5.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 212/116


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/1341

tal-4 ta' Awwissu 2016

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' April 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/183/PESK (1), li ssostitwixxiet id-Deċiżjoni 2010/800/PESK (2) u, fost l-oħrajn, implimentat ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCRs”) 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013) u 2094 (2013).

(2)

Fit-2 ta' Marzu 2016, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta l-UNSCR 2270 (2016) li tipprevedi miżuri ġodda kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (“RDPK”).

(3)

Fil-31 ta' Marzu 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/476 (3) li tagħti effett lil dawn il-miżuri.

(4)

Fis-27 ta' Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2016/849 (PESK) (4) li ssostitwixxiet id-Deċiżjoni 2013/183/PESK u, fost l-oħrajn, implimentat l-UNSCRs 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013) u 2270 (2016).

(5)

L-UNSCR 2270 (2016) tipprevedi d-deżinjazzjoni ta' prodotti addizzjonali li għalihom japplikaw ukoll projbizzjonijiet fuq it-trasferiment, l-akkwist u l-forniment ta' assistenza teknika. Il-Kumitat stabbilit bis-saħħa tal-paragrafu 12 tal-UNSCR 1718 (2006) ikkunsidra lista ta' oġġetti, materjali, tagħmir, prodotti u teknoloġija relatati mal-armi ta' qerda massiva biex jiġu identifikati u deżinjati bħala prodotti sensittivi.

(6)

Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li l-projbizzjoni fuq id-dħul fil-portijiet ta' kwalunkwe bastiment li huwa l-proprjetà tar-RDPK, operat minnha jew b'ekwipaġġ tagħha jenħtieġ li tapplika wkoll għal bastimenti li jtajru l-bandiera tar-RDPK.

(7)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati l-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1(1), il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

l-oġġetti, il-materjali, it-tagħmir, il-prodotti u t-teknoloġija kollha kif determinati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat stabbilit bis-saħħa tal-paragrafu 12 tal-UNSCR 1718 (2006) (‘il-Kumitat tas-Sanzjonijiet’) f'konformità mal-paragrafu 8(a)(ii) tal-UNSCR 1718 (2006), il-paragrafu 5(b) tal-UNSCR 2087 (2013), il-paragrafu 20 tal-UNSCR 2094 (2013) u l-paragrafu 25 tal-UNSCR 2270 (2016), li jistgħu jikkontribwixxu għall-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma' armi oħra ta' qerda massiva;”.

(2)

Fl-Artikolu 18, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu d-dħul fil-portijiet tagħhom ta' kwalunkwe bastiment li huwa l-proprjetà tar-RDPK, operat minnha, b'ekwipaġġ tagħha jew li jtajjar il-bandiera tagħha.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LAJČÁK


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/183/PESK tat- 22 ta' April 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/800/PESK (ĠU L 111, 23.4.2013, p. 52).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/800/PESK tat-22 ta' Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2006/795/PESK (ĠU L 341, 23.12.2010, p. 32).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/476 tal-31 ta' Marzu 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2013/183/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU L 85, 1.4.2016, p. 38).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79).