19.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 128/10


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/775

tat-18 ta' Mejju 2016

dwar il-punti ta' riferiment biex l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jiġu allokati kwoti tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mingħajr ħlas skont l-Artikolu 3f(5) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u partikolarment l-Artikolu 3f(5) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3f tad-Direttiva 2003/87/KE jistabbilixxi riżerva speċjali ta' kwoti li għandhom jitwarrbu għal ċertu operaturi tal-inġenji tal-ajru.

(2)

Ġiet stabbilita riżerva speċjali oħra skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/389/UE (2) li jieħu kont tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni.

(3)

Il-punt ta' riferiment li għandu jintuża sabiex jiġu allokati kwoti mingħajr ħlas lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li l-applikazzjonijiet tagħhom intbagħtu lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3f(4) tad-Direttiva 2003/87/KE sat-30 ta' Ġunju 2016 għandu jiġi stabbilit, kemm għar-riżerva speċjali stabbilita bl-Artikolu 3f tad-Direttiva 2003/87/KE u wkoll għar-riżerva speċjali maħluqa skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/389/UE.

(4)

Fiż-żewġ każijiet, il-kalkolu tal-punt ta' riferiment ibbażat fuq l-applikazzjonijiet mibgħuta, irriżulta f'allokazzjoni annwali għal kull tunnellata-kilometru li hija ikbar mill-allokazzjoni annwali għal kull tunnellata-kilometru għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru skont l-Artikolu 3e(4) tad-Direttiva 2003/87/KE. Il-punt ta' riferiment skont l-Artikolu 3e(3)(e) tad-Direttiva 2003/87/KE kif stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/638/UE (3), japplika wkoll għar-riżerva speċjali addizzjonali stabbilita skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/389/UE sabiex titqies l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni minħabba l-punt (ix) tat-Taqsima 10(I)(1)(a) tal-Anness V tal-Att tal-Adeżjoni tal-Kroazja.

(5)

Skont l-Artikolu 3f(6) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-punt ta' riferiment biex jiġu allokati l-kwoti ta' emissjoni tal-gassijiet serra mingħajr ħlas lil operaturi tal-inġenji tal-ajru skont l-Artikolu 3f(5) tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jibqa' dak użat għall-allokazzjoni mingħajr ħlas skont l-Artikolu 3e(4) u stabbilit bid-Deċiżjoni 2011/638/UE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-punt ta' riferiment li għandu jintuża sabiex jiġu allokati kwoti mingħajr ħlas lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru skont l-Artikolu 3f tad-Direttiva 2003/87/KE għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2020 għandu jkun ta' 0,000642186914222035 kwoti għal kull tunnellata-kilometru fis-sena.

2.   Il-punt ta' riferiment li għandu jintuża sabiex jiġu allokati kwoti mingħajr ħlas lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru skont l-Artikolu 3f tad-Direttiva 2003/87/KE għall-iskop tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/389/UE għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 għandu jkun ta' 0,000642186914222035 kwoti għal kull tunnellata-kilometru fis-sena.

Artikolu 2

Il-kalkoli relatati ma' għadd ta' kwoti li għandu jiġu allokat skont il-punti ta' riferiment stabbiliti fl-Artikolu 1 għandhom jitqarrbu lejn l-eqreb kwota.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/389/UE tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar l-emissjonijiet storiċi addizzjonali mill-avjazzjoni u l-kwoti addizzjonali tal-avjazzjoni biex titqies l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (ĠU L 183, 24.6.2014, p. 135).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/638/UE tas-26 ta' Settembru 2011 dwar il-punti ta' riferiment biex jiġu allokati lill-operaturi tal-ajruplani kwoti mingħajr ħlas ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont l-Artikolu 3e tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 252, 28.9.2011, p. 20).