3.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 57/8


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/299

tat-2 ta' Marzu 2016

li ttemm il-proċedimenti antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tas-siliko-manganiż li joriġina mill-Indja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu (9)2 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fl-20 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' siliko-manganiż li joriġina mill-Indja (“il-pajjiż konċernat”) fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika ta' Bidu”).

(2)

Il-Kummissjoni nediet l-investigazzjoni wara lment li tressaq fl-10 ta' Novembru 2014 mill-Comité de Liaison des Industries de Ferro-Alliages (“Euroalliages” jew “l-ilmentatur”) f'isem tliet produtturi tal-Unjoni. L-ilmentatur jirrappreżenta madwar 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tas-siliko-manganiż. L-ilment kien fih evidenza ta' dumping u ta' dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

1.2.   Il-partijiet interessati

(3)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Minbarra dan, il-Kummissjoni speċifikament informat lill-produtturi magħrufa l-oħra tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa, l-importaturi u l-utenti, lill-assoċċjazzjonijiet magħruf li huma kkonċernati u lill-awtoritajiet Indjani dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom jipparteċipaw.

(4)

Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkumentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u li jitolbu seduta ta' smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

1.3.   Kampjunar

(5)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista' tieħu kampjun ta' produtturi esportaturi fl-Indja u importaturi mhux relatati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(a)   Il-kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(6)

Minħabba l-għadd limitat ta' produtturi magħrufa tal-Unjoni, ma kienx meħtieġ li jittieħed kampjun. Il-produtturi magħrufa kollha tal-Unjoni ġew infurmati dwar il-bidu tal-investigazzjoni u ġew mistiedna jippreżentaw ruħhom u jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(b)   Teħid tal-kampjun tal-importaturi

(7)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk hux neċessarju li jittieħed kampjun u, jekk iva, tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha ntalbu jippreżentaw ruħhom mal-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.

(8)

Erba' importaturi mhux relatati wieġbu lill-Kummissjoni iżda tejn biss ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. Minħabba n-numru żgħir, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx meħtieġ.

(c)   Kampjunar ta' produtturi esportaturi fl-Indja

(9)

Biex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ u, jekk dan ikun il-każ, tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha fl-Indja ntalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.

(10)

Oriġinarjament, 21 produttur esportatur wieġbu għall-kwestjonarju tat-teħid tal-kampjuni sal-iskadenza mogħtija. Huma rrapportaw volum totali ta' bejgħ ta' esportazzjoni li skont id-dejta tal-Eurostat kien ikopri 48 % tal-importazzjonijiet totali mill-Indja matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(11)

Sussegwentement, 13-il kumpanija addizzjonali ppreżentaw il-formoli tat-teħid tal-kampjun u esprimew ir-rieda tagħhom li jikkooperaw. Il-Kummissjoni kkuntattjat lil dawn il-kumpaniji u talbithom jipprovdu aktar informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni. Madankollu, wieġbu u pprovdew l-informazzjoni mitluba 11-il kumpanija biss.

(12)

Wara rakkomandazzjoni mill-Uffiċjal tas-Seduta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkunsidra lil dawn il-kumpaniji bħala produtturi esportaturi li kkooperaw fl-investigazzjoni wkoll u l-kumpaniji kienu infurmati b'dan fil-21 ta' Mejju 2015. B'konsegwenza, il-volum totali ta' esportazzjonijiet mill-produtturi esportaturi kollha li kkooperaw kien jirrappreżenta 60 % tal-importazzjonijiet totali mill-Indja (dejta tal-Eurostat).

(13)

Għall-ewwel kien magħżul kampjun li jikkonsisti minn erba' gruppi ta' produtturi esportaturi, li jirrappreżentaw l-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet li seta' raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Dan il-kampjun kien jirrappreżenta 31 % tal-volum totali tal-esportazzjonijiet mill-Indja lejn l-Unjoni skont id-dejta tal-Eurostat u 51 % tal-volum totali tal-esportaturi li kkooperaw.

(14)

Sussegwentement, waħda mill-erba' kumpaniji fil-kampjun infurmat lill-Kummissjoni li ma kinitx f'pożizzjoni li tkompli bil-kooperazzjoni tagħha bħala kumpanija inkluża fil-kampjun. Għaldaqstant, din il-kumpanija tneħħiet mill-kampjun. Madankollu, it-tliet kumpaniji li fadal kienu għadhom jirrappreżentaw madwar 43 % tat-total tal-esportazzjonijiet mill-Indja lejn l-Unjoni mill-produtturi esportaturi Indjani li kkoperaw u madwar 26 % tal-importazzjonijiet totali skont id-dejta tal-Eurostat u għalhekk il-kampjun baqa' meqjus bħala rappreżentattiv.

(15)

L-ilmentatur iddikjara li l-kampjun ma kienx rappreżentattiv minħabba li t-tipi ta' esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ta' tnejn mit-tliet kumpaniji fil-kampjun ma kinux jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira tal-esportazzjonijiet Indjani. Barra minn hekk, l-ilmentatur argumenta li l-kampjun tat-tliet kumpaniji li fadal jirrappreżenta biss 13 % tat-total tal-esportazzjonijiet Indjani lejn l-Unjoni.

(16)

Għaldaqstant, l-ilmentatur talab reviżjoni tal-kampjun jew l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku f'każ li ma jkunx hemm ħin biżżejjed biex jintgħażel kampjun ġdid.

(17)

L-argumenti tal-ilmentatur ma jistgħux jiġu aċċettati. L-ewwel nett, il-kampjun jirrappreżenta fil-fatt 26 % tat-total tal-esportazzjonijiet Indjani lejn l-Unjoni u mhux 13 %, kif kien ikkomunikat b'mod żbaljat lill-partijiet interessati fid-dokument ta' informazzjoni msemmi fil-premessa 26 hawn taħt. It-tieni nett, il-kriterju użat għall-għażla tal-kampjun huwa l-akbar volum esportat lejn l-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Il-fatt li tnejn mill-kumpaniji fil-kampjun ma jipproduċux u ma jesportawx it-tipi kollha tal-prodott ma jagħmilx il-kampjun mhux rappreżentattiv billi kumplessivament il-kampjun ikopri t-tipi kollha ta' siliko-manganiż. It-tielet nett, l-ilmentatur stess argumenta li “il-kwalitajiet u d-daqsijiet kollha tas-siliko-manganiż għandhom jitqiesu bħala prodott wieħed minħabba li jaqsmu l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi ewlenin u l-istess użi ewlenin” (3). Ir-raba' nett, il-fatt li kumpanija waħda fil-kampjun b'volumi relattivament żgħar ta' esportazzjoni ma baqgħetx tikkoopera, x'aktarx li ma kienx se jaffettwa b'mod materjali r-riżultat tal-investigazzjoni jew jikkostitwixxi grad materjali ta' nuqqas ta' kooperazzjoni mill-kampjun.

(18)

Minn dan jirriżulta li t-talba tal-ilmentatur biex jew jintgħażel kampjun ġdid jew li jiġi applikat l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku għandha tiġi miċħuda.

(19)

Barra minn hekk, matul seduta li saret fit-18 ta' Novembru 2015, l-ilmentatur argumenta li l-esportazzjonijiet ta' siliko-manganiż ta' kwalità baxxa lejn l-Unjoni għandhom jiġu esklużi mill-volumi tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi fil-kampjun peress li dan it-tip ta' prodott ta' kwalità baxxa ma jistax jintuża bħala tali mill-funderiji tal-azzar Ewropej. Il-Kummissjoni tfakkar li s-siliko-manganiż ta' kwalità baxxa huwa parti mill-prodott ikkonċernat u li volum rilevanti ġie esportat lejn l-Unjoni. Għalhekk, it-talba għall-esklużjoni ma tistax tiġi aċċettata. Fi kwalunkwe każ, anki jekk tiġi aċċettata, l-impatt fuq ir-rappreżentattività tal-kampjun ikun żgħir ħafna peress li l-kampjun xorta jkun jirrappreżenta madwar kwart tat-total tal-esportazzjonijiet Indjani lejn l-Unjoni.

1.4.   Eżami individwali

(20)

Ħames produtturi esportaturi mill-Indja ppreżentaw tweġibiet għall-kwestjonarju u talbu li jiġi determinat il-marġini ta' dumping individwali tagħhom.

(21)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li kien imprattikabbli, fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-investigazzjoni, li tilqa' tali talbiet.

1.5.   Tweġibiet għall-kwestjonarju

(22)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lit-tliet produtturi esportaturi jew gruppi ta' produtturi kampjunati fl-Indja, lill-produtturi magħrufa kollha tal-Unjoni u lill-importaturi u l-utenti li talbu dan.

(23)

Waslu tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand it-tliet produtturi esportaturi jew il-gruppi ta' produtturi kampjunati fl-Indja, mingħand żewġ produtturi tal-Unjoni, żewġ importaturi mhux relatati fl-Unjoni u ħames utenti fl-Unjoni.

1.6.   Żjarat ta' verifika

(24)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li tqieset neċessarja għal determinazzjoni proviżorja ta' dumping, il-ħsara li tirriżulta u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Produtturi fl-Unjoni:

Comilog Dunkerque snc, Dunkerque, fi Franza;

OFZ sa, Istebné, fis-Slovakkja;

(b)

Produtturi esportaturi fl-Indja:

Modern India Con-Cast Limited, Ferro Alloys and Minerals Division, Kolkata, India and Gayson & Company Private Limited., Kolkata, l-Indja;

Tata Steel Limited, Kolkata, l-Indja u Tata Steel Asia Limited (Ħong Kong), Kowloon, Hong Kong;

Indsil Hydro Power and Manganese Ltd., Indsil Energy & Electrochemicals Ltd. and Sree Mahalakshmi Smelters (P) Ltd., Coimbatore, l-Indja;

(c)

Importaturi mhux relatati fl-Unjoni:

Sineco S.p.A, Follo, l-Italja;

Fesil Sales, Alzingen, il-Lussemburgu;

(d)

Utenti fl-Unjoni:

Aperam Sourcing SCA, il-Lussemburgu;

ArcelorMittal Sourcing Soc en cpa, il-Lussemburgu;

Salzgitter AG, Salzgitter, il-Ġermanja.

1.7.   Perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni

(25)

L-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2013 sat-30 ta' Settembru 2014 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti gћall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2011 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”).

2.   L-EBDA IMPOŻIZZJONI TA' MIŻURI PROVIŻORJI U PROĊEDURA SUSSEGWENTI

(26)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li ma timponix miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati kollha rċevew dokument ta' informazzjoni li jispjega r-raġunijiet għan-nuqqas ta' impożizzjoni ta' miżuri proviżorji. Diversi partijiet interessati ressqu kummenti bil-miktub dwar is-sejbiet spjegati fid-dokument informattiv. Il-partijiet li talbu dan, ingħataw l-opportunità li jinstemgħu. Fit-8 ta' Diċembru 2015 saret seduta ta' smigħ mal-ilmentatur fil-preżenza tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali.

(27)

Sussegwentement, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet kollha bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kellha l-ħsieb li ma timponix dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta' siliko manganiż li joriġina mill-Indja. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali. Fl-20 ta' Jannar 2016 saret seduta ta' smigħ oħra mal-ilmentatur fil-preżenza tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. F'din is-seduta, l-ilmentatur kien akkumpanjat mill-produttur tal-Unjoni Spanjol, il-FerroAtlantica, li ma kienx irrappreżentat mill-ilmentatur u li ma kienx ikkoopera matul il-proċediment, kif spjegat hawn taħt fit-Taqsima 5.

(28)

Il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu meta kien xieraq.

3.   PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

3.1.   Prodott ikkonċernat

(29)

Il-prodott ikkonċernat huwa s-siliko-manganiż (inkluż il-ferro-siliko-manganiż) li joriġina mill-Indja, li attwalment jaqa' taħt in-numri tal-kodiċijiet tan-NM ex 7202 30 00 u ex 8111 00 11 (“il-prodott ikkonċernat”).

(30)

Is-siliko-manganiż huwa ferroliga prinċipalment magħmul minn manganiż, silikon u ġeneralment ikun fih proporzjonijiet iżgħar ta' elementi oħra bħal kubrit, fosfru, karbonju u boron. Is-siliko-manganiż jiġi prodott bit-tidwib tal-manganiż mhux maħdum fi fran elettriċi u jintuża prinċipalment bħala sors ta' manganiż u silikon fil-produzzjoni tal-azzar.

(31)

Hemm diversi kwalitajiet differenti ta' siliko-manganiż skont il-kontenut tal-manganiż, is-silikon u l-karbonju u jinbiegħ f'ġebel ta' daqsijiet differenti skont il-ħtiġijiet tal-klijenti. Madankollu l-kwalitajiet u d-daqsijiet kollha jikkostitwixxu prodott wieħed, minkejja li jitħallas primjum għal kontenut ogħla ta' manganiż u silikon u għall-kontenut ta' karbonju ta' inqas minn 0,1 %, ħaġa li trendi s-siliko-manganiż adattat għall-produzzjoni ta' ċertu azzar inossidabbli speċjali.

(32)

Kontenut ogħla jew aktar baxx ta' elementi oħra bħalma huma l-fosfru u boron ma jaffettwax il-prezz, għalkemm il-kontenut ta' dawn l-elementi, ogħla minn ċertu limitu, irendu s-siliko-manganiż mhux adattat għal ċerti produzzjonijiet downstream.

3.2.   Prodott simili

(33)

L-investigazzjoni wriet li dawn il-prodotti għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

(1)

il-prodott ikkonċernat;

(2)

il-prodott li huwa mmanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-Indja;

(3)

il-prodott li huwa mmanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(34)

Għaldaqstant il-Kummissjoni kkonkludiet fid-dokument ta' informazzjoni tagħha li dawn il-prodotti huma prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.3.   Dikjarazzjonijiet rigward l-ambitu tal-prodott

(35)

Xi partijiet interessati sostnew li s-siliko-manganiż b'kontenut ta' karbonju baxx ħafna (l-aktar bejn 0,05 % u 0,1 %, massimu ta' 0,2 % — siliko-manganiż “b'livelli baxxi ta' karbonju”) kien prodott differenti mis-siliko-manganiż “standard” li fih għaxar darbiet aktar karbonju (massimu ta' 2 %). Huma spjegaw li minkejja li ż-żewġ prodotti għandhom elementi kimiċi jixxiebħu, il-karatteristiċi tekniċi huma differenti u dan għandu impatt fuq l-użu tagħhom: is-siliko-manganiż b'livell baxx ta' karbonju jintuża għall-azzar inossidabbli u speċjali filwaqt li s-siliko-manganiż standard jintuża għall-azzar bil-karbonju. Huma jgħidu wkoll li ż-żewġ tipi ta' siliko-manganiż mhumiex interkambjabbli. Filwaqt li siliko-manganiż b'livell baxx ta' karbonju jista' tintuża fil-produzzjoni tal-azzar standard, is-siliko-manganiż standard ma jistax jintuża fil-produzzjoni tal-azzar inossidabbli u speċjali. Barra minn hekk, l-użu tas-siliko-manganiż b'livell baxx ta' karbonju fil-manifattura tal-azzar standard ma jkunx raġjonevoli għax is-siliko-manganiż b'livell baxx ta' karbonju huwa agħla. B'hekk, dawk il-produtturi tal-azzar li jixtru ż-żewġ tipi ta' siliko-manganiż jużawhom għal produzzjonijiet differenti. Barra minn hekk, huma fakkru li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti eskludew is-siliko-manganiż b'livell baxx ta' karbonju mill-ambitu tal-investigazzjoni tagħhom u qiesu li l-fatt li l-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni bejn iż-żewġ tipi f'investigazzjoni preċedenti ma jfissirx li l-Kummissjoni għandha ssegwi l-istess raġunament f'dan il-każ. Fl-aħħar nett, huma jissuġġerixxu li f'każ ta' suspett ta' ċirkomvenzjoni tad-dazju (siliko-manganiż standard dikjarat bħala siliko-manganiż b'livell baxx ta' karbonju biex jiġu evitati xi dazji antidumping) faċilment ikunu jistgħu jitwettqu verifiki u testijiet doganali effettivi.

(36)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li s-siliko-manganiż għandu jitqies bħala prodott wieħed għall-iskop ta' din l-investigazzjoni. Is-siliko-manganiż huwa ferroliga użat prinċipalment fil-produzzjoni tal-azzar. Huwa dejjem magħmul mill-istess komponenti kimiċi, għalkemm kultant fi proporzjonijiet xi differenti. Għalhekk, anki jekk ċertu azzar jeħtieġ siliko-manganiż b'kontenut ta' karbonju limitat li ma jistax jiġi sostitwiti minn siliko-manganiż standard, dan ma jirrendix iż-żewġ tipi ta' siliko-manganiż prodotti differenti. Il-kontenut differenti ta' karbonju, kif ukoll il-kontenut differenti ta' manganiż — ta' tipi varji ta' siliko-manganiż huma riflessi sew fl-istruttura tal-“product-control-number” (PCN), li tippermetti paragun tal-varjetà rispettiva ta' tipi tal-prodott. L-awtoritajiet tal-Istati Uniti eskludew is-siliko-manganiż b'livell baxx ta' karbonju mill-ambitu tal-prodott fl-investigazzjonijiet tagħhom għaliex ma kienx hemm produtturi tas-siliko-manganiż b'livell baxx ta' karbonju fl-Istati Uniti tal-Amerika. Il-Kummissjoni diġà qieset f'investigazzjonijiet preċedenti li s-siliko-manganiż standard u dak b'livell baxx ta' karbonju huma bażikament l-istess prodott, anke biex tevita l-possibbiltà ta' ċirkumvenzjoni tad-dazji permezz ta' dikjarazzjoni ħażina (is-siliko-manganiż b'livell baxx ta' karbonju ma jistax jintgħaraf viżwalment mill-awtoritajiet doganali, ikun meħtieġ ittestjar). Il-fatt li s-siliko-manganiż b'livell baxx ta' karbonju huwa agħla ma jistax jiżgura li l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jidentifikaw ċirkomvenzjoni possibbli abbażi tal-prezz tal-fattura, speċjalment jekk iż-żewġ partijiet fit-tranżazzjoni jkunu relatati jew jiftiehmu dwar kontrokumpens. Bħala konsegwenza, din it-talba ġiet irrifjutata.

4.   DUMPING

4.1.   Valur normali

(37)

Il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali ta' bejgħ domestiku ta' kull produttur esportatur li kkoopera kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku jkun rappreżentattiv jekk it-total tal-volum tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lill-konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku għal kull produttur esportatur ikun jirrappreżenta mill-anqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ għall-esportazzjoni tiegħu tal-prodott ikkonċernat lejn Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(38)

Il-Kummissjoni mbagħad identifikat it-tipi ta' prodott mibjugħin fis-suq domestiku li kienu identiċi jew komparabbli mat-tipi ta' prodotti mibjugħin għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni u eżaminat jekk il-bejgħ domestiku minn kull produttur esportatur li kkoopera għal kull tip ta' prodott kienx rappreżentattiv, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Il-bejgħ domestiku ta' tip ta' prodott ikun rappreżentattiv jekk il-volum totali ta' bejgħ domestiku ta' dak it-tip ta' prodott lil konsumaturi indipendenti matul il-perjodu ta' investigazzjoni jkun jirrappreżenta mill-anqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni tat-tip ta' prodott identiku jew komparabbli.

(39)

Imbagħad il-Kummissjoni ddefiniet il-proporzjon tal-bejgħ profittabbli lill-konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku għal kull tip ta' prodott matul il-perjodu tal-investigazzjoni biex tiddeċiedi jekk tużax il-prezz tal-bejgħ domestiku reali għall-kalkolu tal-valur normali, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku.

(40)

Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku reali għal kull tip ta' prodott, irrispettivament minn jekk dan il-bejgħ huwiex profittabbli jew le, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ tat-tip ta' prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett li hu daqs jew ogħla mill-ispiża kkalkolata tal-produzzjoni, ikun jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum totali tal-bejgħ ta' dan it-tip ta' prodott; kif ukoll

(b)

il-prezz tal-bejgħ medju ponderat ta' dak it-tip ta' prodott ikun daqs jew ogħla mill-kost unitarju tal-produzzjoni.

(41)

F'dan il-każ, il-valur normali huwa l-medja ponderata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta' dak it-tip ta' prodott matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(42)

Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku reali għal kull tip ta' prodott, tal-bejgħ domestiku profittabbli biss, tat-tipi tal-prodott matul il-perjodu tal-investigazzjoni, jekk:

(a)

il-volum tal-bejgħ profittabbli tat-tip tal-prodott ikun jirrappreżenta 80 % jew inqas mill-volum totali tal-bejgħ ta' dan it-tip: jew

(b)

il-prezz medju ponderat ta' dan it-tip ta' prodott ikun inqas mill-kost tal-produzzjoni għal kull unità.

(43)

Fejn ma kien hemm l-ebda jew ma kienx hemm biżżejjed bejgħ ta' tip tal-prodott simili fil-perkors normali tal-kummerċ, jew fejn tip ta' prodott ma nbigħx fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali skont l-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku.

(44)

Il-valur normali nħadem billi żdied dan li ġej mal-ispiża medja tal-produzzjoni tal-prodott simili ta' kull produttur esportatur li kkoopera matul il-perjodu tal-investigazzjoni:

l-ispejjeż tal-bejgħ medji ponderati, ġenerali u amministrattivi (“SĠ&A”) imġarrbin mill-produtturi esportaturi li kkooperaw mill-bejgħ domestiku tal-prodott simili, matul il-perkors ordinarju tan-negozju, matul il-perjodu tal-investigazzjoni; kif ukoll

il-profitt medju ponderat magħmul mill-prodotturi esportaturi li kkooperaw mill-bejgħ domestiku tal-prodott simili, matul il-perkors ordinarju tan-negozju, matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(45)

Għal kumpanija waħda fil-kampjun, il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku reali għal kull tip ta' prodott skont il-metodoloġija deskritta fil-premessa (40) hawn fuq. Għaż-żewġ kumpaniji l-oħra fil-kampjun, il-valur normali ta' xi tipi ta' prodott inħadem skont il-metodoloġija deskritta fil-premessa (44) hawn fuq. Għat-tipi l-oħra tal-prodott li nbiegħu matul il-perkors normali tan-negozju, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku attwali għal kull tip ta' prodott skont il-metodoloġija deskritta fil-premessa (40) hawn fuq.

4.2.   Prezz tal-esportazzjoni

(46)

Il-produtturi esportaturi esportaw lejn l-Unjoni jew direttament lil klijenti indipendenti jew permezz ta' negozjanti relatati li mhumiex fl-Unjoni.

(47)

Għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni kien stabbilit abbażi tal-prezz reali mħallas jew pagabbli għall-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.

4.3.   Paragun

(48)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi fuq il-bażi tal-prezz mill-fabbrika.

(49)

Fejn kien iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat paragun ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għal differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(50)

F'dan ir-rigward, il-Gvern Indjan kellu fis-seħħ żewġ skemi biex jistimula l-esportazzjoni, jiġifieri r-Rifużjoni tad-Dazju (Duty Draw Back — DDB) u l-Iskema tal-Prodott Iffokat (Focus Product Scheme — FPS). L-iskema DDB ipprovdiet rifużjoni ta' 1,7 % fuq il-valur frank abbord (free on board — FOB) tal-esportazzjoni għad-dazji fuq l-importazzjoni u t-taxxi fuq il-materjali importati jekk tali importazzjonijiet intużaw għall-produzzjoni tal-prodotti finali għall-esportazzjoni. L-FPS huwa benefiċċju ta' 4 % fuq il-valur FOB mogħti lil ċerti prodotti li qed jiġu esportati, mingħajr l-ebda kondizzjoni ulterjuri li torbot l-oġġetti esportati ma' dawk importati.

(51)

Kumpanija waħda talbet aġġustament għad-DDB abbażi tal-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku. Madankollu, il-kumpanija ma setgħetx turi r-rabta bejn il-materja prima importata u l-oġġetti finali esportati, kif meħtieġ mill-Artikolu 2(10)(b). Għalhekk, il-Kummissjoni ma aċċettathiex din it-talba.

(52)

Kumpanija oħra talbet aġġustament għad-DDB kif ukoll għall-FPS abbażi tal-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku. Dwar id-DDB, it-talba ma tistax tintlaqa' skont l-Artikolu 2(10)(k) jekk ikun hemm bażi legali speċifika għaliha skont l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku u l-kundizzjonijiet tal-aħħar waħda ma jkunux issodisfati. Peress li l-kumpanija ma setgħetx turi rabta bejn l-oġġetti importati u l-oġġetti esportati, il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba.

(53)

Dwar l-FPS, l-evidenza ta' sostenn ipprovduta mill-kumpannija ma kinitx turi li l-klijenti fis-suq domestiku jħallsu b'mod konsistenti prezzijiet differenti minħabba l-iskema tal-FPS kif meħtieġ mill-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku. Għall-kuntrarju, l-evidenza wriet biss li l-ammonti rċevuti mingħand l-awtoritajiet Indjani taħt l-iskema tal-FPS sempliċiment joħlqu differenza konsistenti fl-introjtu mill-bejgħ bejn il-bejgħ domestiku u l-esportazzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni ikkonkludiet li din it-talba hija bla bażi.

4.4.   Marġini tad-dumping

(54)

Għall-produtturi esportaturi fil-kampjun, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta' kull tip ta' prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(55)

Il-marġni medju ponderat tad-dumping għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun kien ikkalkulat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Dan il-marġni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-marġini stabbiliti għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

(56)

Il-livell ta' kooperazzjoni tqies baxx minħabba li l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jikkostitwixxu biss 60 % tal-esportazzjonijiet totali mill-Indja lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(57)

Għalhekk il-Kummissjoni kkalkulat il-marġini uniku għall-pajjiż kollu fuq il-bażi tal-medja tal-ogħla tranżazzjonjiet li kienu soġġetti għal dumping ta' waħda mill-kumpaniji fil-kampjun.

(58)

Il-marġini tad-dumping, espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġini tad-dumping (%)

Tata Steel

3,4

Modern India

15,2

Indsil

3,4

Produtturi oħra li kkooperaw

(Medja ponderata tal-kampjun)

10,4

Dazju għall-pajjiż kollu (residwu)

25,1

5.   ĦSARA

5.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(59)

Il-prodott simili ġie mmanifatturat minn erba' produtturi fl-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli mill-ilment, ma hemm l-ebda produttur ieħor tal-prodott simili fl-Unjoni. Żewġ produtturi tal-Unjoni li huma wkoll l-ilmentaturi, l-Comilog Dunkerque u l-OFZ, ikkooperaw. Produttur ieħor tal-Unjoni (Italghisa, l-Italja) li appoġġja l-ilment waqaf jikkoopera ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni. Madankollu, il-volum tal-produzzjoni tiegħu kien marġinali. Ir-raba' produttur tal-Unjoni, FerroAtlantica ma kkooperax iżda li ma opponiex li ssir l-investigazzjoni.

(60)

Biex jipproteġi l-kunfidenzjalità tad-dejta minn żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw, il-valuri kollha huma espressi bħala firxiet. Matul l-PI il-produzzjoni totali tal-Unjoni kienet tammonta għal [213 000/282 000] tunnellata. Iż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw ipproduċew [85 000/113 000] tunnellata, li jirrappreżentaw madwar [35 %/47 %] tal-produzzjoni totali tal-Unjoni.

(61)

Bosta partijiet interessati kkummentaw dwar id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni. L-ewwel nett, huma qiesu li n-nuqqas ta' inklużjoni ta' FerroAtlantica fost l-ilmentaturi jpoġġi fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-produtturi li fadal jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-industrija tal-Unjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 4.1 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-antidumping u mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku. It-tieni nett, huma jemmnu illi kieku l-analiżi tal-fatturi u tal-indiċijiet ekonomiċi li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni qieset lill-FerroAtlantica wkoll u partikolarment il-profittabbiltà tagħha matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-istampa tal-ħsara li kienet tirriżulta kienet tkun differenti ħafna. It-tielet nett, huma sostnew li n-nuqqas ta' inklużjoni ta' FerroAtlantica fost l-ilmentaturi kienet għażla tattika, ġustifikata mis-sempliċi intenzjoni li l-istampa tal-ħsara tiġi distorta, peress li FerroAtlantica kienet ilmentatur attiv fl-investigazzjonijiet tal-antidumping preċedenti mibdija mill-Kummissjoni.

(62)

Il-Kummissjoni ċaħdet dawn it-talbiet kif ġej: (i) FerroAtlantica kienet ikkuntattjata kif dovut mill-Kummissjoni u ntbagħtilha kwestjonarju. Dan ifisser li anke jekk il-kumpanija mhijiex ilmentatur, hi kellha opportunità ugwali li tipparteċipa, tesprimi l-opinjonijiet tagħha u tikkoopera billi tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni mitluba. Madankollu, il-kumpanija ma kkooperatx u baqgħet siekta. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda mezz biex iġġiegħel lill-kumpanija tikkoopera u lanqas li timpediha milli tikkoopera. Għalhekk, ma jistax ikun li l-Kummissjoni eskludiet lil dik il-kumpanija. Għall-kuntrarju, id-dejta disponibbli dwar din il-kumpanija ġiet ipprovduta fl-ilment u ntużat fl-eżami tal-ħsara kif spjegat hawn taħt fil-premessa (88); (ii) iż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw u li pprovdew l-informazzjoni meħtieġa. Huma jirrappreżentaw madwar [35 %/47 %] tat-total tal-produzzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni qieset li dan il-perċentwali kien kbir biżżejjed biex tikkonkludi li ż-żewġ produtturi huma proporzjon kbir tal-produzzjoni domestika. Proporzjon kbir ma jfissirx neċessarjament maġġoranza skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku (4), li huwa konformi mal-interpretazzjoni mogħtija għall-kunċett simili fl-Artikolu 4.1 tal-ftehim tad-WTO dwar l-antidumping (5), (iii) l-analiżi tal-indikaturi mikroekonomiċi kienet ibbażata fuq id-dejta taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw. Li kieku tqieset id-dejta mikroekonomika ta' FerroAlantica, l-indikaturi ekonomiċi varji setgħu jew ma setgħux urew xejriet differenti, iżda peress li ż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw jirrappreżentaw proporzjon kbir tal-industrija tal-Unjoni, analiżi bbażata fuq id-dejta tagħhom hija leġittima.

5.2.   Konsum tal-Unjoni

(63)

Il-konsum totali tal-Unjoni ġie stabbilit billi ġew miżjuda mal-bejgħ domestiku tal-produtturi kollha tal-Unjoni, l-importazzjonijiet totali fl-Unjoni. Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Il-konsum tal-Unjoni (tunnellati metriċi)

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Konsum totali tal-Unjoni

954 347

896 247

882 969

853 732

Indiċi

100

94

93

89

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju, l-istima li saret mill-ilmentaturi għall-volum tal-bejgħ ta' produtturi tal-Unjoni li ma jikkooperawx u d-dejta tal-Eurostat għall-importazzjonijiet (Fid-dokument ta' informazzjoni lkien hemm żball klerikali fil-volum tal-importazzjonijiet).

(64)

Il-konsum tal-Unjoni naqas matul is-snin, f'konformità mat-tnaqqis fil-produzzjoni u l-konsum tal-azzar fl-Unjoni.

5.3.   Importazzjonijiet mill-Indja

(65)

Il-volum tal-importazzjonijiet ġie stabbilit bl-użu tad-dejta tal-Eurostat u b'kunsiderazzjoni tar-reġimi kollha ta' importazzjoni, inkluż l-ipproċessar attiv. L-oriġini ta' volum sinifikanti mill-importazzjoni “mhijiex speċifikata għal raġunijiet kummerċjali jew militari fil-qafas tal-kummerċ ma' pajjiżi terzi”. Bl-għajnuna tal-awtoritajiet doganali ta' Stat Membru wieħed, il-Kummissjoni kienet kapaċi tanalizza parti minn dan il-volum skont il-pajjiż tal-oriġini. Bl-allokazzjoni ta' dawn “l-importazzjonijiet mhux speċifikati” lill-pajjiżi tal-oriġini rispettivi tagħhom, ix-xejra kumplessiva tal-importazzjonijiet ma tinbidilx b'mod sinifikanti. Madankollu, biex tinżamm il-kunfidenzjalità ta' dawk l-importazzjonijiet, iċ-ċifri tal-importazzjonijiet ġew ippreżentati f'firxiet.

(66)

L-importazzjonijiet mill-Indja żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Volum ta' importazzjoni (f'tunnellati metriċi) u s-sehem mis-suq

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Il-volum tal-importazzjonijiet mill-Indja

174 000 —231 000

237 000 —314 000

226 000 —299 000

195 000 —259 000

Indiċi

100

136

130

112

Sehem mis-suq

18 % — 24 %

26 % — 35 %

26 % — 34 %

23 % — 30 %

Indiċi

100

145

140

126

Sors:

Id-dejta tal-Eurostat, flimkien mal-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet “mhux speċifikati”

(67)

L-importazzjonijiet mill-Indja jirrappreżentaw madwar kwart tal-importazzjonijiet totali fl-Unjoni u għandhom l-akbar sehem mis-suq tal-importazzjonijiet totali fl-Unjoni.

(68)

L-importazzjonijiet mill-Indja żdiedu b'mod konsiderevoli fl-2012 meta mqabbel mal-2011, iżda fis-snin ta' wara reġgħu naqsu biex il-livell fil-PI kien kemmxejn ogħla minn dak tal-2011. Ix-xejra tal-importazzjonijiet mill-Indja kienet simili għax-xejra tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-Industrija tal-Unjoni u kienet opposta għax-xejriet tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra (l-importazzjonijiet mill-Indja żdiedu fl-2012 filwaqt li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn naqsu, u viċi versa) fl-2013 u matul il-PI.

(69)

L-ilmentatur stqarr li kien hemm żieda kbira fis-sehem tas-suq mill-Indja mill-2008 sal-2013.

(70)

Madankollu, kif imsemmi fil-premessa 25, l-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2011 sal-aħħar tal-PI. Għalhekk, ma ġiet eżaminata u kkunsidrata l-ebda data qabel l-2011.

(71)

Il-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mill-Indja żviluppa kif ġej:

Tabella 3

Prezzijiet tal-Importazzjoni (EUR/tunellata mettrika)

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

L-Indja

808 —1 072

790 —1 048

687 —911

631 —837

Indiċi

100

98

85

78

Sors:

Id-dejta tal-Eurostat, flimkien mal-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet “mhux speċifikati”

(72)

Il-prezz tal-importazzjonijiet mill-Indja naqsu f'konformità mal-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Id-dejta tal-Eurostat turi wkoll li l-importazzjonijiet Indjani huma l-irħas fost il-pajjiżi esportaturi ewlenin tas-siliko-manganiż.

5.4.   Twaqqigħ tal-prezz

(73)

Il-Kummissjoni vvalutat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu tal-investigazzjoni billi qabblet:

(a)

il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta' prodott tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw debitati lill-konsumaturi mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, u aġġustati għal-livell tal-prezz mill-fabbrika; kif ukoll

(b)

il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta' prodott tal-importazzjoni mill-prodotturi esportaturi kampjunati Indjani lill-ewwel konsumatur indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbilit fuq il-bażi ta' kost, assigurazzjoni, ġarr (CIF), b'aġġustamenti xierqa għall-kostijiet ta' wara l-importazzjoni.

(74)

It-tqabbil tal-prezzijiet sar fuq bażi ta' tip tip għal tranżazzjonijiet fl-istess livell ta' kummerċ, aġġustati kif dovut meta meħtieġ, u wara t-tnaqqis tar-rifużjonijiet u l-iskontijiet. Ir-riżultat tat-tqabbil ingħata bħala perċentwal tal-fatturat matul il-perjodu tal-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw.

(75)

Sabiex jitqies il-livell aktar baxx ta' manganiż fis-siliko-manganiż mibjugħ mill-produtturi esportaturi Indjani fil-kampjun (jekk u meta ġustifikat) sar aġġustament fil-kwalità. L-aġġustament sar bl-użu tal-hekk imsejjaħ “skalar pro-rata”, formula użata ħafna fl-industrija biex ikun jista' jsir tqabbil referenzjarju tal-prezz tal-prodott ikkonċernat mas-siliko-manganiż bi grad standard (65 % manganiż u 16 % silikon).

(76)

Wieħed mill-produtturi esportaturi Indjani fil-kampjuni biegħ siliko-manganiż b'livell baxx ta' karbonju lill-Unjoni. L-industrija tal-Unjoni tipproduċi siliko-manganiż b'livell baxx ta' karbonju iżda mhux iż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw. Sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn is-siliko-manganiż b'livell baxx ta' karbonju Indjan u s-siliko-manganiż standard tal-Unjoni, il-Kummissjoni aġġustat 'il fuq il-medja tal-prezz tal-bejgħ tal-Unjoni billi użat il-primjum medju tas-suq għas-siliko-manganiż b'livell baxx ta' karbonju. B'hekk il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li jitħallas prezz ogħla għas-siliko-manganiż b'livell baxx ta' karbonju meta mqabbel mas-siliko-manganiż bi grad standard.

(77)

Fuq din il-bażi, ġie konkluż li produttur esportatur Indjan fil-kampjun kien qed iwaqqa' l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b'6,5 % u li ż-żewġ produtturi Indjani l-oħra fil-kampjun ma kinux qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni.

(78)

Għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx, ġie stabbilit it-twaqqigħ tal-prezz minimu fuq il-bażi tal-prezzijiet medji tal-importazzjoni skont id-dejta tal-Eurostat, mingħajr aġġustament għal differenzi fil-kwalità jew livelli differenti ta' kummerċ.

(79)

Bosta partijiet interessati qalu li t-tqabbil bejn il-prezzijiet tal-Unjoni u l-prezzijiet Indjani bbażat fuq il-medja tal-prezzijiet mill-Eurostat huwa qarrieq. Żewġ partijiet interessati pproponew li l-Kummissjoni għandha taġġusta l-prezz medju Indjan jekk wieħed jassumi li l-medja ta' kontenut ta' manganiż fis-siliko-manganiż Indjan hija ta' 58 %. Parti minnhom issuġġerixxiet ukoll li l-prezz medju tal-Ukrajna bbażat fuq id-dejta tal-Eurostat għandu jiġi aġġustat jekk wieħed jassumi li l-medja ta' kontenut ta' manganiż fis-siliko-manganiż tal-Ukrajna hija ta' 68 %. Dawn il-partijiet qalu li wara dawn l-aġġustamenti, il-prezz medju Indjan tas-siloko-manganiż ma jkunux inqas mill-prezzijiet debitati mill-produtturi tal-Unjoni jew minn produtturi f'pajjiżi terzi oħra.

(80)

Il-Kummissjoni hija konxja tal-fatt li d-dejta tal-Eurostat tinkludi l-gradi/il-kwalitajiet kollha tal-prodott konċernat u li għalhekk ma tippermettix tqabbil xieraq bejn it-tipi ta' prodotti. Fin-nuqqas ta' informazzjoni iktar preċiża għal kull tip ta' prodott, b'mod partikolari fir-rigward tal-produtturi Indjani li ma kkoperawx, ma jistax ma jintużawx il-prezzijiet medji fl-analiżi tal-ħsara u l-valutazzjoni ssir bl-attenzjoni dovuta f'kull każ flimkien mal-bqija tal-indikaturi tal-ħsara.

(81)

Parti waħda interessata spjegat li l-aġġustament pro-rata bbażat fuq il-kontenut tal-manganiż ma tirriflettix id-differenza sħiħa fil-prezz għax ix-xerrej ta' prodott ta' kwalità iżjed baxxa jkollu jġarrab l-ispejjeż biex jitneħħew l-impuritajiet addizzjonali. Parti interessata minnhom argumentat li l-istruttura tal-product-control-number (PCN) użata mill-Kummissjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn it-tipi differenti ta' siliko-manganiż b'kontenut ta' manganiż inqas minn 60 %, u għalhekk it-tqabbil għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz mhux tajjeb. Parti interessata oħra nnottat li minħabba li nħolqu firxiet ta' kontenut ta' manganiż ir-riżultati ma humiex preċiżi.

(82)

Il-Kummissjoni ċaħdet dawn id-dikjarazzjonijiet minħabba li l-aġġustament pro-rata huwa bbażat fuq l-prattika tas-suq aċċettata b'mod ġenerali, u għalhekk xierqa. Barra minn hekk, din il-parti interessata ma pprovdietx metodoloġija alternattiva. L-aġġustament li sar fuq il-kontenut ta' manganiż tal-produtturi esportaturi Indjani fil-kampjun kien ibbażat fuq il-kontenut preċiż kif verifikat matul l-investigazzjoni. Għaldaqstant, huwa jiddistingwi bejn diversi tipi ta' siliko-manganiż b'kontenut ta' manganiż ta' inqas minn 60 %.

(83)

Parti interessata waħda ddikjarat li siliko-manganiż manifatturat mill-industrija tal-Unjoni huwa aktar għali għax dan fih inqas impuritajiet bħall-fosforu u l-boron mis-siliko-manganiż prodott fl-Indja. Din il-parti pprovdiet informazzjoni dwar it-talbiet magħmula minn konsumaturi biex jiġu fornuti b'siliko-manganiż li jkun fih inqas minn ċertu perċentwal ta' fosforu u boron, bl-implikazzjoni li għalhekk il-konsumaturi kienu lesti jħallsu primjum għal dan.

(84)

Madankollu, l-informazzjoni mressqa ma pprovatx li l-kontenut tal-fosforu jew tal-boron għandu effett fuq il-prezz. Hija wriet biss li ċerti utenti jistgħu jitolbu — sabiex jipproduċu ċerti prodotti speċjali tal-azzar — li s-siliko-manganiż li jixtru għandu jkollu kontenut ta' fosforu jew boron inqas minn ċertu livell limitu. Fin-nuqqas ta' evidenza ċara dwar primjum imħallas, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(85)

Wara divulgazzjoni finali, l-ilmentatur argumenta li huwa pjuttost normali li jkun hemm xi ftit tat-twaqqigħ tal-prezz fis-suq tal-kommoditajiet u li l-eżistenza ta' twaqqigħ tal-prezz mhijiex rekwiżit fiha nfisha biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' ħsara. Fil-fatt, kif stabbilit fit-Taqsima 5.5 hawn taħt, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjonijiet tagħha dwar il-ħsara fuq għadd ta' indikaturi, u l-livell ta' twaqqigħ f'dan il-każ ma kienx determinanti għall-istabbiliment tal-ħsara.

(86)

L-ilmentatur iddikjara li l-Kummissjoni applikat metodu differenti fil-kalkoli tal-marġni tad-dumping u biex tistabbilixxi t-twaqqigħ fil-prezz, inkwantu użat l-aktar tranżazzjonijiet li kienu l-oġġett ta' dumping biex jiġi stabbilit il-marġni tad-dumping iżda mhux għat-twaqqigħ tal-prezz.

(87)

Il-Kummissjoni ma tarax għaliex għandha tapplika l-istess metodoloġija fil-kalkoli għat-twaqqigħ tal-prezz u l-kalkoli tad-dumping. Il-fini tal-kalkoli hija kompletament differenti; il-kalkolu tal-aktar tranżazzjonijiet li kienu oġġett ta' dumping serva biex jiġi kkalkulat il-marġni tad-dumping għall-produtturi esportaturi Indjani li ma kkoperawx, filwaqt li l-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz ma sarux biex jiġi kkalkolat xi marġini preċiż, iżda biex jiġi eżaminat l-effett fuq prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping, kif meħtieġ skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku. B'hekk din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

5.5.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(88)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżaminar tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien jinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li influwenzaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. L-indikaturi tal-ħsara huma bbażati fuq dejta speċifika pprovduta miż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw, l-ilmentaturi, f'dan il-każ, li jirrappreżentaw proporzjon kbir tal-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Fejn disponibbli mill-ilmentatur, id-dejta relatata mal-produtturi kollha tal-Unjoni ġiet eżaminata wkoll għall-indikaturi li ġejjin: il-konsum tal-Unjoni, is-sehem mis-suq, il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, l-impjiegi u l-produttività. Kif spejgat fil-premessa (60) hawn fuq, biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-dejta miż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw, il-valuri kollha huma espressi bħala firxiet.

(89)

L-indikaturi tal-ħsara huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, il-kobor tal-marġni ta' dumping, l-irkupru minn dumping tal-passat, il-prezzijiet medji ta' unità, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-abbiltà li jiġi ġġenerat il-kapital.

(90)

Parti interessata minnhom ilmentat li xi ftit mid-dejta ta' FerroAtlantica tqieset għall-indikaturi makroekonomiċi (il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq, il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, l-impjiegi u l-produttività) iżda mhux għall-bqija tal-indikaturi mikroekonomiċi. Din id-dikjarazzjoni ġiet irrifjutata għax FerroAtlantica ma kkooperatx u għalhekk il-Kummissjoni ma kellha ebda dejta mikroekonomika mingħand dik il-kumpanija għad-dispożizzjoni tagħha.

5.5.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(91)

Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kif ġej:

Tabella 4

Il-produzzjoni, il-kapaċità produttiva u l-użu tal-kapaċità (tunnellati metriċi)

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Volum ta' produzzjoni

231 000 —307 000

280 000 —372 000

227 000 —301 000

213 000 —282 000

Indiċi

100

121

98

92

Kapaċità ta' produzzjoni

326 000 —432 000

404 000 —536 000

403 000 —535 000

403 000 —534 000

Indiċi

100

124

124

124

Użu tal-kapaċità

70 % — 90 %

60 % — 80 %

50 % — 70 %

50 % — 60 %

Indiċi

100

98

79

74

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju u l-istima li saret mill-ilmentaturi għad-dejta tal-kumpaniji li ma kkooperawx

(92)

Il-volum tal-produzzjoni fl-2013 u matul il-PI kien aktar baxx milli fil-bidu tal-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Is-sena 2012 tirrappreżenta l-ogħla punt tal-produzzjoni. Minħabba d-deċiżjoni ta' parti waħda fl-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni kumplessivament żdiedet fl-2012 meta mqabbla mal-2011 u baqgħet relattivament l-istess wara. Bħala konsegwenza, l-użu tal-kapaċità naqas b'mod sinifikanti.

5.5.2.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(93)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kif ġej:

Tabella 5

Volum ta' bejgħ (f'tunnellati metriċi) u s-sehem mis-suq

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni

198 000 —263 000

218 000 —289 000

212 000 —281 000

189 000 —251 000

Indiċi

100

110

107

96

Sehem mis-suq

21 % — 28 %

24 % — 32 %

24 % — 32 %

22 % — 29 %

Indiċi

100

117

116

107

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju u l-istima li saret mill-ilmentaturi għad-dejta tal-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx

(94)

Il-volum tal-bejgħ żdied fl-2012 meta mqabbel mal-2011, u naqas fl-2013. Il-volum tal-bejgħ matul il-PI kien aktar baxx mill-2011. Is-sena 2012 tirrappreżenta l-ogħla punt tal-bejgħ. Madankollu, peress li t-tnaqqis fil-bejgħ kien proporzjonalment inqas mit-tnaqqis fil-konsum, is-sehem mis-suq żdied u kien ogħla matul il-PI meta mqabbel mas-sena 2011.

5.5.3.   It-tkabbir

(95)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-industrija tal-Unjoni ma rreġistrat l-ebda tkabbir iżda f'kuntest diffiċli ta' tnaqqis fil-konsum, irnexxielha żżomm s-sehem mis-suq.

5.5.4.   L-impjiegi u l-produttività

(96)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej tul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 6

Impjiegi u produttività

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Għadd ta' impjegati

339 —449

403 —535

342 —453

295 —392

Indiċi

100

119

101

87

Produttività (tunnellati metriċi kull impjegat)

629 —834

640 —848

612 —811

663 —879

Indiċi

100

102

97

105

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju u l-istima li saret mill-ilmentaturi għad-dejta tal-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx

(97)

L-għadd ta' impjegati żdied fl-2012 u naqas matul il-perjodu ta' wara. Il-produttività, imkejla bħala unità ta' produzzjoni għal kull impjegat, varjat u matul il-PI kienet ogħla milli kienet fl-2011.

5.5.5.   Id-daqs tal-marġini tad-dumping u l-irkupru mid-dumping tal-imgħoddi

(98)

Il-marġinijiet tad-dumping kollha huma ogħla mil-livell de minimis, u għal produttur esportatur minnhom huma b'mod sinifikanti ogħla minn dak il-livell. L-impatt tad-daqs tal-marġnijiet reali tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni ma kienx negliġibbli, meta wieħed iqis il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indja.

(99)

Il-miżuri antidumping kontra l-importazzjonijiet tas-siliko-manganiż li joriġinaw miċ-Ċina u l-Każakistan skadew fl-2012. Ma kien hemm l-ebda talba biex jinbeda rieżami tal-iskadenza. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-industrija tal-Unjoni ma rkupratx mill-effetti tad-dumping tal-imgħoddi qabel beda d-dumping mill-Indja.

5.5.6.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(100)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta' unità taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw lill-klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 7

Prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Il-prezz medju tal-bejgħ ta' unità fl-Unjoni (EUR/tunnellata metrika)

800 —1 100

800 —1 000

700 —900

600 —900

Indiċi

100

96

86

80

Kost tal-produzzjoni ta' unità

900 —1 300

800 —1 100

800 —1 000

800 —1 100

Indiċi

100

87

83

85

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

(101)

Il-prezz medju tal-bejgħ ta' unità taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw naqas sena wara l-oħra.

(102)

L-ispejjeż tal-produzzjoni naqsu, l-aktar minħabba tnaqqis fil-prezz taż-żewġ fatturi ewlenin tal-ispiża tal-produzzjoni: il-manganiż mhux maħdum u l-enerġija.

5.5.7.   Il-kostijiet lavorattivi

(103)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni il-kostijiet lavorattivi medji taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw żviluppaw hekk:

Tabella 8

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegatat

24 800 — 32 900

24 400 — 32 300

26 600 — 35 200

30 700 — 40 700

Indiċi

100

98

107

124

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

(104)

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat huma kkalkulati billi l-kostijiet lavorattivi totali f'perjodu partikolari taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw jiġu diviżi bl-għadd totali ta' ħaddiema impjegati fl-istess perjodu. Il-kostijiet lavorattivi totali żdiedu fl-2012 u fl-2013, iżda kważi naqsu għal-livell tal-2011 matul il-PI. L-għadd ta' impjegati naqas ukoll matul is-snin, b'mod aktar sinifikanti (f'termini relattivi) mit-tnaqqis fil-kostijiet lavorattivi. B'konsegwenza, il-kost lavorattiv medju għal kull impjegat żdied.

5.5.8.   Inventarji

(105)

Il-livelli tal-ħażna taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 9

Inventarji

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Il-ħażna tal-għeluq (tunnellati metriċi)

8 000 — 10 700

13 300 — 17 600

15 900 — 21 100

10 900 — 14 500

Indiċi

100

165

198

136

Il-ħażniet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni

10 %

12 %

19 %

13 %

Indiċi

100

124

189

130

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

(106)

Il-livell tal-inventarji żdied fl-2012 u l-2013 u naqas matul il-PI iżda xorta għadu aktar mil-livell tal-2011. L-istess japplika għall-proporzjon bejn l-inventarju u l-produzzjoni.

5.5.9.   Il-profittabbiltà, il-fluss ta' flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat kapital

(107)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 10

Profittabbiltà, fluss tal-flus, investimenti u redittu fuq l-investimenti

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil konsumaturi mhux relatati (% tal-fatturat tal-bejgħ)

– 10 % — – 8 %

– 3 % — – 1 %

– 6 % — – 4 %

– 8 % — – 6 %

Indiċi

100

843

194

124

Fluss tal-flus (f'eluf ta' EUR)

– 2 000 — – 2 700

– 4 300 — – 5 800

– 1 700 — – 2 300

– 4 300 — – 5 800

Indiċi

100

46

115

45

Investimenti (f'eluf ta' EUR)

27 000 — 36 000

24 000 — 32 000

23 000 — 30 000

24 000 — 32 000

Indiċi

100

89

82

89

Redditu fuq l-investimenti

– 33 % — – 45 %

– 5 % — – 7 %

– 17 % — – 23 %

– 21 % — – 29 %

Indiċi

100

664

198

157

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

(108)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-profittabbiltà taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw billi l-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tas-siliko-manganiż lil konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni ngħata bħala perċentwal tal-fatturat ta' dak il-bejgħ. Il-profittabbiltà kienet negattiva matul il-perjodu eżaminat kollu. L-agħar sena kienet l-2011. Is-sitwazzjoni bdiet titjieb fl-2012 iżda reġgħet iddeterjorat matul is-sena ta' wara u matul il-PI. Matul l-PI, is-sitwazzjoni tjiebet xi ftit meta mqabbla mal-2011.

(109)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-ħila tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom huma stess. Ix-xejra tal-fluss tal-flus nett hija ċiklika, naqset fl-2012, żdiedet fl-2013 u reġgħet naqset matul il-PI.

(110)

Il-livell tal-investiment naqas matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(111)

Ir-redditu fuq l-investiment huwa l-profitt f'perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Billi l-livell ta' investiment naqas, ir-redditu fuq l-investiment (dejjem negattiv peress li ż-żewġ kumpaniji li kkooperaw kienu qed jagħmlu telf) tjieb matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

5.6.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(112)

Fatturi bħalma huma l-evoluzzjoni tal-volum tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità kif ukoll il-volum tal-bejgħ u l-prezz juru xejra negattiva ċara għall-industrija kollha tal-Unjoni.

(113)

Fir-rigward taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw, l-indikaturi juru li kienu qed jagħmlu telf matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kollu. Il-prezz u l-volum tal-bejgħ tagħhom tas-siliko-manganiż naqas b'mod kostanti u dan ma kienx suffiċjentement ikkumpensat bi tnaqqis relatat fl-ispejjeż tal-produzzjoni. Indikaturi oħra bħalma huma l-fluss tal-flus u r-redditu fuq l-investiment kienu negattivi wkoll matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kollu u kellhom xejra 'l isfel.

(114)

Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet ta' hawn fuq rigward iż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw, il-Kummissjoni kkonkludiet li proporzjon kbir tal-industrija tal-Unjoni ġarrab ħsara materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) wara evalwazzjoni tal-fatturi u l-indiċi ekonomiċi relevanti kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija, kif stipulat fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

(115)

Xi partijiet interessati sostnew li anke jekk wieħed iqis biss l-indikaturi ekonomiċi taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw, l-indikaturi ekonomiċi tagħhom ma jurux dannu materjali. Huma ssottolinjaw pereżempju li anke jekk il-volum tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw naqas f'termini assoluti, dan żdied f'termini ta' sehem mis-suq. Huma qiesu li dan huwa żvilupp pożittiv f'kuntest ta' domanda dejjem tiċkien għas-siliko-manganiż. Huma saħqu, b'mod partikolari, li anke jekk il-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw kienu qed jagħmlu telf matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, is-sitwazzjoni tagħhom kienet qed titjieb mill-2012 sa tmiem il-PI. Huma qiesu dan bħala żvilupp pożittiv ieħor.

(116)

Il-Kummissjoni taqbel li mhux il-fatturi u l-indiċijiet ekonomiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija juru xejriet negattivi. Madankollu, jibqa' l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-indikaturi ekonomiċi u finanzjarji juru sitwazzjoni negattiva għaż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw. Għalhekk il-Kummissjoni tirrifjuta din l-affermazzjoni.

(117)

L-ilmentatur allega li meta rreferiet għall-Artikolu 3(5) il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping kienu fil-fatt ikkawżaw dannu materjali.

(118)

Madankollu, dan ma kienx dak li kkonkludiet il-Kummissjoni. L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkonkludiet li proporzjon kbir tal-industrija tal-Unjoni ġarrab ħsara materjali, mingħajr referenza għal kawżi possibbli ta' din il-ħsara. Sussegwentament, kif meħtieġ mill-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-Indja kkawżawx dannu materjali.

(119)

Ir-raġunament tal-ilmentatur li f'każ li evalwazzjoni tal-fatturi u l-indiċi ekonomiċi relevanti kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija, kif stipulat fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, iwassal sabiex jiġi konkluż li ġġarrab dannu mill-industrija tal-Unjoni ifisser ukoll li d-dannu huwa kkawżat minn importazzjonijiet oġġett ta' dumping, huwa raġunament li jinterpreta ħażin ir-Regolament bażiku. Kif stipulat fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, waħda mill-kundizzjonijiet li għandha tiġi ssodisfata sabiex jiġi impost dazju antidumping, hija li jrid jintwera li l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping qegħdin jikkawżaw ħsara. Dan jirrikjedi analiżi sħiħa tal-kawżalità u mhijiex sempliċi suppożizzjoni kif qed jissuġġerixxi l-ilmentatur. Din l-analiżi tinsab fit-taqsima 6 aktar 'l isfel.

6.   KAWŻALITÀ

(120)

Skont l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-Indja kkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni.

6.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-Indja

(121)

Il-Kummissjoni ma osservatx koinċidenza fiż-żmien bejn ix-xejra tas-sitwazzjoni ekonomika diffiċli taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw u ż-żieda tal-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-Indja. Il-volum tal-importazzjonijiet mill-Indja żdied fl-2012 meta mqabbel mal-2011, iżda naqas wara (ara t-Tabella 11), kemm f'termini assoluti u meta mqabbel mal-produzzjoni u l-konsum fl-Unjoni. Dan juri kontrotendenza meta mqabbel mas-sitwazzjoni taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw, li ġarrbu l-ogħla telf fl-2011 (meta l-volum tal-importazzjonijiet mill-Indja kien l-aktar baxx, kemm f'termini assoluti kif ukoll meta mqabbel mal-produzzjoni u l-konsum), u t-telf l-aktar baxx fl-2012 (meta l-volum tal-importazzjonijiet mill-Indja kien l-ogħla, għal darb' oħra kemm f'termini assoluti u meta mqabbel mal-produzzjoni u l-konsum). Bl-istess mod, matul il-PI is-sitwazzjoni finanzjarja taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw iddeterjorat iżda l-volum tal-importazzjonijiet mill-Indja naqsu, kemm f'termini assoluti kif ukoll relattivament mal-produzzjoni u l-konsum, meta mqabbel mal-2013.

Tabella 11

Volum tal-importazzjonijiet u l-bejgħ (f'tunnellati metriċi), sehem mis-suq u profittabbiltà

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Volum tal-Bejgħ tal-Industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni

198 000 — 263 000

218 000 — 289 000

212 000 — 281 000

189 000 — 251 000

Indiċi

100

110

107

96

Il-volum tal-importazzjonijiet mill-Indja

174 000 — 231 000

237 000 — 314 000

226 000 — 299 000

195 000 — 259 000

Indiċi

100

136

130

112

Sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni

21 % — 28 %

24 % — 32 %

24 % — 32 %

22 % — 29 %

Indiċi

100

117

116

107

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-Indja

18 % — 24 %

26 % — 35 %

26 % — 34 %

23 % — 30 %

Indiċi

100

145

140

126

Profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil konsumaturi mhux relatati (% tal-fatturat tal-bejgħ)

– 10 % — – 8 %

– 3 % — – 1 %

– 6 % — – 4 %

– 8 % — – 6 %

Indiċi

100

843

194

124

Sors:

Dejta tal-Eurostat flimkien mal-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet “mhux speċifikati”, tweġibiet għall-Kwestjonarju

(122)

L-ilmentatur spjega l-kontrotendenza bejn il-volum tal-importazzjoni u l-profittabbiltà taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw, kif ġej. Minħabba spejjeż eċċezzjonali tal-enerġija fi Stat Membru minnhom fl-2011, produttur wieħed mill-Unjoni kellu telf ogħla fl-2011 milli fl-2012 meta naqsu l-ispejjeż tal-enerġija. Mingħajr dawn l-ispejjeż eċċezzjonali tal-enerġija fl-2011, ix-xejriet kienu juru li l-ikbar telf taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw seħħ matul l-PI.

(123)

Il-Kummissjoni aċċettat li fl-2011 wieħed miż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw kien qed jaffaċċja spejjeż tal-enerġija eċċezzjonali. Madankollu, anki wara li ġew aġġustati l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-profittabbiltà għal dik is-sena, il-kontrotendenza baqgħet l-istess. L-akbar telf taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw (li seħħ matul il-PI) jaħbat ma' tnaqqis fil-volum tal-importazzjonijiet mill-Indja, kemm f'termini assoluti kif ukoll meta mqabbel mal-produzzjoni u l-konsum fl-Unjoni.

(124)

Barra minn hekk, l-ilmentatur argumenta li analiżi sena wara sena (jiġifieri l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping imqabbla mad-deterjorament tal-prestazzjoni fuq bażi annwali) ma kinitx preċiża f'suq tal-komoditajiet u ssuġġerixxa li l-analiżi tkun ibbażata fuq ix-xejriet bejn l-2011 u l-PI u ppropona il-metodoloġija li ġejja. L-ewwel nett, l-ilmentatur ikkalkula dak li huwa kkunsidra li huwa l-konsum reali tas-siliko-manganiż fl-Unjoni bħala perċentwal tal-produzzjoni tal-azzar fl-Unjoni (billi assuma li huwa meħtieġ ammont kostanti ta' siliko-manganiż għall-produzzjoni ta' tunnellata azzar), u qal li l-konsum reali baqa' relattivament stabbli matul il-perjodu kollu bejn Jannar 2011 u April 2013. It-tieni, l-ilmentatur ikkalkula l-konsum apparenti tas-siliko-manganiż fl-Unjoni bħala l-produzzjoni domestika miżjuda mal-importazzjonijiet bit-tnaqqis tal-esportazzjonijiet għall-istess perjodu, u qal li l-konsum apparenti żdied b'mod sinifikanti minħabba ż-żieda tal-importazzjonijiet mill-Indja. It-tielet, l-ilmentatur ikkunsidra li d-differenza bejn il-konsum reali u l-konsum apparenti kien l-akkumulazzjoni tal-ħażna tal-importazzjonijiet Indjani bejn l-2011 u April 2013. Fl-aħħar nett, l-ilmentatur ikkunsidra li l-eċċess tal-akkumulazzjoni tal-ħażna tqiegħed fuq is-suq tal-Unjoni sa minn April 2013 u dan wassal għal provvista żejda b'konsegwenza ta' pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet, anki jekk fl-istess ħin l-importazzjonijiet mill-Indja naqsu.

(125)

Il-Kummissjoni kkalkulat il-konsum tal-Unjoni tas-siliko-manganiż bħala s-somma tal-bejgħ domestiku flimkien mal-importazzjonijiet. L-ilmentatur ma spjegax għaliex dan il-metodu ma jistax jitqies li huwa preċiż. Il-konsum tal-Unjoni wera xejra ta' tnaqqis matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, skont ix-xejra globali ta' domanda baxxa għas-siliko-manganiż. Il-Kummissjoni nnotat li kemm il-bejgħ taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw kif ukoll l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi kollha naqsu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Madankollu, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha kienu affettwati b'mod aktar qawwi mit-tnaqqis fil-konsum, filwaqt li ż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw irnexxielhom iżommu s-sehem mis-suq tagħhom. Barra minn hekk, fost l-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha, l-importazzjonijiet mill-Indja żdiedu fl-2012 u sussegwentement naqsu filwaqt li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra naqsu fl-2012 u żdiedu wara.

(126)

Il-Kummissjoni kunsidrat li d-dikjarazzjoni tal-ilmentatur ta' effett enormi ta' akkumulazzjoni tal-ħażna tal-importazzjonijiet Indjani ma kienx issostanzjat biżżejjed. Ma ġiet ipprovduta l-ebda dejta statistika speċifika dwar l-importazzjonijiet Indjani tas-siliko-manganiż u l-konsum tiegħu tul iż-żmien. Għaldaqstant ma ntweriex li l-pressjoni eżerċitata fuq il-volum tal-bejgħ tal-Unjoni u l-prezzijiet matul il-perjodu ta' investigazzjoni kien dovut għall-effett tal-importazzjonijiet Indjani fis-sentejn ta' qabel.

(127)

L-informazzjoni pprovduta mill-ilmentatur wasslet biss għall-konklużjoni li l-konsum reali tas-siliko-manganiż kien inqas mill-konsum apparenti bejn Marzu 2011 u Marzu 2012 u li din l-akkumilazzjoni tal-ħażniet tqiegħdet fis-suq minn Marzu 2012, xahar wara li l-konsum reali jidher li kien kemmxejn ogħla mill-konsum apparenti. Skont il-graff li pprovda l-ilmentatur matul is-seduta ta' Diċembru 2015, ħażna żejda kienet tiġi assorbita bejn Marzu 2012 u Settembru 2013 u ma kienx ikollha effett matul il-perjodu tal-investigazzjoni (minn Ottubru 2013 sa Settembru 2014). Barra minn hekk, l-informazzjoni ġenerali ma ppermettietx li l-importazzjonijiet mill-Indja jiġu iżolati mill-importazzjonijiet l-oħra. Għalhekk, mhuwiex ċar x'kien is-sors tal-allegat akkumulazzjoni enormi tal-ħażna: Is-sors seta' kien l-importazzjonijiet mill-Indja, iżda wkoll importazzjonijiet minn pajjiżi terzi jew anke mill-industrija tal-Unjoni fejn żidiet sostanzjali fl-inventarji ilhom jiġu osservati mill-2011 (ara t-Tabella 9). Barra minn hekk, minħabba l-evoluzzjoni tas-suq tas-siliko-manganiż sa mill-2011 (tnaqqis fil-konsum flimkien ma' tnaqqis tal-prezzijiet, ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa ta' anqas minn sena), jidher li ftit hemm raġuni għal allegata akkumulazzjoni enormi tal-ħażna miġmugħa fl-2011 u qabel u li ġiet rilaxxata fis-suq tal-Unjoni fi tmiem l-2013 u matul l-2014 (matul il-perjodu ta' investigazzjoni). Għalhekk, id-dikjarazzjoni li l-interpretazzjoni tad-dejta tal-importazzjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni għandha tinbidel minħabba akkumulazzjoni enormi tal-ħażna ta' importazzjonijiet mill-Indja ġiet miċħuda.

6.1.1.   Siliko-manganiż b'kontenut baxx ta' manganiż (50 % jew inqas)

(128)

Fid-dokument ta' informazzjoni, u f'talba separata lill-importaturi magħrufa kollha, il-Kummissjoni tablet lill-partijiet interessati biex jipprovdu informazzjoni dwar l-importazzjonijiet tas-siliko-manganiż b'kontenut baxx ta' manganiż (50 % jew inqas) bħala parti mill-prodott ikkonċernat, biex tivvaluta l-volum u l-prezz medju ta' dawn l-importazzjonijiet. Barra minn hekk, l-għan kien li tiġi ċċarata l-fattibbiltà teknika u ekonomika tal-użu ta' siliko-manganiż ta' kwalità baxxa (bħala tali jew wara t-taħlit) u l-impatt tiegħu fuq is-suq tal-Unjoni.

(129)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mingħand l-importaturi iżda rċeviet xi feedback mingħand xi partijiet interessati oħra.

(130)

Produttur Indjan wieħed ikkummenta li s-siliko-manganiż b'kontenut baxx ta' manganiż huwa prodott ta' kwalità inferjuri u li għalhekk jinbiegħ bi prezz aktar baxx. Madankollu jekk il-prezz tiegħu jiġi aġġustat biex jitqies il-kontenut aktar baxx ta' manganiż, il-prezz aġġustat ikun kompletament konformi mal-prezz tas-siliko-manganiż standard. Din il-parti interessata żiedet li l-volum tal-importazzjonijiet ta' dan is-siliko-manganiż ta' standard inferjuri fl-Unjoni huwa baxx u għalhekk ma jistax jikkawża ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

(131)

Grupp ieħor ta' produtturi Indjani sostnew li s-siliko-manganiż ta' kwalità baxxa jista' jintuża direttament fi fran bl-ark elettriku jew jista' jitħallat ma' siliko-manganiż ta' kwalità ogħla biex jinkiseb prodott standard, mhux esklużivament siliko-manganiż b'kontenut FE ta' 72 % (tipikament mill-Ukrajna). Huma nnutaw li l-istudju tal-fattibilità teknika ppreżentat mill-ilmentatur innifsu ma jeskludix il-possibbiltà teknika tat-taħlit. Huma rrikonoxxew li t-taħlit jinvolvi spiża addizzjonali, iżda mhux fil-livell deskritt mill-ilmentatur. Huma qablu li dan it-tip ta' siliko-manganiż jinbiegħ bi prezz aktar baxx proprjament minħabba l-kontenut baxx ta' manganiż u li għalhekk it-tqabbil tal-prezzijiet mas-siliko-manganiż standard għandu jsir wara aġġustament prorata li jwassal għal prezzijiet simili.

(132)

L-ilmentatur argumenta li s-siliko-manganiż ta' kwalità baxxa ma jintużax bħala tali mill-funderiji tal-azzar fl-Unjoni u li l-klijenti tagħhom ma jirriskjawx jużaw taħlita ta' gradi differenti ta' siliko-manganiż għal raġunijiet ta' kwalità. L-ilmentatur sostna wkoll li dan il-prodott ta' standard inferjuri jirrappreżenta fenomenu temporanju li ma kienx il-kawża tad-dannu tagħhom.

6.1.2.   Effett tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping fuq il-prezzijiet

(133)

Fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping fuq il-prezzijiet, il-Kummissjoni nnotat li l-prezz medju kemm tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping tas-siliko-manganiż mill-Indja kif ukoll tal-prezzijiet taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw kien qed jonqos matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Madankollu, ftit li xejn instab twaqqigħ tal-prezz, kif imsemmi hawn fuq fil-premessi (77) u ta' wara.

6.2.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(134)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm koinċidenza fiż-żmien bejn ix-xejra tas-sitwazzjoni ekonomika diffiċli taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw u ż-żieda tal-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-Indja. L-investigazzjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta' kontrotendenzi bejn iż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping u d-dannu mġarrba miż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw. Barra minn hekk, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping żdiedu matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, iżda biss minn [18 %/24 %] sa [23 %/30 %]. Is-sehem mis-suq ma jurix xejra li qed tikber kontinwament u l-prezzijiet ma waqqgħux il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, jew ftit li xejn.

(135)

Minħabba n-nuqqas ta' koinċidenza fiż-żmien bejn id-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw u x-xejriet fil-volum u fis-sehem fis-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping tas-siliko-manganiż mill-Indja, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma jistax jiġi kklassifikat bħala materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma ntweriex li l-volum u/jew li l-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Indjani oġġett ta' dumping kienu responsabbli għas-sitwazzjoni dannuża taż-żewġ produtturi li kkooperaw.

(136)

Billi ma setgħetx tiġi stabbilita rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping u s-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni, ma kien hemm għalfejn jiġu żvelati l-ebda kalkoli ta' bejgħ taħt il-prezz, billi dawn huma rilevanti biss biex jiġi stabbilit il-livell tal-miżuri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet id-dikjarazzjoni tal-ilmentatur li l-Kummissjoni naqset milli tikkalkula u tiżvela l-livell ta' bejgħ taħt il-prezz.

7.   FATTURI OĦRA

(137)

Kif stabbilit fil-premessa (135) il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi rabta kawżali bejn id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-Indja. Għaldaqstant, ma kienx hemm għalfejn jinsiltu konklużjonijiet fir-rigward tal-impatt ta' fatturi oħra fuq il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku. Madankollu, ġew ukoll eżaminati fatturi oħra u għall-finijiet ta' kompletezza dawn huma deskritti f'din it-taqsima li jmiss.

(138)

L-ilmentatur iddikjara li l-Kummissjoni wettqet żball metodoloġiku fil-valutazzjoni li l-possibbiltà ta' dannu minn fatturi oħra jista' b'xi mod jiġġustifika l-fatt li l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping qegħdin jikkawżaw ħsara materjali. L-ilmentatur argumenta wkoll li l-Kummissjoni użat fatturi bħall-importazzjonijiet li mhumiex mill-Indja u s-sitwazzjoni tas-suq ta' FerroAtlantica biss biex itemm il-każ.

(139)

Peress li ma tista' tiġi stabbilita l-ebda rabta kawżali, il-konsiderazzjoni tal-impatt potenzjali ta' fatturi oħrajn fuq id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni ma għadhiex rilevanti. It-taqsimiet 7.1 sa 7.4 hawn taħt huma limitati għad-deskrizzjoni tal-fatturi l-oħra mingħajr ma tinsilet xi konklużjoni dwar l-impatt potenzjali tagħhom fuq id-dannu. Fin-nuqqas ta' rabta kawżali, l-analiżi tal-“fatturi l-oħra” ma għandha l-ebda effett fuq il-konklużjonijiet dwar id-dumping, il-ħsara u l-kawżalità. Għalhekk il-Kummissjoni tirrifjuta din id-dikjarazzjoni.

7.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(140)

Il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ġie stabbilit bl-użu tad-dejta tal-Eurostat u b'kunsiderazzjoni tar-reġimi kollha tal-importazzjoni, inkluż l-ipproċessar attiv. L-oriġini ta' volum sinifikanti mill-importazzjoni “mhijiex speċifikata għal raġunijiet kummerċjali jew militari fil-qafas tal-kummerċ ma' pajjiżi terzi”. Bl-għajnuna tal-awtoritajiet doganali ta' Stat Membru wieħed, il-Kummissjoni kienet kapaċi tanalizza parti minn dan il-volum skont il-pajjiż tal-oriġini. Bl-allokazzjoni ta' dawn “l-importazzjonijiet mhux speċifikati” lill-pajjiżi tal-oriġini rispettivi tagħhom, ix-xejra kumplessiva tal-importazzjonijiet ma tinbidilx b'mod sinifikanti. Madankollu, biex tinżamm il-kunfidenzjalità ta' dawk l-importazzjonijiet, iċ-ċifri tal-importazzjonijiet ġew ippreżentati f'firxiet kif ġej:

Tabella 12

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi (tunnellati metriċi)

Pajjiż

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

In-Norveġja

Volum

144 000 — 191 000

188 000 — 250 000

138 000 — 185 000

147 000 — 195 000

Indiċi

100

131

96

102

Sehem mis-suq

15 % — 20 %

21 % — 28 %

16 % — 21 %

17 % — 23 %

Indiċi

100

139

104

115

L-Ukrajna

Volum

170 000 — 226 000

102 000 — 135 000

104 000 — 137 000

111 000 — 147 000

Indiċi

100

60

61

65

Sehem mis-suq

18 % — 24 %

11 % — 15 %

12 % — 16 %

13 % — 17 %

Indiċi

100

64

66

73

L-Afrika t'Isfel

Volum

111 000 — 147 000

14 000 — 19 000

32 000 — 43 000

70 000 — 93 000

Indiċi

100

13

29

64

Sehem mis-suq

12 % — 15 %

2 % — 2 %

4 % — 5 %

8 % — 11 %

Indiċi

100

14

32

71

Total tal-pajjiżi terzi kollha għajr l-Indja

Volum

510 000 — 670 000

370 000 — 490 000

370 000 — 500 000

400 000 — 530 000

Indiċi

100

73

74

79

Sehem mis-suq

50 % — 70 %

40 % — 50 %

40 % — 60 %

50 % — 60 %

Indiċi

100

78

80

89

Prezz medju

903 — 1 197

829 — 1 100

778 — 1 032

733 — 971

Indiċi

100

92

86

81

Sors:

Id-dejta tal-Eurostat, flimkien mal-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet “mhux speċifikati”

(141)

Is-siliko-manganiż jiġi importat fl-Unjoni minn għadd sinifikanti ta' pajjiżi oħra. Apparti mill-Indja, hemm tliet pajjiżi esportaturi ewlenin (skont il-volum): In-Norveġja, l-Afrika t'Isfel u l-Ukrajna. L-ewwel erba' pajjiżi jirrappreżentaw madwar 90 % tal-importazzjonijiet totali fl-Unjoni u għandhom sehem mis-suq ta' madwar 70 %. In-Norveġja għandha sehem mis-suq ta' madwar [17 %/23 %]. Produttur Norveġiż wieħed tas-siliko-manganiż huwa relatat ma' wieħed mill-produtturi tal-Unjoni (Comilog Dunkerque/Eramet).

(142)

Il-volum tal-importazzjonijiet fl-Unjoni minn pajjiżi terzi oħra għajr l-Indja segwa kontrotendenza meta mqabbel mal-importazzjonijiet mill-Indja. B'mod partikolari, dan naqas fl-2012 u fl-2013 meta mqabbel mal-2011, iżda żdied matul l-PI.

(143)

Abbażi tad-dejta tal-Eurostat, il-prezzijiet tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi kienu bħala medja ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjoni mill-Indja u wrew tendenza ta' tnaqqis matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Madankollu, id-dejta tal-Eurostat ma tipprovdix tqassim skont il-kwalità u l-gradi u għalhekk ma tippermettix tqabbil tal-istess mal-istess.

(144)

L-ilmentatur spjega li r-raġunijiet għaliex l-importazzjonijiet tas-siliko-manganiż mill-Ukrajna, l-Afrika t'Isfel u n-Norveġja naqsu fl-2012 ma kinux relatati maż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Indja iżda kienu dovuti għal ċirkustanzi speċifiċi għal kull pajjiż.

(145)

Il-Kummissjoni ħadet nota tal-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-ilmentatur dwar iż-żieda jew it-tnaqqis tal-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi. Madankollu, il-fatt li ż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw żammew is-sehem tagħhom mis-suq juri li l-pajjiżi terzi kienu qed jikkompetu bejniethom għaż-żamma tal-bejgħ u s-sehem mis-suq fl-Unjoni, mingħajr ma affettwaw il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw.

7.2.   Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(146)

Il-volum tal-esportazzjonijiet taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkoopera żviluppa kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 13

Prestazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw

 

2011

2012

2013

Il-perjodu tal-investigazzjoni

Volum ta' esportazzjonijiet (tunnellati metriċi)

2 100 — 2 800

2 900 — 3 800

3 200 — 4 300

5 200 — 6 800

Indiċi

100

136

151

243

Prezz medju

800 — 1 100

800 — 1 100

700 — 900

700 — 900

Indiċi

100

96

85

84

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

(147)

Iż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw aktar milli rdoppjaw il-bejgħ tagħhom barra l-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, għalkemm il-volumi mhumiex partikolarment sinifikanti f'termini assoluti.

(148)

Il-prezz medju tal-bejgħ lil partijiet mhux relatati f'pajjiżi terzi naqas f'konformità mat-tnaqqis tal-prezz fis-suq tal-Unjoni.

7.3.   Evoluzzjoni tal-produzzjoni tal-azzar u provvista żejda

(149)

Bosta partijiet interessati konfermaw fis-sottomissjonijiet tagħhom li bħala waħda mill-konsegwenzi tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku tal-Unjoni, il-produzzjoni tal-azzar naqset. Billi s-siliko-manganiż jintuża prinċipalment għall-produzzjoni tal-azzar, dan kellu impatt dirett u immedjat fuq il-konsum tas-siliko-manganiż.

(150)

Bosta partijiet interessati konfermaw fis-sottomissjonijiet tagħhom li l-produzzjoni dinjija tas-siliko-manganiż ma naqsitx flimkien mat-tnaqqis fil-konsum. Huma qalu li l-prezz tas-suq tas-siliko-manganiż huwa marbut mal-bilanċ tal-provvista u d-domanda, kif inhu l-każ għall-komoditajiet kollha. Bħala konsegwenza, il-provvista żejda skattat tnaqqis fil-prezz tas-siliko-manganiż. L-industrija tal-Unjoni fis-sħuħija tagħha żiedet il-kapaċità tagħha mill-2011 sal-2012 u b'hekk ikkontribwixxiet għal din is-sitwazzjoni.

7.4.   Kompetizzjoni fil-Unjoni

(151)

Il-kumpanija Spanjola FerroAtlantica ma kkooperatx mal-investigazzjoni. Skont l-ilment, FerroAtlantica, bħala l-produttur ewlieni tal-Unjoni, evitatat milli ġġarrab dannu sinifikanti mill-importazzjonijiet Indjani u kienet fil-fatt profittabbli ħafna. FerroAtlantica li hija l-akbar produttur tas-siliko-manganiż fl-Unjoni, irnexxielha żżomm is-sehem mis-suq tagħha tul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kollu u hija f'kompetizzjoni diretta maż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw.

(152)

L-ilmentatur qal li FerroAtlantica ma setgħetx ikkontribwixxiet għad-dannu mġarrab miż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw peress li ma kinitx qed twaqqa' l-prezzijiet tagħhom u ma żiditx is-sehem mis-suq għad-detriment tagħhom. L-ilmentatur sostna wkoll li FerroAtlantica ma għadhiex ħielsa mid-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet Indjani għax is-sitwazzjoni tagħha bdiet tiddeterjora sa mill-bidu tal-2015.

(153)

Din id-dikjarazzjoni hija relatata ma' avvenimenti wara l-PI li normalment ma jistgħux jitqiesu skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda konsiderazzjoni speċjali li trendi d-deċiżjoni tagħha manifestament inadegwata kieku kellha twarrab dan l-argument. B'mod partikolari, l-argument sar fi stadju tard ħafna tal-investigazzjoni, aktar minn 11-il xahar wara li nbdiet, meta ma kienx għadu jista' jiġi vverifikat. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li l-preżenza fis-suq tal-akbar produttur tal-Unjoni kellu impatt fuq l-iżvilupp tal-volum tal-bejgħ, il-prezz u s-sehem mis-suq taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li kkooperaw fil-PI.

8.   INTERESS TAL-UNJONI

(154)

L-ilmentatur u żewġ produtturi ewlenin tal-azzar ippreżentaw kummenti dwar l-interess tal-Unjoni. Peress li r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mill-Indja u d-dannu mġarrba mill-industrija tal-Unjoni ma ġietx stabbilita, mhux meħtieġ li jiġi eżaminat l-interess tal-Unjoni.

9.   TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT

(155)

Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, id-dannu u l-kawżalità, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament bażiku, il-proċediment għandu jintemm mingħajr l-impożizzjoni ta' miżuri.

(156)

Il-partijiet ikkonċernati kollha ġew infurmati bil-konklużjonijiet finali u l-intenzjoni li l-proċediment jintemm u ngħataw l-opportunità biex jikkummentaw. Il-kummenti tagħhom tqiesu iżda ma biddlux il-konklużjonijiet milħuqa hawn fuq,

(157)

Il-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 ma esprimiex opinjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'dan qed jiġi tterminat il-proċediment tal-antidumping dwar l-importazzjonijiet tas-siliko-manganiż li joriġina mill-Indja.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)   ĠU C 461, 20.12.2014, p. 25.

(3)  Paġna 7, Kapitolu 3 “Prodott suġġett għal dan il-proċediment”, tal-verżjoni miftuħa tal-ilment.

(4)  Pereżempju, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Settembru 2015 fil-każ C-511/13 P Philips vs il-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li porzjon tal-produzzjoni tal-Unjoni qrib ħafna ta' 50 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili mill-industrija tal-Unjoni jista' jitqies li jikkostitwixxi proporzjon kbir ta' dik il-produzzjoni. Il-Qorti ċċarat li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku jirreferi, fil-fatt, għall-kunċett ta' “proporzjon kbir” tal-produzzjoni tal-Unjoni, u mhux għall-“maġġoranza tal-produzzjoni tal-Unjoni” (paragrafu 72).

(5)  Pereżempju, fir-rapport tiegħu tat-22 ta' April 2003, WT/DS/241/R l-Arġentina — Dazji Antidumping Definittivi fuq Tjur mill-Brażil, il-paragrafu 7.344, il-Bord aċċetta li l-industrija domestika li tirrappreżenta 46 % tat-total tal-produzzjoni domestika jista' jitqies bħala proporzjon kbir tal-industrija domestika.