20.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 131/88


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/787

tat-18 ta' Mejju 2016

li tistabbilixxi lista ta' prijorità tal-addittivi li jinsabu fis-sigaretti u fit-tabakk tal-brim li huma suġġetti għall-obbligu ta' rapportar imsaħħaħ

(notifikata bid-dokument C(2016) 2923)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/40/UE jistipula li l-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu u jaġġornaw lista ta' prijorità tal-addittivi li jinsabu fis-sigaretti u fit-tabakk tal-brim. Dak l-istess Artikolu jistabbilixxi wkoll obbligu ta' rapportar imsaħħaħ tal-addittivi elenkati f'dik il-lista ta' prijorità. L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-manifatturi u l-importaturi tas-sigaretti u tat-tabakk tal-brim iwettqu studji komprensivi dwar l-addittivi li jinsabu f'dawk il-prodotti li ddaħħlu fil-lista ta' prijorità.

(2)

Il-lista ta' prijorità għandha tiġi stabbilita abbażi tad-dejta disponibbli li tagħti l-indikazzjonijiet li addittiv jista' jikkontribwixxi għall-proprjetajiet tossiċi, li jwasslu għad-dipendenza, karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew reprotossiċi (“proprjetajiet CMR”) tas-sigaretti u tat-tabakk tal-brim, jista' jagħti togħma karatterizzanti jew jiffaċilita l-konsum jew l-inalazzjoni tan-nikotina.

(3)

L-addittivi elenkati għandhom ikunu wkoll fost dawk li l-iżjed jintużaw fis-sigaretti u fit-tabakk tal-brim, kif irrappurtat skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/40/UE. Billi l-obbligi tar-rappurtar msemmija fl-Artikolu 5 se jidħlu fis-seħħ biss meta ssir applikabbli d-Direttiva 2014/40/UE, jixraq li tiġi stabbilita l-ewwel lista ta' sustanzi abbażi tad-dejta li tasal mingħand l-Istati Membri skont id-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(4)

Meta jkunu qegħdin jiġu identifikati l-addittivi ta' prijorità li għandhom jiġu elenkati, għandha titqies ukoll l-opinjoni xjentifika mogħtija mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa u dawk Identifikati Reċentement (SCENIHR) (3).

(5)

L-addittivi jistgħu jieħdu ħafna għamliet differenti. Biex l-identifikazzjoni tagħhom tkun iżjed faċli, jixraq li għal kull addittiv li jiġi elenkat, jingħataw ukoll il-formula kimika, fejn japplika, u n-numri tal-Chemical Abstracts Service (CAS) tal-forom differenti tal-addittivi li jinsabu fil-prodotti tat-tabakk.

(6)

Biex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jiżguraw li l-manifatturi u l-importaturi tas-sigaretti u tat-tabakk tal-brim jippreżentaw studji komprensivi dwar l-addittivi elenkati, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeżiġu li dawk l-istudji jiġu ppreżentati skont format u metodoloġija uniformi. Metodu kkoordinat tal-elaborazzjoni u l-preżentazzjoni ta' dawk l-istudji jiffaċilita l-analiżi tad-dejta u jiżgura l-kumparabbiltà. Biex l-Istati Membri jingħataw biżżejjed żmien biex jiżviluppaw il-protokolli tal-istudju mingħajr ma jiġi llimitat iż-żmien li jingħataw il-manifatturi u l-importaturi biex iwettqu l-istudji, din id-Deċiżjoni ma għandhiex tibda tapplika qabel l-1 ta' Jannar 2017. Għalhekk, bi qbil mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2014/40/UE, il-manifatturi u l-importaturi ma għandhomx jintalbu jippreżentaw ir-rapporti msaħħa dwar l-ewwel sett ta' addittivi identifikati qabel l-1 ta' Lulju 2018.

(7)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/40/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

Suġġett

Il-lista ta' prijorità tal-addittivi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/40/UE hija stabbilita fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

L-Artikolu 2

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Jannar 2017.

L-Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk (ĠU L 194, 18.7.2001, p. 26).

(3)  SCENIHR: L-addittivi li jintużaw fil-prodotti tat-tabak, il-25 ta' Jannar 2016 http://ec.europa.eu/health/scientific_committees/emerging/opinions/index_en.htm


ANNESS

Il-lista ta' prijorità tal-addittivi li jintużaw fis-sigaretti u fit-tabakk tal-brim li huma suġġetti għall-obbligu ta' rapportar imsaħħaħ

Addittiv

Formula kimika

(jekk japplika)

Numru/i tal-CAS li japplikaw għas-sustanza (mhumiex eżawrjenti)

Ħarruba

 

9000-40-2, 84961-45-5

Kawkaw

 

84649-99-0, 84649-99-3, 95009-22-6, 8002-31-1

Diaċetil

C4H6O2

431-03-8

Fienu

 

68990-15-8, 977018-53-3, 84625-40-1

Tin

 

90028-74-3

Ġeranjol

C10H18O

106-24-1, 8000-46-2

Gliċerol

C3H8O3

56-81-5

Gwajakol

C6H4(OH)(OCH3)

90-05-1

Gomma tal-gwar

 

9000-30-0

Għud is-sus

 

68916-91-6

Maltol

C6H6O3

118-71-8

Mentol

C10H20O

2216-51-5, 15356-60-2, 89-78-1, 1490-04-6, 8006-90-4, 68606-97-3, 84696-51-5, 8008-79-5

Glikol tal-propilen

C3H8O2

57-55-6

Sorbitol

C6H14O6

50-70-4

Diossidu tat-titanju

TiO2

13463-67-7, 1317-70-0