22.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/57


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/418

tat-18 ta' Marzu 2016

dwar il-konformità tar-rati unitarji tal-2016 għaż-żoni tal-imposti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013

(notifikata bid-dokument C(2016) 1583)

(It-testi bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Ingliża, Ġermaniża, Griega, Taljana, Portugiża, Slovakka, Svediża, Spanjola, Kroata, Latvjana, Litwana, Ungeriża, Maltija, Pollakka, Rumena, Slovena u Finlandiża biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004, dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni tal-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta' servizz) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 391/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1)(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 jistabbilixxi skema komuni ta' imposti għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. L-iskema komuni ta' imposti hija element integrali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-iskema ta' prestazzjoni kif stipulati fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) (3) u fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 (4).

(2)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE (5) tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni għall-UE kollha kemm hi, fosthom il-mira tal-kosteffiċjenza tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route, espressa f'kosti unitarji determinati għall-forniment ta' dawn is-servizzi, għat-tieni perjodu ta' referenza li jkopri u jinkludi s-snin mill-2015 sal-2019.

(3)

L-Artikolu 17(1)(b) u (c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 jistipula li l-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rati unitarji tal-2016 għaż-żoni tal-imposti ppreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni sal-1 ta' Ġunju 2015 bi qbil mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u 9(2) ta' dak ir-Regolament. Dik il-valutazzjoni għandha x'taqsam mal-konformità ta' dawk ir-rati unitarji mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

(4)

Il-Kummissjoni wettqet il-valutazzjoni tagħha tar-rati unitarji bl-appoġġ tal-Unità tar-Reviżjoni tal-Prestazzjoni tal-Eurocontrol u tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Imposti tar-Rotot, u bl-użu tad-dejta u tal-informazzjoni addizzjonali li pprovdew l-Istati Membri sal-1 ta' Ġunju 2015 kif ukoll bir-rapporti tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali dwar il-valutazzjoni tal-ispejjeż eżentati mill-mekkaniżmu tal-qsim tal-ispejjeż. Il-valutazzjoni qieset ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija u l-korrezzjonijiet li saru qabel il-laqgħa konsultattiva dwar ir-rati unitarji tal-2016 għas-servizzi en route, li saret fl-24 u fil-25 ta' Ġunju 2015 b'applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, u qieset ukoll il-korrezzjonijiet tar-rati unitarji li għamlu l-Istati Membri wara li saru komunikazzjonijiet sussegwenti mal-Kummissjoni.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, abbażi ta' dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni sabet li r-rati unitarji tal-2016 għaż-żoni tal-imposti mressqa mill-Awstrija, mill-Bulgarija, mill-Kroazja, minn Ċipru, mir-Repubblika Ċeka, mid-Danimarka, mill-Estonja, mill-Finlandja, mill-Greċja, mill-Ungerija, mill-Irlanda, mill-Italja, mil-Latvja, mil-Litwanja, minn Malta, mill-Polonja, mill-Portugal, mir-Rumanija, mis-Slovakkja, mis-Slovenja, minn Spanja, mill-Iżvezja, u mir-Renju Unit jikkonformaw mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

(6)

Skont l-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiġu avżati b'din is-sejba.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-rati unitarji tal-2016 għaż-żoni tal-imposti stabbiliti fl-Anness jikkonformaw mar-Regolamenti ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika tal-Estonja, lir-Repubblika tal-Finlandja, lill-Irlanda, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika Ellenika, lir-Renju ta' Spanja, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika ta' Ċipru, lir-Repubblika tal-Latvja, lir-Repubblika tal-Litwanja, lill-Ungerija, lir-Repubblika ta' Malta, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Rumanija, lir-Repubblika Slovakka, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Renju tal-Iżvezja u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(2)   ĠU L 128, 9.5.2013, p. 31.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/132/UE tal-11 ta' Marzu 2014, li tistabbilixxi miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u l-livelli limiti ta' twissija għat-tieni perjodu ta' referenza mill-2015 sal-2019 (ĠU L 71, 12.3.2014, p. 20).


ANNESS

 

Żona tal-imposti

Ir-rata sottomessa tal-2016 għal kull unità en route fil-munita nazzjonali (*1) (Kodiċi ISO)

1

L-Awstrija

73,63

2

Il-Bulgarija

44,16

3

Il-Kroazja

359,09

4

Ċipru

33,57

5

Ir-Repubblika Ċeka

1 160,75

6

Id-Danimarka

460,05

7

L-Estonja

30,69

8

Il-Finlandja

56,23

9

Il-Greċja

36,02

10

L-Ungerija

10 872,57

11

L-Italja

80,08

12

L-Irlanda

29,67

13

Il-Latvja

27,31

14

Il-Litwanja

44,90

15

Malta

25,79

16

Il-Polonja

145,47

17

Il-Portugall

39,90

18

Ir-Rumanija

162,62

19

Ir-Repubblika Slovakka

52,54

20

Is-Slovenja

65,38

21

Spanja — il-Gżejjer Kanarji

58,36

22

Spanja Kontinentali

71,69

23

L-Iżvezja

579,36

24

Ir-Renju Unit

72,89


(*1)  Dawn ir-rati unitarji ma jinkludux ir-rata unitarja amministrattiva msemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2013 li tapplika għall-Istati firmatarji tal-Ftehim Multilaterali tal-Eurocontrol dwar l-imposti tar-rotot.