|
9.7.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 186/1 |
DIRETTIVA (UE) 2016/1112 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-6 ta' Lulju 2016
dwar l-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lit-Tuneżija
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
|
(1) |
Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea (l-“Unjoni”) u r-Repubblika tat-Tuneżija (“it-Tuneżija”) qegħdin jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV). It-Tuneżija kienet l-ewwel pajjiż tal-Mediterran li ffirmat il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (2) mal-Unjoni fis-17 ta' Lulju 1995, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998. Taħt dak il-Ftehim, it-Tuneżija ffinalizzat it-tneħħija tat-tariffi għall-prodotti industrijali fl-2008, biex b'hekk saret l-ewwel pajjiż Mediterranju li daħal f'żona ta' kummerċ ħieles mal-Unjoni. Id-djalogu politiku bilaterali u l-kooperazzjoni ekonomika bilaterali komplew jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-PEV, li l-aktar reċenti jkopri l-perijodu 2013-2017. |
|
(2) |
Wara r-revoluzzjoni u t-tkeċċija tal-President Ben Ali fl-14 ta' Jannar 2011, l-ewwel elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi seħħew fit-Tuneżija fit-23 ta' Ottubru 2011. Ġiet adottata Kostituzzjoni ġdida f'Jannar 2014 u l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali saru matul ir-raba' trimestru tal-2014, bi sforzi miftiehma mill-atturi politiċi ewlenin biex jipproċedu bir-riformi lejn sistema kompletament demokratika. |
|
(3) |
B'mod parallel ma' dan il-proċess ta' transizzjoni politika, l-ekonomija Tuneżina ġiet affettwata minn taqlib domestiku kontinwu, instabbiltà reġjonali (inkluż l-impatt tal-kunflitti fil-Libja) u ambjent internazzjonali dgħajjef (partikolarment fl-Unjoni, is-sieħeb kummerċjali prinċipali tat-Tuneżija). Dawk l-iżviluppi sfavorevoli dgħajfu sostanzjalment il-prestazzjoni tat-tkabbir tagħha, kif ukoll il-pożizzjonijiet fiskali u tal-bilanċ tal-pagamenti. |
|
(4) |
Mill-2011 'l hawn, wara l-bidliet politiċi fit-Tuneżija, l-Unjoni esprimiet l-impenn inekwivokabbli tagħha li tappoġġja lit-Tuneżija fil-proċess ta' riforma ekonomika u politika tagħha. Hija żiedet l-appoġġ finanzjarju tagħha lejn it-Tuneżija, waqt li saħħet il-kooperazzjoni f'ħafna oqsma, inkluża s-soċjetà ċivili, is-sistema elettorali, is-sigurtà, l-iżvilupp reġjonali u r-riformi soċjali u ekonomiċi. Barra minn hekk, offriet il-possibbiltà li jiġi konkluż ftehim dwar Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva, li n-negozjati tiegħu tnedew f'Ottubru 2014. |
|
(5) |
F'dan il-kuntest ekonomiku u finanzjarju diffiċli, l-awtoritajiet tat-Tuneżija u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ftiehmu, f'April 2013, dwar Arranġament mhux prekawzjonarju ta' Riżerva għal tliet snin ta' 1 146 miljun (Dritt Speċjali ta' Prelevament) bħala appoġġ għall-programm ta' aġġustament ekonomiku u ta' riforma tat-Tuneżija, li ġie sussegwentement estiż sa tmiem l-2015. B'kollox, inġibdu USD 1 500 miljun taħt il-programm tal-FMI wara li tlestew sitt reviżjonijiet tal-programm. |
|
(6) |
F'Awwissu 2013, it-Tuneżija talbet assistenza makrofinanzjarja kumplimentari mill-Unjoni. Bi tweġiba għal dan, f'Mejju 2014 ġiet adottata deċiżjoni li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ta' EUR 300 miljun fil-forma ta' self (AMF-I) (3). Il-Memorandum ta' Qbil li jiddefinixxi l-kondizzjonijiet ta' politika relatati mal-AMF-I daħal fis-seħħ fl-4 ta' Marzu 2015. Wara l-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula ta' politika, l-ewwel porzjon ta' AMF-I inħareġ fis-7 ta' Mejju 2015 u t-tieni porzjon inħareġ fl-1 ta' Diċembru 2015. |
|
(7) |
L-Unjoni għamlet EUR 524 miljun disponibbli f'għotjiet għall-perijodu 2011-2015 taħt il-programm ta' kooperazzjoni regolari tagħha, biex tappoġġa l-aġenda ta' riforma ekonomika u politika tat-Tuneżija. Barra minn hekk, ġew allokati EUR 155 miljun lit-Tuneżija fl-2011-2013 taħt il-programm “Appoġġ għas-sħubija, ir-riformi u t-tkabbir inklużiv” (SPRING) u EUR 122 miljun ġie allokat fl-2014-2015 taħt il-programm “Ġeneriku”. Barra minn hekk, il-Bank Ewropew tal-Investiment ipprovda self fl-ammont ta' EUR 1 338 miljun mill-2011 'l hawn. |
|
(8) |
Fl-2015, l-ekonomija tat-Tuneżija kienet affettwata b'mod sinifikanti minn diversi attakki terroristiċi li kellhom fil-mira taħghom industriji ewlenin tal-ekonomija, bħat-turiżmu u t-trasport, u kellhom l-għan li jfixklu l-konsolidazzjoni tat-transizzjoni politika tagħha. Dawk l-attakki ħallew impatt negattiv fuq l-irkupru ekonomiku li t-Tuneżija kienet bdiet tesperjenza. Flimkien mal-instabbiltà reġjonali persistenti (inkluża l-attivazzjoni mill-ġdid tal-kunflitt Libjan), u l-ambjent ekonomiku globali u Ewropew li għadu dgħajjef, dawk l-avvenimenti aggravaw il-bilanċ tal-pagamenti u l-pożizzjonijiet fiskali diġà dgħajfa tat-Tuneżija. Dan irriżulta f'diskrepanzi finanzjarji esterni kif ukoll baġitarji sinifikanti. |
|
(9) |
F'dan il-kuntest ta' sfida, l-Unjoni rriaffermat l-impenn tagħha li tappoġġa lit-Tuneżija fil-proċess ta' riforma ekonomika u politika tagħha. B'mod partikolari, dan l-impenn ġie espress fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u t-Tuneżija f'Marzu 2015, kif ukoll wara l-attakk terroristiku f'Ġunju 2015 qrib Sousse, fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015. L-appoġġ politiku u ekonomiku mill-Unjoni lill-proċess ta' riforma tat-Tuneżija huwa konsistenti mal-politika tal-Unjoni għan-Nofsinhar tar-reġjun Mediterranju, kif stabbilit fil-kuntest tal-PEV. |
|
(10) |
Wara d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tat-Tuneżija, il-FMI u t-Tuneżija bdew diskussjonijiet dwar arranġament suċċessur ta' ammont akbar, li jista' jieħu l-forma ta' Assistenza Finanzjarja Addizzjonali (“il-programm tal-FMI”) u x'aktarx ikopri perijodu ta' erba' snin, li jibda fir-rebbiegħa tal-2016. Il-programm il-ġdid tal-FMI jkollu l-għan li jtaffi d-diffikultajiet għal żmien qasir fil-livell tal-bilanċ tal-pagamenti filwaqt li jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' aġġustament b'saħħithom. |
|
(11) |
F'Awwissu 2015, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika u l-prospett ekonomiku li kienu sejrin għall-agħar, it-Tuneżija talbet għal aktar assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni. |
|
(12) |
Minħabba li t-Tuneżija hija pajjiż kopert mill-PEV, għandha tkun ikkunsidrata bħala eliġibbli biex tirċievi l-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni. |
|
(13) |
L-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni għandha tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta' appoġġ mingħajr irbit u mhux speċifikata għall-bilanċ tal-pagamenti, bl-għan li tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji esterni immedjati tal-benefiċjarju u għandha tirfed l-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li fih miżuri qawwija ta' riforma strutturali u ta' aġġustament immedjat maħsuba biex itejbu l-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti fuq perijodu ta' żmien qasir. |
|
(14) |
Minħabba li għad hemm diskrepanza sinifikanti fil-finanzjament estern residwu tal-bilanċ tal-pagamenti tat-Tuneżija lil hinn mir-riżorsi pprovduti mill-FMI u minn istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni li għandha tingħata lit-Tuneżija, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali, qed titqies bħala tweġiba xierqa għat-talba tat-Tuneżija għall-appoġġ tal-istabilizzazzjoni ekonomika, flimkien mal-programm tal-FMI. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tgħin lill-istabbilizzazzjoni ekonomika u lill-aġenda ta' riforma strutturali tat-Tuneżija, filwaqt li tissupplimenta r-riżorsi magħmula disponibbli taħt l-arranġament finanzjarju tal-FMI. |
|
(15) |
L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jkollha l-għan li tappoġġa l-irkupru tas-sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli tat-Tuneżija biex b'hekk tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħha. |
|
(16) |
Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija bbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva kompleta tal-ħtiġijiet ta' finanzjament estern residwu tat-Tuneżija, u tqis il-kapaċità tagħha ta' awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, partikolarment ir-riżervi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tikkomplimenta l-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u l-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi multilaterali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piż bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-implimentazzjoni diġà eżistenti tal-istrumenti ta' finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni fit-Tuneżija u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni. |
|
(17) |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-prinċipji, l-objettivi u l-miżuri ewlenin meħuda fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u ta' linji ta' politika oħrajn rilevanti tal-Unjoni. |
|
(18) |
L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni lejn it-Tuneżija. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jaħdmu flimkien mill-qrib matul l-operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja kollha bl-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u li jiżguraw il-konsistenza tagħha. |
|
(19) |
L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tappoġġa l-impenn tat-Tuneżija fir-rigward tal-valuri kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-impenn tagħha lejn il-prinċipji ta' kummerċ miftuħ, ibbażat fuq regoli u ġust. |
|
(20) |
Prekondizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li t-Tuneżija tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b'diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom ikunu li jssaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà fis-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fit-Tuneżija, u għandhom jipromwovu r-riformi strutturali li għandhom l-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklussiv, il-ħolqien tal-impjiegi u l-konsolidazzjoni fiskali. Kemm it-twettiq tal-prekondizzjonijiet kif ukoll il-kisba ta' dawk l-objettivi għandhom jiġu ssorveljati regolarment mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. |
|
(21) |
Biex ikun żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni konnessi mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jiġu mħarsa b'mod effiċjenti, it-Tuneżija għandha tieħu miżuri xierqa fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra marbuta mal-assistenza. Barra minn hekk, għandu jiġi previst li l-Kummissjoni twettaq verifiki u li l-Qorti tal-Awdituri twettaq il-kontrolli kontabilistiċi. |
|
(22) |
L-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, bħala awtorità baġitarja. |
|
(23) |
L-ammonti li għandhom jiġu pprovduti meħtieġa għall-assistenza makrofinanzjarja għandhom ikunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji definiti fil-qafas finanzjarju pluriennali. |
|
(24) |
L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi marbutin mal-assistenza u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti. |
|
(25) |
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(26) |
L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għal kondizzjonijiet ta' politika ekonomika, li għandhom jiġu stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta' effiċjenza, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tinnegozja dawn il-kondizzjonijiet mal-awtoritajiet Tuneżini taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Skont dan ir-Regolament, bħala regola ġenerali għandha tapplika l-proċedura konsultattiva fil-każijiet kollha ħlief kif previst f'dan ir-Regolament. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment importanti tal-assistenza ta' aktar minn EUR 90 miljun, huwa xieraq li l-proċedura ta' eżami tintuża għal operazzjonijiet li jeċċedu dak il-limitu. Meta jitqies l-ammont ta' assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lit-Tuneżija, il-proċedura ta' eżami għandha tapplika għall-adozzjoni tal-Memorandum ta' Qbil, u għal kwalunkwe tnaqqis, suspensjoni jew tħassir tal-assistenza, |
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Unjoni għandha tagħmel assistenza makrofinanzjarja ta' ammont massimu ta' EUR 500 miljun disponibbli għat-Tuneżija (l-“assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”), bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tat-Tuneżija u aġenda ta' riforma sostantiva. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tal-bilanċ tal-pagamenti tat-Tuneżija kif identifikat fil-programm tal-FMI.
2. L-ammont sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi pprovdut lit-Tuneżija fil-forma ta' self. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f'isem l-Unjoni, li tissellef il-fondi meħtieġa mis-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji u li ssellifhom lit-Tuneżija. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta' 15-il sena.
3. L-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni b'mod konsistenti mal-ftehimiet jew l-arranġamenti milħuqa bejn l-FMI u t-Tuneżija, u mal-prinċipji u l-objettivi prinċipali tar-riformi ekonomiċi stabbiliti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija. Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inklużi l-iżborżi tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet bid-dokumenti rilevanti fi żmien xieraq.
4. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli għal perijodu ta' sentejn u nofs, li jibda mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta' Qbil imsemmi fl-Artikolu 3(1).
5. Jekk il-ħtiġijiet ta' finanzjament tat-Tuneżija jonqsu b'mod fundamentali matul il-perijodu tal-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbla mal-projezzjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza jew tissospendiha jew tħassarha.
Artikolu 2
1. Prekondizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun li t-Tuneżija tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b'diversi partiti, u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.
2. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jimmonitorjaw li l-prekondizzjoni mniżżla fil-paragrafu 1 tiġi sodisfatta matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.
3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu applikati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (5).
Artikolu 3
1. Il-Kummissjoni, skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tiftiehem mal-awtoritajiet tat-Tuneżija dwar politika ekonomika u kondizzjonijiet finanzjarji definiti b'mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom, li għandhom jiġu stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil (“il-Memorandum ta' Qbil”). Il-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew qbil imsemmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-programmi ta' aġġustament makroekonomiku u ta' riforma strutturali implimentati mit-Tuneżija bl-appoġġ tal-FMI.
2. Il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jimmiraw, b'mod partikolari, li jtejbu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fit-Tuneżija, inkluż għall-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress rigward il-ftuħ reċiproku tas-suq, l-iżvilupp ta' kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom ukoll jitqiesu b'mod debitu fit-tfassil tal-miżuri ta' politika. Il-progress fil-ksib ta' dawn l-objettivi għandu jiġi mmonitorjat regolarment mill-Kummissjoni.
3. It-termini finanzjarji dettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar is-Self li għandu jintlaħaq bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Tuneżini.
4. Il-Kummissjoni għandha tivverifika f'intervalli regolari li l-kondizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 4(3) jibqgħu jiġu sodisfatti, inkluż jekk il-linji ta' politika ekonomika tat-Tuneżija jkunux f'konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Hija u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
Artikolu 4
1. Soġġetta għall-kondizzjonijiet tal-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun disponibbli mill-Kummissjoni fi tliet ħlasijiet parzjali ta' self. Id-daqs ta' kull ħlas parzjali għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta' Qbil.
2. L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom ikunu pprovduti, fejn meħtieġ, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (6).
3. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali soġġetti għat-twettiq tal-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
(a) |
il-prekondizzjoni stipulata fl-Artikolu 2; |
|
(b) |
rekord sodisfaċenti kontinwa fl-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li fih miżuri ta' aġġustament u ta' riforma strutturali b'saħħithom appoġġat minn arranġament ta' kreditu mill-FMI mhux prekawzjonarju; u |
|
(c) |
l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-politika ekonomika u tal-kondizzjonijiet finanzjarji miftehma fil-Memorandum ta' Qbil. |
L-iżborż tat-tieni ħlas parzjali m'għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara li jsir l-ewwel ħlas parzjali. L-iżborż tat-tielet ħlas parzjali m'għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara li jsir it-tieni ħlas parzjali.
4. Fejn il-kondizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ma jiġux sodisfatti b'mod kontinwu, il-Kummissjoni għandha tissospendi jew tikkanċella temporanjament l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F'tali każijiet, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għal din is-sospensjoni jew il-kanċellazzjoni.
5. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni titħallas lill-Bank Ċentrali tat-Tuneżija. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lill-Ministeru tal-Finanzi tat-Tuneżija bħala l-benefiċjarju aħħari.
Artikolu 5
1. L-operazzjonijiet ta' għoti u teħid b'self marbutin mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jsiru fil-munita tal-euro bl-użu tal-istess data tal-valur u ma għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, jew jesponuha għal xi riskju marbut mar-rata tal-kambju jew mar-rata tal-imgħax, jew għal xi riskju kummerċjali ieħor.
2. Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, u jekk it-Tuneżija titlob dan, il-Kummissjoni tista' tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tiddaħħal klawżola dwar ir-rimborż bikri fit-termini u l-kondizzjonijiet tas-self u li din tkun appoġġata minn klawżola korrispondenti fit-termini u l-kondizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta' teħid b'self.
3. Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self u jekk it-Tuneżija titlob dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tiffinanzja mill-ġdid it-teħid b'self inizjali kollu jew parti minnu jew tista' tirristruttura l-kondizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-ġdid jew ta' ristrutturar għandhom isiru f'konformità mal-paragrafi 1 u 4 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità tat-teħid b'self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta' kapital pendenti fid-data tal-finanzjament mill-ġdid jew tar-ristrutturar.
4. L-ispejjeż kollha tal-Unjoni li jkunu relatati mal-operazzjonijiet ta' għoti u teħid b'self skont din id-Deċiżjoni għandhom jitħallsu mit-Tuneżija.
5. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.
Artikolu 6
1. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (8).
2. L-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun taħt ġestjoni diretta.
3. Il-Ftehim dwar is-Self imsemmi fl-Artikolu 3(3) għandu jkun fih dispożizzjonijiet:
|
(a) |
li jiżguraw li t-Tuneżija tivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut mill-baġit tal-Unjoni ntuża kif suppost, li din tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u, jekk ikun meħtieġ, tieħu azzjoni legali biex tirkupra kwalunkwe fondi pprovduti skont din id-Deċiżjoni li jkunu ġew approprjati ħażin; |
|
(b) |
li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari billi jipprevedu miżuri speċifiċi f'dak li jikkonċerna l-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (9), ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (10) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11); |
|
(c) |
li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni, inkluż lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, jew lir-rappreżentanti tiegħu li jwettqu verifiki, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post; |
|
(d) |
li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri li jagħmlu awditjar matul u wara l-perijodu ta' disponibbiltà tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż awditjar ta' dokumenti u awditjar fuq il-post, bħal pereżempju valutazzjonijiet operazzjonali; |
|
(e) |
li jiżguraw li l-Unjoni tkun intitolata għal ħlas lura bikri tas-self meta jkun stabbilit li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, it-Tuneżija tkun ħadet sehem f'xi att ta' frodi jew ta' korruzzjoni jew f'xi attività illegali oħra li tkun ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni. |
4. Qabel l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, permezz ta' valutazzjoni operazzjonali, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji tat-Tuneżija, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni li huma rilevanti għall-assistenza.
Artikolu 7
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 8
1. Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fis-sena ta' qabel, inkluża evalwazzjoni ta' dik l-implimentazzjoni. Ir-rapport għandu:
|
(a) |
jeżamina l-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni; |
|
(b) |
jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tat-Tuneżija, kif ukoll il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika msemmija fl-Artikolu 3(1); |
|
(c) |
jindika r-rabta bejn il-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika stipulati fil-Memorandum ta' Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tat-Tuneżija u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tiżborża l-ħlasijiet parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. |
2. Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perijodu ta' disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta' evalwazzjoni ex-post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja kompleta tal-Unjoni u sa liema punt din ikkontribwiet għall-għanijiet tal-assistenza.
Artikolu 9
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Strasburgu, is-6 ta' Lulju 2016.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
I. KORČOK
(1) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2016.
(2) Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (ĠU L 278, 21.10.2005, p. 9).
(3) Id-Deċiżjoni Nru 534/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas — 15 ta' Mejju 2014 li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika tat-Tuneżija (ĠU L 151, 21.5.2014, p. 9).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).
(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).
(7) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(8) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).
(9) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(11) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill
Din id-Deċiżjoni hija adottata mingħajr preġudizzju għad-Dikjarazzjoni Konġunta adottata flimkien mad-Deċiżjoni 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja, li għandha tibqa' titqies bħala l-bażi għad-deċiżjonijiet kollha tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jipprovdu assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi u territorji terzi.