8.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/4


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Lulju 2016

dwar il-finanzjament tal-programm ta’ ħidma tal-2016 għat-taħriġ fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti fil-qafas tal-programm “Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel”

(2016/C 248/05)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 84 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 36(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi regoli ġenerali għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali biex jivverifikaw il-konformità mar-regoli maħsuba sabiex, b’mod partikolari, jevitaw, jeliminaw jew inaqqsu r-riskji għall-bnedmin u għall-annimali għal livelli aċċettabbli, u biex jiggarantixxu prattiki ġusti fil-kummerċ tal-għalf u tal-ikel u jħarsu l-interessi tal-konsumatur. L-Artikolu 51 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ torganizza korsijiet ta’ taħriġ għall-persunal tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri responsabbli għall-kontrolli uffiċjali msemmija f’dak ir-Regolament, li jistgħu jinfetħu għall-parteċipanti minn pajjiżi terzi, b’mod partikolari pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Dawk il-korsijiet jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, taħriġ rigward il-liġi tal-Unjoni Ewropea dwar l-għalf u l-ikel u rigward ir-regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali.

(2)

L-Artikolu 2(1)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE (4) jipprovdi l-bażi legali għall-organizzazzjoni ta’ korsijiet fil-qasam tas-saħħa tal-pjanti.

(3)

Il-Programm “Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel” ġie stabbilit mill-Kummissjoni fl-2006 sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2006 dwar it-“Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel” (5) tesplora l-għażliet għall-organizzazzjoni tat-taħriġ fil-ġejjieni.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma li jirregolaw is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali u r-regoli dwar is-saħħa tal-pjanti. L-Artikolu 31 jipprevedi li l-Unjoni tista’ tiffinanzja t-taħriġ tal-persunal tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-kontrolli uffiċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, sabiex jiġi żviluppat approċċ armonizzat għall-kontrolli uffiċjali u għal attivitajiet uffiċjali oħra biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Programm “Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel” fl-Istati Membri jeħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni ta’ finanzjament u l-programm ta’ ħidma dwar it-taħriġ fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti għall-2016. L-Artikolu 94 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (6) jistabbilixxi regoli dettaljati dwar id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament.

(6)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/770/UE (7) tistabbilixxi “l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Konsumaturi, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel” (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”). Din id-Deċiżjoni tinkariga lill-Aġenzija b’ċerti kompiti ta’ ġestjoni u ta’ implimentazzjoni tal-programm relatati mal-miżuri ta’ taħriġ fis-sikurezza tal-ikel imwettqa skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE.

(7)

Sabiex tkun permessal-flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma, jixraq li t-terminu “bidla sostanzjali” jiġi ddefinit skont it-tifsira tal-Artikolu 94(4) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012.

(8)

Jeħtieġ li jkun jista’ jsir ħlas ta’ imgħax dovut għal ħlas tardiv, abbażi tal-Artikolu 92 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u abbażi tal-Artikolu 111(4) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-programm ta’ ħidma

Il-programm ta’ ħidma annwali għall-implimentazzjoni tal-Programm “Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel” għall-2016, kif stabbilit fl-Anness, huwa b’dan adottat. Dan jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 84 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 2

Kontribuzzjoni tal-Unjoni

1.   Il-kontribuzzjoni massima għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma għas-sena 2016 ġiet stabbilita għal EUR 15 500 000, u għandha tiġi ffinanzjata mill-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-linja baġitarja 17.04.03 tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2016.

2.   L-approprjazzjonijiet stipulati fil-punt 1 jistgħu jkopru wkoll l-imgħax dovut għal ħlas tardiv.

Artikolu 3

Klawsola ta’ flessibbiltà

Bidliet akkumulati tal-allokazzjonijiet għal azzjonijiet speċifiċi li ma jaqbżux l-20 % tal-kontribuzzjoni massima stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-Deċiżjoni ma għandhomx jitqiesu bħala sostanzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 94(4) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012, meta dawk il-bidliet ma jkunux jaffettwaw b’mod sinifikanti n-natura tal-azzjonijiet u l-għan tal-programm ta’ ħidma. Iż-żieda tal-kontribuzzjoni massima stabbilita fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-Deċiżjoni ma għandhiex taqbeż l-20 %.

L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jista’ japplika t-tip ta’ bidliet imsemmija fl-ewwel paragrafu. Dawk il-bidliet għandhom jiġu applikati skont il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba u tal-proporzjonalità.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1).

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. “Taħriġ aħjar għal ikel iktar sikur”, COM(2006) 519 finali tal-20 ta’ Settembru 2006.

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/770/UE tas-17 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Konsumaturi, is-Saħħa u l-Ikel u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/858/KE (ĠU L 341, 18.12.2013, p. 69).


ANNESS

1.1.   Introduzzjoni

Abbażi tal-għanijiet stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u fid-Direttiva 2000/29/KE, dan il-programm ta’ ħidma jinkludi l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati u l-analiżi tal-baġit għas-sena 2016 kif ġej:

Akkwist (implimentat minn ġestjoni diretta): Kuntratti esterni għat-twettiq tal-programm ta’ taħriġ u ta’ għodod oħra ta’ tagħlim

EUR 15 500 000

TOTAL

EUR 15 500 000

1.2.   Akkwist

1.2.1.   Kuntratt estern għat-twettiq tal-programm ta’ taħriġ u ta’ għodod oħra ta’ tagħlim

L-allokazzjoni baġitarja globali riżervata għall-kuntratti ta’ akkwist fl-2016 tammonta għal EUR 15 500 000.

BAŻI ĠURIDIKA

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-Artikolu 51

Id-Direttiva 2000/29/KE, l-Artikolu 2(1)(i)

Ir-Regolament (UE) Nru 652/2014, l-Artikolu 31 u l-Artikolu 36(1)

LINJA BAĠITARJA

Linja baġitarja: 17.04.03

GĦADD INDIKATTIV U TIP TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Għal kull waħda mill-kwistjonijiet tekniċi msemmija hawn taħt, se jiġi ffirmat kuntratt ta’ servizz dirett jew ta’ qafas wieħed jew aktar. Huwa stmat li se jiġu ffirmati madwar 15-il kuntratt ta’ servizz dirett jew speċifiku. Il-kuntratturi esterni huma prinċipalment involuti fl-aspetti organizzattivi u loġistiċi tal-attivitajiet ta’ taħriġ.

SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI (JEKK POSSIBBLI)

Għall-2016, l-azzjonijiet ta’ taħriġ se jkunu dwar is-suġġetti li ġejjin:

Attivitajiet

Ammont f’EUR

Ir-reżistenza kontra l-mikrobi

1 185 000

Il-kontrolli tas-saħħa tal-pjanti

1 150 000

Il-kontroll tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi

320 000

Il-valutazzjoni tar-riskju

935 000

L-iġjene tal-ikel fil-livell primarju tal-produzzjoni

1 095 000

Il-preparazzjoni għal tifqigħa u l-ġestjoni tal-ikel

745 000

L-informazzjoni dwar l-ikel u l-kompożizzjoni tiegħu

870 000

Il-liġi dwar l-għalf

1 040 000

Il-kontroll tal-kontaminanti

880 000

L-ispezzjonijiet ta’ kontroll f’Postijiet ta’ Spezzjoni fil-Fruntiera

975 000

Il-kontroll tal-movimenti tal-klieb u tal-qtates

610 000

TRACES (l-aspetti sanitarji, fitosanitarji u ta’ kwalità)

1 180 000

It-trattament xieraq tal-annimali

920 000

L-ittestjar tal-ikel

1 170 000

L-istandards tal-ikel tal-UE

1 950 000

L-assistenza u l-appoġġ għal proġett ta’ tagħlim elettroniku

135 000

It-taħriġ ta’ kontinġenza, il-konferenzi, u l-għodod ta’ tagħlim u ta’ disseminazzjoni marbuta mas-saħħa u mat-trattament xieraq tal-annimali, mas-saħħa tal-pjanti u mas-sikurezza tal-ikel

340 000

TOTAL

15 500 000

IMPLIMENTAZZJONI

EUR 15 365 000 (il-finanzjament ta’ miżuri tas-sikurezza tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 u d-Direttiva 2000/29/KE) se jiġu ġestiti u implimentati mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/770/UE). Il-EUR 135 000 li jibqa’ se jiġu ġestiti mill-Kummissjoni biex tkopri l-assistenza u l-appoġġ għal proġett ta’ tagħlim elettroniku.

PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWIST

Bejn wieħed u ieħor matul it-tielet u r-raba’ kwart tal-2016.

AMMONT INDIKATTIV TAS-SEJĦA GĦALL-OFFERTI

EUR 15 500 000

1.2.2.   Kuntratt qafas għall-għoti ta’ servizzi fl-oqsma tal-evalwazzjoni, l-istudji, il-valutazzjoni tal-impatt, il-monitoraġġ u ta’ servizzi oħra relatati, marbuta mal-politiki dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

SUĠĠETT TAL-KUNTRATTI PREVISTI

L-għoti ta’ servizzi fl-oqsma tal-evalwazzjoni, l-istudji, il-valutazzjoni tal-impatt, il-monitoraġġ u ta’ servizzi oħra relatati, marbuta mal-politiki dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

TIP TA’ KUNTRATT

Kuntratt qafas ġdid għas-servizzi

GĦADD INDIKATTIV TA’ KUNTRATTI PREVISTI

Kuntratt qafas wieħed.

PERJODU TA’ ŻMIEN INDIKATTIV GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TAL-AKKWIST

It-tieni nofs tal-2016.