|
17.3.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 72/53 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/381
tal-14 ta' Marzu 2016
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat tal-Kontroll mill-Istat tal-Port tal-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100 u l-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Is-sikurezza marittima, is-sigurtà marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord jistgħu jittejbu b'mod effettiv permezz ta' tnaqqis drastiku ta' vapuri ta' kwalità inferjuri fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, billi jiġu applikati b'mod strett il-Konvenzjonijiet, il-kodiċijiet u r-riżoluzzjonijiet internazzjonali rilevanti. |
|
(2) |
Filwaqt li l-Istat tal-bandiera għandu r-responsabbiltà primarja għall-monitoraġġ tal-konformità tal-vapuri mal-istandards internazzjonali għas-sikurezza, is-sigurtà, il-prevenzjoni tat-tniġġis u għall-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord, hija l-kumpannija tal-vapur li għandha r-responsabbiltà li tmantni l-kundizzjoni tal-vapur u t-tagħmir tiegħu wara li jsir kontroll biex dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjonijiet applikabbli għall-vapur. Madankollu, kien hemm nuqqas serju minn għadd ta' Stati tal-bandiera f'implimentazzjoni u fl-infurzar ta' dawk l-istandards internazzjonali. |
|
(3) |
Għaldaqstant, bħala t-tieni linja ta' difiża kontra t-trasport marittimu ta' kwalità inferjuri, il-monitoraġġ tal-konformità mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza, tas-sigurtà, tal-prevenzjoni tat-tniġġis u tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord għandu jiġi żgurat ukoll mill-Istati tal-port, filwaqt li jiġi rrikonoxxut li l-ispezzjoni li jagħmel l-Istat tal-port mhijiex ekwivalenti għal kontroll u li l-formoli rilevanti tal-ispezzjoni mhumiex ċertifikati tal-istat ta' navigabbiltà tal-bastiment. Approċċ armonizzat għall-infurzar effettiv ta' dawk l-istandards internazzjonali min-naħa tal-Istati Membri kostali tal-Unjoni rigward il-vapuri li jbaħħru fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u li jkunu qed jużaw il-portijiet tagħhom għandu jevita distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. |
|
(4) |
Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tistabbilixxi r-reġim tal-Unjoni dwar il-kontroll mill-Istat tal-port u tifformula mill-ġdid u ssaħħaħ il-leġislazzjoni preċedenti tal-Unjoni f'dan il-qasam, li ilha fis-seħħ mill-1995. Ir-reġim tal-Unjoni huwa bbażat fuq l-istruttura li kienet teżisti qabel tal-Memorandum ta' Qbil ta' Pariġi dwar il-Kontroll mill-Istat tal-Port (il-“Memorandum ta' Pariġi”), li ġie ffirmat f'Pariġi fis-26 ta' Jannar 1982. |
|
(5) |
Fir-rigward tal-Istati Membri tal-Unjoni, id-Direttiva 2009/16/KE iġġib b'mod effettiv ċerti proċeduri, strumenti u attivitajiet tal-Memorandum ta' Pariġi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Bis-saħħa ta' dik id-Direttiva, ċerti deċiżjonijiet li jieħu l-korp kompetenti x-xieraq tal-Memorandum ta' Pariġi isiru vinkolanti għall-Istati Membri tal-Unjoni. |
|
(6) |
Il-Kumitat tal-Kontroll mill-Istat tal-Port (“PSCC”) tal-Memorandum ta' Pariġi jiltaqa' kull sena u matul id-deliberazzjonijiet tiegħu jiddeċiedi dwar ċerti kwistjonijiet li jkollhom effetti legali. |
|
(7) |
Skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni f'korp stabbilit minn ftehim, meta dak il-korp jiġi biex jadotta atti li jkollhom effetti legali, għandha tiġi adottata permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni. |
|
(8) |
Minħabba li r-regoli interni tal-Memorandum ta' Pariġi jagħmluha diffiċli li tiġi stabbilita pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 218(9) TFUE b'mod f'waqtu għal kull laqgħa individwali tal-PSCC, f'dan il-każ ikun effiċjenti li tali pożizzjoni tiġi stabbilita fuq bażi multiannwali u li tkun tikkonsisti minn prinċipji ta' gwida u orjentazzjonijiet, flimkien ma' qafas għall-ispeċifikazzjoni tagħha minn sena għall-oħra. Fl-istess ħin, ħafna mis-suġġetti li jiġu diskussi fil-laqgħat individwali tal-PSCC jikkonċernaw kwistjonijiet ta' kontroll mill-Istat tal-port u ġeneralment huma koperti minn att legali uniku tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/16/KE. Għaldaqstant, fiċ-ċirkostanzi partikolari li japplikaw għall-Memorandum ta' Pariġi, huwa possibbli li tiġi stabbilita pożizzjoni ġenerali li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni għal diversi minn dawk il-laqgħat. |
|
(9) |
L-Unjoni mhijiex parti kontraenti tal-Memorandum ta' Pariġi. Huwa għalhekk neċessarju li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jaġixxu f'konformità mal-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni u biex jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu bid-deċiżjonijiet meħuda mill-PSCC. |
|
(10) |
Il-metodu attwali biex jitfasslu l-listi bojod, griżi u suwed tal-Istati tal-bandiera wassal għal konsegwenzi sproporzjonati u mhux intenzjonati għal Stati tal-bandiera bi flotot żgħar. Fl-istess ħin, il-progress fl-iżvilupp ta' metodu alternattiv ta' kalkolu sar bil-mod. Għaldaqstant huwa importanti li jiġi żviluppat b'mod rapidu metodu alternattiv sabiex tiġi żgurata l-ekwità. |
|
(11) |
Id-diskussjonijiet tekniċi u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi membri tal-Memorandum ta' Pariġi fi ħdan il-PSCC huma ta' importanza kbira biex jiġu żgurati l-effettività u l-funzjonament tajjeb tal-Memorandum ta' Pariġi. |
|
(12) |
Din id-Deċiżjoni għandha tkopri l-perijodu mill-2016 sal-2019, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħa annwali tal-PSCC tal-Memorandum ta' Pariġi meta dak il-korp jiġi biex jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali hija stipulata fl-Anness I.
Artikolu 2
L-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni minn sena għall-oħra li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-laqgħa annwali tal-PSCC tal-Memorandum ta' Pariġi għandha ssir skont l-Anness II.
Artikolu 3
L-Istati Membri li huma marbuta mill-Memorandum ta' Pariġi għandhom jaġixxu skont il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' April 2016.
Din għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2019.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Marzu 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
M.H.P. VAN DAM
(1) Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).
ANNESS I
IL-POŻIZZJONI LI GĦANDHA TIĠI ADOTTATA F'ISEM L-UNJONI FIL-KUMITAT TAL-KONTROLL MILL-ISTAT TAL-PORT TAL-MEMORANDUM TA' QBIL TA' PARIĠI DWAR IL-KONTROLL MILL-ISTAT TAL-PORT
Prinċipji ta' gwida
Fil-qafas tal-PSCC tal-Memorandum ta' Pariġi, l-Istati Membri li huma marbuta mill-Memorandum ta' Pariġi filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, għandhom:
|
(a) |
jaġixxu skont l-objettivi li d-Direttiva 2009/16/KE tfittex li tilħaq, b'mod speċjali biex ittejjeb is-sikurezza marittima, is-sigurtà marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord permezz ta' tnaqqis drastiku ta' vapuri ta' kwalità inferjuri billi jiġu applikati b'mod strett il-Konvenzjonijiet, il-kodiċijiet u r-riżoluzzjonijiet internazzjonali rilevanti; |
|
(b) |
jippromwovu l-implimentazzjoni ta' approċċ armonizzat għall-infurzar effettiv tal-istandards internazzjonali min-naħa tal-Membri tal-Memorandum ta' Pariġi rigward il-vapuri li jbaħħru fl-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u li jkunu qed jużaw il-portijiet tagħhom; |
|
(c) |
jaħdmu flimkien mal-Memorandum ta' Pariġi biex tinkiseb skema komprensiva ta' spezzjoni u biex il-piż tal-ispezzjonijiet jinqasam b'mod ekwu, b'mod partikulari billi jiġi adottat l-impenn ta' spezzjoni annwali mfassal skont il-metodoloġija maqbula stipulata fl-Anness 11 għall-Memorandum ta' Pariġi; |
|
(d) |
jaħdmu fi ħdan il-Memorandum ta' Pariġi biex iżommu awtoritajiet kompetenti xierqa, li lilhom jiġi assenjat numru adatt ta' persunal, b'mod partikolari spetturi kwalifikati, għall-ispezzjoni tal-vapuri, pereżempju permezz ta' reklutaġġ; |
|
(e) |
jiżguraw li l-miżuri adottati fil-kuntest tal-Memorandum ta' Pariġi jkunu konsistenti mal-liġi internazzjonali, u b'mod partikulari mal-Konvenzjonijiet, il-kodiċijiet u r-riżoluzzjonijiet internazzjonali rilevanti li jirrigwardaw is-sikurezza marittima, is-sigurtà marittima, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord; |
|
(f) |
jippromwovu l-iżvilupp ta' approċċi komuni ma' korpi oħrajn li jkunu qed iwettqu l-kontroll mill-Istat tal-port; |
|
(g) |
jiżguraw konsistenza ma' politiki oħrajn tal-Unjoni b'mod speċjali fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, is-sigurtà, l-ambjent u oħrajn. |
Orjentazzjonijiet
L-Istati Membri li huma marbuta mill-Memorandum ta' Pariġi filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, għandhom jagħmlu kull sforz biex jappoġġaw l-azzjonijiet li ġejjin min-naħa tal-Memorandum ta' Pariġi:
|
A. |
sabiex ikun żgurat li r-reġim tal-Unjoni dwar il-kontroll mill-Istat tal-Port jaħdem sewwa minn sena għall-oħra skont id-Direttiva 2009/16/KE, l-adozzjoni ta':
|
|
B. |
l-iżvilupp mill-iktar fis possibbli ta' metodu alternattiv biex jitfasslu l-listi bojod, griżi u suwed tal-Istati tal-bandiera biex tiġi żgurata l-ekwità, irrispettivament mid-daqs tal-flotta. |
(1) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2010 tat-13 ta' Settembru 2010 li jimplimenta l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji tal-Istat tal-Bandiera (ĠU L 241, 14.9.2010, p. 1).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 802/2010 tat-13 ta' Settembru 2010 li jimplimenta l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kumpanniji (ĠU L 241, 14.9.2010, p. 4).
ANNESS II
L-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-POŻIZZJONI MINN SENA GĦALL-OĦRA LI GĦANDHA TIĠI ADOTTATA F'ISEM L-UNJONI FIL-KUMITAT TAL-KONTROLL MILL-ISTAT TAL-PORT TAL-MEMORANDUM TA' QBIL TA' PARIĠI DWAR IL-KONTROLL MILL-ISTAT TAL-PORT
Qabel kull laqgħa annwali tal-PSCC tal-Memorandum ta' Pariġi, għandhom jittieħdu l-passi neċessarji biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni tieħu kont tal-informazzjoni rilevanti kollha li tkun intbagħtet lill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll ta' kull dokument li għandu jiġi diskuss u li jaqa' fil-kompetenza tal-Unjoni skont il-prinċipji ta' gwida u l-orjentazzjonijiet stipulati fl-Anness I.
Għal dan il-għan u abbażi ta' dik l-informazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jibagħtu dokument ta' tħejjija lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu li jagħti d-dettalji tal-pożizzjoni prevista tal-Unjoni, fi żmien suffiċjenti qabel il-laqgħa tal-PSCC, biex dawn iqisuh u japprovawh.