12.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 187/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1124

tal-24 ta' Ġunju 2016

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni Permanenti tal-Eurocontrol fir-rigward tad-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati dwar servizzi ċentralizzati

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2394 (1) stabbiliet pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta' deċiżjoni dwar servizzi ċentralizzati li l-Kummissjoni Permanenti tal-Eurocontrol (“il-Kummissjoni Permanenti”) kienet mistennija li tieħu fid-9 ta' Diċembru 2015. L-għan ta' dik id-deċiżjoni dwar servizzi ċentralizzati kien sabiex il-Eurocontrol tkun tista' tiżviluppa finanzjament, arranġamenti ta' akkwist u speċifikazzjonijiet tekniċi fid-dawl tat-tnedija f'waqtha ta' “Servizzi ta' Komunikazzjoni Ewropej dwar id-Data bejn l-Ajru u l-Art” (EAGDCS) ġodda.

(2)

Il-pożizzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni (UE) 2015/2394 kienet li deċiżjoni dwar is-servizzi ċentralizzati mill-Kummissjoni Permanenti kellha tiġi posposta minħabba li l-Unjoni ma kellhiex biżżejjed informazzjoni biex tkun evalwata s-sustanza ta' tali deċiżjoni dwar servizzi ċentralizzati u minħabba li setgħet tippreġudika l-attività futura mmexxija mill-Eurocontrol b'mod li kien ikun ta' detriment għall-attività tal-Unjoni f'dak il-qasam.

(3)

Fid-9 ta' Diċembru 2015, minħabba l-pożizzjoni tal-Unjoni stabbilita fid-Deċiżjoni (UE) 2015/2394, il-Kummissjoni Permanenti ma ħaditx deċiżjoni dwar il-EAGDCS u talbet lill-Aġenzija tal-Eurocontrol biex tkompli taħdem fuq proposta riveduta f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija u biex tipprovdi valutazzjoni tal-ispejjeż ekonomiċi tal-EAGDCS.

(4)

Fid-9 ta' Frar 2016, l-Aġenzija tal-Eurocontrol u l-partijiet ikkonċernati tal-industrija ppreżentaw proposta riveduta u appoġġata b'mod konġunt dwar il-EAGDCS, u l-Aġenzija tal-Eurocontrol żgurat id-disponibbiltà sħiħa tal-valutazzjoni tal-ispejjeż ekonomiċi permezz tal-istudji tal-fattibbiltà eżistenti.

(5)

Fis-6 ta' April 2016, l-Aġenzija tal-Eurocontrol ipproponiet lill-Kummissjoni Permanenti biex tadotta d-deċiżjoni bbażata fuq il-proposta dwar il-EAGDCS fi proċedura bil-miktub.

(6)

Dik id-Deċiżjoni tikkonċerna l-iżvilupp ta' EAGDCS. Din għandha effetti legali peress li tirregola oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u, skont il-kontenut tagħha, jista' jkollha effetti konkreti fuq dawk l-oqsma. Din tista' taffettwa l-benefiċċji li jirriżultaw mill-ħidma teknika fuq servizzi ta' kollegament tad-data mwettqa mill-Impriża Konġunta SESAR, fuq ir-riskju ta' diskrepanzi fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni u tas-sorveljanza, minħabba r-rwol tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“EASA”) f'dak il-qasam, u għalhekk fuq ir-riskju ta' infiq ineffettiv ta' fondi li joriġinaw minn imposti tar-rotta u mill-appoġġ tal-Unjoni, kif ukoll il-kosteffiċjenza ta' attivitajiet ta' skjerament rilevanti li għandhom jitwettqu mill-Unjoni fil-kuntest tal-proġett SESAR.

(7)

Minħabba l-vantaġġi li jistgħu jkunu mistennija mill-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi bħal dimostratur, id-deċiżjoni li tiffavorixxi l-kollaborazzjoni rilevanti għandha tiġi appoġġata fil-prinċipju. Madankollu, id-deċiżjoni għandha jkollha kundizzjonijiet li jissalvagwardjaw l-interessi tal-Unjoni dwar il-punti msemmija hawn fuq.

(8)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri f'isem l-Unjoni fil-Kummissjoni Permanenti fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar servizzi ċentralizzati li għandhom jiġu adottati minn dik il-Kummissjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri f'isem l-Unjoni fil-Kummissjoni Permanenti tal-Eurocontrol għandha tkun din li ġejja:

 

fir-rigward tal-proposta tas-6 ta' April 2016 mibgħuta mill-Aġenzija tal-Eurocontrol, il-pożizzjoni tal-Unjoni hija li tappoġġa l-kollaborazzjoni kontinwa tal-Aġenzija tal-Eurocontrol mal-Fornituri ta' Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru u, fejn xieraq, mal-operaturi ta' inġenji tal-ajru tal-Istati Membri tal-Eurocontrol fil-kuntest tal-proġett SESAR, inkluż l-iżvilupp tal-arranġamenti ta' Governanza, Finanzjament u Akkwist neċessarji, u li tiżviluppa speċifikazzjonijiet tekniċi bil-ħsieb li jintużaw fil-ħin is-Servizzi ta' Komunikazzjoni Ewropej dwar id-Data bejn l-Ajru u l-Art (EAGDCS). L-arranġamenti u s-soluzzjonijiet tekniċi ta' hawn fuq ser jiġu ppreżentati lill-Kunsill Proviżorju/Kummissjoni Permanenti għall-informazzjoni u qabel ma jsir kwalunkwe akkwist possibbli. Dan għandu jkun ibbażat ukoll fuq evidenza tal-fattibbiltà teknika u operattiva u l-iżvilupp ta' valutazzjoni komprensiva tal-impatt ekonomiku.

Id-deċiżjoni li għandha tiġi adottata fil-Kummissjoni Permanenti għandha tiżgura li:

jiġi meqjus bis-sħiħ l-eżitu tal-ħidma teknika dwar il-kollegament tad-data mwettqa mill-Impriża Konġunta SESAR,

l-attivitajiet koperti minn dik id-deċiżjoni jitwettqu b'kooperazzjoni mal-EASA sa fejn dak id-deċiżjoni tikkonċerna l-ħidma ta' tħejjija tal-EASA għaċ-ċertifikazzjoni u s-sorveljanza tal-EAGDCS fil-ġejjieni,

tibqa' mingħajr preġudizzju għall-użu u l-operazzjoni tal-EAGDCS, kif ukoll l-akkwist tiegħu, li għandu jkun soġġett għal aktar deċiżjonijiet mill-Istati Membri tal-Eurocontrol,

l-attivitajiet koperti minn dik id-deċiżjoni huma bbażati fuq il-ftehim mal-Fornituri ta' Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru, u

l-arranġamenti ta' finanzjament u akkwist, kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jibqgħu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe investiment u spejjeż assoċjati diġà mġarrba minn Stati Membri tal-Unjoni li huma Fornituri ta' Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru u l-operaturi ta' inġenji tal-ajru f'konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2009 (2).

L-Istati Membri għandhom jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2394 tat-8 ta' Diċembru 2015 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Istati Membri f'isem l-Unjoni Ewropea, fir-rigward tad-deċiżjonijiet li trid tadotta l-Kummissjoni Permanenti tal-Eurocontrol, rigward ir-rwoli u l-kompiti tal-Eurocontrol u dwar is-servizzi ċentralizzati (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 136).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2009 tas-16 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi rekwiżiti dwar servizzi ta' kollegament tad-dejta għall-Ajru Uniku Ewropew (ĠU L 13 17.1.2009, p. 3).