28.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/28


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/839

tat-23 ta' Mejju 2016

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fil-15 ta' Ġunju 2009, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Moldova għall-konklużjoni ta' ftehim ġdid bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova biex jissostitwixxi l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (2).

(2)

Dawk in-negozjati ġew finalizzati b'suċċess u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie inizjalat fid-29 ta' Novembru 2013.

(3)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE (3), il-Ftehim ġie iffirmat fis-27 ta' Ġunju 2014, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(4)

Skont l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova l-modifiki għall-Ftehim li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni Kummerċjali, kif stabbilit fl-Artikolu 438(4) tal-Ftehim, kif propost mis-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Artikolu 306 tal-Ftehim.

(5)

Huwa opportun li jiġu stabbiliti l-proċeduri rilevanti għall-protezzjoni ta' dawk l-indikazzjonijiet ġeografiċi li tingħatalhom protezzjoni skont il-Ftehim.

(6)

Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala wieħed li jagħti xi drittijiet jew li jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

(7)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni. (4)

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 464(1) tal-Ftehim (5).

Artikolu 3

Għall-finijiet tal-Artikolu 306 tal-Ftehim, il-modifiki li jsiru fil-Ftehim permezz ta' deċiżjonijiet tas-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni. Fejn il-partijiet interessati ma jistgħux jilħqu qbil wara oġġezzjonijiet li jirrigwardaw xi indikazzjoni ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

Artikolu 4

1.   Isem protett taħt is-Subtaqsima 3 “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” tal-Kapitolu 9 tat-Titolu V tal-Ftehim jista' jintuża minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodotti agrikoli, prodotti tal-ikel, inbejjed, inbejjed aromatizzati jew spirti li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti.

2.   F'konformità mal-Artikolu 301 tal-Ftehim, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jinfurzaw il-protezzjoni prevista fl-Artikoli 297 sa 300 tal-Ftehim, inkluż fuq it-talba ta' parti interessata.

Artikolu 5

Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat b'mod li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Mejju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Kunsens mogħti fit-13 ta' Novembru 2014 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Moldova (ĠU L 181, 24.6.1998, p. 3).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE tas-16 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 260, 30.8.2014, p. 1).

(4)  Il-Ftehim ġie ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 260, 30.8.2014, p. 3) flimkien mad-Deċiżjoni dwar l-iffirmar.

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

(6)  Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar l-iskemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).