28.7.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 202/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1225
tat-18 ta' Lulju 2016
dwar il-konklużjoni tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi tal-Unjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/268 (2), il-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, (3) dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fi programmi tal-Unjoni (“il-Protokoll”) ġie ffirmat f'isem l-Unjoni fid-9 ta' Frar 2015. |
(2) |
L-objettiv tal-Protokoll huwa li jistabbilixxi r-regoli finanzjarji u tekniċi li jippermettu lir-Repubblika tal-Libanu tipparteċipa f'ċerti programmi tal-Unjoni. Il-qafas orizzontali stabbilit bil-Protokoll jistabbilixxi prinċipji għal kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika u jippermetti lir-Repubblika tal-Libanu tirċievi għajnuna, b'mod partikolari għajnuna finanzjarja, mill-Unjoni Ewropea f'konformità ma' dawk il-programmi. Dak il-qafas japplika biss għal dawk il-programmi tal-Unjoni li għalihom l-atti legali kostituttivi rilevanti jipprovdu għall-possibbiltà tal-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu. Għalhekk, il-konklużjoni tal-Protokoll ma tinvolvix l-eżerċizzju tas-setgħat taħt id-diversi politiki settorjali mogħtija mill-programmi, li huma eżerċitati meta jiġu stabbiliti l-programmi. |
(3) |
Il-Protokoll għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu f'kull programm tal-Unjoni huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni (4).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika provduta fl-Artikolu 10 tal-Protokoll (5).
Artikolu 3
Il-Kummissjoni hija awtorizzata li tistabbilixxi, f'isem l-Unjoni, it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Libanu fi kwalunkwe programm partikolari tal-Unjoni, inkluż il-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-grupp ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill infurmat.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI
(1) Kunsent tat-23 ta' Ġunju 2016 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/268 tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi tal-Unjoni (ĠU L 47, 20.2.2015, p. 1).
(3) ĠU L 143, 30.5.2006, p. 2.
(4) Il-Protokoll ġie ppubblikat fil-ĠU L 47, 20.2.2015, p. 3 flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar.
(5) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.