|
2.7.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 178/18 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1070
tas-27 ta' Ġunju 2016
li tissottoponi l-1-phenyl-2-(pyrrolidin-1-yl)pentan-1-one (α-pyrrolidinovalerophenone, α-PVP) għal miżuri ta' kontroll
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),
Billi:
|
(1) |
Tfassal Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji rigward is-sustanza psikoattiva ġdida 1-phenyl-2-(pyrrolidin-1-yl)pentan-1-one (α-pyrrolidinovalerophenone, α-PVP) f'konformità mad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, u sussegwentement ġie ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fis-27 ta' Novembru 2015. |
|
(2) |
α-PVP hija psikostimulant potenti, strutturalment relatat mal-katinon, pirovaleron u Metilenediossipirovaleron (MDPV), li huma kkontrollati skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi. L-α-PVP ġiet individwata f'kull wieħed mit-28 Stat Membru, kif ukoll fit-Turkija u fin-Norveġja, u l-informazzjoni minn sekwestri u kampjuni miġbura tindika li hija prinċipalment preżenti taħt forma ta' trab jew ta' pilloli. L-informazzjoni disponibbli tindika li jiġu impurtati kwantitajiet ta' diversi kilogrammi ta' α-PVP fis-suq tad-droga tal-Unjoni miċ-Ċina u mbagħad jitqassmu madwar l-Unjoni. Ġew sekwestrati żewġ siti ta' produzzjoni illeċita fi Stat Membru, li jindika li l-kapaċità tal-manifattura tal-α-PVP teżisti wkoll fl-Unjoni. |
|
(3) |
Tmien Stati Membri rrappurtaw total ta' 115 mewt u 191 intossikazzjonijiet akuti rreġistrati fejn l-α-PVP ġiet individwata. F'ħafna mill-każijiet, l-użu ta' α-PVP kien ikkombinat ma' sustanzi farmakoloġikament attivi oħra, intenzjonalment jew mhux intenzjonalment. Jekk l-α-PVP issir aktar disponibbli u tibda tintuża aktar, l-implikazzjonijiet għas-saħħa individwali u pubblika jistgħu jkunu sinifikanti. |
|
(4) |
Id-Data disponibbli tindika li l-α-PVP tintuża minn dawk li jużaw l-istimulanti f'ambjenti rikreattivi kif ukoll minn dawk li jużaw id-droga li għandhom riskju għoli, inklużi dawk li jinjettaw stimulanti u opjojdi, u li l-użu polidroga jista' jkun komuni fosthom. Id-data dwar il-prevalenza tal-użu tad-droga, il-konsegwenzi fit-tul u dwar ir-riskji soċjali assoċjati mas-sustanza hija limitata. |
|
(5) |
Ma hemm l-ebda informazzjoni oħra disponibbli jew xi studju ppublikat li jivvaluta b'mod komprensiv ir-riskji għas-saħħa assoċjati mal-α-PVP, jiġifieri t-tossiċità kronika u akuta, iżda osservazzjonijiet f'annimali jissuġġerixxu effetti simili għal dawk osservati fi stimulanti oħra. Sintomi avversi osservati fil-bnedmin jinkludu takikardija, ipertermija, diaforeżi, aġitazzjoni, konvulżjonijiet jew attakki ta' puplesija, konfużjoni u aggressjoni. Data minn studji mhux kliniċi tissuġġerixxi li jista' jkun li l-α-PVP hija suxxettibbli li tiġi abbużata u possibbilment għandha potenzjal li toħloq dipendenza fil-bnedmin. |
|
(6) |
L-α-PVP m'għandha l-ebda użu mediku tal-bniedem jew veterinarju stabbilit jew rikonoxxut. Minbarra l-użu tagħha f'materjali ta' referenza analitiċi u fir-riċerka xjentifika li tinvestiga l-kimika, il-farmakoloġija u t-tossikoloġija tagħha bħala riżultat tal-feġġ tagħha fis-suq tad-droga, ma hemm l-ebda indikazzjoni li qed tintuża għal skopijiet oħra. |
|
(7) |
Minkejja l-evidenza xjentifika limitata disponibbli dwar l-α-PVP, l-evidenza u l-informazzjoni dwar ir-riskji għas-saħħa li s-sustanza tippreżenta, kif dokumentat fl-individwazzjoni tagħha f'fatalitajiet u intossikazzjonijiet akuti, jipprovdu bażi suffiċjenti biex jissottoponu l-α-PVP għall-miżuri ta' kontroll madwar l-Unjoni. |
|
(8) |
Billi 16-il Stat Membru jikkontrollaw l-α-PVP fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b'mod konformi mal-obbligi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi u billi ħames Stati Membri jużaw miżuri leġislattivi oħrajn biex jikkontrollawha, li din is-sustanza tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jista' jgħin biex jiġi evitat il-feġġ ta' ostakli fl-infurzar transkonfinali tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, u jgħin fil-protezzjoni mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha jistgħu joħolqu. |
|
(9) |
Id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tikkonferixxi setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li jkun hemm reazzjoni rapida u bbażata fuq kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni għal meta jfiġġu sustanzi psikoattivi ġodda individwati u rrappurtati mill-Istati Membri, billi tissottoponi dawk is-sustanzi għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Billi l-kondizzjonijiet u l-proċedura biex jiġi attivat l-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ġew issodisfati, għandha tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex l-α-PVP titqiegħed taħt kontroll fl-Unjoni kollha. |
|
(10) |
Id-Danimarka hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI. |
|
(11) |
L-Irlanda hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI. |
|
(12) |
Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u mhux marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-sustanza psikoattiva ġdida 1-phenyl-2-(pyrrolidin-1-yl)pentan-1-one (α-pyrrolidinovalerophenone, α-PVP) għandha tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.
Artikolu 2
Sat-3 ta' Lulju 2017 l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji, f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, biex is-sustanza psikoattiva ġdida msemmija fl-Artikolu 1 tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali, kif previst fil-leġiżlazzjoni tagħhom, b'mod konformi mal-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika f'konformità mat-Trattati.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-27 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
M.H.P. VAN DAM
(1) ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.
(2) L-Opinjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).