12.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 96/46


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/566

tal-11 ta' April 2016

dwar it-twaqqif ta' Grupp ta' Tmexxija ta' Livell Għoli dwar il-Governanza tas-Sistema u tas-Servizzi Marittimi Diġitali u li tħassar id-Deċiżjoni 2009/584/KE

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-ġestjoni u għall-iżvilupp, fil-livell tal-politika, tas-sistema marittima tal-Unjoni ta' skambju u ta' tagħrif, fosthom tas-sistema ċentrali tas-SafeSeaNet, tas-sistema tal-CleanSeaNet u tal-partijiet rilevanti tas-Sistema għall-identifikazzjoni u t-traċċar mill-bogħod tal-bastimenti (l-LRIT), għall-integrazzjoni u għall-interoperabbiltà ta' dawn is-sistemi u għas-sorveljanza tas-sistema tas-SafeSeaNet, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri.

(2)

Il-punt 2.2 tal-Anness III tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jipprevedi t-twaqqif ta' grupp ta' tmexxija ta' livell għoli b'rabta mal-kwistjonijiet li jissemmew f'dik id-Direttiva. Dak il-grupp ta' tmexxija twaqqaf permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/584/KE (2).

(3)

Wara li d-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/100/UE (3) emendat il-punt 2.2 tal-Anness III tad-Direttiva 2002/59/KE, din ir-regola tipprevedi għadd ta' kompiti ġodda biex jgħinu fil-ġestjoni u fil-governanza tas-sistema u tas-servizzi integrati meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta' qabel. Fil-prattika, dan jippermetti wkoll li l-governanza u l-gruppi eżistenti jiġu ssimplifikati iktar bil-għan li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u li jiġu ssimplifikati l-obbligi tar-rappurtar.

(4)

Għalhekk hemm bżonn li jiġi previst sett aġġornat ta' kompiti b'rabta mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-grupp ta' tmexxija ta' livell għoli.

(5)

Huwa xieraq ukoll li l-grupp ta' tmexxija ta' livell għoli jingħata ċerti kompiti oħrajn li jkunu marbutin mill-qrib ma' dawk stipulati fid-Direttiva 2002/59/KE u li jkunu jikkorrispondu mal-għarfien espert tal-grupp. Għaldaqstant, il-grupp għandu jgħin lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha stipulati fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fit-twaqqif u fiż-żamma tal-kooperazzjoni ma' gruppi ta' esperti u fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni li hemm fost l-awtoritajiet rilevanti kollha tal-Istati Membri li huma involuti fil-monitoraġġ tal-interkonnessjoni u tal-interoperabbiltà tas-sistema u huwa għandu jwassal ukoll għal skambju tal-esperjenza u tal-aqwa prassi bejn il-partijiet kollha involuti, fosthom il-partijiet interessati tal-industrija.

(6)

Jidher li hemm bżonn ukoll jiġu indirizzati l-iżviluppi u l-avvanzi teknoloġiċi kif ukoll kwistjonijiet strateġiċi marbutin mal-iżvilupp tas-sistema fil-ġejjieni, filwaqt li jitqiesu b'mod partikulari l-appoġġ u l-iffaċilitar tal-ispazju tat-trasport marittimu Ewropew mingħajr ostakli u ta' politiki u leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-Unjoni. Dan jista' jkun utli wkoll biex jiġi żviluppat il-proċess volontarju ta' Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni (CISE).

(7)

F'konformità mal-punt 2.2 tal-Anness III tad-Direttiva 2002/59/KE, il-grupp ta' tmexxija ta' livell għoli għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni. Rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jippresedih. Għal raġunijiet ta' kontinwità, jixraq li l-membri attwali li nħatru skont id-Deċiżjoni 2009/584/KE jibqgħu maħturin sa ma jintemm il-mandat attwali tagħhom.

(8)

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (l-EMSA) hija responsabbli għall-implimentazzjoni teknika tas-sistema marittima tal-Unjoni ta' skambju u ta' tagħrif, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni, skont id-Direttiva 2002/59/KE, u hija responsabbli għall-għoti ta' appoġġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva 2010/65/UE, b'mod partikulari billi tiffaċilitalhom it-trażmissjoni elettronika tad-dejta permezz tas-sistema tas-SafeSeaNet, skont ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5); għalhekk, hija dejjem għandha tkun involuta fil-ħidma tal-grupp ta' tmexxija ta' livell għoli.

(9)

Għandhom jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni mill-membri tal-grupp.

(10)

Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(11)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/584/KE għandha titħassar,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

B'dan qed jitwaqqaf il-Grupp ta' Tmexxija ta' Livell Għoli dwar il-Governanza tas-Sistema u tas-Servizzi Marittimi Diġitali (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Grupp ta' tmexxija ta' livell għoli”).

Artikolu 2

Kompiti

Mingħajr ħsara għas-sjieda tad-dejta min-naħa tal-Istati Membri, il-kompiti tal-Grupp ta' tmexxija ta' livell għoli għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

il-kompiti stipulati fil-punt 2.2 tal-Anness III tad-Direttiva 2002/59/KE;

(b)

li jgħin lill-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħha stipulati fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2010/65/UE, b'mod partikulari fl-iżvilupp ta' mekkaniżmi tekniċi għall-armonizzazzjoni u għall-koordinazzjoni tal-formalitajiet ta' rappurtar fl-Unjoni li jsaħħu l-integrazzjoni, l-użu mill-ġdid u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni rrappurtata fis-sistema u li jippermettu r-rappurtar darba biss u b'hekk jappoġġaw l-iffaċilitar tal-ispazju tat-trasport marittimu Ewropew mingħajr ostakli;

(c)

li jistabbilixxi u jżomm il-kooperazzjoni ma' gruppi ta' esperti għal kompiti speċifiċi relatati mat-tħaddim, mal-użu u mal-funzjonament tas-sistema marittima tal-Unjoni ta' skambju u ta' tagħrif, tal-punt uniku nazzjonali ta' kuntatt, tas-sistema nazzjonali tas-SafeSeaNet u ta' sistemi elettroniċi oħrajn u l-interoperabbiltà tagħhom, skont it-termini ta' referenza stabbiliti mill-Grupp ta' tmexxija ta' livell għoli;

(d)

li jistabbilixxi kooperazzjoni bejn l-entitajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar:

l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2002/59/KE;

mistoqsijiet marbutin mal-kundizzjonijiet għall-użu tas-sistema u tas-servizzi marittimi integrati;

(e)

li jimmonitorja l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tal-punt uniku nazzjonali ta' kuntatt u tas-sistema marittima tal-Unjoni ta' skambju u ta' tagħrif, kif ukoll is-sistemi Ewropej rilevanti l-oħrajn użati għall-ġestjoni tat-tagħrif;

(f)

li jwassal għal skambju tal-esperjenza u tal-aqwa prassi għall-finijiet tal-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2002/59/KE.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-Grupp ta' tmexxija ta' livell għoli dwar kull kwistjoni marbuta mal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 2 u mat-tħaddim tekniku tal-iżviluppi attwali u futuri tal-punt uniku ta' kuntatt u tas-sistema marittima tal-Unjoni ta' skambju u ta' tagħrif, kemm fuq livell ċentralizzat kif ukoll fuq livell deċentralizzat, fosthom dwar il-kontribut tal-grupp għall-monitoraġġ u għas-sorveljanza marittima mil-lat olistiku għall-għanijiet u għall-miri stabbiliti fid-Direttiva 2002/59/KE u fid-Direttiva 2010/65/UE.

Artikolu 4

Sħubija u ħatra

1.   Il-Grupp ta' tmexxija ta' livell għoli għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni.

2.   Il-membri tal-Grupp ta' tmexxija ta' livell għoli li għandha taħtar il-Kummissjoni għandhom ikunu uffiċjali għolja.

3.   Kull Stat Membru għandu jinnomina mhux iktar minn żewġ membri u għadd korrispondenti ta' membri supplenti. Il-membri supplenti jinħatru bl-istess kundizzjonijiet bħall-membri u jieħdu post kull membru li jkun assenti jew indispost b'mod awtomatiku. Il-membri u l-membri supplenti għandhom ikunu uffiċjali għolja.

4.   Il-membri attwali tal-Grupp ta' Tmexxija ta' Livell Għoli dwar is-Sistema tas-SafeSeaNet għandhom jibqgħu maħturin sa ma jintemm il-mandat tagħhom skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2009/584/KE.

5.   Il-membri nnominati skont il-paragrafu 3 jinħatru għal tliet snin. Huma għandhom jibqgħu fil-kariga tagħhom sa ma jeħdilhom posthom xi ħadd ieħor jew inkella sa ma jintemm il-mandat tagħhom. Il-mandat tagħhom jista' jiġġedded.

6.   Il-membri li ma jibqgħux f'pożizzjoni li jikkontribwixxu b'mod effettiv għad-dibattiti tal-grupp, jew li jirriżenjaw jew li ma jkunux konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jew fl-Artikolu 339 tat-Trattat jista' jeħdilhom posthom xi ħadd ieħor għall-kumplament tal-perjodu taż-żmien tal-mandat tagħhom.

7.   Rappreżentant tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (l-EMSA) għandu jattendi l-laqgħat tal-Grupp ta' tmexxija ta' livell għoli bħala osservatur permanenti. L-EMSA għandha tkun irrappreżentata f'livell għoli.

8.   Ir-rappreżentanti tal-Istati tal-EFTA li huma partijiet tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Grupp ta' tmexxija ta' livell għoli bħala osservaturi.

9.   Id-dejta personali għandha tinġabar, tiġi pproċessata u tiġi ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

Ħidma

1.   Il-Grupp ta' tmexxija ta' livell għoli għandu jippresedih rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni li jkun qiegħed jippresiedi l-Grupp ta' tmexxija ta' livell għoli jista' jistaqsi lil xi esperti li jkollhom kompetenza speċifika f'suġġett li jkun fuq l-aġenda jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-grupp jew ta' sottogrupp minn tiegħu jekk dan ikun utli u/jew meħtieġ. Barra minn hekk, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista' jagħti l-istatus ta' osservatur lil individwi, lil organizzazzjonijiet kif iddefiniti fir-Regola 8(3) tar-regoli orizzontali dwar il-gruppi ta' esperti, u lil pajjiżi kandidati.

3.   Il-membri u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistednin, għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli ta' implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-UE stabbiliti fl-Annessi tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (7) u 2015/444 (8). Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista' tieħu l-miżuri x-xierqa kollha.

4.   Normalment il-Grupp ta' tmexxija ta' livell għoli għandu jiltaqa' fil-bini tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi ta' segretarjat lill-Grupp ta' tmexxija ta' livell għoli. L-uffiċjali l-oħrajn tal-Kummissjoni li jkollhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp.

5.   Il-Grupp ta' tmexxija ta' livell għoli għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta' proċedura għall-gruppi ta' esperti adottati mill-Kummissjoni.

6.   Id-dokumenti rilevanti kollha (bħalma huma l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti) għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fir-Reġistru tal-gruppi ta' esperti jew inkella permezz ta' ħolqa mir-Reġistru għal sit web apposta, fejn ikun jinsab it-tagħrif. Għandhom isiru eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

Artikolu 6

Spejjeż tal-laqgħat

1.   Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Grupp ta' tmexxija ta' livell għoli mhumiex se jitħallsu għas-servizzi tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni tħallas lura lill-parteċipanti l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza li dawn ikunu għamlu fil-kuntest tal-attivitajiet tal-Grupp ta' tmexxija ta' livell għoli skont id-dispożizzjonijiet li jkunu fis-seħħ fiha.

3.   Dawk l-ispejjeż jitħallsu lura fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 7

Tħassir

Qed titħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/584/KE.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/584/KE tal-31 ta' Lulju 2009 li tistabbilixxi Grupp ta' Tmexxija ta' Livell Għoli dwar is-SafeSeaNet (ĠU L 201, 1.8.2009, p. 63).

(3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2014/100/UE tat-28 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità (ĠU L 308, 29.10.2014, p. 82).

(4)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/65/UE tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta' rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).