10.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/35


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/916

tas-6 ta' Ġunju 2016

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (Linja baġitarja 02.03.01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE (“il-Protokoll 31”).

(3)

Il-Protokoll 31 fih dispożizzjonijiet u arranġamenti dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet.

(4)

Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-operazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern ta' prodotti u servizzi.

(5)

Għaldaqstant, il-Protokoll 31 għandu jiġi emendat sabiex jippermetti li din il-kooperazzjoni estiża tkompli għaddejja wara l-31 ta' Diċembru 2015.

(6)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha ghalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

H.G.J. KAMP


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …/2016

ta'…

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-operazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern ta' prodotti u servizzi.

(2)

Għaldaqstant, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista' tibda sseħħ mill-1 ta' Jannar 2016,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 7 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

 

Il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 11:

“12.   L-Istati tal-EFTA, mill-1 ta' Jannar 2016, għandhom jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-Unjoni relatati mal-linja baġitarja li ġejja, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016:

Linja baġitajra 02.03.01: ‘Operazzjoni u żvilupp tas-suq intern ta' prodotti u servizzi.’.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*).

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima ŻEE u fis-Suppliment ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(*)  [Ebda rekwiżit kostituzzjonali mhu indikat.] [Indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]