5.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 88/30


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/529

tal-31 ta' Marzu 2016

li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa mġarrba mill-Ġermanja fl-2007 għall-finanzjament tal-miżuri ta' emerġenza biex tiġi miġġielda l-marda tal-ilsien blu

(notifikata bid-dokument C(2016) 1758)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 (2) jistipula r-regoli għall-ħlas ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għall-emerġenzi u tal-kampanja għall-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (3). L-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi d-dokumenti li għandhom jintbagħtu mill-Istat Membru li jitlob il-kontribuzzjoni finanzjarja u d-dati ta' skadenza biex jintbagħtu dawn id-dokumenti.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/444/KE (4) tistipula kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni li għandha tingħata lill-Ġermanja għall-ispejjeż imġarrba minn dak l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri fil-ġlieda tiegħu kontra l-marda tal-ilsien blu fl-2007 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE (5). Għalhekk, l-ewwel parti ta' EUR 950 000,00 tħallset lill-Ġermanja bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

(3)

Skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/800/UE (6) it-tieni porzjon ta' EUR 1 950 000,00 tħallas bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni u skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/131/UE (7) it-tielet porzjon ta' EUR 1 000 000,00 tħallas bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

(4)

Permezz tad-Deċiżjoni 2008/444/KE, ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), b'mod partikolari l-Artikolu 84 tiegħu, ġew issodisfati.

(5)

Fis-6 ta' Ġunju 2008, il-Ġermanja bagħtet talba uffiċjali għar-rimborż lill-Kummissjoni, akkumpanjata minn rapport finanzjarju, dokumenti ta' sostenn u rapport epidemjoloġiku dwar kull stabbiliment fejn l-annimali nqatlu jew inqerdu. It-talba għar-rimborż tammonta għal EUR 4 201 179,00. Madankollu, wara l-verifiki u l-kontrolli li saru waqt l-awditu fuq il-post u li kien ġestit mis-servizz tal-awditjar kompetenti, l-ammont ta'EUR 239 629,65 tqies bħala ineliġibbli għar-rimborż skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa mġarrba mill-Ġermanja fl-2007 għall-finanzjament ta' miżuri ta' emerġenza għall-ġlieda kontra l-marda tal-ilsien blu hija ffissata għal EUR 3 961 549,35.

2.   Il-bilanċ tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni li għad trid titħallas lill-Ġermanja qed jiġi stabbilit għal EUR 61 549,35.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta' Frar 2005 li jistabilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/444/KE tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal miżuri ta' emerġenza fil-ġlieda kontra l-bluetongue fil-Ġermanja fl-2007 (ĠU L 156, 14.6.2008, p. 18).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta' Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30).

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/800/UE tat-30 ta' Novembru 2011 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta' emerġenza fil-ġlieda kontra l-bluetongue fil-Ġermanja fl-2007 (ĠU L 320, 3.12.2011, p. 49).

(7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/131/UE tal-10 ta' Marzu 2014 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta' emerġenza fil-ġlieda kontra l-marda tal-ilsien blu fil-Ġermanja fl-2007 (ĠU L 71, 12.3.2014, p. 18).

(8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).