|
12.3.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 67/31 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/357
tal-15 ta' Jannar 2016
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-parteċipazzjoni tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja bħala osservatur fil-ħidma tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-modalitajiet rispettivi tagħha, fil-qafas stabbilit fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007, inklużi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni f'inizjattivi mwettqa mill-Aġenzija, il-kontribuzzjoni finanzjarja u l-persunal
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 352, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu ta' Diċembru 1997 indika l-parteċipazzjoni fl-aġenziji tal-Unjoni bħala mezz kif tittejjeb l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni. Il-konklużjonijiet ta' dak il-Kunsill Ewropew jiddikjaraw li l-'aġenziji tal-Unjoni li fihom ikunu jistgħu jipparteċipaw il-pajjiżi applikanti għandhom jiġu ddeterminati każ b'każ'. |
|
(2) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 (1) jipprevedi li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (l-“Aġenzija”) għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati fil-qafas stabbilit fl-Artikoli 4 u 5 tiegħu. |
|
(3) |
L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tikkondividi l-għanijiet u l-objettivi tal-Aġenzija u taċċetta l-ambitu u d-deskrizzjoni tal-kompiti tal-Aġenzija, kif previsti fir-Regolament (KE) Nru 168/2007. |
|
(4) |
L-objettiv aħħari tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huwa li ssir membru tal-Unjoni, u l-parteċipazzjoni tagħha fl-Aġenzija ser tgħinha biex tilħaq dan l-objettiv, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu Uniku
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar il-parteċipazzjoni tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja bħala osservatur fil-ħidma tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-modalitajiet rispettivi tagħha għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Jannar 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
J.R.V.A. DIJSSELBLOEM
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1).
ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru …/2016 TAL-KUNSILL TA' STABILIZZAZZJONI U TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-EX REPUBBLIKA JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA
ta' …
dwar il-parteċipazzjoni tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja bħala osservatur fil-ħidma tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-modalitajiet rispettivi tagħha, fil-qafas stabbilit fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007, inklużi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni f'inizjattivi mwettqa mill-Aġenzija, il-kontribuzzjoni finanzjarja u l-persunal
IL-KUNSILL TA' STABILIZZAZZJONI U TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U L-EX REPUBBLIKA JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra (1),
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 28(2) tiegħu,
Billi
|
(1) |
Il-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu ta' Diċembru 1997 indika l-parteċipazzjoni fl-aġenziji tal-Unjoni bħala mezz kif tittejjeb l-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni. Il-konklużjonijiet ta' dak il-Kunsill Ewropew jiddikjaraw li l-'aġenziji tal-Unjoni li fihom ikunu jistgħu jipparteċipaw il-pajjiżi applikanti għandhom jiġu ddeterminati każ b'każ'. |
|
(2) |
L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tikkondividi l-għanijiet u l-objettivi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (l-'Aġenzija') u taċċetta l-ambitu u d-deskrizzjoni tal-kompiti tal-Aġenzija, kif previsti fir-Regolament (KE) Nru 168/2007. |
|
(3) |
Huwa xieraq li tiġi permessa l-parteċipazzjoni tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja bħala osservatur fil-ħidma tal-Aġenzija u li jiġu stabbiliti l-modalitajiet ta' tali parteċipazzjoni inklużi dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni f'inizjattivi mwettqa mill-Aġenzija, il-kontribuzzjoni finanzjarja u l-persunal. |
|
(4) |
Huwa wkoll xieraq li l-Aġenzija tittratta kwistjonijiet tad-drittijiet fundamentali fl-ambitu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sa fejn ikun meħtieġ għall-allinjament gradwali tagħha mad-dritt tal-Unjoni. |
|
(5) |
F'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 12(2) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-Oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej previst fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, id-Direttur tal-Aġenzija jista' jawtorizza l-ingaġġar ta' ċittadini tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li jgawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom bħala ċittadini, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, bħala pajjiż kandidat, għandha tipparteċipa bħala osservatur fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 168/2007.
Artikolu 2
1. L-Aġenzija tista' tittratta kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali fl-ambitu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sa fejn ikun meħtieġ għall-allinjament gradwali tagħha mad-dritt tal-Unjoni.
2. Għal dak il-għan, l-Aġenzija ser tkun tista' twettaq, fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-kompiti stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007.
Artikolu 3
L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għall-attivitajiet tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 f'konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4
1. L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandha taħtar persuni li jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007 bħala osservatur u sostitut. Huma jistgħu jipparteċipaw fil-ħidma tal-Bord ta' Tmexxija fuq bażi ugwali mal-membri u s-sostituti maħtura mill-Istati Membri, iżda mingħajr id-dritt li jivvutaw.
2. L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandha tinnomina uffiċjal tal-gvern bħala Uffiċjal Nazzjonali ta' Kuntatt, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 168/2007.
3. Fi żmien erba' xhur mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandha tinforma lill-Kummissjoni Ewropea bl-ismijiet, il-kwalifiki u d-dettalji ta' kuntatt tal-persuni msemmija fil-paragrafi 1 u 2.
Artikolu 5
Id-dejta pprovduta lil jew li toħroġ mill-Aġenzija tista' tiġi ppubblikata u għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, sakemm l-informazzjoni kunfidenzjali tingħata l-istess grad ta' protezzjoni fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kif tingħata fl-Unjoni.
Artikolu 6
L-Aġenzija għandha tgawdi fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja l-istess kapaċità legali bħal dik mogħtija lill-entitajiet legali skont il-liġi tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.
Artikolu 7
Sabiex l-Aġenzija u l-persunal tagħha jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandha tagħti l-privileġġi u l-immunitajiet identiċi għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 1 sa 4, 5, 6, 10 sa 13, 15, 17 u 18 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 8
Il-Partijiet kollha għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt din id-Deċiżjoni u għandhom jinnotifikawhom lill-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.
Artikolu 9
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi …,
Għall-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni
Il-President
ANNESS
KONTRIBUZZJONI FINANZJARJA TAL-EX REPUBBLIKA JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA LILL-AĠENZIJA TAL-UNJONI EWROPEA GĦAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI
|
1. |
Il-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha titħallas mill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea biex tipparteċipa fl-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (l-“Aġenzija”), kif stipulat fil-punt 2, tirrappreżenta l-ispiża sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fl-Aġenzija. |
|
2. |
Il-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha titħallas mill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandha tkun kif ġej:
|
|
3. |
L-appoġġ finanzjarju possibbli mill-programmi ta' assistenza tal-Unjoni ser jiġi miftiehem separatament skont il-programm tal-Unjoni relevanti. |
|
4. |
Il-kontribuzzjoni tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ser tiġi ġestita f'konformità mar-Regolament Finanzjarju (1) applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. |
|
5. |
L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-għajxien li jintefqu mir-rappreżentanti u l-esperti tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sabiex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Aġenzija jew f'laqgħat relatati mal-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma tal-Aġenzija għandhom jiġu rimborsati mill-Aġenzija fuq l-istess bażi ta' u skont il-proċeduri attwalment fis-seħħ għall-Istati Membri tal-Unjoni. |
|
6. |
Wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni u fil-bidu ta' kull sena sussegwenti, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja talba għall-fondi li tikkorrispondi mal-kontribuzzjoni tagħha lill-Aġenzija skont din id-Deċiżjoni. Għall-ewwel sena kalendarja tal-parteċipazzjoni tagħha, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ser tħallas kontribuzzjoni kkalkulata mid-data tal-parteċipazzjoni sal-aħħar tas-sena fuq bażi prorata. Għas-snin ta' wara, il-kontribuzzjoni għandha tkun f'konformità ma' din id-Deċiżjoni. |
|
7. |
Din il-kontribuzzjoni għandha tkun espressa f'EUR u titħallas f'kont bankarju tal-EUR tal-Kummissjoni. |
|
8. |
L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ser tħallas il-kontribuzzjoni tagħha skont it-talba għall-fondi, għall-parti tagħha, sa mhux aktar tard minn perijodu ta' 30 jum wara li tintbagħat it-talba għall-fondi mill-Kummissjoni. |
|
9. |
Kull dewmien fil-ħlas tal-kontribuzzjoni għandu jġib miegħu ħlas ta' imgħax mill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fuq l-ammont mhux imħallas mid-data ta' skadenza. Ir-rata tal-imgħax tikkorrispondi mar-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew, fid-data ta' skadenza, għall-operazzjonijiet tiegħu f'EUR, biż-żieda ta' 1.5 punti perċentwali. |
(1) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal- Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).