19.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1170

tat-12 ta' Lulju 2016

dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija Komprensiva u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt, u l-istabbiliment ta' gruppi ta' ħidma speċjalizzati

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija Komprensiva u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2014.

(2)

F'konformità mal-Artikolu 41 tal-Ftehim, ġie stabbilit Kumitat Konġunt sabiex jiżgura, fost l-oħrajn, il-funzjonament u l-implimentazzjoni korretti tal-Ftehim (“il-Kumitat Konġunt”).

(3)

Sabiex isir kontribut għall-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu adottati.

(4)

Skont l-Artikolu 41 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista' jwaqqaf gruppi ta' ħidma speċjalizzati sabiex jassistuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(5)

Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt f'dak li għandu x'jaqsam mal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt u t-twaqqif ta' gruppi ta' ħidma speċjalizzati għandha tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta' Deċiżjonijiet mehmuża tal-Kumitat Konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 41 tal-Ftehim fir-rigward ta':

(a)

l-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt; u

(b)

it-twaqqif ta' gruppi ta' ħidma speċjalizzati,

għandha tissejjes fuq l-abbożżi ta' Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

2.   Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu dwar bidliet żgħar fl-abbozz ta' Deċiżjonijiet mingħajr ma jirreferu lura għall-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KAŽIMÍR


(1)  Ftehim Qafas dwar Sħubija Komprensiva u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra (ĠU L 125, 26.4.2014, p. 17).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru 1/2016 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-INDONEŻJA

ta' …

li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu

IL-KUMITAT KONĠUNT UE-INDONEŻJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija Komprensiva u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2014.

(2)

Sabiex isir kontribut lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jiġi stabbilit mill-aktar fis possibbli.

(3)

Skont l-Artikolu 41(5) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess għall-applikazzjoni tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu uniku

Ir-regoli ta' proċedura tal-Kumitat Konġunt, kif stipulat fl-Anness, huma b'dan adottati.

Magħmul fi …,

Għal Kumitat Konġunt UE-Indoneżja

Il-President


(1)   ĠU L 125, 26.4.2014, p. 17.

ANNESS

Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt

Artikolu 1

Kompożizzjoni u President

1.   Il-Kumitat Konġunt, stabbilit skont l-Artikolu 41 tal-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija Komprensiva u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu jwettaq il-kompiti tiegħu kif previst fl-Artikolu 41 tal-Ftehim.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti taż-żewġ naħat fl-aktar livell għoli possibbli.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkun ippresedut b'mod alternat mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Indoneżja u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Huma jistgħu jiddelegaw l-awtorità tagħhom lil uffiċjal għoli biex jippresjedi fuq il-laqgħat kollha tal-Kumitat Konġunt jew fuq parti minnhom.

Artikolu 2

Rappreżentanza

1.   Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar il-lista tar-rappreżentanti tagħhom fil-Kumitat Konġunt (“il-Membri”). Il-lista tiġi amministrata mis-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt.

2.   Membru li jixtieq jiġi rrappreżentat minn rappreżentant sostitut għandu jinnotifika bil-miktub lill-President bl-isem tar-rappreżentant sostitut tiegħu jew tagħha qabel issir dik il-laqgħa. Ir-rappreżentant sostitut ta' Membru għandu jeżerċita d-drittijiet kollha ta' dak il-Membru.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

1.   Il-Membri tal-Kumitat Konġunt jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali oħra. Qabel kull laqgħa, il-Partijiet għandhom jiġu informati, permezz tas-Segretarjat, dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet li jattendu l-laqgħa.

2.   Meta jkun xieraq u bi ftehim reċiproku mal-Partijiet, esperti jew rappreżentanti ta' korpi oħra jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt bħala osservaturi jew sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett partikolari.

Artikolu 4

Laqgħat

1.   Il-Kumitat Konġunt għandu normalment jiltaqa' mhux inqas minn kull sentejn, jew kif maqbul mod ieħor miż-żewġ partijiet. Il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt għandhom jitlaqqgħu mill-President u għandhom isiru fl-Indoneżja u fi Brussell alternattivament, f'data stabbilita bi ftehim reċiproku. Laqgħat straordinarji tal-Kumitat Konġunt jistgħu jitlaqqgħu wkoll bi ftehim bejn il-Partijiet.

2.   F'każijiet eċċezzjonali u jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt jistgħu jsiru wkoll permezz ta' mezzi tekniċi, pereżempju permezz ta' konferenzi bil-vidjo jew telekonferenzi.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' fl-ogħla livell possibbli, kif miftiehem mill-Partijiet. Iż-żewġ Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw parteċipazzjoni f'livell ministerjali kull meta dan ikun possibbli.

4.   Laqgħat tal-Kumitat Konġunt ippreseduti fil-livell ministerjali għandhom jitħejjew permezz ta' laqgħa minn qabel f'livell ta' uffiċjali għolja.

Artikolu 5

Pubbliċità

1.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi. Meta Parti tippreżenta informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-Kumitat Konġunt, il-Parti l-oħra tittratta dik l-informazzjoni bħala tali.

2.   Il-Kumitat Konġunt jista' joħroġ dikjarazzjonijiet lill-pubbliku kif iqis xieraq.

Artikolu 6

Segretarjat

Rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u rappreżentant tal-Gvern tar-Repubblika tal-Indoneżja għandhom iservu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kumitat Konġunt. Il-komunikazzjonijiet kollha lil u mingħand il-President tal-Kumitat Konġunt għandhom jingħaddu lis-Segretarji. Il-korrispondenza lil u mill-President tal-Kumitat Konġunt tista' ssir permezz ta' kull mezz bil-miktub, inkluż permezz tal-posta elettronika.

Artikolu 7

Aġendi għal-laqgħat

1.   Il-President għandu jfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa. Din għandha tiġi trażmessa, flimkien mad-dokumenti rilevanti, lill-Parti l-oħra, normalment mhux iktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

2.   Il-President jista' jipproponi li esperti jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt sabiex tiġi pprovduta informazzjoni dwar xi punt partikolari tal-aġenda.

3.   Il-Kumitat Konġunt jadotta l-aġenda fil-bidu ta' kull laqgħa. Kwistjonijiet għajr dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

4.   F'ċirkostanzi speċjali u bi qbil maż-żewġ Partijiet, il-President jista' jqassar l-iskadenzi msemmija fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' każ partikolari.

Artikolu 8

Minuti miftiehma

1.   L-eżitu tal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt għandu jkun fil-forma ta' minuti miftiehma.

2.   L-abbozz tal-minuti miftiehma ta' kull laqgħa għandhom jiġu mfassla b'mod konġunt miż-żewġ segretarji mal-preżentazzjoni min-naħa tal-ospitant, normalment fi żmien 30 jum kalendarju mid-data tal-laqgħa. L-abbozz tal-minuti miftiehma għandu jkun ibbażat fuq sinteżi mill-President tal-konklużjonijiet li jkun wasal għalihom il-Kumitat Konġunt.

3.   Il-minuti miftiehma għandhomb jiġu approvati miż-żewġ Partijiet fi żmien 45 jum kalendarju mid-data tal-laqgħa jew sa kwalunkwe data oħra miftiehma mill-Partijiet. Malli jintlaħaq qbil dwar il-minuti, żewġ kopji oriġinali għandhom jiġu ffirmati mill-Partijiet. Kull Parti għandha tirċievi kopja oriġinali waħda.

Artikolu 9

Deċiżjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.   Għall-fini tal-implimentazzjoni tal-kompiti tal-Kumitat Konġunt kif previst fl-Artikolu 41 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista' jaqbel li jadotta Deċiżjoni u/jew Rakkomandazzjoni. Tali Deċiżjoni u/jew Rakkomandazzjoni għandu jkollhom numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni tagħhom u deskrizzjoni tas-suġġett.

2.   Fejn iċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan, il-Kumitat Konġunt jista' jadotta d-Deċiżjonijiet jew ir-Rakkomandazzjonijiet tiegħu bi proċedura bil-miktub.

3.   Minkejja l-Artikolu 5, kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-Deċiżjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 10

Korrispondenza

1.   Korrispondenza indirizzata lill-Kumitat Konġunt għandha tintbagħat lis-Segretarju ta' waħda mill-Partijiet, li għandu min-naħa tiegħu jgħarraf lis-Segretarju l-ieħor.

2.   Is-Segretarjat għandu jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lill-Kumitat Konġunt tintbagħat lill-President u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, bħala dokumenti kif imsemmi fl-Artikolu 11.

3.   Il-korrispondenza mill-President għandha tintbagħat lill-Partijiet mis-Segretarjat u, fejn xieraq, tiġi ċċirkolata, bħala dokumenti kif imsemmi fl-Artikolu 11.

Artikolu 11

Dokumenti

1.   Meta d-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt ikunu bbażati fuq dokumenti ġustifikattivi bil-miktub, tali dokumenti għandhom jiġu nnumerati u ċċirkolati mis-Segretarjat lill-Membri.

2.   Kull Segretarju għandu jkun responsabbli għaċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti lill-Membri xierqa tal-Parti tiegħu jew tagħha fil-Kumitat Konġunt filwaqt li sistematikament jikkopja lis-Segretarju l-ieħor.

Artikolu 12

Spejjeż

1.   Kull Parti għandha tkopri kwalunkwe l-ispejjeż li ġġarrab bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, kemm fir-rigward tal-persunal, tan-nefqa tal-ivvjaġġar u tal-għajxien, u fir-rigward tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

2.   In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

Artikolu 13

Emenda tar-Regoli ta' Proċedura

Kull Parti tista' titlob bil-miktub rieżami tar-Regoli ta' Proċedura, li jistgħu jiġu emendati permezz ta' qbil komuni tal-Partijiet, f'konformità mal-Artikolu 9.

Artikolu 14

Gruppi ta' ħidma speċjalizzati u mekkaniżmi oħra

1.   Il-Kumitat Konġunt jista' jistabbilixxi gruppi ta' ħidma speċjalizzati jew mekkaniżmi oħra sabiex jassistuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Il-gruppi ta' ħidma speċjalizzati u mekkaniżmi oħra għandhom jirrapportaw lill-Kumitat Konġunt.

2.   Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jabolixxi kwalunkwe grupp ta' ħidma speċjalizzat eżistenti jew mekkaniżmi oħra jew li jistabbilixxi gruppi ta' ħidma speċjalizzati oħra jew mekkaniżmi oħra sabiex jgħinuh fil-qadi ta' dmirijietu.

3.   Il-gruppi ta' ħidma speċjalizzati u l-mekkaniżmi l-oħra għandhom iħejju rapporti dettaljati tal-attivitajiet tagħhom lill-Kumitat Konġunt f'kull waħda mil-laqgħat tiegħu.

4.   Il-gruppi ta' ħidma speċjalizzati għandu jkollhom biss is-setgħa li jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.


ABBOZZ TA'

DEĊIŻJONI Nru 2/2016 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-INDONEŻJA

ta' …

dwar l-istabbiliment ta' gruppi ta' ħidma speċjalizzati u mekkaniżmi oħra

IL-KUMITAT KONĠUNT UE-INDONEŻJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija Komprensiva u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu, u l-Artikolu 14 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt,

Billi:

(1)

Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2014.

(2)

Sabiex isir kontribut lejn l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim, għandu jiġi stabbilit il-qafas istituzzjonali tiegħu mill-aktar fis possibbli.

(3)

Skont l-Artikolu 41(3) tal-Ftehim u l-Artikolu 14 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt, il-Kumitat Konġunt jista' jistabbilixxi gruppi ta' ħidma speċjalizzati u mekkaniżmi oħra sabiex jgħinuh fil-prestazzjoni tal-kompiti tiegħu.

(4)

Sabiex jiġu permessi diskussjonijiet fil-livell ta' esperti dwar l-oqsma ewlenin li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Ftehim, jistgħu jiġu stabbiliti gruppi ta' ħidma speċjalizzati jew mekkaniżmi oħra. Il-Partijiet jistgħu jaqblu wkoll li jemendaw il-lista ta' gruppi ta' ħidma speċjalizzati jew ta' mekkaniżmi oħra u/jew il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom.

(5)

Skont l-Artikolu 9 tar-regoli ta' proċedura tiegħu, il-Kumitat Konġunt jista' wkoll jieħu deċiżjonijiet bi proċedura bil-miktub.

(6)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi adottata sabiex il-gruppi ta' ħidma speċjalizzati jew il-mekkaniżmi jsiru operattivi f'waqthom,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu uniku

Il-gruppi ta' ħidma speċjalizzati elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni huma b'dan stabbiliti.

Magħmul fi …,

Għall-Kumitat Konġunt UE-Indoneżja

Il-President


(1)   ĠU L 125, 26.4.2014, p. 17.

ANNESS

Kumitat Konġunt UE-Indoneżja

Gruppi ta' ħidma speċjalizzati u mekkaniżmi oħra

(1)

Grupp ta' ħidma speċjalizzat dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp

(2)

Grupp ta' ħidma speċjalizzat dwar il-kummerċ u l-investiment

(3)

Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

(4)

Djalogu politiku

(5)

Djalogu dwar is-sigurtà