28.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 141/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/837

tal-21 ta' April 2016

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE 2014-2021, il-Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perijodu 2014-2021, il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja, u l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Iżlanda

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Għadu meħtieġ li jittaffew id-differenzi ekonomiċi u soċjali fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea. Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu ġdid għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati taż-ŻEE-EFTA u mekkaniżmu finanzjarju Norveġiż ġdid.

(2)

Fis-7 ta' Ottubru 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati mar-Repubblika tal-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar ftehim dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji futuri tal-Istati taż-ŻEE-EFTA għall-koeżjoni ekonomika u soċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-Kummissjoni nnegozjat, f'isem l-Unjoni, Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE għall-perijodu 2014-2021. Dan ser jieħu l-forma ta' Protokoll, li jkollu n-numru 38c, għall-Ftehim taż-ŻEE. Il-Kummissjoni nnegozjat ukoll, f'isem l-Unjoni, Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perijodu 2014-2021.

(3)

Id-dispożizzjonijiet speċjali dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerti ħut u prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-Iżlanda u n-Norveġja, stipulati fil-Protokolli Addizzjonali għall-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles rispettivi tagħhom mal-Komunità Ekonomika Ewropea, skadew fit-30 ta' April 2014 u għandhom jiġu riveduti skont l-Artikolu 1 ta' dawk il-protokolli. Il-Kummissjoni, għalhekk, innegozjat Protokolli Addizzjonali ġodda għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja u għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Iżlanda.

(4)

Is-sostituzzjoni tal-mekkaniżmi finanzjarji eżistenti b'mekkaniżmi finanzjarji ġodda, li huma relattivi għal perijodi differenti ta' żmien, ammonti differenti ta' fondi u dispożizzjonijiet differenti ta' implimentazzjoni, kif ukoll it-tiġdid u l-estensjoni ta' konċessjonijiet relattivi għal ċerti prodotti ta' ħut u prodotti tal-baħar, ikkunsidrati komplessivament, jikkostitwixxu żvilupp importanti tal-assoċjazzjoni mal-Istati taż-ŻEE-EFTA, li jiġġustifika l-użu tal-Artikolu 217 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Kull wieħed minn dawk il-Ftehimiet u Protokolli Addizzjonalijipprovdi għall-applikazzjoni provviżorja tiegħu stess qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

(6)

Il-Ftehimiet u l-Protokolli Addizzjonali għandhom jiġu ffirmati u applikati provviżorjament, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tagħhom,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE 2014-2021, il-Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perijodu 2014-2021, il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja, u l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Iżlanda huwa b'dan awtorizzat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmija Ftehimiet u Protokolli Addizzjonali.

It-testi tal-Ftehimiet u l-Protokolli Addizzjonali huma mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jaħtar il-peruna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehimiet u l-Protokolli addizzjonali f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE 2014-2021 u l-Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perijodu 2014-2021 għandhom jiġu applikati b'mod provviżorju, skont l-Artikolu 3 u l- Artikolu 11(3) tal-Ftehimiet, mill-ewwel jum tal-ewwel xahar wara d-depożitu tal-aħħar notifika għal dan l-għan, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tal-imsemmija Ftehimiet.

Il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja għandu jkun applikat b'mod proviżorju mill-ewwel jum tat-tielet xahar wara d-depożitu tal-aħħar notifika għal dak l-għan, skont l-Artikolu 5 (3) tal-imsemmi Protokoll.

Il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Iżlanda għandu jkun applikat b'mod proviżorju mill-ewwel jum tat-tielet xahar wara d-depożitu tal-aħħar notifika għal dak l-għan, skont l-Artikolu 4(3) tal-imsemmi Protokoll.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħħa.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta' April 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

G.A. VAN DER STEUR