21.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/99


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/807

tal-15 ta' Marzu 2016

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) matul l-40 sessjoni tal-Kumitat ta' Faċilitazzjoni, id-69 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u s-96 sessjoni tal-Kumitat tas-Sigurtà Marittima dwar l-adozzjoni tal-emendi għall-Konvenzjoni ta' Faċilitazzjoni, l-Anness IV tal-MARPOL, ir-Regolamenti SOLAS II-2/13 u II-2/18, il-Kodiċi tas-Sistemi ta' Sikurezza kontra n-Nirien u l-Kodiċi tal-Programm ta' Kontroll Imsaħħaħ tal-2011

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu għandu jkollha l-għan li ttejjeb is-sigurtà marittima, li tipproteġi l-ambjent tal-baħar u li tiffaċilita t-traffiku marittimu internazzjonali.

(2)

Il-Kumitat ta' Faċilitazzjoni tal-OMI (FAL), imlaqqa' fid-39 sessjoni tiegħu, approva emendi għall-Konvenzjoni dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali, 1965 (il-“Konvenzjoni FAL”). Dawk l-emendi huma mistennija jiġu adottati matul l-40 sessjoni tal-FAL li ser ssir f'April 2016.

(3)

Il-Kumitat tal-Protzzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-OMI, imlaqqa' fit-68 sessjoni tiegħu (MEPC 68), qabel li ġiet riċevuta notifika suffiċjenti skont ir-Regolament 13 tal-Anness IV tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (“l-Anness IV tal-MARPOL”) sabiex parti mill-Baħar Baltiku tkun tista' tiġi denominata bħala Żona Speċjali. Konsegwentement, id-dati effettivi biex dik id-denominazzjoni ssir effettiva previsti fir-Regolament 11.3 tal-Anness IV tal-MARPOL setgħu jiġu stabbiliti għal dik iż-Żona Speċjali. L-MEPC 68 ikkonkluda li jkun hemm bżonn ta' emendi għar-Regolamenti 1 u 11 tal-Anness IV tal-MARPOL, biex id-denominazzjoni ta' dik il-parti taż-Żona Speċjali ssir effettiva, u li għandhom jiġu proposti emendi għall-Anness IV tal-MARPOL għal dak il-għan. Dawk l-emendi huma mistennija li jiġu adottati matul id-69 sessjoni tal-MEPC li ser ssir f'April 2016.

(4)

Il-Kumitat tas-Sigurtà Marittima (MSC) tal-OMI, imlaqqa' fil-95 sessjoni tiegħu, approva emendi għar-Regolamenti II-2/13 u II-2/18 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), il-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi ta' Sikurezza kontra n-Nirien (“Kodiċi FSS”) u l-Kodiċi tal-Programm ta' Kontroll Imsaħħaħ tal-2011 (il-“Kodiċi ESP”). Dawk l-emendi huma mistennija li jiġu adottati fis-96 sessjoni tal-MSC, li ser issir f'Mejju 2016.

(5)

Ir-rieżami ġenerali tal-Konvenzjoni FAL timmodernizza d-dispożizzjonijiet tagħha, waqt li tikkunsidra l-iżviluppi fil-qasam tat-trasmissjoni tal-informazzjoni u d-data b'mezzi elettroniċi u l-kunċett ta' “single window”. B'mod partikolari, hija tintroduċi miżuri ta' rilevanza għall-Unjoni rigward id-dħul ta' numri tal-viża fil-listi tal-passiġġieri iżda mhux fil-listi tal-ekwipaġġ u d-dritt tal-awtoritajiet li jagħmlu obbligatorju s-sottomissjonijiet tal-formoli b'mod elettroniku. L-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jipprevedu li mill-1 ta' Ġunju 2015, il-formalitajiet ta' rappurtar għall-bastimenti li jaslu f'portijiet fl-Istati Membri jew li jitilqu minnhom għandhom jiġu aċċettati biss f'format elettroniku permezz ta' “single window” u li sa dik id-data l-Istati Membri għandhom jaċċettaw formoli FAL fuq il-karta għall-issodisfar tal-formalitajiet ta' rappurtar. Id-Direttiva 2010/65/UE tipprevedi wkoll li mill-1 ta' Ġunju 2015 l-informazzjoni rikjesta skont att legali tal-Unjoni għandha tiġi pprovduta f'format elettroniku. Ir-rekwiżit li jiġi inkluż numru tal-viża fejn japplika fil-listi tal-ekwipaġġ u tal-passiġġieri jirriżulta mill-punt 3.1.2 tal-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(6)

L-Artikolu VIII tal-Konvenzjoni FAL jobbliga lill-dawk il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni FAL li jsibuha imprattikabbli li jikkonformaw ma' xi standard tal-Konvenzjoni FAL, jew li jqisu li huwa neċessarju għal raġunijiet speċjali li jadottaw rekwiżiti jew proċeduri dokumentarji differenti, biex jinnotifikaw dawk id-differenzi lis-Segretarju Ġenerali. Ċerti rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2010/65/UE u fir-Regolament (KE) Nru 562/2006 jimponu obbligi aktar stretti mir-regoli rilevanti previsti fil-Konvenzjoni FAL u għalhekk jirrappreżentaw differenza fis-sens tal-Artikolu VIII ta' dik il-Konvenzjoni li jeħtieġ tiġi notifikata.

(7)

L-emendi għall-Anness IV tal-MARPOL huma maħsubin biex jipprovdu l-qafas legali għall-implimentazzjoni tal-ftehim mill-MEPC 68 li ġew riċevuti biżżejjed notifiki dwar id-disponibbiltà tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet biex jippermettu li d-dispożizzjonijiet taż-Żona Speċjali tal-Baħar Baltiku jsiru effettivi u li, konsegwentement, jistgħu jiġu stabbiliti d-dati effettivi għan-denominazzjoni ta' parti mill-Baħar Baltiku bħala Żona Speċjali, f'konformità ma' dawk in-notifiki. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi d-disponibbiltà ta' faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet, li hija koperta wkoll bir-Regolament 12bis tar-Riżoluzzjoni MEPC.200(62) tal-OMI, għall-iskop li jitnaqqas ir-rimi fil-baħar ta' skart iġġenerat mill-bastimenti u ta' fdalijiet mill-merkanzija, b'mod speċjali rimi illegali, minn bastimenti li jużaw portijiet fl-Unjoni.

(8)

L-emendi għar-Regolament SOLAS II-2/13 ser jintroduċu rekwiżiti għall-evalwazzjoni ta' rotot ta' evakwazzjoni permezz ta' analiżi tal-evakwazzjoni kmieni fil-proċess tad-disinn, li għandhom japplikaw għal bastimenti tal-passiġġieri ro-ro ġodda u bastimenti tal-passiġġieri oħrajn li jġorru iktar minn 36 passiġġier. Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tapplika għall-vapuri tal-passiġġieri u l-inġenji tal-baħar għall-passiġġieri ta' veloċità għolja li jaħdmu fuq vjaġġi domestiċi. L-Artikolu 6(2)(a)(i) ta' dik id-Direttiva jipprevedi li vapuri ġodda tal-passiġġieri tal-Klassi A għandhom jikkonformaw kompletament mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata. Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/45/KE tistipula regoli dettaljati dwar ir-rotot tal-evakwazzjoni fuq bastimenti tal-passiġġieri ro-ro għal bastimenti tal-Klassi B, C u D, kif stabbilit fl-Anness I, Kapitolu II, Parti B, paragrafu 6-1.

(9)

L-emendi għar-Regolament SOLAS II-2/18 li jikkonċernaw żoni għall-inżul ta' ħelikopters fuq bastimenti tal-passiġġieri ro-ro ġodda sejrin jagħmlu obbligatorji d-dispożizzjonijiet taċ-Ċirkolari tal-OMI MSC.1/Circ.1431 tal-31 ta' Mejju 2012 dwar Linji Gwida għall-approvazzjoni ta' tagħmir għat-tifi tan-nar bir-ragħwa għall-ħelikopters. Ir-Regolament 18, Parti B, Kapitolu II-2 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/45/KE jipprevedi li bastimenti mgħammra bil-pjattaforma għall-ħelikopters għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-regolament SOLAS kif rivedut fl-1 ta' Jannar 2003 li issa huma mistennija li jiġu emendati.

(10)

Il-Kapitolu 8 rivedut tal-Kodiċi FSS ser jipprevedi li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-ispeċifikazzjoni tal-kwalità tal-ilma pprovduta mill-manifattur tas-sistema biex jiġu evitati l-korrużjoni interna u s-sadd intern tal-bexxiexi. L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE jipprevedi li bastimenti tal-passiġġieri ġodda tal-Klassi A għandhom jikkonformaw kompletament mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata, li tinkorpora l-Kodiċi FSS li sar obbligatorju taħt is-SOLAS permezz tar-Riżoluzzjoni MSC.99(73) tal-OMI. Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/45/KE tistipula regoli dettaljati fuq it-Tifi tan-Nirien għal bastimenti tal-Klassi B, C u D, kif stabbilit fl-Anness I, Kapitolu II-2, Parti A, paragrafi 4.5 u 4.8.

(11)

Il-Kapitolu 17 ġdid] tal-Kodiċi FSS ser jagħti speċifikazzjonijiet aktar dettaljati tat-tagħmir għat-tifi tan-nar bir-ragħwa għall-protezzjoni tal-faċilitajiet tal-ħelikopters kif meħtieġ skont il-Kapitolu II-2 tas-SOLAS. L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE jipprevedi li vapuri tal-passiġġieri ġodda tal-Klassi A għandhom jikkonformaw kompletament mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS tal-1974, kif emendata, li tinkorpora l-Kodiċi FSS li sar obbligatorju taħt is-SOLAS permezz tar-Riżoluzzjoni MSC.99(73) tal-OMI. Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/45/KE tistipula regoli dettaljati dwar ir-rekwiżiti speċjali għal faċilitajiet tal-ħelikopters għal bastimenti tal-Klassi B, C u D, kif stabbilit fl-Anness I, Kapitolu II, Parti B, paragrafu 18.

(12)

Sa fejn l-emendi għar-Regolament SOLAS II-2/13, ir-Regolament SOLAS II-2/18, il-Kapitolu 8 rivedut tal-Kodiċi FSS u l-Kapitolu 17 ġdid tal-Kodiċi FSS jistgħu jaffettwaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/45/KE li jikkonċernaw vapuri tal-passiġġieri u inġenji tal-baħar tal-passiġġieri ta' veloċità għolja li jaħdmu fuq vjaġġi domestiċi, dawk l-emendi jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

(13)

L-emendi għall-Kodiċi ESP 2011 huma maħsubin biex jarmonizzaw l-użu ta' termini relatati ma' organizzazzjonijiet rikonoxxuti. L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jagħmlu obbligatorja l-applikazzjoni tal-Iskema ta' Valutazzjoni tal-Kundizzjoni (CAS) tal-OMI għat-tankers taż-żejt b'buq wieħed li jkollhom aktar minn 15-il sena,. Il-Programm ta' Kontroll Imsaħħaħ matul spezzjonijiet ta' Bastimenti tat-Tagħbija bl-Ingrossa u ta' Tankers taż-Żejt jew il-Programm ta' Kontroll Imsaħħaħ (ESP) jispeċifika kif issir din il-valutazzjoni intensifikata. Billi l-CAS tuża l-ESP bħala l-istrument biex tikseb l-għan tagħha, kull bidla fl-ispezzjonijiet ESP tkun applikabbli awtomatikament permezz tar-Regolament (UE) Nru 530/2012.

(14)

L-Unjoni la hija Membru tal-OMI u lanqas parti kontraenti għall-konvenzjonijiet u l-kodiċijiet rilevanti. Huwa għalhekk neċessarju li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni u biex jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b'dawk l-emendi, sa fejn huma jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha adottata f'isem l-Unjoni fl-40 sessjoni tal-Kumitat ta' Faċilitazzjoni tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi għall-Konvenzjoni ta' Faċilitazzjoni kif speċifikat fid-Dokument FAL 40/3 tal-OMI.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fid-69 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi għar-Regolamenti 1 u 11 tal-Anness IV tal-MARPOL, kif speċifikat fl-Anness għad-Dokument MEPC 69/3/3 tal-OMI.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fis-96 sessjoni tal-Kumitat tas-Sigurtà Marittima tal-OMI għandha tkun taqbel mal-adozzjoni tal-emendi li ġejjin:

għar-Regolament SOLAS II-2/13 kif mogħtija fl-Anness 14 għad-dokument MSC 95/22/add.2 tal-OMI;

għar-Regolament SOLAS II-2/18 kif mogħtija fl-Anness 2 għad-dokument SSE 2/20 tal-OMI;

għall-Kapitolu 8 tal-Kodiċi FSS kif mogħtija fil-punt 1 tal-Anness 18 għad-dokument 95/22/add.2 tal-OMI;

għall-Kapitolu 17 tal-Kodiċi FSS kif mogħtija fil-punt 2 tal-Anness 18 għad-dokument 95/22/add.2 tal-OMI;

għall-Kodiċi ESP tal-2011 kif mogħtija fl-Anness 15 għad-dokument 95/22/add.2 tal-OMI.

Artikolu 4

1.   Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni kif indikat fl-Artikoli 1, 2 u 3 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri, li huma membri tal-OMI, li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

2.   Jista' jsir qbil dwar bidliet minuri fil-pożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3 mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 5

L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3, sa fejn dawn jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Marzu 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/65/UE tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).

(4)  Id-Direttiva Nru 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta' rekwiżiti ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3).