|
1.4.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 85/48 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/478
tal-31 ta' Marzu 2016
li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-31 ta' Lulju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 (1). |
|
(2) |
Fis-16 ta' Marzu 2015, il-Kunsill fakkar li soluzzjoni politika biss tista' tipprovdi triq 'il quddiem sostenibbli u tikkontribwixxi għall-paċi u l-istabbiltà fil-Libja u rrefera inter alia għall-importanza li jiġu evitati azzjonijiet li jistgħu jaggravaw id-diviżjonijiet attwali. |
|
(3) |
Il-Kunsill jibqa' serjament imħasseb dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u b'mod partikolari dwar atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Libja, u li jostakolaw jew jimminaw it-tlestija b'suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-Libja, bħal atti li jostakolaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim Politiku Libjan tas-17 ta' Diċembru 2015 u l-formazzjoni ta' Gvern b'Kunsens Nazzjonali, inkluż permezz ta' nuqqasripetut li tittieħed azzjoni minn persuni b'influwenza politika fil-Libja. |
|
(4) |
Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fil-Libja, tliet persuni addizzjonali għandhom jiżdiedu għal perijodu ta' sitt xhur mal-lista ta' persuni soġġetti għal miżuri restrittivi kif stipulat fl-Annessi II u IV għad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333. |
|
(5) |
Għaldaqstant, id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 għandha tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 hija emendata kif ġej:
|
(1) |
Il-persuni elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni jiżdiedu mal-lista li tinstab fl-Annessi II u IV. |
|
(2) |
Fl-Artikolu 17 jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin: “3. Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 8(2) għandhom japplikaw fir-rigward tal-entrati 16, 17 u 18 fl-Anness II sat-2 ta' Ottubru 2016. 4. Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 9(2) għandhom japplikaw fir-rigward tal-entrati 21, 22 u 23 fl-Anness IV sat-2 ta' Ottubru 2016.” |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Marzu 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
A.G. KOENDERS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta' Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (ĠU L 206, 1.8.2015, p. 34).
ANNESS
“ANNESS II
Lista tal-persuni u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 8(2)
A. PERSUNI
|
|
Isem |
Informazzjoni ta' identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|
16. |
SALEH ISSA GWAIDER, Agila |
data tat-twelid 1944 (mhux konfermata) |
Agila Saleh ilu l-President tal-Kunsill Libjan tad-Deputati fil-Kamra tar-Rappreżentanti mill-5 ta' Awwissu 2014. Fis-17 ta' Diċembru 2015 Saleh iddikjara li hu jopponi l-Ftehim Politiku dwar il-Libja ffirmat fis-17 ta' Diċembru 2015. Bħala l-President tal-Kunsill tad-Deputati, Saleh fixkel u mmina t-transizzjoni politika Libjana, inkluż billi rrifjuta li ssir votazzjoni fil-Kamra tar-Rappreżentanti fit-23 ta' Frar 2016 dwar il-Gvern b'Kunsens Nazzjonali (‘GKN’). Fit-23 ta' Frar 2016 Saleh iddeċieda li joħloq kumitat li mistenni li jiltaqa' ma' membri oħrajn tal-‘Libyan-Libyan process’ li jopponi l-Ftehim Politiku dwar il-Libja. |
|
|
17. |
GHWELL, Khalifa magħruf ukoll bħala AL GHWEIL, Khalifa AL-GHAWAIL, Khalifa |
data tat-twelid 1964 Misratah |
Khalifa Ghwell huwa l-hekk imsejjaħ ‘Prim Ministru u Ministru għad-Difiża’ tal-Kungress Nazzjonali Ġenerali (‘KNG’) li mhux rikonoxxut internazzjonalment (magħruf ukoll bħala l-‘Gvern ta' Salvazzjoni Nazzjonali’), u bħala tali huwa responsabbli għall-attivitajiet tagħhom. Fis-7 ta' Lulju 2015 Khalifa Ghwell wera l-appoġġ tiegħu għall-iSteadfastness Front (Alsomood), forza militari ġdida ta' 7 brigati biex tipprevjeni l-formazzjoni fi Tripli ta' gvern ta' unità, billi attenda ċ-ċerimonja tal-iffirmar li tinawgura l-forza mal-President tal-KNĠ Nuri Abu Sahmain. Bħala ‘Prim Ministru’ tal-KNĠ, Ghwell kellu rwol ċentrali fit-tfixkil tal-istabbiliment tal- ‘GKN’ stabbilit skont il-Ftehim Politiku dwar il-Libja. Fil-15 ta' Jannar 2016, fil-kapaċità tiegħu ta' ‘Prim Ministru u Ministru għad-Difiża’ tal-KNĠ ta' Tripli, Ghwell ordna l-arrest ta' kwalunkwe membru tat-Tim ta' Sigurtà il-ġdid, maħtur mill-Prim Ministru elett tal-Gvern b'Kunsens Nazzjonali, li jirfes Tripli. |
|
|
18. |
ABU SAHMAIN, Nuri magħruf ukoll bħala BOSAMIN, Nori BO SAMIN, Nuri BADI, Salahdin |
data tat-twelid 16.5.1956 Zouara/Zuwara Libya |
Nuri Abu Sahmain huwa l-hekk imsejjaħ ‘President’ tal-Kungress Nazzjonali Ġenerali (‘KNĠ’) li mhux rikonoxxut internazzjonalment (magħruf ukoll bħala l-‘Gvern ta' Salvazzjoni Nazzjonali’), u bħala tali huwa responsabbli għall-attivitajiet tagħhom. Bħala President tal-KNĠ, Nuri Abu Sahmain kellu rwol ċentrali fit-tfixkil u l-oppożizzjoni għall-Ftehim Politiku dwar il-Libja u għall-istabbiliment tal-Gvern b'Kunsens Nazzjonali (‘GKN’). Fil-15 ta' Diċembru 2015 Sahmain appella għall-posponiment tal-Ftehim Politiku dwar il-Libja li kien skedat li jiġi maqbul f'laqgħa fis-17 ta' Diċembru. Fis-16 ta' Diċembru 2015 Sahmain ħareġ stqarrija li l-KNĠ ma kien awtorizza l-ebda membru tiegħu biex jipparteċipa fil-laqgħa jew biex jiffirma il-Ftehim Politiku dwar il-Libja. Fl-1 ta' Jannar 2016 Sahmain ċaħad il-Ftehim Politiku dwar il-Libja f'taħditiet mar-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti.” |
|
“ANNESS IV
Lista tal-persuni u l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 9(2)
A. PERSUNI
|
|
Isem |
Informazzjoni ta' identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|
21. |
SALEH ISSA GWAIDER, Agila |
data tat-twelid 1944 (mhux konfermata) |
Agila Saleh ilu l-President tal-Kunsill Libjan tad-Deputati fil-Kamra tar-Rappreżentanti mill-5 ta' Awwissu 2014. Fis-17 ta' Diċembru 2015 Saleh iddikjara li hu jopponi l-Ftehim Politiku dwar il-Libja ffirmat fis-17 ta' Diċembru 2015. Bħala l-President tal-Kunsill tad-Deputati Salah fixkel u mmina t-transizzjoni politika Libjana, inkluż billi rrifjuta li ssir votazzjoni fil-Kamra tar-Rappreżentanti fit-23 ta' Frar 2016 dwar il-Gvern b'Kunsens Nazzjonali. Fit-23 ta' Frar 2016 Saleh iddeċieda li joħloq kumitat li mistenni li jiltaqa' ma' membri oħrajn tal-‘Libyan-Libyan process’ li jopponi l-Ftehim Politiku dwar il-Libja. |
|
|
22. |
GHWELL, Khalifa magħruf ukoll bħala AL GHWEIL, Khalifa al AL-GHAWAIL, Khalifa |
data tat-twelid: 1964 Misratah |
Khalifa Ghwell huwa l-hekk imsejjaħ ‘Prim Ministru u Ministru għad-Difiża’ tal-Kungress Nazzjonali Ġenerali (KNĠ) li mhux rikonoxxut internazzjonalment (magħruf ukoll bħala l-‘Gvern ta' Salvazzjoni Nazzjonali’), u bħala tali huwa responsabbli għall-attivitajiet tagħhom. Fis-7 ta' Lulju 2015 Khalifa Ghwell wera l-appoġġ tiegħu għall-iSteadfastness Front (Alsomood), forza militari ġdida ta' 7 brigati biex tipprevjeni l-formazzjoni fi Tripli ta' gvern ta' unità, billi attenda ċ-ċerimonja tal-iffirmar li tinawgura l-forza mal-‘President’ tal-KNĠ Nuri Abu Sahmain. Bħala ‘Prim Ministru’ tal-KNĠ, Ghwell kellu rwol ċentrali fit-tfixkil tal-istabbiliment tal-Gvern b'Kunsens Nazzjonali (‘GKN’) stabbilit skont il-Ftehim Politiku dwar il-Libja. Fil-15 ta' Jannar 2016, fil-kapaċità tiegħu ta' ‘Prim Ministru u Ministru għad-Difiża’ tal-KNĠ ta' Tripli, Ghwell ordna l-arrest ta' kwalunkwe membru tat-Tim ta' Sigurtà il-ġdid, maħtur mill-Prim Ministru elett tal-Gvern b'Kunsens Nazzjonali, li jirfes Tripli. |
|
|
23. |
ABU SAHMAIN, Nuri magħruf ukoll bħala BOSAMIN, Nori BO SAMIN, Nuri BADI, Salahdin |
data tat-twelid 16.5.1956 Zouara/Zuwara Libya |
Nuri Abu Sahmain huwa l-hekk imsejjaħ ‘President’ tal-Kungress Nazzjonali Ġenerali (‘KNĠ’) li mhux rikonoxxut internazzjonalment (magħruf ukoll bħala l-‘Gvern ta' Salvazzjoni Nazzjonali’), u bħala tali huwa responsabbli għall-attivitajiet tagħhom. Bħala President tal-KNĠ, Nuri Abu Sahmain kellu rwol ċentrali fit-tfixkil u l-oppożizzjoni għall-Ftehim Politiku dwar il-Libja u għall-istabbiliment tal-Gvern b'Kunsens Nazzjonali ‘GKN’. Fil-15 ta' Diċembru 2015 Sahmain appella għall-posponiment tal-Ftehim Politiku dwar il-Libja li kien skedat li jiġi maqbul f'laqgħa fis-17 ta' Diċembru. Fis-16 ta' Diċembru 2015 Sahmain ħareġ stqarrija li l-KNĠ ma kien awtorizza l-ebda membru tiegħu biex jipparteċipa fil-laqgħa jew biex jiffirma il-Ftehim Politiku dwar il-Libja. Fl-1 ta' Jannar 2016 Sahmain ċaħad il-Ftehim Politiku dwar il-Libja f'taħditiet mar-Rappreżentant Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti.” |
|