30.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 205/20


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1255

tad-29 ta' Lulju 2016

li temenda d-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500 u (UE) 2015/2055 dwar miżuri ta' protezzjoni u tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja

(notifikata bid-dokument C(2016) 5035)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (3), b'mod partikolari l-Artikolu 19(1)(a), l-Artikolu 19(3)(a) u l-Artikolu 19(6) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 92/119/KEE tistabbilixxi miżuri ġenerali ta' kontroll li jridu jiġu applikati fil-każ ta' tifqigħa ta' ċertu mard tal-annimali, inkluża l-marda tal-infafet fil-ġilda (LSD). Dawn il-miżuri ta' kontroll jinkludu t-twaqqif ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza madwar l-azjenda agrikola infettata, filwaqt li jipprovdu wkoll it-tilqim ta' emerġenza f'każ ta' tifqigħa ta' LSD bħala suppliment għal miżuri oħra ta' kontroll.

(2)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 (5) tistabbilixxi ċerti miżuri protettivi ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-konferma tal-LSD fil-Greċja fl-2015. Dawk il-miżuri jinkludu t-twaqqif ta' żona ristretta li hija deskritta fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, u li tinkludi ż-żona fejn ġiet ikkonfermata l-LSD u ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti mill-Greċja skont id-Direttiva 92/119/KEE.

(3)

B'segwitu tal-evoluzzjoni tal-qagħda epidemjoloġika fil-Greċja, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2055 (6). Dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tipprevedi li l-Greċja tista' twettaq tilqim ta' emerġenza ta' annimali bovini miżmuma f'azjendi agrikoli fiż-żona fejn isir it-tilqim kif stabbilit fl-Anness I ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2055 emendat ukoll ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500, inkluża l-estensjoni taż-żona ristretta stabbilita fl-Anness tagħha.

(4)

Id-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500 u (UE) 2015/2055 ġew sussegwentement emendati permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2311 (7), sabiex tiġi estiża ż-żona ristretta stipulata fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500, kif ukoll iż-żona tat-tilqim kif stipulat fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2055, wara konferma ta' tifqigħ addizzjonali ta' LSD fl-unità reġjonali ta' Chalkidiki u wara li waslet in-notifika mill-Greċja dwar l-intenzjoni tagħha li twettaq it-tilqim kontra l-LSD f'ċerti unitajiet reġjonali.

(5)

L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500 u l-Anness II tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2055 wara ġew emendati bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1116 (8), sabiex jitqiesu l-iżviluppi sussegwenti fil-qagħda epidemjoloġika fil-Greċja u l-miżuri ta' tilqim meħudin minn dak l-Istat Membru.

(6)

Mid-19 ta' Lulju 2016, il-Greċja rrappurtat tifqigħa ġdida tal-LSD fl-unità reġjonali ta' Achaia, żona kontinentali tal-Greċja, fil-peniżola tal-Peloponneże, fejn l-ebda tifqigħa tal-LSD ma ġiet rrappurtata u li tinsab aktar minn 150 km 'l isfelmill-eqreb unità reġjonali li bħalissa hija soġġetta għal restrizzjonijiet u miżuri fir-rigward tat-tilqim kontra l-marda tal-imfafet fil-ġilda.

(7)

Filwaqt li titqies il-qagħda epidemjoloġika attwali fil-Greċja, u l-veloċità ta' trażmissjoni tal-LSD, huwa meħtieġ li tiġi estiża ż-żona ristretta stipulata fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500 kif ukoll iż-żona fejn isir it-tilqim kif stabbilit fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2055 sabiex tinkludi t-territorju kollu tal-Greċja kontinentali. Għalhekk, id-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500 u (UE) 2015/2055 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implementazzjoni (UE) 2015/1500 jinbidel bit-test stabbilit fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implementazzjoni (UE) 2015/2055 jinbidel bit-test stabbilit fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)   ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69.

(4)   ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 tas-7 ta' Settembru 2015 rigward ċerti miżuri ta' ħarsien kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1423 (ĠU L 234, 8.9.2015, p. 19).

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2055 tal-10 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex jiġi stabbilit il-programm għal tilqim ta' emerġenza ta' annimali bovini kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda (LSD) fil-Greċja u li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500 (ĠU L 300, 17.11.2015, p. 31).

(7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2311 tad-9 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500 u (UE) 2015/2055 dwar miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja (ĠU L 326, 11.12.2015. p. 65).

(8)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1116 tas-7 ta' Lulju 2016 li temenda d-Deċiżjonijiet ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500 u (UE) 2015/2055 dwar miżuri ta' protezzjoni u vaċċinazzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja (ĠU L 186, 9.7.2016, p. 24).


ANNESS I

L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500 jinbidel b'dan li ġej:

“ANNESS

Iż-żoni ristretti msemmija fl-Artikolu 2(b)

A.

Ir-reġjuni li ġejjin fil-Greċja:

Ir-reġjun ta' Attika

Ir-reġjun tal-Greċja Ċentrali

Ir-reġjun tal-Maċedonja Ċentrali

Ir-reġjun tal-Lvant tal-Maċedonja u ta' Traċja

Ir-reġjun ta' Epiru

Ir-reġjun tal-Peloponneże

Ir-reġjun tat-Tessalija

Ir-reġjun tal-Punent tal-Greċja

Ir-reġjun tal-Punent tal-Maċedonja

B.

L-unitajiet reġjonali li ġejjin fil-Greċja:

L-unità reġjonali ta' Limnos”.


ANNESS II

L-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2055 jinbidel b'dan li ġej:

“ANNESS I

A.

Ir-reġjuni li ġejjin fil-Greċja:

Ir-reġjun ta' Attika

Ir-reġjun tal-Greċja Ċentrali

Ir-reġjun tal-Maċedonja Ċentrali

Ir-reġjun tal-Lvant tal-Maċedonja u ta' Traċja

Ir-reġjun ta' Epiru

Ir-reġjun tal-Peloponneże

Ir-reġjun tat-Tessalija

Ir-reġjun tal-Punent tal-Greċja

Ir-reġjun tal-Punent tal-Maċedonja

B.

L-unitajiet reġjonali li ġejjin fil-Greċja:

L-unità reġjonali ta' Limnos”.