)

1.5.2010

2015

 

 

 

800.407

8.9.2009

[…] (*)

1.1.2011

2015

 

 

 

800.441

11.3.2009

Eval Europe NV

11.3.2009

2013

 

 

(…)

800.445

13.1.2009

Bridgestone Europe NV

1.1.2006

2011

> OM [1-4]

 

(…)

900.161

26.5.2009

St Jude Medical CC bvba

1.1.2009

2014

> OM [1-4]

 

(…)

900.417

22.12.2009

Trane bvba

1.1.2010

2015

[40-60]

 

(…)

900.479

29.6.2010

[…] (*)

1.1.2010

2015

 

 

 

2010.054

20.4.2010

[…] (*)

1.3.2010

2015

> OM [1-4]

 

 

2010.106

20.4.2010

Luciad NV

1.1.2009

2014

[40-60] (2009-2011)

[40-60] (2012-2013)

 

(…)

2010.112

13.7.2010

[…] (*)

1.1.2011

2016

 

[60-80]

 

2010.239

6.9.2011

Ontex bvba

1.1.2011

2016

 

[60-80]

(…)

2010.277

7.9.2010

[…] (*)

 

 

 

[60-80]

 

2010.284

13.7.2010

[…] (*)

1.1.2010

2015

 

[60-80]

 

2010.488

15.2.2011

Dow Corning Europe SA

1.1.2010

2015

> OM [1-4]

 

(…)

2011.028

22.2.2011

Soudal NV

1.1.2010

2015

 

[40-60]

(…)

2011.201

13.9.2011

Belgacom Int. Carrier Services

1.1.2010

2015

 

[20-40]

(…)

2011.326

6.9.2011

Atlas Copco Airpower NV

1.1.2010

2015

 

[40-60]

(…)

2011.337

8.11.2011

Evonik Oxena Antwerpen NV

1.1.2012

2017

 

[20-40]

(…)

2011.469

13.12.2011

BP Aromatics Limited NV

1.1.2012

 

 

 

(…)

2011.488

24.1.2012

[…] (*)

1.1.2015

2020

 

[60-80]

 

2011.542

28.2.2012

Chep Equipment Pooling NV

1.7.2010

2015

 

[20-40]

(…)

2011.569

26.2.2013

Nomacorc

1.1.2012

2016

 

[60-80]

(…)

2011.572

18.12.2012

[…] (*)

 

 

 

 

 

2012.031

25.9.2012

Pfizer Animal Health SA

1.12.2012

2017

 

[80-100]

(…)

2012.038

6.3.2012

Kinepolis Group NV

1.1.2012

2016

 

[60-80]

(…)

2012.062

24.5.2012

Celio International NV

1.2.2012

2017

 

 

(…)

2012.066

3.4.2012

[…] (*)

1.1.2013

2018

 

[60-80]

 

2012.101

17.4.2012

[…] (*)

1.1.2014

2019

 

[60-80]

 

2012.180

18.9.2012

FLIR Systems Trading Belgium bvba

1.8.2012

 

 

[60-80]

(…)

2012.182

18.9.2012

[…] (*)

31.7.2013

2015

 

[40-60]

 

2012.229

28.8.2012

ABI

1.1.2011

2016

 

[80-100]

(…)

2012.229

29.8.2012

AMPAR

 

 

 

[80-100]

(…)

2012.355

6.11.2012

Knauf Insulation SPRL

1.1.2013

2017

 

[60-80]

(…)

2012.375

20.11.2012

Capsugel Belgium NV

1.1.2012

2017

 

[60-80]

(…)

2012.379

20.11.2012

Wabco Europe BVBA

1.1.2012

2017

 

[40-60]

(…)

2012.446

18.12.2012

[…] (*)

1.1.2015

2020

 

[60-80]

 

2012.468

26.2.2013

BASF Antwerpen

Perjodu ta' 6 snin

 

 

 

(…)

2013.052

16.4.2013

[…] (*)

Perjodu ta' 3 snin

 

 

 

 

2013.111

30.4.2013

Delta Light NV

31.8.2012

2016

 

[60-80]

(…)

2013.138

17.9.2013

[…] (*)

1.1.2012

2017

 

[60-80]

 

2013.156

25.6.2013

Punch Powertrain NV

1.1.2013

2017

 

[60-80]

(…)

2013.331

8.10.2013

Puratos NV

1.1.2013

2018

 

[40-60]

(…)

2013.443

10.12.2013

Omega Pharma International

1.1.2013

2018

 

[40-60]

(…)

2013.540

10.12.2013

[…] (*)

1.1.2014

2019

 

[60-80]

 

2013.579

28.1.2014

Esko Graphics BVBA

1.1.2012

2017

 

[60-80]

(…)

2013.612

25.2.2014

Magnetrol International NV

1.1.2012

2016

 

[60-80]

(…)

2014.091

1.4.2014

Mayckawa Europe NV

31.12.2013

2018

 

[60-80]

(…)

2014.098

10.6.2014

[…] (*)

1.1.2014

2019

 

[60-80]

 

2014.173

13.5.2014

[…] (*)

1.1.2012

2016

 

[60-80]

 

2014.185

24.6.2014

[…] (*)

 

 

 

[60-80]

 

2014.288

5.8.2014

[…] (*)

1.7.2014

2019

 

[60-80]

 

2014.609

23.12.2014

[…] (*)

1.1.2014

2019

 

[60-80]

 

TOTAL eċċessiv

[< 2 100 000 000  (**) ]


(*)  Skont l-informazzjoni li bagħat il-Belġju, dawn il-kumpaniji ma kinux iddikjaraw qligħ eċċessiv fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħhom sas-sena fiskali 2013.

(**)  Dan l-ammont jirrappreżenta l-profitt totali żejjed irrappurtat mill-kumpaniji fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħhom iżda ma jipprovdi l-ebda indikazzjoni tal-għajnuna mogħtija mill-Istat.

Sors: Sottomissjoni mill-awtoritajiet Belġjani tad-29 ta' Mejju 2015, wara d-Deċiżjoni tal-Ftuħ.