15.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/368

tal-14 ta' Marzu 2016

li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK dwar miżuri restrittivi kontra membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-27 ta' Mejju 2002, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK (1).

(2)

Fis-17 ta' Diċembru 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) adotta r-Riżoluzzjoni 2253 (2015) (“UNSCR 2253 (2015)”) li ttenni l-kundanna inekwivoka tiegħu tal-Istat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante (ISIL, magħruf ukoll bħala Da'esh), Al-Qaida u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom għall-atti terroristiċi kriminali multipli li għadhom jitwettqu bil-għan li jikkawżaw l-imwiet ta' persuni ċivili innoċenti u vittmi oħrajn, il-qerda ta' proprjetà u biex idgħajfu ferm l-istabbiltà.

(3)

F'dak il-kuntest, l-UNSCR 2253 (2015) fakkret li l-ISIL (Da'esh) huwa sottogrupp dissidenti ta' Al-Qaida u li kwalunkwe individwu, grupp, impriża jew entità li jappoġġaw lill-ISIL (Da'esh) jew lil Al-Qaida huma eliġibbli li jiġu elenkati min-Nazzjonijiet Uniti.

(4)

L-UNSCR 2253 (2015) appellat lill-Istati Membri biex iwaqqfu l-flussi ta' fondi u ta' assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra lill-individwi u lill-entitajiet fuq il-Lista tas-Sanzjonijiet kontra l-ISIL (Da'esh) u Al-Qaida, kif meħtieġ mill-paragrafu 2 (a) tar-Riżoluzzjoni u b'kont meħud tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) u ta' standards internazzjonali rilevanti.

(5)

Il-miżuri ta' implimentazzjoni tal-Unjoni huma stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 (2).

(6)

Il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

It-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/402/PESK tas-27 ta' Mejju 2002 dwar miżuri restrittivi kontra membri tal-organizzazzjonijiet ISIL (Da'esh) u Al-Qaida, u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom”

(2)

Għandha tiddaħħal il-premessa li ġejja:

“(9)

L-UNSCR 2253 (2015) appellat lill-Istati Membri biex iwaqqfu l-flussi ta' fondi u ta' assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra lill-individwi u lill-entitajiet fuq il-Lista tas-Sanzjonijiet kontra l-ISIL (Da'esh) u Al-Qaida kif meħtieġ mill-paragrafu 2 (a) tar-Riżoluzzjoni u b'kont meħud tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja u ta' standards internazzjonali rilevanti.”.

(3)

Il-premessa 9 hija nnumerata mill-ġdid bħala l-premessa 10.

(4)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Din il-Pożizzjoni Komuni tapplika għall-membri tal-organizzazzjonijiet ISIL (Da'esh) u Al-Qaida kif ukoll għal individwi, gruppi, impriżi u entitajiet:

(a)

assoċjati ma' membri tal-organizzazzjonijiet ISIL (Da'esh) u Al-Qaida inklużi dawk li:

(i)

jipparteċipaw fil-finanzjament, l-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija jew it-twettiq ta' atti jew attivitajiet minn, flimkien ma', taħt l-isem ta', f'isem, jew b'appoġġ għal,

(ii)

ifornu, ibigħu jew jittrasferixxu armi u materjal relatat ma';

(iii)

jirreklutaw għal, jew inkella li jappoġġaw atti jew attivitajiet ta';

Al-Qaida, ISIL (Da'esh) jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, grupp li jinqata' minnhom jew derivattiv tagħhom;

(b)

li huma l-proprjetà ta' jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn, jew b'xi mod jappoġġaw kwalunkwe individwu, grupp, impriża jew entità assoċjata ma' Al-Qaida jew ISIL (Da'esh);

kif imsemmi fil-lista mfassla skont l-UNSCR 1267 (1999), 1333 (2000) u 2253 (2015) li għandha tiġi aġġornata regolarment mill-Kumitat stabbilit skont l-UNSCR 1267 (1999).”.

(5)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u spare parts għal dawn imsemmija hawn fuq lill-individwi, lill-gruppi, lill-impriżi u lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(a) u (b) minn ċittadini ta' Stati Membri jew li ġejjin minn territorji ta' Stati Membri jew l-użu ta' bastimenti li jtajru l-bandiera jew l-ajruplani tagħhom għandhom ikunu pprojbiti kemm jekk joriġinaw kif ukoll jekk ma joriġinawx mit-territorji tagħhom.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

l-għoti ta' assistenza teknika, servizzi ta' senserija u servizzi oħra, relatati ma' attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armi u ta' materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u spare parts għal dawn imsemmija hawn fuq, direttament jew indirettament lill-individwi, lill-gruppi, lill-impriżi u lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(a) u (b);

(b)

l-għoti ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat, jew għall-forniment ta' assistenza teknika relatata, servizzi ta' senserija u servizzi oħrajn direttament jew indirettament lill-individwi, lill-gruppi, lill-impriżi u lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(a) u (b);

(c)

il-parteċipazzjoni, konsapevoli u intenzjonali, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jiġu evitati l-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) jew (b) ta' dan il-paragrafu.”.

(6)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta', miżmumin jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn persuna fiżika jew ġuridika, entità, korp jew grupp, kif imsemmi fl-Artikolu 1, inkluż minn parti terza li taġixxi f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, għandhom jiġu ffriżati;

2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika m'għandha tkun disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta' individwi, gruppi, impriżi u entitajiet imsemmija fil-lista mfassla f'konformità mal-UNSCR 1267 (1999), 1333 (2000) u 2253 (2015).”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Marzu 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/402/PESK tas-27 ta' Mejju 2002 dwar miżuri restrittivi kontra membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u individwi gruppi, impriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom (ĠU L 139, 29.5.2002, p. 4).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-network ta' Al-Qaida (ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9).