|
23.3.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 76/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/430
tal-10 ta' Frar 2015
dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) Ċivili bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Renju tal-Marokk
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 172 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mingħand il-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
Fil-21 ta' April 2005, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati mal-Marokk għall-konklużjoni ta' Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) Ċivili. |
|
(2) |
Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2006, il-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) Ċivili bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Renju tal-Marokk (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fit-12 ta' Diċembru 2006. |
|
(3) |
Il-Ftehim jagħti lok għal kooperazzjoni eqreb mal-Marokk fil-qasam tan-navigazzjoni bis-satellita. Dan se jimplimenta għadd ta' elementi tal-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita. |
|
(4) |
Il-Ftehim għandu jiġi approvat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) Ċivili bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u r-Renju tal-Marokk, hawnhekk qed jiġi approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.
It-test tal-Ftehim hu mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni jagħti n-notifika stabbilita fl-Artikolu 18(1) tal-Ftehim, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Ftehim (2), u għandu jagħti n-notifika li ġejja:
“Minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea u minn din id-data teżerċita d-drittijiet kollha u tassumi l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea. Għaldaqstant, ir-referenzi għall-“Komunità Ewropea” fil-kontenut tal-Ftehim iridu jinqraw bħala “l-Unjoni Ewropea”.”
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Frar 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
E. RINKEVICS
(1) Il-kunsens ingħata fis-16 ta' Diċembru 2014.
(2) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.