22.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/414

tal-10 ta' Marzu 2016

li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tiffirma u tirratifika, u lil Malta biex taderixxi ma', il-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar in-Notifika Barra mill-Pajjiż ta' Dokumenti Ġudizzjarji u Extraġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali, fl-interess tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(2) flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar in-Notifika Barra mill-Pajjiż ta' Dokumenti Ġudizzjarji u Extraġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali (“il-Konvenzjoni”) tissimplifika l-metodi ta' trasmissjoni ta' dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji bejn l-Istati Kontraenti. B'hekk tiffaċilita l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'litigazzjoni ċivili u kummerċjali transkonfinali.

(2)

Ħafna pajjiżi, inklużi l-Istati Membri minbarra r-Repubblika tal-Awstrija u Malta, huma Partijiet għall-Konvenzjoni. Ir-Repubblika tal-Awstrija u Malta esprimew l-interess tagħhom biex isiru Partijiet għall-Konvenzjoni. Hu fl-interess tal-Unjoni li l-Istati Membri kollha jkunu Partijiet għall-Konvenzjoni. Barra minn hekk, fil-qafas tal-politika esterna tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, l-Unjoni tippromwovi l-adeżjoni ma', u r-ratifika ta', il-Konvenzjoni minn Stati terzi.

(3)

L-Unjoni għandha kompetenza esterna fir-rigward tal-Konvenzjoni safejn id-dispożizzjonijiet tagħha jaffettwaw ir-regoli stabbiliti f'ċerti dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni tal-Unjoni jew safejn l-adeżjoni mal-Konvenzjoni ta' Stati Membri addizzjonali tbiddel il-kamp ta' applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni tal-Unjoni, bħall-Artikolu 28(4) tar- Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(4)

Il-Konvenzjoni ma tippermettix il-parteċipazzjoni minn organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali bħall-Unjoni. Bħala riżultat, l-Unjoni mhijiex f'pożizzjoni li taderixxi mal-Konvenzjoni.

(5)

Il-Kunsill għandu għalhekk jawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tiffirma u tirratifika, u lil Malta biex taderixxi ma', il-Konvenzjoni, fl-interess tal-Unjoni. L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom f'dawk l-oqsma tal-Konvenzjoni li ma jaffettwawx ir-regoli tal-Unjoni jew ma jbiddlux il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, f'konformità mal-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u għalhekk qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(7)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kunsill b'dan jawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tiffirma u tirratifika, u lil Malta biex taderixxi ma', il-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar in-Notifika Barra mill-Pajjiż ta' Dokumenti Ġudizzjarji u Extraġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali, fl-interess tal-Unjoni.

It-test tal-Konvenzjoni huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tieħu l-passi meħtieġa biex tiddepożita l-istrument tagħha ta' ratifika tal-Konvenzjoni mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju tan-Netherlands fi żmien raġonevoli u mhux aktar tard mill-31ta' Diċembru 2017.

2.   Ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-data tad-depożitu minnha tal-istrument ta' ratifika.

Artikolu 3

1.   Wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva, Malta għandha tinnotifika lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju tan-Netherlands bid-data li fiha l-Konvenzjoni ser issir applikabbli għal Malta.

2.   Malta għandha bl-istess mod tinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar id-data msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Malta u lir-Repubblika tal-Awstrija.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Marzu 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

K.H.D.M. DIJKHOFF


(1)  Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(3)  Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta' dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79).