23.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/47


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1206

tat-18 ta' Lulju 2016

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/676/UE li tawtorizza lir-Rumanija biex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE jipprevedi li kwalunkwe persuna taxxabbli li tipprovdi merkanzija jew servizzi hija, bħala regola ġenerali, responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa.

(2)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/583/UE (2) u, sussegwentament, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/676/UE (3) awtorizzaw lir-Rumanija biex tapplika miżura ta' deroga biex taħtar persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fil-każ ta' provvisti ta' prodotti tal-injam minn persuni taxxabbli.

(3)

B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-9 ta' Frar 2016, ir-Rumanija talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura wara l-31 ta' Diċembru 2016.

(4)

Il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tar-Rumanija f'ittra datata t-23 ta' Marzu 2016. B'ittra ddatata d-29 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(5)

Qabel l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata r-reverse charge għall-provvisti tal-prodotti tal-injam, ir-Rumanija kellha problemi fis-suq tal-injam minħabba n-natura ta' dak is-suq u n-negozji involuti. Skont ir-rapport tar-Rumanija, ippreżentat flimkien mat-talba għall-estensjoni tal-miżura, il-ħatra tar-riċevitur bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT kellha l-effett li tipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa f'dak is-settur u għalhekk tibqa' ġustifikata.

(6)

Il-miżura hija proporzjonata mal-għanijiet li riedu jintlaħqu peress li mhijiex maħsuba biex tapplika b'mod ġenerali, iżda biss għal operazzjonijiet speċifiċi ħafna f'settur li jippreżenta problemi konsiderevoli fir-rigward tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.

(7)

Il-miżura, fil-fehma tal-Kummissjoni, m'għandux ikollha xi impatt negattiv fuq il-prevenzjoni ta' frodi fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, f'setturi oħra jew fi Stati Membri oħra.

(8)

L-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata sal-31 ta' Diċembru 2019.

(9)

Fl-eventwalità li r-Rumanija tqis il-ħtieġa ta' estensjoni oħra lil hinn mill-2019, għandu jitressaq rapport ġdid, flimkien mat-talba għall-estensjoni, lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-1 ta' April 2019.

(10)

Il-miżura ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.

(11)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/676/UE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/676/UE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, id-data “31 ta' Diċembru 2016” tiġi sostitwita bi “31 ta' Diċembru 2019”.

(2)

Fl-Artikolu 3, id-data “1 ta' April 2016” tiġi sostitwita bi “1 ta' April 2019”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

G. MATEČNÁ


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/583/UE tas-27 ta' Settembru 2010 li tawtorizza lir-Rumanija biex tintroduċi miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 256, 30.9.2010, p. 27).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/676/UE tal-15 ta' Novembru 2013 li tawtorizza lir-Rumanija biex tkompli tapplika miżura speċjali ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 316, 27.11.2013, p. 31).