1.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1062

tal-24 ta' Mejju 2016

dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea ta' Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu u mal-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni u r-Repubblika tal-Liberja nnegozjaw Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) u Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”), li jagħti lill-bastimenti tal-Unjoni opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet li tagħhom ir-Repubblika tal-Liberja għandha s-sovranità jew il-ġurisdizzjoni fir-rigward tas-sajd.

(2)

Dawn il-Ftehim u l-Protokoll ġew iffirmati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2312 (2) u japplikaw b'mod provviżorju mid-9 ta' Diċembru 2015.

(3)

Il-Ftehim stabbilixxa Kumitat Konġunt li huwa responsabbli għall-monitoraġġ tat-twettiq, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim. Barra minn hekk, il-Kumitat Konġunt jista' japprova ċerti modifiki għall-Protokoll. Sabiex jiffaċilita l-approvazzjoni ta' tali modifiki, huwa xieraq li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa, soġġetta għal kondizzjonijiet speċifiċi, li tapprovahom skont proċedura simplifikata..

(4)

Il-Ftehim u l-Protokoll għandhom jiġu approvati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu huma b'dan approvati f'isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifiki previsti fl-Artikolu 16 tal-Ftehim u fl-Artikolu 13 tal-Protokoll. (3)

Artikolu 3

Soġġetta għad-dispożizzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tapprova, f'isem l-Unjoni, il-modifiki għall-Protokoll fil-Kumitat Konġunt.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Mejju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  Kunsens tal-10 ta' Mejju 2016 (għandu mhux ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2312 tat-30 ta' Novembru 2015 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Liberja u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu (ĠU L 328, 12.12.2015, p. 1).

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u tal-Protokoll ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ANNESS

Il-kamp ta' applikazzjoni tas-setgħat mogħtija u l-proċedura biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt

(1)

Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tinnegozja mar-Repubblika tal-Liberja u, fejn ikun xieraq u sakemm tkun konformi mal-punt 3 ta' dan l-Anness, tapprova l-emendi fil-Protokoll fejn jidħlu l-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-reviżjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, u konsegwentement, tal-kontribuzzjoni finanzjarja rilevanti, u deċiżjoni dwar sajd sperimentali, f'konformità mal-Artikoli 6 u 7 tal-Protokoll;

(b)

deċiżjonijiet dwar il-modalitajiet tal-appoġġ settorjali f'konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll;

(c)

deċiżjoni dwar miżuri sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd f'konformità mal-Artikolu 5(5) tal-Protokoll;

(d)

deċiżjoni dwar id-dispożizzjonijiet tekniċi tal-Protokoll u tal-Anness tiegħu f'konformità mal-Artikolu 6(2) tal-Protokoll.

(2)

Fil-Kumitat Konġunt, l-Unjoni għandha:

(a)

taġixxi skont l-għanijiet li hija ssegwi fil-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd;

(b)

tikkonforma mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd; u

(c)

tippromwovi pożizzjonijiet li huma konsistenti mar-regoli rilevanti adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd u fil-kuntest tal-ġestjoni konġunta min-naħa tal-Istati kostali.

(3)

Meta waqt laqgħa tal-Kumitat Konġunt ikun maħsub li tiġi adottata deċiżjoni dwar l-emendi fil-Protokoll imsemmija fil-punt 1, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni tkun tqis l-aħħar informazzjoni statistika, bijoloġika u rilevanti oħra li tkun intbagħtet lill-Kummissjoni.

Għal dan il-għan u abbażi ta' dik l-informazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jaħsbu minn kmieni biżżejjed qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt biex lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu jibagħtulhom dokument li jkun jispjega fid-dettall l-elementi speċifiċi tal-pożizzjoni proposta tal-Unjoni, għall-analiżi u għall-approvazzjoni tagħhom.

Fejn jidħlu l-kwistjonijiet imsemmija fil-punt 1(a), il-Kunsill għandu japprova l-pożizzjoni prevista tal-Unjoni b'maġġoranza kkwalifikata tal-voti. Fil-każijiet l-oħra, il-pożizzjoni prevista tal-Unjoni mogħtija fid-dokument ta' tħejjija għandha titqies li tkun ġiet approvata, ħlief meta għadd ta' Stati Membri li jkun daqs minoranza li timblokka joġġezzjonaw għaliha waqt laqgħa tal-korp preparatorju tal-Kunsill jew fi żmien għoxrin jum minn meta jasal id-dokument ta' tħejjija, skont liema minnhom tiġi l-ewwel. F'każ li jkun hemm xi oġġezzjoni, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill.

Jekk, waqt il-bqija tal-laqgħat, fosthom dawk fuq il-post, ma jkunx jista' jintlaħaq qbil sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.

(4)

Fiż-żmien dovut, il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tiżgura s-segwitu tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, fosthom, fejn ikun xieraq, billi tippubblika d-deċiżjoni rilevanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u billi tressaq il-proposti meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dik id-deċiżjoni.