|
15.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 157/23 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/946
tad-9 ta' Ġunju 2016
li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Iżvezja f'konformità mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1523 u mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 78(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 78(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), f'każ li Stat Membru wieħed jew iktar isibu ruħhom f'sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista' jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 80 TFUE, il-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli fil-fruntieri, tal-ażil u tal-immigrazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom għandhom jiġu rregolati mill-prinċipju tas-solidarjetà u tal-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, u l-atti tal-Unjoni adottati f'dan il-qasam għandhom jinkludu miżuri xierqa għall-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju. |
|
(3) |
Abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, il-Kunsill adotta żewġ Deċiżjonijiet li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja. Taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 (2), 40 000 applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja għall-Istati Membri l-oħra. Taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 (3), 120 000 applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja għall-Istati Membri l-oħra. |
|
(4) |
L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1523 u l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 jipprevedu li, fl-eventwalità ta' sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fi Stat Membru, il-Kunsill jista', fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 78(3) TFUE. Tali miżuri jistgħu jinkludu, meta jkun jixraq, sospensjoni tal-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat Membru fir-rilokazzjoni kif previst f'dawk id-Deċiżjonijiet, kif ukoll miżuri possibbli ta' kumpens għall-Italja u għall-Greċja. |
|
(5) |
L-Iżvezja qiegħda taffaċċja sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tagħha minħabba tibdil qawwi fil-flussi migratorji. Fit-8 ta' Diċembru 2015, l-Iżvezja talbet formalment is-sospensjoni tal-obbligi tagħha taħt id-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601. |
|
(6) |
Iż-żieda konsiderevoli fil-qsim irregolari tal-fruntieri fl-Unjoni u fil-movimenti sekondarji madwar l-Unjoni wasslet għal żieda qawwija fl-Iżvezja fl-għadd ta' applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, prinċipalment minn individwi li daħlu fl-Unjoni mill-Italja u mill-Greċja. |
|
(7) |
Iċ-ċifri tal-Eurostat jikkonfermaw żieda qawwija fl-Iżvezja fl-għadd ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali. L-għadd ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali żdied b'aktar minn 60 % minn 68 245 applikant għall-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Ottubru 2014 għal 112 040 applikant għall-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Ottubru 2015. |
|
(8) |
L-għadd ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fix-xahar reċentement laħaq livell saħansitra ogħla: irdoppja bejn Awwissu (11 735) u Settembru (24 261) u laħaq 39 055 f'Ottubru 2015 (żieda ta' 61 % minn Settembru). |
|
(9) |
L-Iżvezja, kellha bil-bosta l-akbar għadd ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali per capita fl-Unjoni fl-2015, bi 11 503 applikant għal kull miljun abitant. |
|
(10) |
L-Iżvezja qiegħda wkoll taffaċċja sitwazzjoni diffiċli minħabba ż-żieda sinifikanti reċenti fl-għadd ta' minorenni mhux akkumpanjati, b'wieħed minn kull erba' applikanti jiddikjara li huwa minorenni mhux akkumpanjat. |
|
(11) |
Is-sitwazzjoni attwali poġġiet pressjoni ferm sinifikanti fuq is-sistema tal-ażil u l-migrazzjoni tal-Iżvezja, b'konsegwenzi prattiċi serji fil-post fir-rigward tal-kondizzjonijiet ta' akkoljenza u tal-kapaċità tas-sistema tal-ażil u l-migrazzjoni li tittratta l-applikazzjonijiet. Bħala kontribut għat-taffija tal-pressjoni sinifikanti li l-Iżvezja qiegħda taffaċċja, l-obbligi tal-Iżvezja bħala Stat Membru ta' rilokazzjoni taħt id-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 għandhom jiġu sospiżi għal sena. |
|
(12) |
Is-sospensjoni tal-obbligi tal-Iżvezja għandha tiġi kkomplementata, fejn xieraq, minn miżuri ta' sostenn opereazzjonali kkoordinati mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u minn Aġenziji oħra rilevanti. |
|
(13) |
L-Iżvezja għandha tippreżenta pjan direzzjonali lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li jindika l-miżuri li ser tieħu sabiex tiżgura l-effettività tas-sistema tagħha tal-ażil u l-migrazzjoni u sabiex terġa' tibda taqdi l-obbligi tagħha skont id-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 ladarba s-sospensjoni tal-obbligi tagħha ma tibqax effettiva. |
|
(14) |
Peress li l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi. |
|
(15) |
Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(16) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qiegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhumiex marbut biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(17) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(18) |
Fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Iżvezja, sabiex ikunu ta' sostenn għaliha biex tlaħħaq aħjar ma' sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.
Artikolu 2
Sospensjoni tal-obbligi taħt id-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601
L-obbligi ta' rilokazzjoni tal-Iżvezja bħala Stat Membru ta' rilokazzjoni taħt id-Deċiżjoni (UE) 2015/1523 u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1601għandhom jiġu sospiżi sas-16 ta' Ġunju 2017.
Artikolu 3
Sostenn operazzjonali lill-Iżvezja
Sabiex l-Iżvezja tkun tista' tlaħħaq aħjar mal-pressjoni ta' natura eċċezzjonali fuq is-sistema tagħha tal-ażil u l-migrazzjoni, għandu jingħata sostenn operazzjonali lill-Iżvezja, fejn xieraq, permezz ta' attivitajiet rilevanti kkoordinati mill-EASO u minn Aġenziji oħra rilevanti.
Artikolu 4
Miżuri komplementari li għandhom jittieħdu mill-Iżvezja
Sas-16 ta' Lulju 2016, l-Iżvezja għandha tippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan direzzjonali li jindika l-miżuri li ser tieħu sabiex tiżgura l-effettività tas-sistema tagħha tal-ażil u l-migrazzjoni u sabiex terġa' tibda taqdi l-obbligi tagħha skont id-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 ladarba s-sospensjoni msemmija fl-Artikolu 2 ma tibqax effettiva.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
G.A. VAN DER STEUR
(1) Opinjoni tas-26 ta' Mejju 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU L 239, 15.9.2015, p. 146).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80).