4.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/87


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/288

tas-27 ta' Marzu 2015

dwar l-skema ta' għajnuna SA.34775 (13/C) (ex 12/NN) implimentata mir-Renju Unit — L-Imposta fuq l-Aggregati

(notifikata bid-dokument numru C(2015) 2141)

(It-test Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

Permezz ta' ittra datata l-20 ta' Diċembru 2001 (irreġistrata fit-28 ta' Diċembru 2001), l-awtoritajiet tar-Renju Unit (kif imsejħin fil-bqija tad-dokument) innotifikaw lill-Kummissjoni skema ta' għajnuna intitolata “introduzzjoni gradwali tal-imposta fuq l-aggregati fl-Irlanda ta' Fuq”. Fin-notifika tagħhom, l-awtoritajiet tar-Renju Unit għarrfu lill-Kummissjoni li kien biħsiebhom jintroduċu imposta fuq l-aggregati b'effett mill-1 ta' April 2002. Din l-imposta kellha tiġi introdotta permezz tal-Att Finanzjarju tal-2001, Parti 2, Sezzjonijiet 16 sa 49 u Skedi 4 sa 10. L-iskema ta' għajnuna nfisha (introduzzjoni gradwali tal-imposta fuq l-aggregati fl-Irlanda ta' Fuq) kienet deskritta bħala waħda li tikkonsisti fl-introduzzjoni tal-imposta f'bosta stadji fl-Irlanda ta' Fuq sabiex tinżamm il-kompetittività internazzjonali tal-kumpaniji fl-Irlanda ta' Fuq li jimmanifatturaw prodotti pproċessati bħall-konkrit u l-asfalt mill-aggregati. Din l-introduzzjoni gradwali tal-imposta għall-Irlanda ta' Fuq kellha tiddaħħal permezz tal-Att Finanzjarju tal-2002.

(2)

Minbarra n-notifika, fis-27 ta' Settembru 2001 il-Kummissjoni rċiviet ilment mingħand żewġ kumpaniji li kienu attivi fl-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-aggregati u, fil-15 ta' April 2002, ilment ieħor, ippreżentat mill-British Aggregates Association (“BAA”). L-ilmentaturi qiesu li l-Att Finanzjarju tal-2001 kien jinvolvi għajnuna mill-Istat għall-prodotti u l-proċessi eżentati mill-imposta fuq l-aggregati (l-“AGL”) u qiesu li d-derogi marbutin mal-Irlanda ta' Fuq kienu għajnuna li kienet inkopatibbli mas-suq intern.

(3)

Wara li fil-21 ta' Frar 2002 ġiet sottomessa iktar informazzjoni, fl-24 ta' April 2002 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-AGL (2). Qieset li l-eċċezzjonijiet differenti li hemm fl-Att Finanzjarju tal-2001 kienu ġġustifikati mil-loġika tat-taxxa u li l-Att Finanzjarju tal-2001 ma kienx jinvolvi għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni qieset ukoll li l-introduzzjoni gradwali tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq kienet tikkostitwixxi għajnuna li kienet kompatibbli mas-suq intern.

(4)

Fit-12 ta' Lulju 2002, il-BAA fetħet kawża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' April 2002, irreġistrata bħala l-Kawża T-210/02. Fit-13 ta' Settembru 2006, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet għal kollox. Fis-27 ta' Novembru 2006, il-BAA appellat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Permezz tas-sentenza tat-22 ta' Diċembru 2008 fil-Kawża C-487/06 P, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza appellata u rreferiet il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali.

(5)

Fis-7 ta' Marzu 2012, fis-sentenza tagħha fil-Kawża T-210/02 RENV, il-Qorti Ġenerali ħassret id-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-Premessa 3 iktar 'il fuq. Il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni naqset milli turi li d-differenzjazzjoni tat-taxxa marbuta mal-eżenzjoni hija ġġustifikata fuq il-bażi tal-prinċipju ta' taxxa normali li fuqu hija msejsal-AGL jew fuq il-bażi tal-objettiv ambjentali tal-AGL. Il-Qorti Ġenerali sabet b'mod partikolari li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet f'kunsiderazzjoni l-prinċipju ta' taxxa normali sabiex tistabbilixxi l-għamla selettiva ta' kwalunkwe vantaġġ iġġenerat mill-AGL. F'dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali indikat l-inkonsistenzi fit-terminoloġija użata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha, jiġifieri fir-rigward tat-termini aggregati “verġni”, “primarji” u “sekondarji”, li ma kinux jikkorrispondu għat-termini użati fl-Att Finanzjarju tal-2001, kif emendat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma kinitx spjegat fid-deċiżjoni tagħha għaliex ċerti materjali eżentati (użati bħala aggregati, bħal aggregati tat-tafal) ma kinux fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-materjal intaxxat.

(6)

Wara li ġiet annullata d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' April 2002, il-Kummissjoni kienet meħtieġa terġa' tivvaluta jekk l-eżenzjonijiet, l-esklużjonijiet u l-ħelsien mit-taxxa stipulati fl-Att Finanzjarju tal-2001, kif emendati mill-Att Finanzjarju 2002 u l-Att Finanzjarju 2007, kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni rreġistrat il-fajl b'referenza tan-NN, peress li l-AGL kienet ilha fis-seħħ mill-1 ta' April 2002. Il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-introduzzjoni gradwali tal-AGL fl-Irlanda ta' Fuq ġiet eżaminata fil-kuntest ta' proċedura oħra (ara SA.18859 (11/C) — Ir-Renju Unit — Eżenzjoni mill-Imposti fuq l-Aggregati fl-Irlanda ta' Fuq).

(7)

Minbarra l-osservazzjonijiet u s-sottomissjonijiet ippreżentati matul il-proċedimenti quddiem il-Qrati tal-Unjoni, l-ilmentatur bagħat iktar kummenti u informazzjoni lill-Kummissjoni fit-13 ta' Ġunju 2012 u s-26 ta' Ottubru 2012. Dawk il-kummenti ngħaddew lir-Renju Unit fil-15 ta' Mejju 2013. Fis-27 ta' Settembru 2012 u s-27 ta' Mejju 2013, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprovdew iktar informazzjoni dwar l-AGL.

(8)

Permezz ta' ittra datata l-31 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni għarrfet lir-Renju Unit li kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-eżenzjonijiet mit-taxxa, l-esklużjonijiet mit-taxxa u l-ħelsien mit-taxxa stabbiliti fis-Sezzjonijiet 17(3)(e), 17(3)(f)(i) u (ii), is-Sezzjoni 17(4)(a) (diment li l-materjal eżentat jikkonsisti kompletament f'faħam, linjite, shale, lavanja li jintuża bħala aggregat jew jikkonsisti primarjament f'faħam, linjite, shale u lavanja), is-Sezzjoni 17(4)(c)(i) u (ii) (meta jikkonsisti primarjament fi skart), 17(4)(f) (f'dak li għandu x'jaqsam mat-tafal), 18(2)(b) (diment li jkun marbut ma' proċess eżentat li jipprovdi għal materjali li jintużaw bħala aggregati) u 30(1)(b) (diment li jkun marbut ma' proċess eżentat skont it-tifsira tas-Sezzjoni 18(2)(b) li jipprovdi għal materjali li jintużaw bħala aggregati) tal-Att Finanzjarju tal-2001, kif emendat mill-Att Finanzjarju tal-2002 u l-Att Finanzjarju tal-2007. Il-Kummissjoni ma ressqet ebda oġġezzjoni għall-eżenzjonijiet mit-taxxa, l-esklużjonijiet mit-taxxa u l-ħelsien mit-taxxa stabbiliti fis-Sezzjonijiet 17(2)(b), 17(2)(c), 17(2)(d), 17(3)(b), 17(3)(c), 17(3)(d) u 17(3)(da), 17(4)(d)) u 17(4)(e), is-Sezzjoni 17(4)(a) (diment li l-materjal eżentat jikkonsisti kompletament f'faħam, linjite, shale, lavanja li jintuża għal skopijiet oħrajn għajr aggregat), is-Sezzjoni 17(4)(c) (meta jikkonsisti kompletament fi skart), is-Sezzjoni 17(4)(f) (ħlief għat-tafal), is-Sezzjoni 18(2)(a), is-Sezzjoni 18(2)(b) (diment li jkun marbut ma' materjali li ma jintużawx bħala aggregati), is-Sezzjoni 18(2)(c), is-Sezzjoni 30(1)(a), is-Sezzjoni 30(1)(b) (diment li jkun marbut ma' proċessi eżentati skont it-tifsira tas-Sezzjoni 18(2) (a) u (c)), is-Sezzjoni 30(1)(b) (diment li jkun marbut ma' proċess eżentat skont it-tifsira tas-Sezzjoni 18(2)(b) li jipprovdi għal materjali li ma jintużawx bħala aggregati) u s-Sezzjoni 30(1)(c) tal-Att Finanzjarju tal-2001, kif emendat mill-Att Finanzjarju tal-2002 u l-Att Finanzjarju tal-2007, fuq il-bażi li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(9)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3) (id-“Deċiżjoni ta' Ftuħ”). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.

(10)

Il-Kummissjoni rċiviet kummenti estensivi mingħand sittax-il parti interessata bejn l-20 ta' Diċembru 2013 u s-17 ta' Jannar 2014, informazzjoni supplimentari mingħand membru tal-British Aggregates Association fl-10 ta' Frar 2014 u mingħand il-British Aggregates Association fil-5 ta' Marzu 2014. Fis-27 ta' Mejju 2014 u t-13 ta' Ġunju 2014 ingħaddew lir-Renju Unit, li mbagħad ingħata l-opportunità li jwieġeb. Ir-Renju Unit issottometta t-tweġiba tiegħu permezz ta' ittra datata t-30 ta' Ġunju 2014. Barra minn hekk, issottometta osservazzjonijiet dwar id-Deċiżjoni ta' Ftuħ fl-1 ta' Ottubru 2013, il-31 ta' Ottubru 2013 u t-28 ta' Frar 2014.

(11)

Il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni mingħand ir-Renju Unit fl-14 ta' Lulju 2014, l-1 ta' Settembru 2014, it-8 ta' Settembru 2014, u t-28 ta' Novembru 2014. Ir-Renju Unit ipprovda t-tali informazzjoni fid-29 ta' Awwissu 2014, id-9 ta' Settembru 2014, it-18 ta' Settembru 2014 u t-8 u d-9 ta' Diċembru 2014.

(12)

Wara laqgħa tripartitika fil-15 ta' Lulju 2014, il-Kummissjoni talbet sabiex flimkien, ir-Renju Unit u l-BAA, jissottomettu iktar informazzjoni fit-18 ta' Lulju 2014. Din l-informazzjoni ġiet sottomessa lill-Kummissjoni fit-8 ta' Settembru 2014. Fil-15 ta' Settembru 2014 il-BAA ssottomettiet iktar informazzjoni bħala tweġiba għall-mistoqsijiet li għamlet il-Kummissjoni. Imbagħad l-informazzjoni ngħaddiet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit fis-17 ta' Ottubru 2014, li wieġbu fit-12 ta' Novembru 2014, l-14 ta' Novembru 2014 u s-17 ta' Novembru 2014.

(13)

Il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni mingħand il-BAA fl-10 ta' Lulju 2014 u s-16 ta' Ottubru 2014. Il-BAA pprovidet it-tali informazzjoni fis-6 ta' Novembru 2014 u l-21 ta' Novembru 2014. L-informazzjoni ngħaddiet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit fit-2 ta' Diċembru 2014, li wieġbu fit-18 ta' Diċembru 2014.

2.   DESKRIZZJONI DDETTALJATA TAL-MIŻURA

2.1.   IL-KUNĊETT TA' AGGREGATI

(14)

L-aggregati jintużaw fis-settur tal-bini. Ġeneralment (4) jistgħu jiġu deskritti bħala korrispondenti għal materjal granulari jew partikolat li, minħabba l-proprjetajiet inerti fiżiċi u kimiċi tiegħu, tajjeb sabiex jintuża waħdu jew billi jiżdied miegħu siment, ġir jew materjal bituminuż fil-bini bħall-konkrit (5), żrar tat-toroq, asfalt jew gandotti tad-drenaġġ (6), jew sabiex jintużaw bħala mili fil-bini (7). L-aggregat jista' jkun naturali, manifatturat jew riċiklat (8). Id-Deċiżjoni ta' Ftuħ tiddeskrivi f'dettall il-kunċett ta' aggregati u l-użu tal-aggregati fil-Premessi 8 sa 13.

(15)

Id-definizzjoni ta' aggregati hija marbuta mill-qrib mal-użi possibbli ta' ċerti materjali granulari jew partikulati mqattgħin mill-barrieri fis-settur tal-bini, kif spjegat iktar 'il fuq fil-Premessa 14, peress li dan huwa dak li primarjament jiddistingwi l-kunċett ta' aggregati mill-kunċett ta' minerali.

(16)

L-aggregati naturali huma aggregati li jseħħu naturali u li jistgħu jintużaw mingħajr ipproċessar industrijali. Dawn huma ramel, żrar u ġebel imfarrak (9) u huma estratti minn barrieri u fosos taż-żrar jew mit-tħammil tal-baħar.

(17)

L-aggregati rriċiklati ġejjin min materjali riproċessati li qabel kienu użati fil-bini, inklużi residwi minn bini u t-tiġrif (10).

(18)

L-aggregati manifatturati ġeneralment ikunu aggregati ħfief u b'densità għolja manifatturati għal skopijiet speċjalizzati. Huma prodotti wara li jiġi applikat proċess industrijali (normalment proċess termali). L-eżempji huma: aggregat tal-gagazza, aggregat tat-tafal espandut, aggregat tal-perlit espandut, aggregat tax-xoffa tal-polistiren espandut (11).

(19)

Materjali li huma adattati sabiex jintużaw bħala aggregati jistgħu jintużaw ukoll sabiex jiġu manifatturati prodotti oħrajn. F'dak is-sens, l-industrija tagħmel distinzjoni bejn użi bħala aggregati ta' materjali tar-ramel, żrar u ġebel imfarrak u użi mhux bħala aggregati (12) ta' materjali tar-ramel, żrar u ġebel imfarrak. Użi mhux bħala aggregati ta' ġebel, ramel u żrar huma, pereżempju, il-produzzjoni ta' siment, ħġieġ u użi industrijali (13) jew agrikoli oħrajn (14).

2.2.   L-ISFOND GĦALL-AGL U L-OBJETTIV TAGĦHA

(20)

L-aggregat huwa riżorsa naturali ristretta, f'termini tas-siti fejn jista' jiġi estratt b'mod aċċettabbli (15). It-tqattigħ tal-aggregat mill-barrieri jieħu żoni kbar fit-terminu medju u fit-tul u jikkawża ħsara ambjentali u tniġġis.

(21)

Wara sensiela ta' azzjonijiet immirati lejn l-indirizzar tat-tħassib ambjentali tat-tqattigħ tal-aggregati mill-barrieri li huma deskritti fil-Premessi 15 sa 18 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, l-AGL ġiet introdotta f'April 2002 bil-għan li tħeġġeġ l-użu iktar effiċjenti tal-aggregati fl-industrija tal-bini billi:

Fi ħdan il-prezz tal-aggregati jiġu internalizzati wħud mill-problemi ambjentali tal-estrazzjoni tal-aggregati, bħal storbju, trab, intrużjoni viżwali u telf ta' bijodiversità. F'dak is-sens, l-AGL għandha tħeġġeġ l-estrazzjoni effiċjenti tal-aggregati u tħeġġeġ l-ekonomija fl-użu u inqas ħela fis-sit tal-kostruzzjoni.

It-tħeġġiġ ta' bidla fid-domanda lil hinn minn aggregati estratti b'mod deliberat favur alternattivi bħal:

aggregati riċiklati

skart u prodotti sekondarji minn proċessi oħrajn, inkluża l-estrazzjoni ta' minerali oħrajn (skart mill-estrazzjoni ta' tafal u faħam, skart minn ħġieġ u tajers) (16).

(22)

F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu spjegaw dakinhar tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ li l-aggregati għall-użi fil-bini huma prodott b'valur relattivament baxx, speċjalment meta mqabblin mal-ispejjeż totali tal-proġetti ta' bini li għalihom jikkontribwixxu l-aggregati. L-aggregati jistgħu jiġu estratti mill-art b'mod relattivament faċli. Għaldaqstant, mingħajr sinjali tal-prezzijiet addizzjonali, bħal dak mogħti mill-AGL, ma hemm ebda inċentiv sabiex l-aggregati jintużaw b'effiċjenza.

(23)

Barra minn hekk, mingħajr sinjali tal-prezzijiet oħrajn, ir-riċiklaġġ tal-aggregati ma jkunx vijabbli ekonomikament. L-awtoritajiet tar-Renju Unit qiesu li l-inċentivar tal-użu tal-aggregati riċiklati, li mhuwiex perfett minħabba l-problemi ambjentali tiegħu bħall-użu tal-enerġija u l-ħolqien ta' storbju, huwa aspett importanti sabiex jonqsu l-problemi ambjentali marbutin mal-estrazzjoni tal-materjali mill-art (bħall-impatti fit-tul fuq il-bijodiversità). Tabilħaqq, l-użu ta' materjali rriċiklati ma jeħtieġx li jiġu ddisturbati artijiet ġodda jew qiegħ il-baħar.

(24)

Minbarra li tħeġġeġ l-użu tal-aggregati riċiklati bħala alternattiva għal materjal imqatta' ġdid mill-barrieri, l-istruttura tal-AGL għandha l-għan ukoll li tnaqqas l-estrazzjoni ta' ramel, żrar u ġebel sabiex jintużaw speċifikament bħala aggregati, billi tinċentiva l-użu ta' materjali oħrajn li kieku jintremew. Prodotti sekondarji, skart u fdal ta' proċessi ta' estrazzjoni oħrajn jew ta' proċessi industrijali normalment jitqiesu li huma ta' kwalità u speċifikazzjoni inferjuri meta mqabblin ma' materjali estratti u sfruttati b'mod speċifiku sabiex jintużaw bħala aggregati. Jista' jkollhom użi u applikazzjonijiet ftit differenti. Pereżempju, minħabba d-densità inqas tagħhom jew il-fatt li ma jkunux indaqs, jaf ma jkunx sikur li jintużaw fil-bini ta' ċerti uċuħ tat-toroq jew f'sitwazzjonijiet oħrajn li fihom l-aggregati jridu jifilħu għal pressjoni għolja u xedd u kedd. Madankollu, prodotti sekondarji, skart u fdalijiet xorta waħda jistgħu jippreżentaw alternattiva vijabbli għall-aggregati tal-ifjen kwalità f'ħafna sitwazzjonijiet. Il-prodotti sekondarji, skart u fdalijiet mill-proċessi speċifikati fl-Att Finanzjarju tal-2001 jintremew li kieku ma kienx għall-AGL. Madankollu, peress li huma prodott sekondarju inevitabbli ta' għadd ta' proċessi li jfornu materjali importanti għall-industrija tal-bini (bħal madum tal-bejt tal-lavanja) jew industriji oħrajn (bħal feldspar għall-industrija tal-ħġieġ), l-awtoritajiet tar-Renju Unit qiesu li jkun iktar effiċjenti għall-ambjent li jitħeġġeġ użu ta' dawn il-materjali bħala aggregati minflok ma jiġu depożitati bħala skart. Dan jevita problemi ambjentali oħrajn li jġib miegħu l-użu ta' prodott diġà mqatta' mill-barriera li nkella jitħalla bħala skart, għall-kuntrarju tal-estrazzjoni (addizzjonali) ta' aggregati ġodda bi problemi ambjentali żejda oħrajn (disturb ta' art ġdida). Barra minn hekk, dan jgħin fir-riabilitazzjoni tal-art diġà mkerrħa minħabba li jitħalla ħafna skart abbandunat fil-barrieri. L-awtoritajiet tar-Renju Unit żiedu li l-applikazzjoni tal-AGL għat-tali materjali jista' jkollha l-effett mhux mixtieq li tiskoraġġixxi l-użu diġà batut ta' dawk il-materjali, u b'hekk jiżdied minflok ma jonqos l-iskart abbandunat fil-barrieri. Il-Premessa (23) tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ fiha rendikont dettaljat tal-istimi ta' ammonti ta' alternattivi disponibbli.

(25)

Il-projjezzjonijiet inizjali ssuġġerixxew li l-AGL tnaqqas id-domanda għal aggregati verġni b'medja ta' 20 Mt/sena.

(26)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu indikaw li minħabba l-iskop li tinkiseb estrazzjoni iktar effiċjenti u użu iktar effiċjenti tal-aggregati verġni, “l-imposta tiġġarrab minn dawk li jqattgħu mill-barrieri għall-finijiet ta' użu kummerċjali tal-aggregat” (17). F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu spjegaw li filwaqt li t-tqattigħ mill-barrieri ta' materjali bi speċifikazzjoni għolja li ser jintużaw fis-settur tal-bini jipproduċi wkoll materjali ta' kwalità inferjuri u, għalhekk, iġibu prezz inferjuri, fil-prattika mhuwiex possibbli li dawn il-materjali jinkisbu b'mod simili bħala prodotti sekondarji ta' proċessi industrijali jew attivitajiet ta' estrazzjoni oħrajn. L-ewwel nett, is-sehem ta' aggregati ta' kwalità għolja u baxxa ser ivarja minn barriera għal oħra minħabba fatturi ġeoloġiċi, iżda mhuwiex figura fissa għal kull barriera partikolari, peress li hemm prattiki iktar effiċjenti li jistgħu jgħinu sabiex jonqos is-sehem ta' aggregati ta' kwalità baxxa. Barra minn hekk, sa ċertu punt, it-terminu aggregat ta' kwalità baxxa huwa soġġettiv. Dak li operatur tal-barrieri wieħed iqis bħala kwalità baxxa jista' jkun parti mill-firxa ta' prodotti primarji tal-ieħor. Għalhekk, l-eżentar ta' aggregati ta' kwalità baxxa jista' jwassal għal trattament mhux indaqs tal-operaturi u jwassal għal evitar jew evażjoni tat-taxxa. Il-konsultazzjoni pubblika estensiva mal-industrija fuq din il-kwistjoni fi żmien l-introduzzjoni tal-AGL ma rendietx definizzjoni prattika ta' kif issir distinzjoni bejn materjali ta' kwalità għolja — li għandhom jiġu ntaxxati — u prodotti sekondarji ta' kwalità inferjuri mill-proċess ta' estrazzjoni ta' aggregati ta' valur għoli. L-awtoritajiet tar-Renju Unit osservaw ukoll li l-intaxxar ta' aggregati ta' kwalità baxxa jirrifletti wkoll ir-rieda li jiġu indirizzati l-problemi ambjentali tal-estrazzjoni ta' aggregati, indipendentement minn jekk il-prodott estratt finalment jitqiesx li huwa ta' kwalità għolja jew baxxa.

(27)

Fl-aħħar, l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu osservaw li l-AGL mhijiex konċepita bħala taxxa ġenerali fuq l-estrazzjoni ta' minerali, iżda bħala taxxa fuq l-estrazzjoni ta' ġebel, ramel u żrar użati bħala aggregati fis-settur tal-bini u soġġetti għal sfruttament kummerċjali fir-Renju Unit. L-awtoritajiet tar-Renju Unit spjegaw li filwaqt li l-estrazzjoni ta' materjali oħrajn jista' jkollha impatt ambjentali simili, mhux kollha għandhom possibbiltajiet xierqa għat-tnaqqis tal-intensità ta' estrazzjoni bl-użu ta' materjali alternattivi bħal materjali riċiklati u skart. Barra minn hekk, l-estrazzjoni tal-aggregati kienet l-ikbar attività ta' estrazzjoni ta' minerali fir-Renju Unit (fl-2002, kienet tammonta għal madwar 70 %, skont it-tunnellaġġ, tal-estrazzjoni ta' minerali kollha) u għalhekk kienet tikkostitwixxi s-sors ewlieni ta' ħsara ambjentali li tirriżulta mill-estrazzjoni ta' minerali fir-Renju Unit kollu. Il-kamp ta' applikazzjoni tat-taxxa ġie ddefinit biex jinkiseb l-ikbar benefiċċju ambjentali fil-forma ta' tnaqqis fl-estrazzjoni ta' aggregati u f'termini ta' preservazzjoni tar-riżorsi strateġiċi, filwaqt li fl-istess ħin ma jiġix impost piż tat-taxxa “dead-weight” fuq il-materjali li għandhomx alternattiva.

2.3.   L-ATT FINANZJARJU TAL-2001, ID-DĦUL FIS-SEĦĦ, L-EMENDI U D-DURATA

(28)

Il-leġiżlazzjoni primarja li tirregola l-AGL hija stipulata fis-Sezzjonijiet 16 sa 49 u fl-Iskedi 4 sa 10 tal-Att Finanzjarju tal-2001. L-Att Finanzjarju tal-2001 ġie adottat fil-11 ta' Mejju 2001 u ġie soġġett għal bosta emendi kif deskritti fil-Premessi 28 u 29 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ. Din id-Deċiżjoni tagħmel referenza għall-Att Finanzjarju tal-2001, kif emendat sussegwentement. L-AGL daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2002 u għadha applikabbli. Il-liġi ma tillimitax l-applikazzjoni tal-AGL biż-żmien.

(29)

Wara d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit emendaw l-Att Finanzjarju tal-2001 billi ssospendew l-eżenzjonijiet għall-materjali li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kienet esprimiet dubji mill-1 ta' April 2014.

(30)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit spjegaw li meta kienu qed iħejju l-leġiżlazzjoni neċessarja għas-sospensjoni, ikkonkludew fuq il-bażi tal-kummenti riċevuti mingħand l-industrija li d-determinazzjoni ta' jekk ċerti materjali ġewx “estratti sabiex jintużaw bħala aggregati” ma tkunx prattika. B'hekk, fasslu kriterju ġdid, “għal skopijiet ta' bini”, li huwa konsistenti mad-definizzjonijiet użati mil-leġiżlazzjoni eżistenti. Madankollu, sabiex tikseb l-istess riżultat bħal dak previst mid-Deċiżjoni ta' Ftuħ bl-applikazzjoni tal-kriterju msemmi l-aħħar, il-leġiżlazzjoni dwar is-sospensjoni tipprovdi wkoll li: (i) it-tafal (inklużi t-tafal tal-kawlina, it-tafal taċ-ċina u l-fireclay) u x-shale użati biex isiru prodotti tal-kostruzzjoni taċ-ċeramika; u (ii) gypsum użat biex isir materjal tal-kisi u plasterboard, iridu jiġu kkunsidrati bħala proċessi eżentati. Dan minħabba l-fatt li jistgħu jkunu inklużi fil-materjal estratt “għal skopijiet ta' bini”, iżda ma jirrappreżentawx użi tal-materjali rispettivi bħala aggregati.

2.4.   L-ISTRUTTURA TAL-AGL U XI JWASSAL GĦALL-INTAXXAR

(31)

Is-Sezzjoni 16(1) tal-Att Finanzjarju tal-2001 tiddikjara li “imposta, magħrufa bħala imposta fuq l-aggregati, trid tintalab skont din il-Parti fuq aggregat soġġett għal użu kummerċjali.” Is-Sezzjoni 16(2) tgħid “L-imposta trid tinbidel kull meta kwantità ta' aggregat taxxabbli tkun soġġetta għal użu kummerċjali fir-Renju Unit fid-data ta' bidu jew wara”.

(32)

Skont is-Sezzjoni 17(1) “aggregat”“tfisser (soġġetta għas-Sezzjoni 18 ta' hawn taħt) kwalunkwe ġebel, żrar jew ramel, flimkien ma' kull sustanza li tkun inkorporata fil-ġebel, żrar jew ramel jew li jitħalltu b'mod naturali magħhom.”

(33)

Is-Sezzjoni 18(1) tistipula li: “F'din il-Parti, referenzi għal aggregat: (a) inklużi referenzi għall-iskart, il-fdal, il-biċċiet u prodotti sekondarji oħrajn li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' kwalunkwe proċess eżentat għal kwalunkwe aggregat (b) iżda ma jinkludux referenzi għal kull ħaġa li tirriżulta mill-applikazzjoni ta' kwalunkwe proċess bħal dan fuq kwalunkwe aggregat”.

(34)

Skont is-Sezzjoni 18(2), il-proċessi eżentati huma:

“(a)

it-tqattigħ ta' kwalunkwe ġebla biex jiġu prodotti ġebel b'wiċċ ċatt wieħed jew iktar;

(b)

kwalunkwe proċess li bih sustanza relevanti tiġi estratta jew separata b'xi mod ieħor (kemm jekk parti mill-proċss ta' teħid tagħha minn xi art jew mod ieħor) minn kwalunkwe aggregat;

(c)

kwalunkwe proċess għall-produzzjoni ta' ġir jew siment mill-franka jew mill-franka u xi ħaġa oħra”.

(35)

Is-Sezzjoni 18(3) telenka s-suztanzi relevanti li huma (a) anidrit; (b) tafal tal-kawlina; (c) bariti; (e) tafal taċ-ċina; (f) feldspar; (g) fireclay; (i) fluworspar; (j) ert ta' fuller; (k) ħaġar u ħaġar semiprezzjuż; (l) gypsum; (m) kwalunkwe metall jew il-mineral ta' kwalunkwe metall; (n) muskovit; (o) perlit; (p) potassju; (q) ġebel pumiku; (r) fosfati tal-ġebel; (s) klorur tas-sodju; (t) talk; (u) vermikulit. Is-Subsezzjonijiet (3)(d) u (h) tas-Sezzjoni 18 tneħħew b'mod retroattiv mill-1 ta' April 2002 permezz tal-bidliet introdotti mill-Att Finanzjarju tal-2002.

(36)

Is-Sezzjoni 16(2) tal-Att Finanzjarju tal-2001 moqrija flimkien mas-Sezzjoni 19(1) u s-Sezzjoni 19(2) tistabbilixxi li l-AGL titnieda minn kwalunkwe wieħed mill-erba' tipi ta' sfruttament kummerċjali fir-Renju Unit li jseħħ l-ewwel:

(a)

il-materjal jitneħħa mis-sit oriġinarju tiegħu, jew xi sit irreġistrat fuq isem persuna li hija l-operatur tas-sit oriġinarju (18), jew xi sit ieħor li fih ittieħdet kwantità ta' aggregat biex jiġi applikat għaliha proċess eżentat fuq dak is-sit iżda li ma jkun ġie applikat għaliha ebda tali proċess.

(b)

il-materjal isir soġġett għal ftehim li jiġi fornit lil xi persuna (19);

(c)

il-materjal jintuża għal skopijiet ta' bini (20); jew

(d)

il-materjal jitħallat, iżda mhux fiċ-ċirkustanzi awtorizzati (21), ma' kwalunkwe materjal jew sustanza għajr l-ilma.

(37)

Għall-fini tal-AGL, l-Att Finanzjarju tal-2001 jagħmel distinzjoni essenzjali bejn tliet tipi ta' siti oriġinarji:

(a)

il-port jew sit ieħor ta' ħatt fejn jinħatt għall-ewwel darba l-aggregat miksub minn qiegħ il-baħar tar-Renju Unit (is-Sezzjoni 20(1)(a)).

(b)

is-sit fejn seħħ proċess eżentat (is-Sezzjoni 20(1)(b)). Dan huwa marbut ma' sitwazzjonijiet li fihom ikun ġie applikat proċess eżentat, is-sustanza eżentata tkun ġiet estratta u jifdal u jiġi sfruttat xi aggregat. Is-sit fejn seħħet l-estrazzjoni tas-sustanza eżentata jsir is-sit oriġinarju tal-aggregat.

(c)

is-sit li mill-art tiegħu jinkiseb l-aggregat (is-Sezzjoni 20(1)(d)).

(38)

Bħala konsegwenza tal-kunċett ta' użu kummerċjali, l-AGL tapplika kemm għal aggregati estratti fir-Renju Unit kif ukoll għal aggregati importati. L-aggregati importati ser ikunu soġġetti għall-AGL mhux meta jinħattu fir-Renju Unit (22) iżda meta jkunu s-suġġett ta' ftehim (u l-aggregat diġà jkun fir-Renju Unit) jew jintużaw għal skopijiet ta' bini (fir-Renju Unit) jew jintużaw għal skopijiet kummerċjali (fir-Renju Unit) jew jitħalltu (fir-Renju Unit) ma' kwalunkwe materjal jew sustanza għajr l-ilma, ħlief f'ċirkustanzi awtorizzati (23).

(39)

Is-Sezzjoni 19(3) tal-Att Finanzjarju tal-2001 fih iktar dettalji fuq il-kunċett ta' sfruttament kummerċjali. Fl-ittra (e) tipprovdi li ma jseħħ ebda sfruttament kummerċjali meta — bla ma l-materjal ikun soġġett għal xi proċess li jinvolvi t-tħallit tiegħu ma xi sustanza jew materjal ieħor (ħlief l-ilma) — jerġa' jsir parti mill-art fis-sit mnejn inkiseb (24).

(40)

Is-Sezzjonijiet 21 u 22 jiddefinixxu min hu l-operatur ta' sit u jekk huwiex l-operatur ta' sit jew xi persuna oħra li huma responsabbli għall-użu (u għalhekk responsabbli quddiem l-AGL) f'sitwazzjoni partikolari.

2.5.   IL-KUNĊETT TA' AGGREGAT TAXXABBLI — EŻENZJONIJIET MILL-AGL U KREDITI TA' TAXXA

(41)

Is-Sezzjoni 17(2) tal-Att Finanzjarju tal-2001 jistipula li aggregat mhuwiex aggregat taxxabbli f'erba' każijiet:

(a)

jekk ikun eżentat b'mod espliċitu;

(b)

jekk qabel ikun intuża għal skopijiet ta' bini (kemm jekk qabel jew wara d-data ta' bidu);

(c)

jekk huwiex, jew huwiex derivat minn, xi aggregat li diġà kien soġġett għall-AGL;

(d)

jekk huwa aggregat li tneħħa mis-sit oriġinarju tiegħu qabel id-data ta' bidu.

(42)

Aggregat jitqies li ntuża għal skopijiet ta' bini meta jintuża bħala materjal jew appoġġ fil-bini jew titjib ta' kwalunkwe struttura (inklużi toroq, passaġġi, il-mogħdija li fuqha ser jew għandu jinbena binarju, imbankmenti, binjiet u pontijiet) jew meta jitħallat ma' kwalunkwe ħaġa bħala parti mill-proċess ta' produzzjoni ta' tajn, konkrit, tarmakadam, żrar miksi għat-triq jew xi materjal tal-bini simili ieħor (25).

(43)

Is-Sezzjoni 17(3) tispeċifika li l-aggregat huwa eżentat mill-AGL jekk:

“(b)

jikkonsisti kompletament f'aggregat miksub bit-tneħħija mill-art fis-sit ta' kwalunkwe bini jew bini propost matul tħaffif imwettaq skont il-liġi: (i) b'rabta mal-modifika jew il-kostruzzjoni tal-bini; u (ii) esklussivament għall-fini ta' tlestija tal-pedamenti jew ta' twaħħil ta' xi pajp jew kejbil;

(c)

jikkonsisti kompletament f'aggregat miksub (i) bit-tneħħija mill-qiegħ ta' xi xmara, kanal jew passaġġ tal-ilma (kemm jekk naturali jew artifiċjali) jew ta' kwalunkwe kanal fi jew qrib xi port (kemm jekk naturali jew artifiċjali); u (ii) matul it-twettiq ta' kwalunkwe tħammil imwettaq b'mod esklussiv għall-fini ta' ħolqien, restawr, titjib jew manutenzjoni ta' dik ix-xmara, kanal, passaġġ tal-ilma jew approċċ;

(d)

jikkonsisti kompletament f'aggregat miksub bit-tneħħija mill-art tul il-linja jew il-linja proposta ta' kwalunkwe awtostrada jew awtostrada proposta u matul it-tħaffir imwettaq: (i) għall-fini ta' titjib jew manutenzjoni tal-awtostrada jew il-bini tal-awtostrada proposta; u (ii) mhux għall-fini ta' estrazzjoni ta' dak l-aggregat;

(da)

jikkonsisti kompletament f'aggregat miksub bit-tneħħija mill-art tul il-linja jew linja proposta ta' kwalunkwe binarju tal-ferrovija, tat-tram jew tal-monorail jew binarju tal-ferrovija, tat-tram jew tal-monorail propost u matul it-tħaffir imwettaq: (i) għall-fini ta' titjib jew manutenzjoni tal-binarju tal-ferrovija, tat-tram jew tal-monorail jew il-bini tal-binarju tal-ferrovija, tat-tram jew tal-monorail; u (ii) mhux għall-fini ta' estrazzjoni ta' dak l-aggregat;

(e)

jikkonsisti kompletament fl-iskart, il-fdalijiet jew prodotti sekondarji oħrajn, mhux inkluż il-piż eċċessiv, li jirriżultaw mill-estrazzjoni jew separazzjoni oħra minn kwalunkwe kwantità ta' aggregat ta' kwalunkwe tafal taċ-ċina jew tafal tal-kawlina; jew

(f)

jikkonsisti kompletament mill-iskart ta' kwalunkwe proċess li bih (i) faħam, linjite, lavanja jew shale jew (ii) sustanza elenkata fis-Sezzjoni 18(3) hawn taħt, ġew separati minn ġebla oħra wara l-estrazzjoni jew miksubin b'dik il-ġebla l-oħra.”

(44)

Is-SubSezzjoni (3)(da) tas-Sezzjoni 17 iddaħħlet mis-Sezzjoni 22(3) tal-Att Finanzjarju tal-2007, u tapplika mill-1 ta' Awwissu 2007.

(45)

Barra minn hekk, is-subSezzjoni (4) tas-Sezzjoni 17 teżenta l-aggregati li jikkonsistu kompletament jew primarjament fi kwalunkwe wieħed/waħda minn dawn li ġejjin jew li huma parti minn xi ħaġa li tikkonsisti f'dawn, jiġifieri:

“(a)

faħam, linjite, lavanja jew shale;

(c)

l-iskart jew fdalijiet minn, jew prodotti sekondarji oħrajn ta' (i) kwalunkwe proċess ta' kombustjoni industrijali, jew (ii) it-tidwib jew l-irfinar tal-metall;

(d)

il-fdalijiet wara t-tħaffir li jirriżultaw minn kwalunkwe operazzjoni mwettqa skont liċenzja mogħtija skont l-Att dwar il-Petroleum tal-1998 [jew l-Att dwar il-(Produzzjoni tal-)Petroleum (L-Irlanda ta' Fuq) 1964;

(e)

kwalunkwe ħaġa li tirriżulta mix-xogħlijiet imwettqin fl-eżerċizzju tas-setgħat li huma meħtieġa li jiġu eżerċitati skont, jew mogħtijin minn, dispożizzjoni pprovduta minn jew skont l-Att tal-1991 dwar Toroq Ġodda u Xogħlijiet tat-Toroq, l-Ordni tal-1993 dwar it-Toroq (L-Irlanda ta' Fuq) jew l-Ordni tal-1995 dwar ix-Xogħlijiet tat-Toroq (L-Irlanda ta' Fuq);

(f)

tafal, ħamrija jew ħaxix jew materja organika oħra.”

(46)

Skont l-Avviż AGL 1, “kompletament” tfisser li 100 % tal-materjal inkwistjoni huwa wieħed mill-materjali eżentati. “Primarjament” tfisser li iktar minn 50 % tal-materjal huwa wieħed mill-materjali eżentati. It-tħallit artifiċjali ta' aggregat ma' ammont ikbar ta' materjal eżentat mhuwiex ser jipproduċi taħlita eżentata iżda ser ifisser li l-AGL hija dovuta fuq l-aggregat fi żmien it-tħallit.

(47)

Is-Sezzjoni 30(1) tal-Att Finanzjarju tal-2001 tipprovdi sabiex isiru regolamenti li jistabbilixxu d-dritt ta' persuna għal kreditu ta' taxxa jekk:

a.

l-aggregat li jkun ġie soġġett għall-AGL jiġi esportat mir-Renju Unit fil-forma ta' aggregat;

b.

jiġi applikat proċess eżentat għall-aggregat li kien soġġett għall-AGL;

c.

l-aggregat li kien soġġett għall-AGL jintuża fi proċess industrijali jew agrikolu stipulat;

d.

l-aggregat li kien soġġett għall-AGL jintrema b'tali mod li ma jikkostitwixxix l-użu tiegħu għal skopijiet ta' bini kif jista' jkun stipulat (26); jew

e.

id-dejn kollu jew sehem minnu dovut lil persuna responsabbli sabiex tagħmel l-aggregat soġġett għal użu kummerċjali jitħassar mill-kontijiet tiegħu bħala dejn ħażin.

(48)

Is-Sezzjoni 30(1)(b) tal-Att Finanzjarju tal-2001 tipprovdi għal ħelsien mit-taxxa f'każ li jkun ġie applikat proċess eżentat skont it-tifsira tas-Sezzjoni 18(2)(a), (b) u (c) tal-Att Finanzjarju tal-2001 għall-materjal meta l-materjal diġà jkun ġie soġġett għall-AGL. B'hekk, tirrifletti l-eżenzjonijiet ipprovduti fis-Sezzjoni 18(2).

(49)

Il-proċess industrijali u agrikolu li jista' jibbenefika mill-ħelsien mit-taxxa skont is-Sezzjoni 30(1)(c) huwa elenkat fl-Iskeda “Proċessi Industrijali u Agrikoli” għar-Regolament 13 tar-Regolamenti (Ġenerali) tal-2002 dwar l-Imposta fuq l-Aggregati. L-Avviż AGL 2 (27) jiddeskrivi f'iktar dettall it-tip ta' proċessi involuti. Huma dawn li ġejjin:

Proċessi industrijali

Kodiċi 001: Manifattura ta' ħadid, azzar u materjali mhux tal-ħadid u pproċessar tat-tidwib inklużi proċessi tal-funderija, ikkastjar ta' investiment, pjanti tas-sinter u trafilaġġ

Kodiċi 002: Illigar

Kodiċi 003: Tnaqqis tal-emissjonijiet għall-arja, l-art u l-ilma

Kodiċi 004: Filtrazzjoni u purifikazzjoni tal-ilma tax-xorb, l-arja u l-filtrazzjoni taż-żejt

Kodiċi 005: Trattament tad-drenaġġ

Kodiċi 006: Produzzjoni tal-enerġija

Kodiċi 007: Proċessi taċ-ċeramika

Kodiċi 008: Proċessi refrattarji

Kodiċi 009: Manifattura ta' ħġieġ u prodotti tal-ħġieġ

Kodiċi 010: Manifattura ta' fibra tal-ħġieġ

Kodiċi 011: Fibri magħmulin mill-bniedem

Kodiċi 012: Produzzjoni u pproċessar ta' ikel u xorb

Kodiċi 013: Manifattura ta' plastik, lasktu u PVC

Kodiċi 014: Manifattura kimika, pereżempju karbonat tas-sodju, manjeżi tal-ilma baħar, alumina, silika

Kodiċi 015: Manifattura ta' karbonat tal-kalċju preċipitat

Kodiċi 016: Manifattura ta' farmaċewtiċi, bliċijiet, prodotti kożmetiċi u deterġenti

Kodiċi 017: Proċessi tal-gass

Kodiċi 018: Manifattura ta' materjali għall-mili għall-kisi, siġillanti, adeżivi, żebgħat, ħalib tat-tajn, mastiċi, stokkijiet u mezzi ta' lega jew modifika oħrajn

Kodiċi 019: Manifattura ta' pigmenti, verniċi u inka

Kodiċi 020: Produzzjoni ta' mezzi ta' tkabbir u marki tal-linji għal grawnds sportivi u faċilitajiet ta' divertiment oħrajn

Kodiċi 021: Inċinerazzjoni

Kodiċi 022: Manifattura ta' dessikanti

Kodiċi 023: Manifattura tal-qiegħ, is-saff taħt il-wiċċ u l-fowm tat-twapet

Kodiċi 024: Proċessi tar-reżina

Kodiċi 025: Manifattura ta' addittivi ta' lubrikanti

Kodiċi 026: Konzar tal-ġilda

Kodiċi 027: Manifattura tal-karta

Kodiċi 028: Produzzjoni ta' materjali tal-arti

Kodiċi 029: Produzzjoni ta' ramel tal-logħob, eż. għal fosos tar-ramel fejn jilagħbu t-tfal

Kodiċi 030: Manifattura ta' plattini

Kodiċi 031: Proċessi abrasivi: blasting tar-ramel speċjalizzat, tħin bla ħadid (pebble mills) u manifattura tas-sandpejper

Kodiċi 032: Użu bħala aġent tal-propping fl-esplorazzjoni (jew produzzjoni) taż-żejt, pereżempju, ramel tal-frattura u fluwidi tat-tħaffir

Kodiċi 033: Desulfurizzazzjoni tal-gassijiet mit-tromba taċ-ċumnija u tisfija mill-impuritajiet tal-gassijiet mit-tromba taċ-ċumnija

Kodiċi 034: Manifattura ta' suppressanti tal-minjieri

Kodiċi 035: Manifattura ta' apparati tat-tifi tan-nar

Kodiċi 036: Manifattura ta' materjali li jifilħu għal kontra n-nar

Kodiċi 037: Newtralizzazzjoni tal-aċidi

Kodiċi 038: Manifattura ta' materjali tal-frizzjoni pereżempju partijiet tal-karozzi

Proċessi agrikoli

Kodiċi 039: Manifattura ta' addittivi fil-ħamrija

Kodiċi 040: Manifattura tal-għalf tal-bhejjem

Kodiċi 041: Produzzjoni ta' materjal tal-bejta tal-annimali

Kodiċi 042: Produzzjoni ta' fertilizzant

Kodiċi 043: Manifattura ta' pestiċidi u erbiċidi

Kodiċi 044: Produzzjoni ta' mezzi tat-tkabbir, inkluż il-kompost, għal użu agrikolu u ortikulturali biss

Kodiċi 045: Trattament tal-ħamrija, inkluż arrikkiment minerali u tnaqqis tal-aċidità

2.6.   RATA

(50)

Oriġinarjament, l-AGL kienet imposta bir-rata ta' GBP 1,60 il-tunnellata. Ir-rata żdiedet għal GBP 1,95 il-tunnellata għal aggregati soġġetti għal użu kummerċjali mill-1 ta' April 2008. Bħalissa, ir-rata applikata hija ta' GBP 2 il-tunnellata (mill-1 ta' April 2009).

2.7.   MOTIVI GĦALL-BIDU TA' PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(51)

Kif spjegat fil-Premessa 170 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni kellha dubji fuq jekk l-eżenzjonijiet u l-esklużjonijiet imsemmijin fil-Premessa 139 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ (28) (l-“eżenzjonijiet investigati”) kienu ġġustifikati mill-prinċipji ġenerali u l-loġika tal-AGL. L-eżenzjonijiet u l-esklużjonijiet ikkonċernati donnhom jeħilsu lill-benefiċjarji minn taxxa li normalment kien ikollhom iħallsu u kkostitwixxew għajnuna operatorja. Peress li ma kellhiex biżżejjed elementi biex tikkonkludi dwar jekk il-miżuri jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-Komunità dwar il-ħarsien tal-ambjent (29) (“EAG tal-2001”) u l-Linji Gwida tal-Komunità tal-2008 dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (30) (“EAG tal-2008”), il-Kummissjoni kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-eżenzjonijiet investigati u l-esklużjonijiet mas-suq intern.

3.   KUMMENTI MINGĦAND PARTIJIET INTERESSATI

(52)

Kif intqal fil-Premessa 10 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni rċiviet kummenti estensivi mingħand partijiet interessati wara li ppubblikat id-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(53)

Il-kummenti mingħand il-patijiet interessati kkonċernaw (i) id-Deċiżjoni ta' Ftuħ stess, (ii) il-loġika wara l-AGL, (iii) l-eżenzjonijiet li qabel instabu li ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ u (iv) l-eżenzjonijiet investigati.

(54)

Biex ikun jista' jsir riferiment faċli, din is-sezzjoni ser turi l-kummenti riċevuti b'rabta mad-Deċiżjoni ta' Ftuħ. Il-kategoriji li jifdal tal-kummenti riċevuti huma ppreżentati fis-sezzjonijiet relevanti ta' din id-deċiżjoni.

3.1.   KUMMENTI RIGWARD IL-KONTENUT TAD-DEĊIŻJONI TA' FTUĦ

(a)   Kummenti riċevuti mingħand Richard Bird, BAA, riċevuti fl-20 u t-23 ta' Diċembru 2013

(55)

Is-Sur Bird ipprovda lill-Kummissjoni bil-kontribut tiegħu fil-konsultazzjoni pubblika tal-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar l-approċċ għas-sospensjoni tal-eżenzjonijiet mill-AGL li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni xeħtet dubji fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(56)

Is-Sur Bird jgħid ukoll li hemm għadd ta' impreċiżjonijiet fid-Deċiżjonijiet ta' Ftuħ, bħal:

i.

Bosta barrieri ġew identifikati u dan juri li ma hemm ebda riskju li r-Renju Unit ser jispiċċawlu l-aggregati.

ii.

Aggregati mill-gagazza, aggregati mil-lavanja mfarrka u r-ramel tas-silika mill-produzzjoni tat-tafal taċ-ċina dejjem kienu sors kbir ta' aggregati.

iii.

Aggregati eżentati u aggregati riċiklati ma jistgħux jieħdu post aggregati ta' kwalità meħtieġa għall-bini, li huma estratti flimkien ma' aggregati ta' inqas kwalità (tunnellata ta' kwalità tajba ma' tunnellata aggregati ta' kwalità inferjuri). Inħolqu munzelli ġodda ta' skart minħabba dan il-materjal.

iv.

Qed isseħħ serje ta' abbużi mill-AGL.

v.

Infetħu barrieri sabiex jipproduċu aggregati eżentati biss (31). Is-Sur Bird jgħid li hemm barrieri tal-lavanja li jipproduċu ġebla tal-lavanja biss u ebda lavanja tal-bjut. Bħala eżempju, is-Sur Bird jipprovdi l-ismijiet ta' żewġ barrieri.

vi.

Barrieri tal-aggregati mix-shale qed jipproduċu u jbigħu aggregati mhux intaxxati. Intużaw miljun tunnellata shale għall-bini ta' triq qrib Edinburgh.

vii.

Id-Deċiżjoni ta' Ftuħ allegatament ma tirrikonoxxix x'inhu aggregat: qisien żgħar ta' ġebel, imfarrak jew mhux imfarrak, inkluż ramel naturali u żrar. Armour rock għad-difiżi mill-baħar, ġebel għall-protezzjoni mix-xmajjar, ġebel tal-ħitan, ġebel tal-fuklar, ġebel tal-gandotti, ċagħaq għat-toroq u hearting stone għall-breakwaters marittimi lkoll huma intaxxati bħala aggregati jekk mhumiex lavanja jew shale ġeoloġikament.

viii.

L-AGL ma tagħmilx sens għaliex ġebel tal-ħitan issortjat li mhuwiex maqtugħ huwa intaxxat.

ix.

Lavanja minn mit-Tramuntana ta' Wales biss tista' tintuża bħala lavanja tal-bjut. Lavanja minn żoni oħrajn tal-lavanja fir-Renju Unit ma tintużax bħala lavanja tal-bjut, iżda bħala ġebel tal-ħitan jew ġebel għall-pavimentar. Ġebel ramli, ġebel tal-ħitan u għall-pavimentar huma ntaxxati. Shale ma jintużax għall-bjut. Barrieri tal-lavanja u tax-shale nfetħu għaliex il-materjali huma eżentati mill-imposta (32).

x.

Allegatament, l-AGL fil-fatt kellha impatt ambjentali negattiv peress li l-operazzjonijiet tal-aggregati riċiklati jagħmlu l-ħsara lill-ambjent anki minħabba d-distanzi ta' trasport addizzjonali tal-materjali eżentati.

xi.

Ir-ramel tas-silika minn xogħol bit-tafal taċ-ċina dejjem kien sors ta' aggregat. Ftit li xejn hemm ramel f'Cornwall, u b'hekk ir-ramel mill-barrieri tat-tafal taċ-ċina ma jnaqqasx l-estrazzjoni ta' ramel naturali. Fil-fatt huwa sors importanti ta' ramel fiż-żona. Dan ir-ramel ifixkel is-suq għal ġebel imkisser fin li huwa prodott sekondarju ta' barrieri lokali tal-aggregat mill-ġebel iebes li l-għan primarju tagħhom huwa li jipproduċu qxur aggregat għal konkrit, asfalt u xogħol ta' bini.

xii.

Il-prodotti sekondarji mit-tafal taċ-ċina huma eżentati filwaqt li l-prodotti sekondarji mill-franka huma ntaxxati anki meta l-franka tintuża għall-agrikoltura jew għall-ipproċessar industrijali. Jipproduċu 20 % tal-prodotti sekondarji skart.

xiii.

Allegatament, għadd ta' barrieri tat-tafal taċ-ċina antiki spiċċuti reġgħu nfetħu biss sabiex jiġu sfruttati l-aggregati eżentati peress li l-kawlina ntużat kollha. Min-naħa l-oħra, xi ħadd li jrid jisfrutta barriera qadima bi fdalijiet tal-granit irid iħallas it-taxxa.

xiv.

Il-prodotti sekondarji tal-irfinar u t-tidwib tal-metall tabilħaqq mhumiex l-istess bħall-aggregati naturali, iżda qatt ma kienu skart u għandhom suq tajjeb ħafna. Is-Sur Bird jiddikjara li l-AGL għandha tapplika għal prodotti sekondarji li mhumiex skart.

xv.

Is-Sur Bird iqis li huwa impossibbli li tibdel l-aggregati ta' kwalità ma' aggregati minn ħafna mill-operazzjonijiet tal-lavanja, shale jew tafal taċ-ċina.

(57)

Is-Sur Bird żied ma' din l-informazzjoni sottomissjoni tal-10 ta' Frar 2014 rigward l-użi ta' aggregat tal-gagazza, prodott sekondarju, tal-industrija tal-manifattura tal-azzar. Is-sottomissjoni għandha l-għan li turi li l-gagazza mhijiex skart, iżda aggregat tal-primaklassi li jista' jintuża bħala alternattiva għas-siment.

(b)   Kummenti riċevuti mingħand il-BAA fl-10 ta' Jannar 2014

(58)

Il-BAA tqis li ma għandux jintuża l-kunċett ta' aggregat biex jiġi stabbilit jekk l-AGL tirriżultax f'għajnuna mill-Istat peress li ma hemm ebda definizzjoni ċara ta' aggregat li tikkorrispondi għall-kamp ta' applikazzjoni tat-taxxa. Il-Kummissjoni tiddefinixxi l-aggregati fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ bħala “ġebel, żrar u ramel estrattati għall-fini ta' forniment ta' saħħa fil-bini”. Madankollu, allegatament, l-AGL tintaxxa ħafna mill-materjali li jintużaw għal skopijiet differenti għajr “l-għoti ta' saħħa fil-bini”, bħal ġebel tal-bini mhux maqtugħ użat biex jinbnew ħitan, armour rock, ballast tal-binarji, ħaġar b'Valur għoli tal-Ħaġar Illostrat (“PSV”) għal asfalt li ma jiżloqx, eċċ. Il-BAA ssemmi li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Ingilterra vvalutaw is-suq tal-aggregati bosta drabi u ġeneralment ikkonkludew li materjali speċjalizzati bħal ballast tal-binarji u ħaġar b'PSV għoli huma fi swieq differenti minn xulxin u mill-“aggregat tal-bini” għaliex jintużaw għal applikazzjonijiet differenti u la hemm sostituzzjoni min-naħa tad-domanda u lanqas sostituzzjoni min-naħa tal-provvista (33).

(59)

Il-BAA tiddikjara li tlieta mill-eżenzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni ħarġet konklużjonijiet pożittivi fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ huma selettivi, jiġifieri l-eżenzjoni għal skart riċiklat tal-bini, aggregat imħaffef matul il-bini ta' toroq, binarji, bini eċċ., u skart/prodotti sekondarji industrijali. Il-BAA tiddikjara li mill-perspettiva tal-objettiv ta' “bidla fid-domanda”, dawn it-tliet kategoriji ta' materjali eżentati huma fl-istess pożizzjoni bħall-iskart/prodott sekondarju ta', fost l-oħrajn, tafal taċ-ċina, lavanja u faħam li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni esprimiet dubji fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(c)   Kummenti riċevuti mingħand Lantoom Quarry fis-16 ta' Jannar 2014

(60)

Lantoom Quarry jiddikjaraw li d-Deċiżjoni ta' Ftuħ ħolqot inċertezza u ħalliet impatt fuq l-investiment u l-impjiegi.

4.   KUMMENTI TAR-RENJU UNIT

(61)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit pprovdew kummenti estensivi fuq id-dubji mqajmin fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ u iktar informazzjoni wkoll fuq il-motivi ta' kompatibbiltà għall-eżenzjonijiet investigati.

(62)

Ma daħal ebda kumment mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit rigward il-kontenut tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ inifisha. Biex tkun tista' ssir referenza faċli, il-kummenti u l-informazzjoni riċevuti huma ppreżentati fis-sezzjonijiet relevanti ta' din id-deċiżjoni.

5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA

(63)

Il-Kummissjoni diġà ddeċidiet bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ li ma tqajjem ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-eżenzjonijiet, l-esklużjonijiet u l-ħelsien mit-taxxa stipulati fis-Sezzjonijiet 17(2)(b), 17(2)(c), 17(2)(d), 17(3)(b), 17(3)(c), 17(3)(d), 17(3)(da), 17(4)(d) u 17(4)(e), is-Sezzjoni 17(4)(a) (diment li l-materjal eżentat jikkonsisti kompletament f'faħam, linjite, shale, lavanja li jintuża għal skopijiet oħrajn għajr bħala aggregat), is-Sezzjoni 17(4)(c) (meta jikkonsisti kompletament fi fdal), is-Sezzjoni 17(4)(f) (ħlief għat-tafal), is-Sezzjoni 18(2)(a), is-Sezzjoni 18(2)(b) (meta jkun marbut ma' materjali li ma jintużawx bħala aggregati), is-Sezzjoni 18(2)(c), is-Sezzjoni 30(1)(a), is-Sezzjoni 30(1)(b) (meta jkun marbut mal-proċessi eżentati skont it-tifsira tas-Sezzjoni 18(2) (a) u (c)), is-Sezzjoni 30(1)(b) (meta jkun marbut ma' proċess eżentat skont it-tifsira tas-Sezzjoni 18(2) (b) li jipprovdi għal materjali li ma jintużawx bħala aggregati), u 30(1)(c) tal-Att Finanzjarju tal-2001, kif emendat mill-Att Finanzjarju tal-2002 u l-Att Finanzjarju tal-2007, b'rabta mal-AGL, peress li l-Kummissjoni kienet tqis li ma jinvolvux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni mhijiex ser tivvaluta dawn l-eżenzjonijiet, l-esklużjonijiet u l-ħelsien mit-taxxa pprovduti mill-Att Finanzjarju tal-2001, kif emendat mill-Att Finanzjarju tal-2002 u l-Att Finanzjarju tal-2007 b'rabta mal-AGL u ser tillimita l-valutazzjoni tagħha għall-eżenzjonijiet investigati.

5.1.   VALUTAZZJONI TAL-KUMMENTI RIĊEVUTI RIGWARD IL-KONTENUT TAD-DEĊIŻJONI TA' FTUĦ

(64)

Il-BAA, kif intqal iktar 'il fuq fil-Premessa 59, tiddikjara li l-eżenzjonijiet għall-iskart riċiklat mill-bini, l-aggregat imħaffer matul il-bini ta' toroq, binarji, bini, eċċ., u skart/prodott sekondarju industrijali ma jaqgħux taħt il-loġika tal-AGL mill-perspettiva tal-objettiv ta' “bidla fid-domanda”.

(65)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li aggregati riċiklati u aggregati estratti ġodda mhumiex f'sitwazzjoni paragunabbli fid-dawl tal-objettiv tal-AGL u d-distinzjoni li saret bejn aggregati riċiklati u dawk estratti ġodda tirriżulta mill-għamla u l-loġika tal-AGL. Huwa ċar li l-użu ta' aggregat riċiklat, anki jekk il-proċess ta' riċiklaġġ ikun inqas ekoloġiku mill-proċess ta' tħaffir ta' aggregat ġdid, jiffranka t-tħaffir tal-istess kwantità ta' aggregat ġdid. Barra minn hekk, l-inċentivar tal-użu ta' materjali li huma r-riżultat inevitabbli ta' ċerti attivitajiet li jseħħu xorta waħda ovvjament jgħin sabiex jonqos il-ġmigħ ta' skart u jiffranka t-tħaffir tal-istess kwantità ta' aggregat ġdid.

(66)

Għaldaqstant, dawn it-tliet eżenzjonijiet jikkontribwixxu għall-kisba ta' benefiċċju ambjentali ikbar billi jevitaw iktar tqattigħ fil-barrieri.

(67)

F'dan ir-rigward, bosta partijiet interessati semmew li kien hemm każijiet ta' iktar tħaffir bl-uniku skop li jinkisbu aggregati għall-bejgħ. Madankollu, dawn huma każijiet ċari ta' abbuż li jridu jiġu rrapportati u indirizzati mil-liġi nazzjonali tar-Renju Unit u ma jikkostitwixxux kwistjoni għal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat.

(68)

Ir-raġunijiet wara d-dubji li esprimiet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ fir-rigward tal-iskart/prodott sekondarju ta', fost l-oħrajn, tafal taċ-ċina, lavanja u faħam, ma jaffettwawx il-valutazzjonijiet tat-tliet eżenzjonijiet imsemmijin hawn fuq, primarjament id-dubji li tqajjem il-Kummissjoni ma jipprekludux ir-riżultati finali tal-proċedura ta' investigazzjoni formali u l-materjali soġġetti għall-eżenzjonijiet huma differenti u jirriżultaw f'ċirkustanzi differenti.

(69)

Is-Sur Bird jindika l-użu bħala aggregati ta' sensiela ta' materjali eżentati mill-AGL li juri li l-eżenzjonijiet mill-AGL jgħinu sabiex jinkiseb l-iskop ambjentali tagħha peress li jirnexxielhom jieħdu post aggregati mqattgħin ġodda mill-barrieri.

(70)

Id-dejta pprovduta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, kif ser nuru hawn taħt fil-Premessa (143) turi li mhux talli l-għadd ta' barrieri li jipproduċu materjali eżentati ma żdiedx wara li daħlet l-AGL, talli fil-fatt naqas.

(71)

Waħda mill-barrieri li s-Sur Bird elenka bħala waħda minn dawk li allegatament qed jipproduċu ġebel tal-lavanja biss u mhux lavanja tal-bjut, fil-fatt, skont is-sit web tagħha stess, qed tipproduċi lavanja tal-bjut. Fir-rigward tal-barriera l-oħra, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ħadu impenn li jinvestigaw x'materjal fil-fatt tipproduċi u ser tibda l-infurzar skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali skont x'jirriżulta mill-investigazzjoni.

(72)

Kemm l-awtoritajiet tar-Renju Unit kif ukoll il-BAA ddikjaraw li ma kellhom ebda informazzjoni li dan l-aħħar reġgħu nfetħu barrieri tat-tafal taċ-ċina antiki spiċċuti. L-awtoritajiet tar-Renju Unit ma jafu b'ebda permess mogħti f'dan ir-rigward u ż-żewġ produtturi tat-tafal taċ-ċina u tat-tafal tal-kawlina ma jafu b'ebda ftuħ bħal dan.

5.2.   GĦAJNUNA MILL-ISTAT SKONT IT-TIFSIRA TAL-ARTIKOLU 107(1) TAT-TRATTAT (EX ART. 87(1) KE)

(73)

Miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE jekk tissodisfa erba' kundizzjonijiet. L-ewwel nett, il-miżura tagħti vantaġġ lill-benefiċjarji. It-tieni, il-miżura tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew attivitajiet ekonomiċi (selettività). It-tielet, il-miżura hija ffinanzjata mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat. U r-raba', il-miżura għandha l-potenzjal li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tfixkel il-kompetizzjoni fis-suq intern.

(74)

Skont il-ġurisprudenza stabbilita, id-definizzjoni ta' għajnuna hija iktar ġenerali minn dik ta' sussidju għaliex ma tinkludix biss benefiċċji pożittivi, bħas-sussidji stess, iżda anki miżuri tal-Istat li, f'bosta forom, itaffu l-imposti li normalment ikunu inklużi fil-baġit ta' impriża u li, b'hekk, bla ma jkunu sussidji fit-tifsira stretta tal-kelma, għandhom karattru simili u l-istess effett (34).

(75)

Fir-rigward tal-kriterju ta' selettività tal-vantaġġ, hemm bżonn li jitqies jekk, skont skema statutorja partikolari jew sistema fiskali speċifika, miżura tal-Istat tkunx tali li tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE meta mqabbla ma' impriżi oħrajn f'sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli fid-dawl tal-objettiv fil-mira tal-iskema jew is-sistema fiskali kkonċernata (35).

(76)

Madankollu, miżura li, għad li tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha, hija ġġustifikata minħabba l-għamla tagħha jew l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali li hija parti minnha ma tissodisfax dik il-kundizzjoni ta' selettività (36). B'hekk, Stat Membru jista' juri li miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew gwida tas-sistema fiskali tiegħu.

(77)

Għall-fini ta' valutazzjoni tal-għamla selettiva tal-vantaġġ mogħti mill-miżura inkwistjoni, importanti li jiġi stabbilit x'jikkostitwixxi l-qafas ta' referenza, peress li l-eżistenza ta' vantaġġ tista' tiġi stabbilita biss meta jsir paragun ma' dan il-qafas ta' referenza (37).

(78)

Fi ftit kliem, is-selettività tista' tiġi vvalutata wara li jiġi segwit approċċ bi tliet stadji:

(i)

Tiġi stabbilita s-sistema ta' referenza (jew sistema fiskali normali) li fiha jkunu identifikati l-prinċipju ta' taxxa normali tal-AGL u l-objettiv (ambjentali),

(ii)

L-istabbiliment ta' jekk id-differenzjazzjoni tat-taxxa tikkostitwixxix deroga mill-iskema tat-taxxa normali tant li toħloq differenza bejn operaturi ekonomiċi li huma f'sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli, u

(iii)

Fil-każ ta' paragunabbiltà tas-sitwazzjoni legali u fattwali, id-differenzjazzjoni fit-taxxa ma tikkostitwixxix deroga jekk tista' tiġi ġġustifikata mill-objettiv tas-sistema fiskali. Fin-nuqqas ta' ġustifikazzjoni bħal din, il-miżura trid tiġi kkunsidrata selettiva de facto. Meta tiġi ġġustifikata d-differenzjazzjoni tat-taxxa, jistgħu jiġu invokati biss il-mekkaniżmi intrinsiċi tas-sistema fiskali meħtieġa għall-ilħuq tal-objettiv. Objettivi mhux marbutin mas-sistema fiskali ma jistgħux jiġu kkunsidrati f'dan ir-rigward.

(79)

Kif ikkonfermat il-Qorti Ġenerali (38), il-qafas ta' referenza li fuq il-bażi tiegħu t-taxxa normali u l-eżistenza ta' kwalunkwe vantaġġ selettiv iridu jiġu stabbiliti jikkonsisti fl-AGL stess peress li stabbilixxiet sistema fiskali speċifika applikabbli għas-settur tal-aggregati fir-Renju Unit. B'hekk, huwa b'referenza għat-taxxa normali u l-objettiv tal-AGL li hemm bżonn li jiġi mistħarreġ jekk id-differenzjazzjonijiet fit-taxxi humiex iġġustifikati.

(80)

Il-Kummissjoni eżaminat l-Att Finanzjarju tal-2001 kif imbagħad ġie emendat b'mod retroattiv mill-Att Finanzjarju tal-2002. Peress li l-AGL hija skema kurrenti, il-Kummissjoni eżaminat ukoll l-eżenzjoni stipulata fis-Sezzjoni 17(3) (da), li ddaħħlet mill-Att Finanzjarju tal-2007.

5.3.   IT-TAXXA NORMALI TAĦT L-AGL U L-OBJETTIV TAL-AGL

(81)

L-AGL hija imposta fuq l-aggregati. Is-Subsezzjonijiet (1) u (2) tas-Sezzjoni 16 tal-Att Finanzjarju tal-2001 jistabbilixxu imposta fuq l-aggregati taxxabbli li huma soġġetti għal użu kummerċjali fir-Renju Unit fid-data ta' bidu tiegħu jew wara.

(82)

L-AGL kien introdott fl-1 ta' April 2002. Dak li jikkostitwixxi użu kummerċjali huwa ddefinit fis-Sezzjoni 19. Huma previsti erba' tipi ta' użi kummerċjali: (a) it-tneħħija tal-aggregat mis-sit oriġinarju tiegħu; (b) il-konklużjoni ta' ftehim tal-provvista; (c) l-użu għal skopijiet ta' bini; jew (d) it-tħallit ma' kwalunkwe materjal jew sustanza għajr l-ilma.

(83)

Rigward il-kunċett tal-aggregati, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ikkonfermaw bosta drabi li l-AGL mhijiex prevista bħala imposta fuq il-minerali estratti kollha u lanqas fuq il-ġebel, żrar jew ramel kollu, iżda biss fuq ramel, żrar u ramel estrattati għall-fini ta' forniment ta' saħħa fil-bini.

(84)

Dan huwa kkonfermat ukoll mix-xogħlijiet ta' tħejjija tal-AGL (39). Dawk ix-xogħlijiet jikkonfermaw li, mill-bidu nett, l-iskop tal-AGL kien li tkun taxxa fuq l-aggregati u mhux fuq kwalunkwe minerali partikolari estratt. Dan kien rikonoxxut mill-Qorti Ġenerali wkoll (40).

(85)

Kif indikat fil-Premessa 14 iktar 'il fuq, l-aggregati ġeneralment jistgħu jkunu deskritti bħala dawk li jikkorrispondu għal materjali granulari jew partikulati li, minħabba l-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi inerti tagħhom, huma xierqa sabiex jintużaw waħedhom jew billi jiżdiedu siment, ġir jew materjal bituminuż fil-bini bħal konkrit, żrar tat-triq, asfalt jew gandotti tad-drenaġġ, jew sabiex jintużaw bħala mili fil-bini. L-aggregati naturali huma ramel, ġebel u żrar. Madankollu, il-materjali li jintużaw bħala aggregati jistgħu jaqdu skopijiet oħrajn ukoll. F'termini oħrajn, għall-finijiet tal-AGL, jekk materjal iridx jitqies bħala aggregat jew le ser jiddependi mill-użu tiegħu u mhux mill-kompożizzjoni ġeoloġika tiegħu.

(86)

Meta kienu qed jabbozzaw il-leġiżlazzjoni tal-AGL, l-awtoritajiet tar-Renju Unit intebħu li definizzjoni bbażata fuq l-użu tal-kamp ta' applikazzjoni tat-taxxa tkun problematika, peress li l-użu maħsub għall-prodott jista' jinbidel wara li jinqabeż il-punt tat-taxxa (41). Sabiex isolvu dik id-diffikultà, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ħaddmu teknika oħra. Minflok ma użaw definizzjoni preċiża tat-terminu “aggregat” jew kriterji tat-taxxa ġenerali, l-Att Finanzjarju tal-2001 jibda billi jissoġġetta r-ramel, żrar jew ġebel għat-taxxa iżda mbagħad jillimita l-applikazzjoni u l-kamp ta' applikazzjoni tat-taxxa permezz ta' esklużjonijiet, eżenzjonijiet u ħelsien mit-taxxa tal-ġebel, ramel jew żrar li ntużaw għal ċerti skopijiet jew ġew soġġetti għal ċerti proċessi.

(87)

L-objettiv assenjat lill-AGL huwa li jiġi żgurat li l-impatt ambjentali mill-estrazzjoni tal-aggregati (b'mod partikolari l-ħsara għall-bijodiversità u l-veduta) jkun rifless iktar bis-sħiħ fil-prezzijiet sabiex jiġu indotti estrazzjoni u użu iktar effiċjenti tal-aggregati. Għandha l-għan ukoll li tħeġġeġ tbegħid tad-domanda lil hinn minn aggregati estratti ġodda favur aggregati alternattivi bħal aggregati riċiklati u aggregati li huma prodotti sekondarji ta' jew skart minn ċerti proċessi ta' estrazzjoni jew industrijali. Min-naħa tiegħu, it-tbegħid tad-domanda ser inaqqas il-bżonn ta' aggregati estratti ġodda u b'hekk ser jillimita l-ħsara fl-ambjent assoċjata mal-attività ta' estrazzjoni.

(88)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ il-Kummissjoni qieset li kien hemm bżonn li jiġi stabbilit l-objettiv assenjat lis-sistema fiskali tal-AGL bla ma tirreferi għat-terminoloġija ta' aggregati verġni jew primarji, iżda billi tirreferi għall-kontenut tagħha. It-terminoloġija hija deskritta f'dettall fil-Premessi (64) u (65) tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(89)

Irrispettivament mit-terminoloġija użata, l-awtoritajiet tar-Renju Unit huma kontra aggregati li ġew estratti (ġodda) sabiex jintużaw bħala aggregati għal bosta materjali li ma kinux estratti ġodda bħala aggregati jew inkella li nkisbu b'mod inevitabbli bħala riżultat ta' attivitajiet oħrajn li ma kellhomx l-għan ta' estrazzjoni tal-aggregati, iżda li xorta waħda jistgħu jservu bħala alternattivi għal aggregati estratti ġodda u apposta.

(90)

Filwaqt li qieset l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prinċipju ta' taxxa normali tal-AGL huwa t-taxxa fuq ġebel, żrar u ramel estratti (ġodda) sabiex jintużaw bħala aggregati u soġġetti għal użu kummerċjali fir-Renju Unit fl-1 ta' April 2002 jew wara.

(91)

Fir-rigward tal-objettiv tagħha, il-Kummissjoni osservat li l-AGL għandha l-għan li tagħmel l-estrazzjoni tal-aggregati iktar effiċjenti billi tinternalizza l-problemi ambjentali ta' dik l-attività. Barra minn hekk, qed timmira għal tbegħid mid-domanda: mill-estrazzjoni deliberata ta' ġebel, żrar u ramel għall-użu bħala aggregati fl-industrija tal-bini favur l-użu ta' aggregati li huma prodotti sekondarji ta' jew skart minn ċerti proċessi jew ta' aggregati riċiklati.

(92)

Il-Kummissjoni rċiviet kummenti estensivi mingħand partijiet interessati fir-rigward tal-prinċipju ta' taxxa normali u l-objettiv tal-AGL.

5.4.   KUMMENTI RIĊEVUTI DWAR IL-PRINĊIPJU TA' TAXXA NORMALI U L-OBJETTIV TAL-AGL

(a)   Kummenti riċevuti mingħand il-BAA fil-15 ta' Settembru 2014

(93)

Il-BAA tenniet id-dikjarazzjonijiet tagħha mis-sottomissjonijiet ta' qabel li l-AGL tmur kontra l-loġika minnha nfisha. Il-BAA tiddikjara li ma hemm ebda definizzjoni ċara għall-aggregati li tista' tispjega l-kamp ta' applikazzjoni tal-AGL. Il-BAA tgħid li l-AGL tintaxxa ħafna materjali li jaqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, jiġifieri materjali li jintużaw għal skopijiet differenti għajr il-“forniment ta' saħħa lill-bini” jew l-użu fil-konkrit, iż-żrar tat-toroq, l-asfalt, il-gandotti tad-drenaġġ jew bħala mili fil-bini. Jiddikjaraw li, armour rock għad-difiżi mill-baħar, li huwa ntaxxat, ma jintużax biex tiżdied is-saħħa fil-bini u huwa ferm ikbar u itqal mill-aggregati użati għall-konkrit jew l-użi elenkati l-oħrajn. Barra minn hekk, il-ġebel għall-bini mhux maqtugħ huwa ntaxxat mill-AGL filwaqt li jintuża biex jinbnew ħitan ta' bini u ċnut tradizzjonali (jiġifieri ħitan li jifirdu l-għelieqi) u mhux għal wieħed mill-użi elenkati. Il-BAA targumenta li ma jistax jiġi ddikjarat li dawn il-materjali huma “aggregati” u li l-lavanja tal-bjut, il-ġebel għall-bini maqtugħ jew it-tafal għall-manifattura tal-brikks mhumiex “aggregat”. Il-materjali kollha huma ġebel estratt mill-art, iżda jintużaw għal skopijiet differenti u ma jistgħux jintużaw flok xulxin. Barra minn hekk, suppost ma hemm ebda bażi ambjentali sabiex uħud minn dawn il-materjali jitqiesu bħala “aggregati” u oħrajn le.

(94)

Il-BAA tiddikjara li l-fatt li l-eżenzjonijiet huma bbażati fuq il-ġeoloġija tal-materjal huwa problematiku peress li t-termini ġeoloġiċi tat-tafal, ix-shale u l-lavanja jkopru medda ġeoloġika wiesgħa ħafna ta' ġebel li huwa estratt minn barrieri li ma jistgħux jipproduċu madum tal-lavanja tal-bjut jew prodotti taċ-ċeramika. Madankollu, dan il-materjal xorta waħda jikkwalifika bħala tafal, shale u lavanja eżentati minn perspettiva ġeoloġika. Il-BAA tipprovdi xi dikjarazzjonijiet ta' Dr Rachel Hardie, ġeoloġista speċjalista, fir-rigward tal-firxa dgħajfa ta' termini ġeoloġiċi biex saret differenzjazzjoni bejn il-ġebel. Barra minn hekk, l-eżenzjonijiet għall-materjal li jikkonsistu primarjament f'ċerti gruppi ġeoloġiċi jkomplu jżidu mad-diffikultajiet. F'dan ir-rigward il-BAA pprovdiet rapport imħejji fl-2003 mill-British Geological Society għall-awtoritajiet tat-taxxa tar-Renju Unit sabiex jgħin lill-uffiċjali tat-taxxa bl-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għal lavanja, shale u tafal kif suppost (ir-“Rapport”). Ir-Rapport għandu l-għan li jiddefinixxi x-shale, il-lavanja u t-tafal, f'termini tal-karatteristiċi u l-oriġini ġeoloġika tagħhom sabiex jgħin lill-awtoritajiet tat-taxxa tar-Renju Unit. Madankollu, isemmi wkoll li l-“għażla oriġinali ta' dawn it-termini għall-fini tal-Att hija mifhuma li kienet ibbażata fuq l-użu tagħhom bħala komoditajiet minerali ekonomiċi minflok entitajiet ġeoloġiċi”. Jipprovdi wkoll li t-“tafal, ix-shale, il-ġebel tat-tajn u l-lavanja ssibhom b'mod estensiv fir-Renju Unit”, bix-shale li spiss ikun “imħallat ma' ġebel ramli”.

(95)

Il-BAA tiddikjara li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ittrattaw ix-shale u l-ġebel tat-tajn bħala sinonimi u li, għaldaqstant, il-familja sħiħa ta' ġebel ġiet ittrattata bħala eżentata. Barra minn hekk, il-BAA targumenta li d-definizzjonijiet għat-tliet materjali stabbiliti mir-Rapport huma ferm restrittivi u li materjali oħrajn xorta jistgħu jiġu kategorizzati bħala shale, lavanja jew tafal. Pereżempju, ġebel tal-lavanja bil-“qasma tal-lavanja” meħtieġa biex jiġu prodotti l-madum tal-bjut huwa relattivament rari u ġebel li jkollu qasma tal-lavanja dgħajfa li ma jkunx xieraq għat-tifriq jista' jkun ferm iktar estensiv, iżda xorta jiġi klassifikat bħala lavanja. Filwaqt li tikkwota b'mod parzjali r-Rapport, il-BAA targumenta wkoll li l-lavanja hija estratta għal użi arkitettoniċi dekorattivi wkoll, jiġifieri ġebel tad-dimensjoni, kisi tal-ħitan b'madum, pavimentar, solli, fuklari, uċuħ tal-imwejjed u tiżjin għad-djar u l-ġonna, li għalihom qasma tal-lavanja tkun inqas importanti minn qtugħ u llostrar. Il-BAA tippreżenta l-eżempju ta' barriera tal-lavanja li tipproduċi lavanja li hija differenti mil-lavanja tal-bjut u li fir-rigward tagħha, allegatament mhijiex ċerta jekk il-materjal għandux jiġi klassifikat bħala lavanja affattu.

(96)

Il-BAA targumenta li, fl-esperjenza tagħha, spiss titfittex l-opinjoni ta' ġeologu espert biex jiġi żgurat x'ġebel hemm f'barriera għall-finijiet tal-AGL u jekk hemmx eżenzjoni disponibbli għall-estrazzjoni tagħha.

(97)

Il-BAA tiddikjara li filwaqt li ma għandha ebda informazzjoni fuq l-evoluzzjoni tal-munzelli ta' skart ta' lavanja u shale mindu daħlet l-AGL, żdiedu l-munzelli ta' prodott sekondarju tal-aggregati ntaxxati. Il-BAA tagħti eżempji ta' tliet barrieri fejn inġemgħu munzelli ta' prodotti sekondarji. Barriera minnhom kellha tibgħat iktar minn miljun tunnellata prodotti sekondarji filwaqt li oħra kellha tinvesti GBP 2 miljun f'installazzjoni ġdida biex tkompli tipproċessal-prodott sekondarju tagħha ħalli tkun tista' tbigħu.

(b)   Kummenti riċevuti mingħand il-BAA fis-17 ta' Jannar 2014

(98)

Il-BAA targumenta li meta l-awtoritajiet tar-Renju Unit issospendew l-eżenzjonijiet mill-AGL li l-Kummissjoni kellha dubji dwarhom fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, dawk l-awtoritajiet, fil-fatt, introduċew żewġ eżenzjonijiet ġodda, jiġifieri għat-tafal u x-shale użati fil-prodotti tal-bini taċ-ċeramika u l-gypsum użat fil-materjal ta' kisi u l-plasterboard. Iqisu li dawn il-materjali ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma f'sitwazzjoni differenti mill-materjali ntaxxati taħt l-AGL fid-dawl tal-loġika ambjentali tagħha. Il-BAA tisħaq li dawn il-materjali huma fl-istess sitwazzjoni bħall-ġebel, ir-ramel u ż-żrar peress li ġew estratti għal skopijiet ta' bini. Jiddikjaraw li dawn l-eżenzjonijiet addizzjonali jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li l-Kummissjoni ma tistax tqis li hija għajnuna kompatibbli peress li mhumiex issodisfati l-kundizzjonijiet relevanti.

(99)

Il-BAA tiddikjara li l-estrazzjoni ta' tafal u shale użati għall-produzzjoni ta' prodotti tal-bini taċ-ċeramika tista' titnaqqas bl-użu ta' prodotti tal-bini tal-konkrit li jistgħu jiġu prodotti bi skart/prodott sekondarju tal-barrieri (li spiss ikun intaxxat).

(100)

Il-BAA tiddikjara li huwa irrelevanti li t-tafal jgħaddi minn bidla kimika meta jintuża fil-manifattura tal-brikks u prodotti taċ-ċeramika oħrajn użati fil-bini peress li dan huwa irrelevanti minn perspettiva ambjentali.

(c)   Kummenti riċevuti mingħand Cloburn Quarry Company Ltd fis-17 ta' Jannar 2014

(101)

Cloburn Quarry tgħid li testratta granit u greywacke. Din tal-aħħar tintuża għal aggregati li ma jiżolqux b'Valur tal-Ħaġar Illostrat (PSV) li jaqbeż is-70. Peress li ma hemm ebda eżenzjoni għal prodotti sekondarji tat-tali materjal, qed jinġemgħu kwantitajiet kbar ta' trab greywacke u maż-żmien dawn ser isiru problema kbira.

(102)

Cloburn Quarry tgħid li l-volumi ta' bejgħ tal-barriera naqsu dan l-aħħar minn 1,3 miljun tunnellata fl-2007/2008 għal 0,5 miljun tunnellata. Allegatament dan huwa inqas dovut għar-riċessjoni u iktar għall-bejgħ eżentat minn barrieri kompetituri.

(103)

Skont Cloburn Quarry, l-AGL tnaqqas il-possibbiltajiet li l-barriera tikkompeti ma' aggregati importati, peress li l-prodotti sekondarji tagħhom jinbiegħu bla taxxa xi mkien ieħor u, esternament, ma' barrieri li ma jridux iħallsu imposta bħal din.

(104)

Cloburn Quarry tgħid li l-AGL wasslet għal suq bi prezzijiet baxxuti, jiġifieri prezz baxx għall-aggregati, u l-barrieri eżentati jistgħu jittrasportaw il-materjali tagħhom iktar 'il bogħod.

(105)

Skont Cloburn Quarry, fl-2013, intilef il-bejgħ ta' 50 000 tunnellata ta' aggregati minħabba l-barrieri eżentati. Hemm problema partikolari bid-depożiti ta' shale li qed jintużaw f'siti tal-bini kbar, speċjalment tul il-kuritur ta' Glasgow-Edinburgh. Intużaw madwar miljun tunnellata shale għall-bini ta' toroq. Dan affettwa l-kompetizzjoni peress li barrieri oħrajn ma setgħux ibigħu l-prodotti sekondarji bi prezz baxx tagħhom. Barra minn hekk, l-aggregati ħomor nar tal-barriera jikkompetu mal-lavanja dekorattiva ħamra lewn l-għanbaqra li hija eżentata.

(106)

Il-barriera tgħid li affaċċjat kompetizzjoni u tilfet offerti għal proġetti minħabba barrieri li tissuspetta li qed jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-AGL. Skont il-barriera, wieħed mill-kuntratti ntilef minħabba barriera li rċiviet kunsens tal-ippjanar biex taħdem depożitu ta' shale eżentat għall-estrazzjoni tal-aggregati. Skont il-barriera, kien hemm tal-inqas 800 000 tunnellata shale li setgħu jinbiegħu bil-quddiem lill-kuntrattur ewlieni.

(107)

Il-barriera ssottomettiet anki sensiela ta' kummenti ġenerali rigward in-nuqqas ta' kamp ta' applikazzjoni ambjentali tal-AGL.

(d)   Kummenti riċevuti mingħand Blinkbonny Quarry (Borders) Ltd. (“Blinkbonny Quarry”) fit-8 ta' Jannar 2014

(108)

Blinkbonny Quarry tirrapporta li qed taffaċċja kompetizzjoni minn barriera oħra li, possibilment, tbigħ materjal eżentat inkluż f'konkrit imħallat lest u, għalhekk, tkun tista' toffri prezzijiet orħos. Tqis li, li kieku ma kienx hemm l-eżenzjoni, il-barriera kompetitriċi lanqas ma kienet tiftaħ u ma kinitx tkun tista' tikkompeti fis-suq. Il-Barriera tallega li l-eżenzjoni tippermetti lill-kompetitur tagħha jittrasporta l-materjal tiegħu fuq distanzi itwal, u dan joħloq ħsara għall-ambjent.

(109)

Blinkbonny Quarry ipprovdiet ukoll sensiela ta' kummenti b'rabta mad-Deċiżjoni ta' Ftuħ. Tiddikjara li l-miżura tiffavorixxi lil dawk b'eżenzjonijiet billi tħallihom ibigħu prodotti f'suq miftuħ mingħajr l-istess spejjeż bħal dawk li ma jibbenefikawx minn dan il-vantaġġ.

(110)

Blinkbonny Quarry tqis li l-AGL ma laħqitx l-objettiv ambjentali tagħha peress li rriżultat fil-ħolqien ta' materjal orħos li huwa ttrasportat iktar 'il bogħod, u dan iħeġġeġ it-tqattigħ mill-barrieri ta' aggregat eżentat sabiex jiġu prodotti materjali orħos li mhumiex prodotti sekondarji jew skart. Barra minn hekk, il-Barriera tiddikjara li shale u lavanja eżenti qed jinbiegħu bħala aggregati għal skopijiet ta' bini u, minħabba l-eżenzjoni, qed jiġi estratt dejjem iktar shale biex jintuża bħala aggregati.

(e)   Kummenti riċevuti mingħand Kinegar Quarries Ltd (“Kinegar Quarries”) fil-15 ta' Jannar 2014

(111)

Kinegar Quarries jiddikjaraw li l-barrieri kollha jipproduċu aggregati ta' kwalità inferjuri. Fil-fehma tagħhom, ma tagħmilx differenza jekk il-prodott huwiex lavanja li tiġi esportata madwar id-dinja kollha jew l-aggregati ta' kuljum użati fi ħdan 15-il mil mill-barriera. Kinegar Quarries jgħidu li peress li l-aggregati huma prodotti sekondarji, dawn jistgħu jintużaw f'firxa ta' modi u dejjem kienu irħas. Kinegar Quarries iqisu wkoll li l-ispiża tal-aggregati hija baxxa għaliex huma prodott sekondarju ta' prodott ta' kwalità ogħla, u sabiex jinżamm bilanċ tal-ħażniet, jiġu pprezzati skont il-provvista u d-domanda. Minkejja dan, jgħidu li l-aggregati dejjem ġabu xi dħul magħhom qabel ma daħlet l-AGL. Wara, kien hemm bżonn ta' aggregati sekondarji biex jikkompetu ma' aggregati li jibbenefikaw mill-eżenzjoni u f'ċerti ċirkustanzi ma setgħux. Madankollu, il-produzzjoni ta' aggregati sekondarji ma naqsitx peress li hemm domanda għall-prodott ta' kwalità ogħla. Ma jistgħux jinbiegħu sal-istess punt. Allegatament dan iwassal għal ħażniet ikbar ta' aggregati sekondarji. Barra minn hekk, Kinegar Quarries jiddikjaraw li ma hemm ebda benefiċċju għall-ambjent minħabba t-trasport żejjed tal-aggregati.

(112)

Kinegar Quarries jiddikjaraw li l-Gvern tar-Renju Unit kellu jiżgura li l-produtturi mhux tal-aggregati jistgħu jbigħu l-prodotti sekondarji tagħhom bħala aggregati eżentati mill-imposti biex inaqqsu l-ħażniet tagħhom ta' prodotti sekondarji. Iqisu li dan l-għan intlaħaq minħabba l-eżenzjonijiet mogħtijin lil produtturi mhux tal-aggregati (u numru dejjem ikbar ta' produtturi tal-aggregati) għal prodotti li fil-fatt misshom jissejħu aggregati, għaliex jinbiegħu għall-istess skop bħall-materjal minn prodottur tal-aggregati. Madankollu, il-ħażniet ta' prodotti sekondarji mexew minn prodotti mhux aggregati għal prodotturi aggregati li jħallsu l-imposta.

(113)

Kinegar Quarries isemmu li wara l-introduzzjoni tal-AGL, il-bejgħ tagħhom ta' aggregati sekondarji naqas minn iktar minn 50 000 tunnellata fl-2007 għal 9 000 tunnellata fl-2013 u dan ma jistax jiġi attribwit għar-riċessjoni ekonomika kollu kemm hu. Jisħqu li ma jistgħux jibqgħu jikkompetu ma' aggregati eżentati peress li l-kwotazzjonijiet tagħhom huma GBP 1,5 — GBP 2,0 ogħla minn dawk tal-kompetituri tagħhom.

(f)   Kummenti riċevuti mingħand Torrington Stone Ltd. (Beam Quarry & Vyse Quarry) (“ Torrington Stone ”) fis-17 ta' Jannar 2014

(114)

Torrington Stone tgħid li kieku ż-żewġ barrieri tagħha ma kinux tal-istess sid ma kinux ikunu vijabbli llum il-ġurnata minħabba l-introduzzjoni tal-AGL. Tisħaq li l-klijenti jagħmlu l-għażla tax-xiri tagħhom skont id-deskrizzjonijiet tal-materjali, bħall-kwalità u l-qies, u mhux il-ġeoloġija tal-materjali. Il-klijenti ma jafux jekk materjal huwiex intaxxat jew le.

(115)

Waħda mill-barrieri tipproduċi l-iktar shale bi prodotti sekondarji tal-ġebel tat-tajn filwaqt li l-oħra tipproduċi l-iktar gritstone bi skart tax-shale. Kollha jinbiegħu bħala aggregati. Il-prodott sekondarju tal-ġebel tat-tajn ma jistax jinbiegħ biex isir xi profitt minnu u għalhekk jintrema.

(g)   Kummenti riċevuti mingħand Mineral Products Association Ltd. (il-“Mineral Products Association”) fit-2 ta' Jannar 2014

(116)

Il-Mineral Products Association tgħid li l-ħila ta' wħud mill-operaturi li jestrattaw materjali eżentati bħax-shale u l-lavanja għall-fini ta' forniment ta' swieq tal-aggregati tmur kontra l-prinċipji oriġinali tat-tifsila tal-AGL. L-Assoċjazzjoni tqis li l-materjali estratti li jintużaw għal skopijiet ta' aggregati għandhom ikunu soġġetti għall-AGL u li l-eżenzjonijiet għandhom ikunu limitati għal użi mhux aggregati tal-materjali.

(117)

L-Assoċjazzjoni tgħid li l-materjali li jirriżultaw wara l-proċessi ta' kombustjoni individwali jew it-tidwib u l-irfinar tal-metall huma prodotti sekondarji ġenwini ta' dawn il-proċessi u għandhom ikunu eżentati peress li jissodisfaw l-objettiv sottostanti tal-ALG li jitħeġġeġ l-użu ta' materjal riċiklat u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Bħala paragun, eżenzjonijiet għal shale, lavanja u materjali estratti oħrajn iwasslu għal distorsjonijiet fis-suq lokali peress li jwasslu għas-sostituzzjoni ta' materjali ntaxxati minn materjali mhux intaxxati.

(h)   Kummenti riċevuti mingħand il-BAA fl-10 ta' Jannar 2014

(118)

Il-BAA tiddikjara li l-objettiv ambjentali tal-AGL huwa li tibdel id-domanda favur materjal skart/prodott sekondarju għall-kuntrarju tal-implimentazzjoni tal-“prinċipju ta' min iniġġes iħallas”, kif allegatament tiddikjara l-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ. Dan l-objettiv primarju ssuġġerit tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, jekk fil-fatt huwa applikabbli, ikun jinvolvi approċċ selettiv għall-materjali (għas-“settur tal-aggregati” iżda mhux għal attività oħra ta' estrazzjoni ta' minerali), li bilfors iwassal għal għajnuna mill-Istat. Minflok, l-objettiv ambjentali tal-AGL huwa maħsub sabiex jippromwovi l-użu ta' aggregati li huma prodotti sekondarji ta' skart minn ċerti proċessi jew ta' aggregati riċiklati, u b'hekk jonqos l-użu ta' aggregati mqattgħin mill-barrieri (bidla fil-loġika tad-domanda).

(119)

Il-BAA tgħid li l-effett ta' dik li tkun “bidla fil-loġika tad-domanda” tat-taxxa fil-prattika jkun ifisser li l-AGL tkun limitata għal ġebel, ramel jew żrar użat biex iżid is-saħħa fil-bini u li, fid-dawl ta' dan l-objettiv, prodotti sekondarji jew skart li jista' jieħu post minerali estratti biss għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni. Madankollu, il-BAA tindika li din il-limitazzjoni mhijiex il-prinċipju ta' gwida tat-taxxa tal-AGL li tippermetti li materjali li ma jistgħux jiġu sostitwiti jiġu ntaxxati.

(120)

Il-BAA tqis li anki li kieku kellhom jitneħħew l-eżenzjonijiet investigati, il-kamp ta' applikazzjoni tal-AGL ma jkunx konsistenti mal-loġika ambjentali tagħha, jiġifieri l-loġika ta' “bidla fid-domanda”. Skont il-BAA, it-tneħħija tal-eżenzjonijiet għal materjali ta' prodotti sekondarji/skart tagħmel l-AGL inqas allinjata mal-objettiv ambjentali tagħha. Għall-kuntrarju, tiddikjara li t-tneħħija tal-eżenzjonijiet għall-materjal estratt għal “użu bħala aggregat”, bħal lavanja u shale, tkun konformi mal-objettiv ambjentali tal-AGL.

(121)

Il-BAA tqis li l-fatt li l-kamp ta' applikazzjoni tal-AGL ma jikkorrispondix għall-objettiv ambjentali ta' “bidla fid-domanda” huwa sostnut mill-fatt li l-prodott sekondarju/skart tal-ġir jew ġebel maqtugħ għall-bini u materjali bħal ballast tal-binarji u ġebel b'PSV għoli, li ma hemm ebda sostitut għalihom, huma ntaxxati.

(122)

Il-BAA tqis li l-kamp ta' applikazzjoni tal-AGL huwa ferm imbiegħed mil-loġika ambjentali tagħha. Dan minħabba l-fatt li wħud mill-materjali li mhumiex intaxxati jistgħu jiġu sostitwiti minn prodott sekondarju jew skart. Bħala eżempju tipprovdi tafal użat għal brikks u tafal tal-kawlina użat għall-madum.

(i)   Kummenti riċevuti mingħand il-BAA fis-17 ta' Jannar 2014

(123)

Il-BAA ssottomettiet kopja tal-Cornish Building Stone and Slate Guide 2007 u osservat li f'dik il-pubblikazzjoni, hemm bosta barrieri tal-granit u tal-lavanja li jirreklamaw lilhom infushom bħala barrieri li jipproduċu tipi simili ta' prodotti u ġebel għall-bini. Il-BAA targumenta li l-Gwida turi li l-eżenzjonijiet mill-AGL mhumiex konsistenti mal-loġika tagħha, jiġifieri sabiex tinkiseb bidla fid-domanda bejn materjali mqattgħin mill-barriera sabiex jintużaw bħala aggregat u skart li jista' jintuża bħala aggregat.

(124)

Il-BAA tiddikjara li hemm evidenza li d-disponibilità tal-eżenzjonijiet għall-prodott sekondarju/skart mill-barrieri tat-tafal tal-kawlina ħeġġet l-estrazzjoni ta' iktar materjal minn dak meħtieġ, purament biex jittieħed benefiċċju mill-eżenzjonijiet għall-prodotti sekondarji allegati, jiġifieri granit ta' kwalità għolja (42). Il-BAA tiddikjara wkoll li hemm anki evidenza li turi li wħud mill-operaturi tal-barrieri tat-tafal taċ-ċina jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq l-estrazzjoni ta' dawn l-allegati prodotti sekondarji u mhux il-materjal tat-tafal taċ-ċina oriġinali (43). Il-BAA tirreferi għal ittra elettronika mingħand operatur ta' barriera lill-BAA (44) li tallega li mill-introduzzjoni tal-AGL, dan l-operatur esperjenza diffikultà serja biex jikkompeti ma' aggregati minn barrieri tat-tafal taċ-ċina peress li l-aggregat li jipproduċu huwa irħas u ħataf is-suq. Skont l-ittra elettronika, l-aggregati mibjugħa mill-barrieri tat-tafal taċ-ċina huma ġebel ta' kwalità għlolja u mhux xi prodott sekondarju. Il-produzzjoni tal-operatur tal-barriera rispettiv naqset bin-nofs u ilu iktar minn 9 snin ma jagħmel profitt. Il-materjali skart tiegħu ma jistgħux jinbiegħu.

(125)

Il-BAA tiddikjara li l-mod li bih hija applikat l-AGL fil-kuntest tal-estrazzjoni tal-ġir huwa problematiku. L-estrazzjoni tal-ġir innifsu mhijiex intaxxata, iżda l-iskart u l-prodotti sekondarji tiegħu huma ntaxxati. Barra minn hekk, l-AGL tapplika għal materjali fini, prodotti sekondarji jew skart minn ċerti barrieri, li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta' blokok tal-bini tal-konkrit li jistgħu jintużaw flok il-manifattura ta' brikks b'tafal mhux intaxxat.

(j)   Kummenti riċevuti mingħand il-Quarry Products Association Northern Ireland Limited (“QPANI”) fit-8 ta' Jannar 2014

(126)

QPANI tiddikjara li tirrappreżenta madwar 95 % tal-kumpaniji involuti fil-provvista ta' prodotti mill-barrieri lill-industrija tal-bini fl-Irlanda ta' Fuq. QPANI tqis li l-AGL hija mfassla ħażin mill-bidu għaliex il-materjali misshom ġew intaxxati skont l-użu tagħhom, mhux skont il-ġeoloġija tagħhom.

(127)

QPANI temmen li ma għandux ikun hemm eżenzjoni mill-imposta fuq l-aggregati għal shale u lavanja jekk jintużaw għal skopijiet tal-aggregati. Il-lavanja u x-shale jintużaw bħala aggregati fis-swieq tal-bini tar-Renju Unit u jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq is-suq lokali fejn jiġu forniti fi swieq tal-aggregati. Dan huwa partikolarment minnu fl-Irlanda ta' Fuq. Filwaqt li l-provvista ta' lavanja u shale għal skopijiet ta' aggregati tista' tkun ta' materjali li, fil-fatt, huma l-prodotti sekondarji tal-estrazzjoni għal skopijiet mhux ta' aggregati (eż. l-estrazzjoni ta' lavanja għall-produzzjoni ta' lavanja għall-bjut), dawn il-materjali huma estratti primarjament ukoll sabiex ifornu lis-swieq tal-aggregati.

(128)

QPANI tixħet dubju wkoll fuq l-eżenzjoni għal materjali li jikkonsistu “primarjament” f'faħam, linjite, lavanja jew shale. Skont QPANI, ikun iktar semplċii u konsistenti li kieku ssir distinzjoni sempliċi bejn il-materjali użati għal skopijiet ta' aggregati, minn naħa, u dawk użati għal skopijiet mhux ta' aggregati, min-naħa l-oħra. Materjali użati għal skopijiet ta' aggregati għandhom ikunu soġġetti għall-AGL u materjali użati għal skopijiet mhux ta' aggregati ma għandhomx ikunu soġġetti għaliha.

(129)

QPANI tiddikjara li l-AGL wasslet għal ħsara ambjentali minħabba l-possibbiltà li l-materjali eżentati jiġu ttrasportati fuq distanzi itwal.

(130)

QPANI tgħid li fl-Irlanda ta' Fuq ġew importati mijiet ta' eluf ta' tunnellati ta' shale minn Donegal, fl-Irlanda. Ix-shale mill-Irlanda jinbiegħ fis-swieq tal-bini madwar l-Irlanda ta' Fuq kollha. Il-proġetti ta' bini tul il-fruntiera mal-Irlanda użaw aggregati eżentati mill-Irlanda li huma klassifikati bħala shale.

(131)

QPANI tirreferi wkoll għal ġebel deskritt bħala shale u li, b'hekk, jibbenefika għalxejn minn din l-eżenzjoni.

(k)   Il-kummenti tal-awtoritajiet tar-Renju Unit

(132)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit huma tal-istess fehma li l-eżenzjonijiet u l-ħelsien investigati mhumiex għajnuna mill-Istat. B'mod partikolari, jgħidu li d-distinzjonijiet li saru mill-imposta huma ġġustifikati minħabba l-għamla jew l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali u, għalhekk, ma jissodisfawx il-kundizzjoni ta' selettività.

(133)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jirrikonoxxu d-deskrizzjoni ta' aggregati kif inhi fil-Premessa 8 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ. Barra minn hekk, jaqblu mal-loġika tal-AGL kif deskritta fil-Premessa 67 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(134)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit isemmu li l-Qorti Ġenerali osservat fil-paragrafu 55 tas-sentenza tagħha tas-7 ta' Marzu 2012 li: “l-prinċipju ta' tassazzjoni normali li fuqu hija mibnija l-AGL huwa msejjes biss fuq il-kunċett tal-isfruttar kummerċjali fir-Renju Unit ta' materjal issuġġettat bħala” aggregat“”. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li peress li l-AGL mhijiex maħsuba sabiex tintaxxa ġebel, ramel jew żrar użat fi proċessi industrijali jew agrikoli, kwalunkwe imposta mħallsa fuq materjali użati għat-tali skopijiet mhux ta' aggregati tista' tiġi rkuprata bħala kreditu ta' taxxa. Bl-istess loġika, ġebel, ramel jew żrar estratt, iżda mhux użat b'mod kummerċjali (kif definit fil-leġiżlazzjoni), jaqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-imposta.

(135)

Ir-Renju Unit, filwaqt li kkwota s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, spjega li l-objettiv tal-AGL: “… jikkonsisti essenzjalment fil-promozzjoni, fis-settur tal-kostruzzjoni, tal-użu tal-aggregati li jikkostitwixxi prodott sekondarju jew skart li jirriżulta minn ċerti proċessi (aggregati wkoll imsejħa ‘sekondarji’), jew tal-aggregati rriċiklati, biex b'hekk jitnaqqas l-użu tal-aggregat estratt mill-barrieri (aggregati wkoll imsejħa ‘primarji’), riżorsi naturali mhux rinnovabbli, u, għaldaqstant, jitnaqqsu l-effetti fuq l-ambjent li huma marbuta ma' dan il-proċess ta' estrazzjoni (iktar 'il quddiem l-‘għan ta' devjazzjoni tad-domanda’ jew l-‘għan ambjentali tal-AGL’).”

(136)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-loġika wara t-taxxa kienet stabbilita biċ-ċar mill-bidu nett fil-Valutazzjoni tal-Impatt Regolatorju: “L-objettiv ewlieni tal-għażla tal-Gvern ikun li tnaqqas il-problemi ambjentali tat-tqattigħ mill-barrieri li huma imposti fuq individwi u kumpaniji fis-soċjetà inġenerali, u sabiex tħeġġeġ ir-riċiklaġġ.”

(137)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-AGL għandha l-għan li tilħaq l-objettiv ambjentali tagħha b'żewġ modi differenti iżda minsuġin ma' xulxin. L-ewwel nett, l-impożizzjoni tal-imposta tgħin sabiex tiġi internalizzata parti mill-ħsara kkaġunata mill-estrazzjoni u t-trasportar tal-aggregat. B'hekk, l-imposta twassal għal tnaqqis fid-domanda għal aggregat estratt ġdid peress li jiżdiedu l-ispejjeż. It-tieni, eżenzjonijiet u ħelsien jingħataw għal skart u materjali riċiklati sabiex jitħeġġeġ tbegħid fid-domanda minn aggregat estratt ġdid favur materjali bħal dawn, filwaqt li ma tiġix skoraġġita l-produzzjoni ta' materjal mhux aggregat. Sabiex l-AGL tilħaq l-objettiv ambjentali tagħha, din tfasslet b'tali mod li jiżgura li jkun hemm alternattivi ekonomikament attraenti għal aggregat estratt ġdid u ntaxxabbli.

(138)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li, bl-eżenzjonijiet tagħha, l-AGL għandha l-għan li tħeġġeġ l-użu ta' materjal riċiklat jew ta' prodotti sekondarji (li jirriżulta minn proċess li ma jkollux l-għan li jipproduċi aggregat), sabiex tonqos id-domanda għal aggregat verġni u b'hekk tonqos il-ħsara ambjentali marbuta mat-tqattigħ fil-barrieri għall-aggregati. Id-derogi mill-kamp ta' applikazzjoni tat-taxxa jistgħu jaqgħu taħt żewġ kategoriji: aggregat riċiklat u prodotti sekondarji ta' skart inevitabbli. Dawn tal-aħħar jistgħu jiġu definiti bħala materjal li huwa użat b'mod kummerċjali fir-Renju Unit u użat bħala aggregat tal-bini, iżda li jirriżulta bħala konsegwenza inevitabbli ta' proċess li ma jitwettaqx b'mod deliberat biex jiġi prodott l-aggregat. Min-naħa tagħhom, dawn il-prodotti jaqgħu taħt żewġ kategoriji: (a) dawk il-materjali li jirriżultaw inevitabbilment mill-estrazzjoni ta' mineral mhux aggregat; jew (b) dawk li jirriżultaw inevitabbilment minn proċess ta' tħaffir jew tħammil mhux maħsubin biex jiġi estratt xi materjal għal użu kummerċjali.

(139)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li dawk il-materjali li huma estratti għal użu kummerċjali bħala aggregat, jew li jirriżultaw bħala prodotti sekondarji minn proċess maħsub sabiex jiġi prodott aggregat għal użu kummerċjali, huma f'sitwazzjoni fattwali differenti mill-materjali eżentati.

(140)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li, skont id-derogi deskritti iktar 'il fuq, l-eżenzjonijiet mill-imposta jagħmlu distinzjoni bejn materjali skart li jirriżultaw bħala l-prodott sekondarju tal-estrazzjoni ta' mineral mhux aggregat, li huma eżentati, u materjali skart li huma l-prodott sekondarju tal-estrazzjoni ta' aggregat (bħal skart mill-franka), li jibqgħu soġġetti għat-taxxa. Fil-fehma tagħhom, id-distinzjoni hija mnissla mill-objettiv li tiġi skoraġġita l-estrazzjoni tal-franka għal aggregat filwaqt li ma tiġix skoraġġita l-produzzjoni ta' materjal mhux aggregat. L-AGL tiskoraġġixxi l-estrazzjoni ta' aggregat mill-ġebla naturali filwaqt li tħeġġeġ l-użu ta' provvisti alternattivi ta' aggregat.

(141)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-eżenzjonijiet mit-taxxa huma kruċjali sabiex jintlaħaq l-iskop ambjentali tal-AGL peress li jnaqqsu l-ħsara maħluqa mit-tqattigħ ta' materjal ġdid mill-barrieri. Jisħqu li hija d-differenza fil-prezz bejn il-materjali eżentati u ntaxxati li tbiegħed id-domanda mit-tqattigħ ta' materjal ġdid mill-barrieri. L-eżenzjonijiet huma konsistenti mal-objettiv ambjentali tal-AGL, peress li l-użu ta' materjali eżentati finalment ibaxxi d-domanda għall-estrazzjoni ta' aggregat ġdid u l-ħsara ambjentali assoċjata magħha.

(142)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li hemm ħafna eżempji ta' materjali eżentati li jieħdu post aggregati tal-ifjen kwalità. Pereżempju, il-bini tal-Olympic Park tal-2012 kien jeħtieġ iktar minn miljun tunnellata f'materjali ta' mili aggregati. Intużaw prodotti sekondarji mill-produzzjoni tat-tafal taċ-ċina minn Cornwall flimkien ma' aggregati rriċiklati minflok aggregati tal-ifjen kwalità bħal franka jew granit imqattgħin ġodda. Skart tal-lavanja minn […] (*1) barriera tal-lavanja ntużat bħala sodda għall-pajpijiet fil-[…]. Din il-lavanja mfarrka ntużat minflok aggregat minn ġebel imfarrak ieħor. Intuża wkoll prodott sekondarju tal-lavanja mill-istess barriera fil-bini fi […] minflok aggregat tal-ifjen kwalità.

(143)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit juru li n-numru ta' barrieri eżentati ma żdiedx mindu ddaħħlet l-AGL kif muri fit-tabella ta' hawn taħt li fiha n-numru ta' barrieri attivi f'ċertu żmien partikolari:

 

2001

2002

2003

2004

2005

2006

Tafal tal-kawlina

20

20

22

18

18

18

Tafal taċ-ċina

17

17

17

17

15

15

Franka

348

348

359

336

340

319

Ġebel ignew u metamorfiku

211

211

210

204

213

199

Lavanja

43

43

44

43

40

35

Tafal u shale

177

177

180

172

169

172

 

2007

2008

2009

2010

2011

2012

Tafal tal-kawlina

18

18

18

18

18

18

Tafal taċ-ċina

13

12

16

17

16

15

Franka

338

335

324

331

317

322

Ġebel ignew u metamorfiku

208

203

207

195

204

191

Lavanja

36

37

32

33

33

32

Tafal u shale

175

165

156

159

155

155

(144)

Fl-2009, il-ġebel imfarrak kien jammonta għal 59,4 % tal-bejgħ ta' aggregat primarju fir-Renju Unit. Il-bqija tat-tali bejgħ kien jikkonċerna ramel u żrar. Kien ċar li l-franka kienet l-iktar sors importanti ta' aggregat minn ġebel imfarrak, tant li ammontat għal 66 % tat-total, segwita minn ġebel ignew bħall-granit (24 %) u ġebel ramli (9 %). Il-franka, il-ġebel ignew u l-ġebel ramli lkoll għandhom użi oħrajn, eż. bħala ġebel tal-bini, jew fil-każ tal-franka, bħala ġir industrijali.

(145)

Fl-2012, tunnellata aggregat tal-franka kien jinbiegħ bejn GBP 7,16 u GBP 11,70 it-tunnellata. Tunnellata granit kienet tinbiegħ bejn GBP 6,12 u GBP 12,82 it-tunnellata. Tunnellata aggregat tal-lavanja kienet tinbiegħ bejn GBP 2 u GBP 8.

(146)

Fir-rigward ta' aggregati tat-tiżjin, l-awtoritajiet tar-Renju Unit flimkien mal-BAA ssottomettew informazzjoni li huma użu atipiku tal-aggregati. Dawk użati fit-tħejjija tal-art jintużaw fi kwantitajiet żgħar u jintgħażlu skont il-proprjetajiet viżivi tagħhom, eż. il-kulur u l-forma, bil-proprjetajiet tal-bini bħas-saħħa li ftit li xejn jingħataw kunsiderazzjoni, għall-kuntrarju ta' użi aggregati oħrajn. Minħabba l-kwantitajiet żgħar involuti, l-aggregati tat-tiżjin jifformaw sehem żgħir mid-domanda tas-suq għal aggregati fir-Renju Unit.

5.5   VALUTAZZJONI TAL-KUMMENTI RIĊEVUTI

(147)

Il-Kummissjoni diġà kkonkludiet fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ li l-prinċipju ta' taxxa normali tal-AGL jista' jiġi spjegat fil-qosor bħala l-intaxxar ta' ġebel, żrar u ramel estratt ġdid/deliberatament sabiex jintuża bħala aggregati u soġġett għal użu kummerċjali fir-Renju Unit mill-1 ta' April 2002 'l hemm.

(148)

Minbarra l-kummenti tal-awtoritajiet tar-Renju Unit murija iktar 'il fuq dwar il-prinċipju ta' taxxa li huwa l-bażi tal-AGL, il-Kummissjoni tagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.

(149)

Bosta partijiet terzi kkummentaw li l-AGL ma tittrattax il-materjali b'mod konsistenti għaliex prodotti sekondarji minn materjali eżentati oħrajn (ġebel użat biex jiġi prodott ġebel b'wiċċ ċatt wieħed jew iktar (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ġebel imqatta'”), ġir), ġebel b'PSV għoli, armour rock għad difiżi mill-baħar, ġebel tal-ħitan u prodotti sekondarji/skart mill-estrazzjoni ta' aggregati primarji ta' kwalità għolja mhumiex eżentati. Allegatament ikunu fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-prodotti sekondarji ta' materjali mhux aggregati li bħalissa huma eżentati jew bħal materjali b'użi speċjalizzati mhux intaxxati.

(150)

Il-Kummissjoni stess tqajjem il-kwistjoni fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ dwar għaliex jitqies iġġustifikat li jingħataw eżenzjonijiet għal prodotti sekondarji tat-tafal tal-kawlina, tafal taċ-ċina, faħam, linjite, shale u lavanja iżda mhux għal prodotti sekondarji tal-ġir għal użu agrikolu u ġebel imqatta'.

5.5.1   INTAXXAR TA' PRODOTTI SEKONDARJI MILL-ESTRAZZJONI TA' ĠEBEL IMQATTA' U ĠIR

(151)

Wara li rċiviet informazzjoni estensiva mingħand paritjiet terzi u mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-Kummissjoni osservat li l-iskart jew il-prodotti sekondarji mill-estrazzjoni ta' ġebel imqatta' u ġir jikkonsistu fl-istess tip ta' ġebla bħall-ġebel imqatta' u l-ġir: (i) skart mill-estrazzjoni ta' franka, u (ii) skart li jirriżulta mill-estrazzjoni ta' ġebel biex jiġi prodott ġebel imqatta' aktarx li jikkonsisti fil-parti l-kbira minn qxur tal-istess tip ta' ġebla li tkun qed tinqata'.

(152)

L-eżenzjonijiet mill-AGL jagħmlu distinzjoni bejn materjali skart li jirriżultaw bħala l-prodott sekondarju tal-materjal estratt mhux għal użu bħala aggregati (bħal skart mill-estrazzjoni ta' tafal taċ-ċina u tal-kawlina, faħam, linjite u lavanja), li huma eżentati, u materjali skart li huma l-prodott sekondarju tal-estrazzjoni apposta ta' materjal sabiex jintuża bħala aggregat (bħal skart mill-franka), li għadhom soġġetti għat-taxxa.

(153)

Din id-distinzjoni fit-taxxa tirriżulta mill-objettiv li tiġi skoraġġita l-estrazzjoni ta' franka, granit, ġebel ramli, eċċ., għal użu aggregat filwaqt li ma tkunx affettwata l-produzzjoni ta' materjal mhux aggregat.

(154)

Kif iddeskrivew l-awtoritajiet tar-Renju Unit, franka, ġebel ramli u granit huma l-iktar materjali komuni estratti sabiex jintużaw bħala aggregati. Fil-fatt, eżenzjoni mill-AGL ta' prodotti sekondarji tal-ġebel imqatta' jew tal-franka użata biex jiġi prodott il-ġir tal-inqas iżżomm il-livell jekk ma tħeġġiġx l-estrazzjoni ġdida ta' dawn il-materjali.

(155)

Barra minn hekk, ma hemm ebda spiża addizzjonali (ta' pproċessar) biex jinkiseb ġebel imqatta' u ġir mill-materjali estratti ewlenin. Mhux bħal, pereżempju, l-estrazzjoni ta' tafal taċ-ċina u tal-kawlina li fejn is-seperazzjoni ta' dawn il-materjali mill-iskart tiswa ħafna flus.

(156)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit spjegaw li kemm il-ġebel li jrid jitqatta' kif ukoll il-franka użata biex jinkiseb il-ġir jiġu estratti apposta sabiex jintużaw bħala aggregati. Barra minn hekk, il-prodotti sekondarji u l-iskart tagħhom jistgħu jinbiegħu waħedhom anki mingħajr il-materjal ewlieni peress li jagħmlu materjal ta' kwalità tajba biex jintużaw bħala aggregati. Prova ta' dan, l-awtoritajiet tar-Renju Unit bagħtu informazzjoni dwar il-prezzijiet li turi li, tabilħaqq, il-prezzijiet tal-ġir u l-ġebel imqatta' fil-parti l-kbira mhumiex ferm ogħla mill-prezzijiet tal-prodotti sekondarji tagħhom. L-ispiża tal-franka għall-ġir hija ta' madwar GBP 12,50 sa GBP 19,50 it-tunnellata, filwaqt li l-prezz tal-prodott sekondarju tagħha huwa ta' GBP 7,16 sa GBP 11,70 it-tunnellata. Ġebel ignew (inkluż il-granit), li jintuża wkoll biex jiġi prodott ġebel imqatta', jiswa madwar GBP 5,51 sa GBP 12,91 it-tunnellata, filwaqt li l-prodott sekondarju tiegħu jinbiegħ għal madwar GBP 6,12 sa GBP 12,82 it-tunnellata. Dan ifisser ukoll li jekk ma jkun hemm ebda domanda għall-prodott speċjalizzat ta' kwalità għolja, il-barriera xorta tibqa' għaddejja bl-estrazzjoni ġdida peress li jagħmel sens ekonomiku li tbigħ il-prodott estratt ġdid u l-prodott sekondarju tiegħu għal użu aggregat. Ma jistax jiġi eskluż li, b'hekk, l-eżenzjoni tal-prodotti sekondarji tista' tħeġġeġ tqattigħ ta' materjali ġodda addizzjonali mill-barrieri u, għalhekk, tmur kontra l-loġika ambjentali tal-AGL.

(157)

Barra minn hekk, ma hemm ebda mod oġġettiv kif tiddistingwi bejn franka bħala prodott sekondarju mill-produzzjoni ta' ġir agrikolu u ġir imqatta' apposta biex jintuża bħala aggregat. Hekk ukoll huwa minnu għal granit u ġebel ramli u prodotti sekondarji tal-ġebel imqatta'. B'hekk, dawn il-materjali estratti ġodda u l-prodotti sekondarji tagħhom jieħdu post xulxin u b'hekk l-operatur tal-barriera jista' jiddeċiedi fuq il-bażi tad-domanda li jbigħ it-tnejn li huma għall-istess “użu bħala aggregati”.

(158)

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet stipulati fil-Premessi 151 sa 157 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tosserva li l-prodotti sekondarji tal-estrazzjoni tal-ġir u l-ġebel imqatta' mhumiex f'sitwazzjonijiet fattwali u legali differenti bħall-prodotti estratti ġodda. Barra minn hekk, kwalunkwe eżenzjoni possibbli għall-iskart li jirriżulta mil-estrazzjoni ta' franka/ġebel użati għall-ġebel imqatta' jew għal skopijiet oħrajn għajr bħala aggregati, isservi biss sabiex tħeġġeġ l-estrazzjoni ta' iktar ġebel u franka ġodda, u ma tgħinx fil-bidla tad-domanda.

5.5.2   ĠEBEL B'PSV GĦOLI, ARMOUR ROCK GĦAD-DIFIŻI MILL-BAĦAR, ĠEBEL TAL-ĦITAN, AGGREGATI PRIMARJI TA' KWALITÀ GĦOLJA U L-PRODOTTI SEKONDARJI/SKART TAGĦHOM

(159)

Materjali użati għal ġebel b'PSV għoli, armour rock, ġebel tal-ħitan u aggregati primarji ta' kwalità għolja tabilħaqq jirrappreżentaw użi speċjalizzati tal-materjali rispettivi, jew inkella użi li fihom ma jistgħux jiħdulhom posthom aggregati riċiklati jew skart minn materjali li mhumiex intaxxati.

(160)

Madankollu, il-materjali kollha użati għal ġebel b'PSV għoli, armour rock, ġebel tal-ħitan u aggregati primarji ta' kwalità għolja u l-prodotti sekondarji tagħhom huma tal-istess ġebla. Pereżempju, l-armour rock huwa prodott mill-istess ġebla bħall-qxur tal-aggregati iżgħar li jirriżulta bħala prodotti sekondarji.

(161)

Dawn l-iġbla ġeneralment ikunu tajbin biex jintużaw bħala aggregati u l-operaturi tal-barrieri għandhom għażla dwar kif ibigħu jew jużaw il-ġebla partikolari skont id-domanda.

(162)

Għar-raġunijiet spjegati fil-Premessi 151 sa 157 iktar 'il fuq, fir-rigward ta' prodotti sekondarji tal-ġebel imqatta' u tal-ġir, il-Kummissjoni ma tistax teskludi li eżenzjoni għal ġebel b'PSV għoli, armour rock għad-difiżi mill-baħar, ġebel tal-ħitan, aggregati primarji ta' kwalità għolja u l-prodotti sekondarji/skart tagħhom, tista' tħeġġeġ l-estrazzjoni ta' dawn il-materjali għal skopijiet ta' aggregati.

(163)

Fir-rigward il-fatt li bosta partijiet interessati kellhom dubji dwar il-loġika tal-AGL fid-dawl tal-fatt li l-PSV għoli u armour rock huma ntaxxati filwaqt li tafal għal difiżi ta' għarar jew materjali għal użu speċjalizzati oħra mhumiex intaxxati, l-awtoritajiet tar-Renju Unit b'mod konġunt mal-BAA taw informazzjoni li PSV (hu miżura tar-reżistenza ta' aggregat għall-illostrar; aggregati b'PSV għoli huma użati b'taħlita bituminuż mqiegħda fuq is-superfiċje ta' toroq biex jingħata livell għoli ta' resistenza għal skidjar. Aggregati bl-ogħla PSV huma użati f'postijiet bħal liwjiet u żoni ta' brejkjar, u huma speċifikati għall-valur tagħhom ta' PSV u l-livell ta' tibrix tal-aggregat (AAV). Dawn huma l-karatteristiċi li huma inerenti fid-depożiti tal-blat u mtejba mill-proċess ta' manifattura. Il-materjali għadhom aggregat u dan l-użu huwa kklassifikat bħala użu aggregat għall-għan tal-AGL.

(164)

Armour rock u użat biex jipproteġi l-linji tal-kosta tar-Renju Unit minn erożjoni. Ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni jiddependu fuq is-severità speċifika tal-ambjenti tal-baħar. Il-kwalitajiet li huma speċifikati jinkludu d-densità u l-valur ta' brix ta' aggregat. Huwa kklassifikat bħala użu ta' aggregat għall-għan tal-AGL hekk kif inhu użat għas-saħħa u d-daqs.

(165)

Barra minn hekk, jekk materjal użat għal ċerta raġuni huwiex sostitwibbli jew le ma jaffettwax il-loġika tal-AGL u l-eżenzjonijiet mogħtijin għal materjali oħrajn. Tabilħaqq, il-Kummissjoni tosserva li, hemm, l-AGL tapplika għal firxa ta' użi differenti li mhumiex sostitwibbli. Madankollu, diment li t-tali materjali jistgħu jintużaw u fil-fatt huma użati spiss bħala aggregati u l-użu tagħhom bħala aggregati jagħmel sens ekonomiku, eżenzjoni għat-tali materjali anki għal ċerti użi xxekkel l-objettiv tal-AGL.

(166)

Bosta partijiet interessati semmew il-fatt li l-aggregati eżentati jieħdu post prodotti aggregati sekondarji u mhux il-prodotti tal-ifjen kwalità. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li din il-kunsiderazzjoni ma tixħet ebda dubju fuq il-fatt li l-AGL qed tilħaq l-ambitu ambjentali tagħha peress li l-materjali eżentati li huma prodotti sekondarji inevitabbli tal-materjal estratt għal użu mhux bħala aggregati jieħdu post aggregati estratti ġodda. Ma jimpurtax jekk jieħdu post aggregati ta' kwalità ogħla jew inqas diment li tonqos l-estrazzjoni ta' ġodda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li kultant, materjali eżentati jistgħu anki jieħdu post aggregati ta' kwalità ogħla kif spjegat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fil-Premessa 142.

(167)

Il-Kummissjoni tagħraf li l-problemi bl-implimentazzjoni tal-AGL u l-eżenzjonijiet tagħha fuq il-bażi tal-ġeoloġija tal-materjali. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva wkoll li kien ikun iktar diffiċli li l-eżenzjonijiet jiġu bbażati fuq l-użi tal-materjali peress li dan jista' jwassal għal diffikultajiet fl-infurzar u jagħti iktar lok għal abbużi. Barra minn hekk, jidher li l-awtoritajiet tar-Renju Unit kisbu r-Rapport bħala appoġġ għall-implimentazzjoni tal-AGL u li jsegwu d-definizzjonijiet u t-testijiet għall-materjal ipprovduti hemm. Il-BAA stess għarfet li l-awtoritajiet tar-Renju Unit jużaw ġeologu espert biex jistabbilixxi l-materjali prodotti mill-barrieri.

(168)

Fir-rigward tal-esklużjoni tat-tafal u x-shale użati għal prodotti taċ-ċeramika mis-sospensjoni tal-AGL, il-Kummissjoni tosserva li dan huwa proċess industrijali eżentat li diġà ġie kkunsidrat fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ u li nstab li ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

(169)

Fir-rigward tal-kontenut tal-Cornish Building Stone and Slate Guide 2007, sottomessa mill-BAA, il-Kummissjoni tosserva li wieħed ma jistax joqgħod fuqha bħala sors ta' informazzjoni preċiża għal ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-prodotti kollha ta' barriera. Hija gwida magħmula għal skopijiet promozzjonali fejn il-barrieri jirreklamaw il-prodotti tagħhom imfassla għall-industrija tal-bini. B'hekk, il-Kummissjoni tqis li l-barrieri li jidhru fil-Cornish Building Stone and Slate Guide 2007 ippreżentaw il-prodotti tagħhom skont l-istrateġiji ta' kummerċjalizzazzjoni tagħhom immirata lejn l-industrija tal-bini. L-awtoritajiet tar-Renju Unit semmew li jippermettu lill-barrieri jirreklamaw il-prodotti tagħhom kif iridu, indipendentement mill-kompożizzjoni ġeoloġika tal-materjali rispettivi, u ma jqisux it-tali deskrizzjonijiet promozzjonali bħala relevanti għall-kwalifika tal-materjali għall-finijiet tal-AGL.

(170)

Minn dan isegwi li l-intaxxar tal-ġebel b'PSV għoli, l-armour rock għad-difiżi mill-baħar, il-ġebel tal-ħitan, aggregati primarji ta' kwalità għolja u l-prodotti sekondarji/skart tagħhom taqa' taħt il-prinċipju ta' taxxa normali tal-AGL u hija ġġustifikata mill-objettiv fil-mira.

5.5.3.   KONKLUŻJONI DWAR IT-TAXXA NORMALI SKONT L-AGL U L-OBJETTIV TAL-AGL

(171)

Il-Kummissjoni tqis li l-kummenti riċevuti mill-partijiet interesati kollha ma jipprovdux raġuni sabiex wieħed jitbiegħed mis-sejbiet tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ fuq il-prinċipju ta' taxxa normali skont l-AGL u l-objettiv tal-AGL.

(172)

Il-prinċipju ta' tassazzjoni normali tal-AGL huwa li l-ġebel, iż-żrar u r-ramel definiti bħala aggregati skont is-Sezzjoni 17(1) iridu jiġu ntaxxati meta jkunu soġġetti għal użu kummerċjali kif definit fis-Sezzjoni 19 fir-Renju Unit fl-1 ta' April 2002 jew wara (45).

(173)

Skont id-deskrizzjoni li pprovdew l-awtoritajiet tar-Renju Unit qabel id-Deċiżjoni ta' Ftuħ u kif ikkonfermat mill-ħidma ta' tħejjija tal-AGL (46), il-Kummissjoni sabet fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ (47) li ġeneralment l-aggregati jistgħu jiġu deskritti li jikkorrispondu għal materjali granulari jew partikolati li, minħabba l-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi inerti tagħhom, huma xierqa sabiex jintużaw waħedhom jew billi jiżdied siment, ġir jew materjal bituminuż fil-bini bħal konkrit, ġebel tat-triq, asfalt jew gandotti tad-drenaġġ, jew sabiex jintużaw bħala mili tal-bini (“użu bħala aggregati”).

(174)

Il-partijiet interessati kollha u l-awtoritajiet tar-Renju Unit irrikonoxxew it-terminu ta' “użu bħala aggregati” fis-sottomissjonijiet tagħhom u ppreżentaw il-kummenti tagħhom fuq dan. Fil-fatt, il-BAA ssottomettiet kummenti bil-għan li turi li l-AGL hija nieqsa mil-loġika peress li ċerti materjali li ma jissodisfawx din id-definizzjoni huma ntaxxati. Il-Kummissjoni indirizzat f'ċertu dettall dawn il-kummenti iktar 'il fuq fil-Premessi 151-158 u 159-165.

(175)

B'hekk, fi kliem ieħor, il-prinċipju ta' taxxa normali tal-AGL huwa l-intaxxar ta' ġebel, żrar jew ramel meta estratti għal “użu bħala aggregati”/estratti għal użu kummerċjali bħala aggregat kif spjegat iktar 'il fuq.

(176)

Id-deskrizzjoni ta' hawn hija konsistenti wkoll mal-objettiv tal-AGL li huwa li l-estrazzjoni tal-aggregati ssir iktar effiċjenti billi jiġu internalizzati l-problemi ambjentali ta' dik l-attività. Kif ikkonfermat ukoll il-Qorti Ġenerali (48), l-objettiv tal-AGL huwa li tippromwovi fl-industrija tal-bini l-użu ta' aggregati li huma prodotti sekondarji ta' ċerti proċessi jew skart minnhom (magħrufin ukoll bħala aggregati “sekondarji”), jew ta' aggregati riċiklati, u b'hekk jonqos l-użu ta' aggregati mqattgħin mill-barrieri (magħrufin ukoll bħala aggregati “primarji”), li huma riżorsi naturali mhux rinnovabbli, u b'hekk tiġi limitata l-ħsara lill-ambjent marbuta ma' dak il-proċess ta' estrazzjoni (l-għan ta' “bdil tad-domanda”).

5.6.   DIVRENZJAR TA' TAXXA

(177)

L-Att Finanzjarju tal-2001 għall-ewwel jistabbilixxi bażi wiesgħa għall-impożizzjoni tal-AGL. Imbagħad, il-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-impożizzjoni jiċċekken permezz ta' esklużjonijiet u eżenzjonijiet. Barra minn hekk, l-Att Finanzjarju tal-2001 jipprovdi wkoll għal ċertu għadd ta' sitwazzjonijiet ta' ħelsien mit-taxxa. Il-Kummissjoni ser terġa' teżamina jekk l-esklużjonijiet, l-eżenzjonijiet u l-ħelsien mit-taxxa li kellha dubji fuqhom fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ humiex konformi mal-prinċipji ta' taxxa normali fid-dawl tal-objettiv tal-AGL.

(178)

Għall-fini ta' valutazzjoni tad-differenzjazzjonijiet tat-taxxa fl-AGL, il-qafas ta' referenza/prinċipju ta' taxxa normali użat mill-Kummissjoni huwa l-impożizzjoni tal-AGL fuq materjali li jintużaw b'mod kummerċjali fir-Renju Unit bħala aggregati (49). Kif deskritt iktar 'il fuq fil-Premessa 173, l-“użu bħala aggregati” huwa marbut ferm mill-qrib mal-użu kummerċjali ta' ġebel, żrar u ramel għal skopijiet ta' bini, jiġifieri l-użu tagħhom bħala materjal jew appoġġ fil-bini jew fit-titjib ta' xi struttura (inklużi toroq u passaġġi, il-mogħdija li fuqha ser jew għandu jingħadda kwalunkwe binarju ferrovjarju jew imbankmenti) jew it-tħallit tagħhom bħala parti mill-proċess kif jiġu prodotti tajn, konkrit, tarmakadam, żrar miksi għat-triq jew xi materjal tal-bini simili ieħor (50).

(179)

Barra minn hekk, il-kunċett ta' użu bħala aggregati, kif iddefinit iktar 'il fuq, jintuża mill-Att Finanzjarju tal-2001 fis-Sezzjoni 30(1)(d) tal-Att Finanzjarju tal-2001 li jipprovdi dritt għal persuna li titlob għal kreditu ta' taxxa jekk “l-aggregat li jkun ġie soġġett għall-AGL jitneħħa b'tali mod li ma jikkostitwixxix l-użu tiegħu għal skopijiet ta' bini kif jista' jkun stipulat”.

(180)

Jekk materjal eżentat jiġi estratt għal użi aggregati jew ikun soġġett għall-użu kummerċjali għal skopijiet ta' bini kif spjegat iktar 'il fuq, għandu jaqa' taħt l-ambitu tat-taxxa normali skont l-AGL peress li jkun f'sitwazzjoni fattwalment u legalment paragunabbli bħall-materjali ntaxxati u l-eżenzjoni tiegħu tista' tiġi ġġustifikata biss fid-dawl tal-objettiv inerenti segwit mill-AGL.

(181)

Fir-rigward tal-eżenzjonijiet investigati li jikkonċernaw prodotti sekondarji, skart jew fdalijiet ta' materjali jew proċessi oħrajn, il-Kummissjoni ser iżżomm il-kriterji ta' valutazzjoni użati fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ser tqis jekk l-iskart, il-fdalijiet jew il-prodotti sekondarji rispettivi jirriżultawx b'mod inevitabbli minn attività li mhijiex marbuta mal-estrazzjoni deliberata tal-materjali għal użu bħala aggregati, jiġifieri jew mill-estrazzjoni ta' materjal li mhuwiex estratt b'mod deliberat għal użu bħala aggregati jew minn proċess li mhuwiex marbut mal-estrazzjoni ta' aggregati. L-estrazzjoni tal-materjal ewlieni mhux għal użu bħala aggregati tipprovdi indikazzjoni dwar jekk l-eżenzjoni ta' skart, fdalijiet jew prodotti sekondarji rispettivi tistax tikkontribwixxi għall-objettiv li huwa l-bażi tal-AGL.

(182)

Għal prodotti sekondarji, skart jew fdalijiet li jirriżultaw mill-estrazzjoni ta' materjal għal użu bħala aggregati, il-Kummissjoni ser tivvaluta jekk l-eżenzjoni tagħhom tistax twassal għal tnaqqis fl-estrazzjoni ta' materjali ġodda għal użu bħala aggregati u b'hekk tikkontribwixxix għall-objettiv tal-AGL.

(183)

Il-kriterji ta' valutazzjoni msemmijin hawn fuq huma konsistenti mal-prinċipji ta' taxxa normali tal-AGL sabiex jiġi stabbilit jekk il-materjali eżentati humiex fl-istess sitwazzjoni fattwali u legali bħall-materjali ntaxxati u jqisu l-kunsiderazzjonijiet li għamlu l-awtoritajiet tar-Renjiu Unit li l-AGL ma għandhiex taffettwa l-proċessi mhux marbutin mal-estrazzjoni għal użu bħala aggregati.

5.6.1.   L-ESKLUŻJONI TA' ĊERTI MINERALI U L-ĦELSIEN MIT-TAXXA TAGĦHOM (SEZZJONI 18(2)(b) (51) U S-SEZZJONI 30(1)(b) (52) SAFEJN HUMA MARBUTA MA' PROĊESS EŻENTAT LI JIPPROVDI GĦAL MATERALI LI JINTUŻAW BĦALA AGGREGATI

(184)

Fil-kuntest tas-sottomissjonijiet tagħhom qabel id-Deċiżjoni ta' Ftuħ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu indikaw li l-ebda waħda mis-sustanzi eżentati skont is-Sezzjoni 18 (53) ma titqatta' minn barrieri jew minjieri għall-użu bħala aggregat.

(185)

Diment li dawk il-materjali ma jintużawx biex jipprovdu s-saħħa fis-settur tal-bini, il-Kummissjoni tqis li l-esklużjoni ta' dawk il-materjali mill-kamp ta' applikazzjoni tal-AGL kienet konformi mal-prinċipji ta' taxxa normali tagħha (54).

(186)

Fil-Premessa 74 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li safejn il-minerali kkonċernati ma jintużawx bħala aggregati, l-eżenzjoni/esklużjoni tagħhom mill-AGL ma twassalx għal vantaġġ selettiv skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(187)

Madankollu, sabet li wħud minn dawk il-materjali kultant jiġu estratti sabiex jintużaw bħala aggregati wkoll. Pereżempju, il-vermikulit u l-perlit iservu biex jiġu prodotti aggregati manifatturati ħfief (55). L-esklużjoni ta' dawn il-minerali, diment li jkunu estratti biex jipproduċu aggregati ħfief u jintużaw bħala tali, tqieset li mhijiex konformi mal-prinċipji ta' taxxa normali tal-AGL. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tifhem għaliex l-estrazzjoni ta' dawk il-minerali ma tkunx f'sitwazzjoni paragunabbli bħall-estrazzjoni ta' aggregati ntaxxati oħrajn.

(188)

Peress li l-Kummissjoni kienet nieqsa mill-informazzjoni relevanti meħtieġa għall-valutazzjoni tagħha, xeħtet dubji fuq jekk eżenzjoni ġenerali ta' dawk il-materjali, li ma tidhirx li tieħu f'kunsiderazzjoni l-użu tagħhom bħala aggregati, hijiex konformi mal-prinċipji ta' taxxa normali li fuqhom hija bbażata l-AGL.

(189)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprovdew lista ta' użi ta' kull wieħed mill-materjali elenkati fis-Sezzjoni 18(3) tal-Att Finanzarju tal-2001 li ssemmi jekk jintużawx jew jistgħux jintużaw bħala aggregati. Skont it-tali lista, l-uniċi materjali li huma suxxettibbli sabiex jintużaw bħala aggregat tal-materjali elenkati fis-Sezzjoni 18(3) tal-Att Finanzjarju tal-2001 huma l-perlit, il-ġebel pumiku u l-vermikulit.

(190)

Peress li l-bqija tal-materjali elenkati fis-Sezzjoni 18(3) tal-Att Finanzarju tal-2001 ma jintużawx bħala aggregati jew mhumiex suxxettibbli li jintużaw bħala aggregati, mhumiex fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-aggregati taxxabbli.

(191)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-perlit jista' jinstab fl-Irlanda ta' Fuq, iżda l-estrazzjoni twaqqfet qabel ma ddaħħlet l-imposta fuq l-aggregati. Dan il-materjal għadu jiġi importat fir-Renju Unit, peress li huwa tajjeb għall-proprjetajiet iżolanti tiegħu u l-piż ħafif tiegħu wara li jiġi pproċessat.

(192)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-perlit jista' jintuża fil-produzzjoni ta' materjali tal-bini ħfief (materjali ta' kisi, tajn, iżolament, madum tas-saqaf) u bħala kundizzjonatur tal-ħamrija. Jespandi ħafna meta jissaħħan u, għalhekk, mhuwiex aggregat naturali. Il-perlit jista' jintuża bħala aggregat ħafif, eż. f'konkrit jew siment portland. Madankollu, qabel ma jkun jista' jintuża b'dan il-mod, irid ikun soġġett għal trasformazzjoni fiżika li tmur lil hinn minn sempliċi tfarrik u tgħarbil. Il-proprjetajiet partikolari tiegħu jipprekludu wkoll milli jiġi sostitwit minn materjal riċiklat jew prodott sekondarju mill-produzzjoni mhux ta' aggregati.

(193)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-ġebel pumiku mhuwiex magħruf li jseħħ naturali fir-Renju Unit, iżda huwa importat. L-għamla ċellulari tiegħu tagħtih densità baxxa li tippermettilu jżomm f'wiċċ l-ilma. Jista' jintuża wkoll bħala abrażiv u fil-produzzjoni ta' materjali tal-bini ħfief. Huwa ferm eħfef minn materjali aggregati taxxabbli.

(194)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li hemm xi evidenza li turi li l-ġebel pumiku huwa użat fir-Renju Unit bħala aggregat ħafif fil-bini u fil-manifattura ta' konkrit ħafif, konkrit ifformat u blokok tal-konkrit. L-użu tiegħu f'dawn iċ-ċirkustanzi jirriżulta mid-densità partikolarment baxxa tiegħu. Bħal bil-perlit u l-vermikulit, il-proprjetajiet u l-użi partikolari tiegħu jipprekludu milli jiġi sostitwit minn materjal riċiklat jew prodott sekondarju ieħor mill-produzzjoni mhux ta' aggregati.

(195)

Il-Kummissjoni kkunsidrat jekk il-ġebel pumiku għandux jitqabbel ma' ġebel b'PSV għoli jew armour rock, li huma prodotti speċjalizzati wkoll li ma jistgħux jiġu sostitwiti ma' materjal eżentat. Madankollu, il-ġebel pumiku jidher differenti minn ġebel b'PSV għoli u armour rock peress li, meta jintuża bħala aggregat, jista' jintuża biss f'dan l-ambitu speċjalizzat, bħala aggregat ħafif. Min-naħa l-oħra, il-materjali użati biex jiġi prodott ġebel b'SPV għoli u armour rock jistgħu jintużaw u spiss jintużaw bħala aggregati meta ma jintużawx f'dawn iċ-ċirkustanzi speċjalizzati partikolari.

(196)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-vermikulit huwa forma ta' majka li, bħall-perlit, għandha l-proprjetà mhux tas-soltu li tespandi ħafna meta tissaħħan. Mhuwiex magħruf li jinstab naturali fir-Renju Unit, għad li huwa importat.

(197)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li bħall-perlit, il-vermikulit jista' jintuża għall-iżolament, bħala aggregat ħafif għal materjal tal-kisi u konkrit, u bħala kundizzjonatur tal-ħamrija. Madankollu, qabel ma jkun jista' jintuża hekk, irid ikun soġġett għal trasformazzjoni fiżika li tmur lil hinn minn sempliċi tfarrik u tgħarbil. Il-proprjetajiet partikolari tiegħu jipprekludu wkoll milli jiġi sostitwit minn materjal riċiklat jew prodott sekondarju mill-produzzjoni mhux ta' aggregati.

(198)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-kwantitajiet importanti tat-tali prodotti huma kif ġej, bid-dejta għall-perlit u l-vermikulit irreġistrata flimkien fl-istatistiki tal-importazzjonijiet mill-2010:

 

2008

2009

2010

2011

2012

Perlite

(tonnes)

45 064

36 315

58 456

98 437

66 298

Vermiculite

(tonnes)

29 200

25 515

Pumice

(tonnes)

2 259

1 668

2 062

2 067

1 255

(199)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-ġebel pumiku importati sewa medja ta' GBP 408/it-tunnellata fl-2012, u l-vermikulit u l-perlit jiswew medja ta' GBP 128/it-tunnellata. Dawn il-prezzijiet għoljin jirriflettu l-applikazzjonijiet speċjalizzati ta' dawn il-minerali, u jindikaw li ma jintużawx bħala sostitut għal aggregat estratt fir-Renju Unit.

(200)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-perlit, il-ġebel pumiku u l-vermikulit mhumiex użati kummerċjalment bħala aggregat fir-Renju Unit u mhumiex fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-aggregat taxxabbli, fid-dawl tal-objettiv ambjentali segwit mill-AGL.

(201)

Il-Kummissjoni tqis li peress li l-perlit u l-vermikulit jgħaddu minn trasformazzjoni fiżika li tmur lil hinn minn sempliċi tfarrik u tgħarbil sabiex jintużaw bħala aggregati, mhumiex paragunabbli ma' materjali taxxabbli li mhumiex soġġetti għat-tali trasformazzjonijiet.

(202)

Il-proprjetajiet naturali tal-perlit, il-ġebel pumiku u l-vermikulit jagħmluhom differenti mill-bqija tal-aggregati. Barra minn hekk, it-tliet materjali kollha kemm huma mhumiex aggregati naturali, iżda jservu bħala aggregati ħfief speċjalizzati li la jistgħu jiġu sostitwiti u lanqas ma jistgħu jieħdu post materjali oħrajn. Prezzhom jirrifletti l-użu speċjalizzat tagħhom kif ukoll il-fatt li mhuwiex possibbli li jieħdu post aggregati estratti fir-Renju Unit.

(203)

Barra minn hekk, ebda wieħed minn dawn il-materjali ma huwa estratt bħalissa fir-Renju Unit peress li l-estrazzjoni tal-perlit waqfet qabel ma daħlet l-AGL.

(204)

Il-Kummissjoni ma rċiviet ebda kumment mingħand partijiet interessati fir-rigward ta' dawn il-materjali.

(205)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-perlit, il-ġebel pumiku u l-vermikulit mhumiex fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-aggregat taxxabbli fid-dawl tal-objettiv tal-AGL.

(206)

B'hekk, il-Kummissjoni ssib li l-esklużjoni ta' ċerti minerali u l-ħelsien mit-taxxa fuqhom kif stipulat fis-Sezzjoni 18(2)(b) u s-Sezzjoni 30(1)(b) tal-Att Finanzjarju tal-2001 ma jinvolvix vantaġġ selettiv għal dawn il-materjali.

5.6.2.   EŻENZJONI TA' MATERJAL LI JIKKONSISTI KOMPLETAMENT JEW PRIMARJAMENT, JEW LI HUWA PARTI MINN KWALUNKWE ĦAĠA LI TIKKONSISTI F'FAĦAM, LINJITE, LAVANJA JEW SHALE (SEZZJONI 17(4)(a)) SAFEJN IL-MATERJAL EŻENTAT JIKKONSISTI KOMPLETAMENT F'FAĦAM, LINJITE, SHALE, LAVANJA LI JINTUŻA BĦALA AGGREGAT JEW JIKKONSISTI PRIMARJAMENT F'FAĦAM, LINJITE, SHALE U LAVANJA

(207)

Il-Kummissjoni osservat li dawn il-materjali kollha jikkwalifikaw bħala ġebel u, b'hekk, huma aggregati skont it-tifsira tas-Sezzjoni 17(1) tal-Att tal-2001.

(208)

F'dak li għandu x'jaqsam ma' lavanja u shale, spiss jinqatgħu b'wiċċ ċatt wieħed jew iktar. F'dan il-każ, jibbenefikaw ukoll minn ħelsien mill-AGL permezz tas-Sezzjoni 18(2)(a) (proċess ta' eżenzjoni tat-tqattigħ tal-ġebel). Il-kreditu ta' taxxa għal materjali li għalih hu applikat proċess eżentat huwa konformi mal-prinċipji ta' taxxa normali li huma l-bażi tal-AGL.

(209)

Fil-kuntest tas-sottomissjonijiet tagħhom qabel id-Deċiżjoni ta' Ftuħ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu spjegaw li l-faħam, il-linjite, il-lavanja jew ix-shale mhumiex imqattgħin primarjament sabiex jintużaw bħala aggregati. Tradizzjonalment, il-lavanja tiġi estratta sabiex tintuża bħala materjal speċjalizzat għall-bini (eż. bħall-bjut jew l-art). F'ċerti reġjuni, l-użu tagħha huwa mħeġġeġ għal skopijiet ta' wirt storiku. Ix-shale huwa mineral fissili b'kontenut għoli ta' tafal. Hekk kif id-depożiti tat-tafal naturali qed jitbattlu, ix-shale qed jintuża dejjem iktar fil-manifattura ta' brikks u madum. Jista' jkun anki ingredjent fil-produzzjoni tas-siment. Il-faħam huwa ġebel sedimentari msawwar primarjament mill-karbonju. Il-linjite għandu kontenut ferm inqas ta' karbonju mill-faħam u kontenut ta' umdità għoli ħafna. It-tnejn jintużaw bħala prodotti tal-enerġija.

(210)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-esklużjoni ta' dawk il-materjali meta jintużaw għal skopijiet oħrajn għajr bħala aggregati kienet konformi mal-prinċipju ta' taxxa normali li huwa l-bażi tal-AGL.

(211)

Il-Kummissjoni osservat (56) li, skont l-evidenza li pprovdiet il-BAA u mehmuża mar-Replika tagħha sottomessa lill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-210/02, il-lavanja u x-shale jintużaw bħala aggregati (57). Ma kinitx tapplika l-istess ħaġa għal faħam u linjite.

(212)

Fil-Premessa 84 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li eżenzjoni ġenerali tax-shale u l-lavanja, anki meta jintużaw bħala aggregati jew biex isaħħu għal skopijiet ta' bini, ma tidhirx li hija konformi mal-prinċipji ta' taxxa normali li huma l-bażi tal-AGL u ma jidhrux li jirriżultaw mill-għamla u l-loġika tal-AGL.

(213)

Fil-Premessa 85 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li l-argument li x-shale u l-lavanja spiss ma jintużawx bħala aggregati ma kienx jiġġustifika l-eżenzjoni ġenerali tiegħu mill-AGL. Huwa eżattament għaliex kien diffiċli li jiġi stabbilit minn qabel għalxiex kienu ser jintużaw il-materjali li r-Renju Unit għażel li jagħti kreditu ta' taxxa f'każ li wħud mill-materjali soġġetti għat-taxxa jintużaw għal skopijiet industrijali u agrikoli. Il-Kummissjoni qieset li, minflok ma tagħti eżenzjoni diretta, kien ikun iktar xieraq li jiġi estiż il-ħelsien mit-taxxa anki għal shale u lavanja.

(214)

Il-Kummissjoni esprimiet dubji fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għall-estensjoni tal-eżenzjoni għall-materjal li primarjament (jiġifieri f'iktar minn 50 % minnu) huwa magħmul minn faħam, linjite, shale jew lavanja.

(215)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li eżenzjoni ġenerali ta' dawk il-materjali, b'mod partikolari l-lavanja u x-shale, anki meta jintużaw bħala aggregati, jiġifieri għas-saħħa fil-bini, ma tkunx konformi mal-prinċipji ta' taxxa normali li fuqhom hija bbażata l-AGL.

(216)

Wara li ppubblikat id-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni rċiviet bosta sottomissjonijiet mingħand partijiet interessati f'dan ir-rigward.

5.6.2.1.    Lavanja

(a)   Kummenti riċevuti mingħand il-BAA fil-15 ta' Settembru 2014

(217)

Il-BAA taqbel mal-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward tal-użi ta' prodotti sekondarji tal-lavanja bħala aggregat, inkluż li dawn huma alternattiva għal aggregat estratt ġdid fil-manifattura ta' konkrit u applikazzjonijiet b'saħħa medja fl-inġinerija.

(218)

Il-BAA tiddikjara li l-lavanja, ix-shale (u t-tafal) minn dejjem (u, għalhekk, anki qabel ma daħlet l-AGL) kienu jintużaw “bħala aggregati” meta xieraq għall-iskop speċifiku u l-materjal kien disponibbli bil-prezz it-tajjeb. Pereżempju, fl-1980/81 u l-1990/1991 intużaw madwar 230 000 tunnellata aggregat tal-lavanja biex tinbena l-Bypass ta' Bangor A55.

(219)

Il-BAA, b'riferiment għal dikjarazzjoni ta' ġeologu speċjalist Dr Rachel Hardie, tiddikjara li hemm barrieri b'ġeoloġija mħallta fejn id-depożiti tal-ġebel li jikkwalifikaw bħala tafal jew lavanja huma mħalltin ma' ġebel ieħor. Skont dik id-dikjarazzjoni, hemm barrieri fl-Iskozja u f'partijiet oħrajn tar-Renju Unit fejn il-parti l-kbira tal-aggregati prodotti hija soġġetta għall-AGL, iżda fejn is-saffi tal-ġebla fihom sehem ta' tipi ta' ġebla eżentati. Il-prodotti ta' dawn il-barrieri inkludew ħażniet ta' tipi ta' ġebel eżentati kompletament jew primarjament bħal shale jew lavanja (58).

(220)

Il-BAA tiddikjara li hemm għadd ta' barrieri tal-lavanja fejn il-materjal m'għandux qasma tal-lavanja biżżejjed għal madum tal-bini, iżda fejn il-materjal xorta waħda jikkwalifika bħala lavanja. Il-BAA pprovdiet lista ta' seba' barrieri tal-lavanja meħudin mill- British Geological Survey (“BGS”) Directory of Mines and Quarries 2010 li huma msemmijin li jestrattaw ġebel għal użu bħala aggregati biss, bħal aggregat għall-bini, ġebel taċ-ċnut, ġebel għall-bini mhux imqatta' u barrieri li jipproduċu ammont żgħir biss ta' ġebel għall-bini mqatta'. Il-BAA tiddikjara li dawn il-barrieri mhumiex differenti minn barrieri tal-granit jew tal-ġebel ramli li jipproduċu ġebel għall-bini wkoll. Il-prodotti taż-żewġ tipi ta' barrieri huma tal-istess għamla, madankollu l-barrieri tal-lavanja huma eżentati filwaqt li oħrajn mhumiex.

(221)

Fir-rigward tal-għamla tal-barrieri li jisfruttaw ġebel intaxxat, bħall-granit, il-BAA tiddikjara li l-barrieri tal-ġebel ibigħu diversi ammonti ta' ġebel fi blokok mhux imqatta'. Jiddikjaraw li, jekk il-barriera għandha ġebla li hija “fi blokok” naturalment u faċli tinqata', barriera bħal din aktarx li tbigħ kwantità ta' dan il-prodott, soġġetta għad-domandi fis-suq lokali (eż. residenzjali, ċentri ta' ġonna) u l-kulur tal-ġebla fi blokka estratta.

(222)

Il-BAA pprovdiet informazzjoni dwar il-bejgħ tal-lavanja u s-sehem mill-bejgħ tal-madum tal-bjut kontra mili għal użi oħrajn, jiġifieri użi bħala aggregati. Il-BAA pprovdiet informazzjoni dwar il-barrieri tal-franka wkoll. Juru li l-bejgħ tal-ġir agrikolu jisboq bil-kbir il-bejgħ tal-aggregati bħala prodotti sekondarji. Fl-2013, il-proporzjon kien ta' 4,2:1. Il-BAA tiddikjara li dan il-proporzjon jista' jiġi spjegat mill-fatt li l-AGL ma ħallithiex possibbli li l-bejgħ tal-franka bħala prodott sekondarju jibqa' kompetittiv. Il-BAA pprovdiet il-prezzijiet tal-bejgħ għall-ġir agrikolu minn barriera waħda (il-prezz mill-fabbrika għall-esportazzjoni jvarja bejn GBP 5,02 u GBP 5,95 it-tunnellata) u għall-aggregat bħala prodott sekondarju (GBP 5 sa GBP 8,5 it-tunnellata inkluża l-AGL). Il-BAA pprovdiet ukoll il-prezzijiet minn barriera oħra għal trabijiet tal-karbonat tal-kalċju b'purità għolja (GBP 25 sa GBP 55 it-tunnellata mill-fabbrika u sa GBP 1 000 it-tunnellata għal ċerti prodotti speċjalizzati), għal franka ta' kwalità użata għall-manifattura tal-ħġieġ (GBP 23 it-tunnellata mill-fabbrika), għal ġir agrikolu (GBP 11 it-tunnellata) u għal materjali minn skart/prodott sekondarji (GBP 2 sa GBP 7,5 it-tunnellata eskluża l-AGL).

(223)

Il-BAA tiddikjara li l-prezzijiet tal-lavanja sottomessi fil-bidu mill-awtoritajiet tar-Renju Unit huma għoljin wisq u ma jirriflettux il-valur fis-suq. Tgħid li l-prezzijiet tal-prodotti sekondarji tal-lavanja huma ta' GBP 3 wara li niżlu minn GBP 6. Il-prezz għal-lavanja tal-bjut importata fl-2010 kien ikun ta' GBP 390 it-tunnellata għal-lavanja tal-bjut esportata ta' GBP 618 it-tunnellata.

(b)   Kummenti riċevuti mingħand Welsh Slate Ltd. (“Welsh Slate”) fl-20 ta' Diċembru 2013

(224)

Bħalissa, ir-Renju Unit jipproduċi inqas minn 10 % tal-lavanja tal-bjut tad-domanda tar-Renju Unit għal lavanja naturali.

(225)

L-attività ewlenija ta' Welsh Slate hija l-manifattura u l-bejgħ ta' lavanja tal-bjut. Jiddikjaraw li l-lavanja tal-bjut tirrappreżenta madwar 65 % tad-dħul tagħhom filwaqt li l-lavanja mfarrka 30 % biss u l-bqija jagħmluh minn prodotti arkitettoniċi u prodotti oħrajn. It-tqattigħ tal-lavanja mfarrka mill-barrieri huwa meħtieġ biex jinkiseb il-materjal għal-lavanja tal-bjut. Il-prodotti sekondarji li jirriżultaw mill-estrazzjoni tal-lavanja tal-bjut jirrappreżentaw perċentwal konsiderevoli tal-produzzjoni (bħalissa 95 % tal-materjal estratt kollu).

(226)

Skont Welsh Slate, il-lavanja mfarrka hija prodotta mis-sorsi li ġejjin: skart tal-barriera (31 %), skart minn splitters (12 %), fdalijiet mormijin fil-barrieri (31 %) u tħaffir u blast (27 %). Jgħidu li l-ispiża tal-produzzjoni tal-aggregati tal-lavanja hija ogħla mill-ispejjeż ta' barriera tal-aggregati tipika. L-ispiża tal-produzzjoni ta' prodotti aggregati standard, li teskludi spejjeż addizzjonali speċifiċi għal din il-kumpanija, tammonta għal GBP […] sa GBP […] it-tunnellata, jiġifieri l-imposta tkun […] l-ispiża. L-aggregati bħalissa jinbiegħu bi prezzijiet ta' bejn GBP […] u GBP […] it-tunnellata. Il-lavanja tal-bjut tinbiegħ b'medja ta' GBP […] it-tunnellata, filwaqt li l-valur superjuri tal-lavanja tal-bjut jammonta għal iktar minn GBP […] it-tunnellata.

(c)   Kummenti riċevuti mingħand il-BAA fl-10 ta' Jannar 2014

(227)

Il-BAA bagħtet il-Cornish Building Stone and Slate Guide 2007 imfassla mill-Kunsill tal-Kontea ta' Cornwall. Fiha informazzjoni dwar sensiela ta' barrieri li jipproduċu materjal għall-bini inklużi barrieri tal-lavanja.

(d)   Kummenti riċevuti mingħand Mineral Products Association fit-2 ta' Jannar 2014

(228)

Skont il-Mineral Products Association, il-lavanja u x-shale jintużaw bħala aggregati fir-Renju Unit. Filwaqt li l-lavanja u x-shale forniti għal skopijiet bħala aggregati jistgħu jkunu materjali li huma prodotti sekondarji tal-estrazzjoni għal skopijiet mhux bħala aggregati, pereżempju l-estrazzjoni ta' lavanja għall-produzzjoni ta' lavanja tal-bjut, dawn il-materjali huma estratti wkoll primarjament biex ifornu lis-swieq tal-aggregati.

(e)   Kummenti riċevuti mingħand Lantoom Quarry fis-16 ta' Jannar 2014

(229)

Lantoom Quarry tgħid li l-Kontea ta' Cornwall għandha kwantitajiet kbar ta' prodotti sekondarji aggregati li jirriżultaw mill-industriji tal-lavanja u t-tafal taċ-ċina. Bħalissa hemm eċċess kbir ta' dawn il-materjali għalkemm huma eżentati mill-AGL. Is-swieq huma ferm sensittivi għall-prezzijiet u ebda żieda fil-prezz ma tista' tingħadda lill-klijenti.

(230)

Skont is-sottomissjoni tagħhom, it-tip ta' aggregati li għalih Lantoom Quarry ikollha tħallas l-imposta f'każ li l-eżenzjoni tinstab li hija għajnuna mill-Istat inkompatibbli bħalissa huwa pprezzat għal madwar GBP 2 it-tunnellata (il-prezz mill-fabbrika jvarja bejn GBP 1,5 u GBP 3). Dan ifisser li l-imposta tirdoppja l-prezz.

(231)

Din il-Barriera tgħid li l-eżenzjoni mill-AGL għenet sabiex tistimola s-suq għal aggregati magħmulin minn materjali aggregati. Tiddikjara li l-iskart jista' jkun jagħmel sa 75 % mill-mineral estratt. Il-prodotti sekondarji aggregati mil-lavanja tal-barriera jinbiegħu biss fi ħdan distanza ta' 30 mil mill-barriera.

(232)

Skont il-Lantoom Quarry, il-lavanja mhijiex materjal tajjeb ħafna għal użu bħala aggregat peress li hija iktar ratba u ma tistax tintuża biex isir konkrit jew bitmac.

(f)   Kummenti riċevuti mingħand Burlington Slate Limited (“BSL”) fl-10 ta' Jannar 2014

(233)

In-negozju ewlieni ta' BSL huwa l-manifattura ta' prodotti tal-lavanja dimensjonali bħal prodotti tal-bjut, tal-kisi b'madum, tal-pavimenti u arkitettoniċi.

(234)

Il-BSL tqis li l-eżenzjonijiet għal-lavanja ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat għaliex huma ġġustifikati minn u huma kompletament konsistenti mal-għamla u l-loġika tal-objettivi ambjentali tal-AGL. Tradizzjonalment, il-lavanja hija estratta sabiex tintuża bħala aggregat; minflok, hija estratta sabiex tintuża bħala materjal tal-bini fix-xogħol fuq il-bjut, xogħol ta' kisi b'madum, l-artijiet, il-pavimenti u spiss tintuża għal raġunijiet ta' wirt storiku fil-konservazzjoni ta' bini storiku fir-Renju Unit.

(235)

Il-BSL tgħid li l-iskart tal-lavanja huwa f'sitwazzjoni fattwali differenti meta mqabbel ma' aggregati estratti ġodda mqattgħin b'mod speċifiku sabiex jintużaw bħala aggregati li jirriżultaw mill-estrazzjoni tal-lavanja huma prodott sekondarju neċessarju u inevitabbli tal-proċessi għall-produzzjoni ta' prodotti ta' lavanja dimensjonali.

(236)

Il-BSL tqis li l-eżenzjonijiet jaġixxu bħala inċentiv għall-barrieri tal-lavanja biex jiġi rriċiklat materjal skart bħala aggregati. Jekk il-barrieri tal-lavanja jieqfu jirriċiklaw l-iskart bħala aggregati, ikun hemm iktar skart u fdalijiet mill-estrazzjoni tal-lavanja li jintremew f'miżbla jew jitħallew mormijin fil-barriera.

(237)

Skont il-BSL, il-proċess ta' estrazzjoni tal-lavanja jiswa ħafna flus minħabba l-fond fiżiku li jrid jitqatta', il-formazzjonijiet ġeoloġiċi avversi li kultant jinstabu u l-aspetti tal-inġinerija u l-ġeoteknika tat-tifsila tal-barriera meħtieġa biex tiġi żgurata stabbiltà fuq il-wiċċ biex jinżamm ambjent tax-xogħol sikur. Il-lavanja titneħħa mill-barriera fi blokok li jvarjaw fil-qies minn madwar 1 m × 0,5 m sa 3,5 m × 1,5 m b'piżijiet tipiċi li jvarjaw bejn 500 kg u 12-il tunnellata l-biċċa. L-ipproċessar li jseħħ jiddependi mill-għamla tal-prodott li jsir: madum tal-bjut, kisi b'madum, art jew prodotti arkitettoniċi. Is-soltu l-ipproċessar jinvolvi tqattigħ inizjali segwit minn qsim, applikazzjoni ta' finitura, tqattigħ jew ifformar ulterjuri. Madwar 50 % tal-bejgħ ta' BSL ta' prodotti tal-lavanja arkitettonika huwa esportat mir-Renju Unit.

(238)

BSL turi li f'kull stadju tal-proċess, l-iskart u l-fdalijiet tal-lavanja huma prodott sekondarju inevitabbli. BSL tistima li madwar 4 % tal-materjal estratt biss huwa pproċessat fi prodotti dimensjonali lesti (li tipikament jintużaw għal madum tal-bjut, tal-pavimenti jew tal-art), jiġifieri 96 % huwa skart. Ir-riċiklaġġ tal-iskart u l-fdalijiet tal-lavanja f'aggregati jnaqqas l-ammont ta' materjal skart li BSL ikollha tibgħat f'miżbla jew tħalli mormi fil-barriera. Ir-riċiklaġġ ta' sehem mill-iskart u l-fdalijiet tal-lavanja jgħin sabiex titpaċa parti mill-ispejjeż tal-estrazzjoni tal-lavanja, iżda t-tali bejgħ mhuwiex iktar minn anċillari għall-attività ewlenija ta' estrazzjoni tal-lavanja għall-produzzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tal-lavanja tal-ġebel dimensjonali.

(239)

Skont BSL, barriera tal-lavanja ma għandha ebda inċentiv li tqatta' biss għall-aggregati peress li l-ispiża tal-estrazzjoni hija ferm ikbar u ferm iktar diffiċli (f'termini tal-inġinerija) minn barriera tal-aggregati tipika (li hija barriera tal-wiċċ) u ma jkunx jagħmel sens kummerċjali li tqatta' biss jekk l-uniku materjal estratt jintuża bħala aggregat.

(240)

Skont is-sottomissjoni tagħha, BSL kisbet kunsens ta' ppjanar fuq il-bażi li testratta l-ġebel bħala sors ta' materjali tal-bini “vernakulari” lokali. Applikazzjoni biex testratta aggregat biss mill-barrieri tagħha aktarx li ma tintlaqax peress li tinsab ġewwa jew qrib il-Lake District National Park.

(241)

Skont BSL, l-eżenzjoni għal aggregati għat-tqattigħ tal-lavanja mill-barrieri ma wassalx sabiex testratta iktar aggregati tal-lavanja.

(242)

BSL topera żewġ barrieri tal-franka wkoll. Tgħid li l-fdalijiet mill-estrazzjoni tal-lavanja jistgħu jingħarfu mill-materjal li jirriżulta mill-estrazzjoni tal-franka biex jiġi prodott il-ġir għaliex għall-kuntrarju tal-lavanja, il-franka primarjament titqatta' bħala materja prima sabiex tintuża bħala aggregat għall-bini u ma jagħmilx sens ekonomikament li ssir xi ħaġa oħra apparti t-tqattigħ tal-franka mill-wiċċ filwaqt li l-lavanja hija ġebla sedimentari li teħtieġ tqattigħ f'iktar fond. Il-franka hija iktar analoga għat-tipi ta' aggregat mhux eżentat imqatta' biss sabiex jintuża bħala aggregat milli l-lavanja. Skont BSL, hemm biss għadd ferm limitat ta' minjieri fejn il-kwalità tal-franka tista' tkun tali li jkun jagħmel sens li titqatta' għal “ġebel dimensjonali” (jiġifieri ġebel tal-pavimenti).

(g)   Kummenti riċevuti mingħand Eunomia Research and Consulting Ltd. (“Eunomia”) fis-17 ta' Jannar 2014

(243)

Il-kummenti ta' Eunomia ntbagħtu f'isem konsorzju ta' produtturi tal-aggregati sekondarji tar-Renju Unit (lavanja, fdal tal-minjieri tal-ħaġar u rmied tal-qiegħ tal-inċineraturi).

(244)

Il-ġenerazzjoni ta' materjal tajjeb biss sabiex jintuża bħala aggregat hija parti inevitabbli mill-proċess ta' estrazzjoni tal-lavanja maħsuba għall-bjut jew proċessi oħrajn ta' valur għoli. Il-prezz miksub meta jintuża bħala aggregat huwa ferm inqas u waħdu ma jkunx inċentiv biżżejjed biex jiġi estratt. Welsh Slate tindika li l-lavanja tal-bjut tinbiegħ b'medja ta' GBP […]/it-tunnellata, b'valur superjuri ta' GBP […] it-tunnellata. Għall-kuntrarju, l-aggregati sekondarji jinbiegħu għal bejn GBP […] it-tunnellata u GBP […] it-tunnellata. Kif xieraq, l-eżenzjoni ma wasslitx għal xi żieda fl-ammont ta' estrazzjoni primarja li ssir, u l-estrazzjoni lanqas ma hija mħeġġa minħabba l-eżistenza tal-eżenzjoni.

(245)

L-eżistenza ta' barrieri mimlijin skart tal-lavanja qabel l-introduzzjoni tal-AGL, tipprekludi l-bżonn ta' tqattigħ addizzjonali ta' lavanja għall-aggregat.

(246)

Eunomia tqis li kieku kellha titħassar l-eżenzjoni għal-lavanja, l-AGL […] l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' wara l-estrazzjoni tal-aggregati tal-lavanja li jammontaw għal […] GBP sa […] GBP.

(h)   Kummenti riċevuti mingħand Wincilate Ltd (“Wincilate”) fis-7 ta' Jannar 2014

(247)

Wincilate hija barriera tal-lavanja li tappoġġa l-eżenzjoni tal-lavanja mill-AGL. Il-barriera tispeċifika li, minbarra n-negozju regolari tagħha, tfarrak lavanja minn skart tal-lavanja li jkun ilu iktar minn 100 sena mormi fil-barrieri. Iqisu li l-eżenzjoni għadha neċessarja biex jonqsu l-mandriet li jitħallew fil-barrieri u biex jiġi ffrankat it-tqattigħ ta' aggregati primarji ġodda.

(i)   Kummenti riċevuti mingħand Torrington Stone fis-17 ta' Jannar 2014

(248)

Skont Torrington Stone, waħda mill-barrieri tagħha, li bħala l-prodott primarju tagħha għandha gritstone ntaxxat, toffri prodotti tal-ġebla naturali bħal ġebla tal-ħitan, ġebel taċ-ċnut, ġebel gambion. Dan il-gritstone ntaxxat jikkompeti direttament ma' barrieri tal-lavanja li joffru l-istess prodotti eżatti. Il-ġebel tal-ħitan jingħażel u ma jitqattax fil-barriera, u b'hekk ma jistax jibbenefika minn eżenzjoni mill-AGL. Il-ġebla titqatta' fuq il-post minn ħaddiem tal-ġebel, iżda l-AGL diġà tkun tħallset.

(249)

Torrington Stone tiddikjara li, min-naħa l-oħra, il-lavanja hija irregolari minnha nfisha bħala forma u trid tinqata' (isserrata) biex tiġi rranġata l-wisgħa biss.

(j)   Kummenti riċevuti mingħand Berwyn Slate fid-9 ta' Jannar 2014

(250)

Il-barriera ta' Berwyn Stale tipproduċi blokok tal-lavanja lesti li joħolqu materjal skart bħala prodott sekondarju. Storikament, mindu beda t-tqattigħ għal-lavanja 200 sa 300 sena ilu, dan l-iskart dejjem jitħalla mormi fil-barriera. Skont is-sottomissjoni tagħha, il-barriera qed tippjana li tipproċessal-iskart f'aggregati li jistgħu jinbiegħu. Tħassir tal-AGL tevita milli t-tali pjanijiet jidħlu fis-seħħ.

(k)   Kummenti mingħand Mineral Products Association Ltd riċevuti fit-2 ta' Jannar 2014

(251)

L-Assoċjazzjoni tgħid li l-eżenzjoni ma għandhiex tapplika għal materjali li jikkonsistu primarjament f'faħam, linjite, lavanja u shale fit-tali materjali jintużaw fi swieq tal-aggregati jew għal skopijiet ta' aggregati.

(l)   Kummenti mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit

(252)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit indikaw il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddikjarat fis-sentenza tagħha tas-7 ta' Marzu 2012 f'T-210/02 RENV li materjali bħal tafal, lavanja u shale jissodisfaw, fil-prinċipju, il-prinċipju ta' taxxa normali tal-imposta peress li jikkostitwixxu aggregati (imsejħin “aggregati” fis-sentenza) skont it-tifsira tal-Att Finanzjarju tal-2001 (Sezzjoni 71) u “dak l-aggregat jintuża u jiġi sfruttat kummerċjalment bħala tali”, huma f'sitwazzjoni paragunabbli għal aggregati alternattivi ntaxxati oħrajn (Sezzjoni 72). Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-Qorti Ġenerali għamlitha ċara li l-inklużjoni “potenzjali” ta' dawk il-materjali li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-imposta “jiddependi biss mill-isfruttar effettiv li sar minnu bħala aggregati”.

(253)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li ma hemm ebda evidenza ċara, inklużi s-sottomisjonijiet tal-BAA matul il-proċedimenti tal-qorti, li turi li l-lavanja, ix-shale, il-faħam jew il-linjite qed jiġu estratti b'mod deliberat sabiex jintużaw bħala aggregat fir-Renju Unit.

(254)

Fir-rigward tal-lavanja, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jissottometti li l-lavanja hija ġebla li tista' tinqasam f'folji rqaq. Tintuża primarjament għall-bjut, iżda anki għal kisi b'madum dekorattiv u bħala ħaġar għall-monumenti. Hija prodotta fit-Tramuntana ta' Wales, id-Distrett Lake, Devon u Cornwall.

(255)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-lavanja hija eżentata mill-AGL għaliex lavanja ta' kwalità għolja titqatta' sabiex tintuża għall-bjut jew l-art u għall-proprjetajiet ta' tiżjin tagħha u mhux biex tintuża bħala aggregat. Dawn jistgħu jinkludu prodotti tal-lavanja tal-bjut, ta' għamara jew arkitettoniċi (solli tat-twieqi u kurduni, uċuħ tax-xogħol tal-kċina u l-kamra tal-banju, bankijiet, ħitan tal-ġenb tal-fuklar, qigħan tal-fuklar, kisi b'madum, sinjali tad-djar, monumenti u madum tal-art) u ornamenti (minn hawn 'il quddiem imsejħin f'daqqa bħala “prodotti arkitettoniċi speċjalizzati”). Madankollu, il-qxur u t-tirqimiet tal-lavanja li jirriżultaw mill-estrazzjoni u l-ifformar ta' lavanja ta' kwalità għolja jistgħu jiġu sostitwiti għal aggregati estratti ġodda. Għalhekk, l-eżenzjonijiet iħeġġu wkoll l-użu ta' qxur tal-iskart tal-lavanja, u kwalunkwe prodott sekondarju ieħor assoċjat, biex b'hekk jipprovdu gwadann ambjentali billi tonqos il-ħsara ambjentali li kienet tirriżulta mit-tqattigħ ta' iktar aggregati.

(256)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-barrieri li joffru aggregati tal-lavanja, qxur tal-lavanja, għall-bejgħ sabiex jintużaw bħala aggregat, jisħqu fir-reklamar tagħhom fuq il-prodotti tal-lavanja ta' kwalità għolja tagħhom, bħal lavanja tal-bjut, bankijiet, qigħan tal-fuklar u plakek tal-monumenti, li huma l-enfasi tal-attivitajiet ta' estrazzjoni (59).

(257)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-lavanja mhijiex adattata sew għal użu bħala aggregat għaliex għandha tendenza li tifforma forom “fi blokok” u mhux indaqs ċatti minflok il-forom kwadri li huma ppreferuti f'ħafna applikazzjonijiet aggregati. Lavanja bi kwalità għolja ma tintużax bħala aggregat għaliex il-proprjetajiet fiżiċi u/jew kimiċi tagħha jagħmluha inadatta u tinbiegħ għal skopijiet b'valur ogħla.

(258)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jistimaw li kull tunnellata lavanja mqatta' tipproduċi 95 % qxur skart u madwar 5 % lavanja tajba għal użi ta' kwalità għolja bħal madum tal-bjut jew kisi b'madum (60). Ħafna mill-ġebla li fiha sseħħ il-lavanja ta' kwalità għolja fiha qasma inqas perfetta, u b'hekk mhijiex tajba għall-qsim f'lavanji rqaq. Il-produzzjoni ta' lavanji bl-istess qatgħa u qasma mill-materjal ta' kwalità għolja tiġġenera ammonti kbar ta' tirqimiet ukoll. Għalhekk storikament żoni kbar ta' skart ta' qxur tal-lavanja mormija huma assoċjati ma' postijiet fejn sar xogħol fuq il-lavanja. F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jipprovdu informazzjoni minn studji. Jindikaw il-fatt li l-produzzjoni ta' skart tal-lavanja għadha tisboq is-suq għall-mineral peress li għadhom jifformaw munzelli ta' aggregat u skart tal-lavanja. Il-produzzjoni tal-lavanja naqset mill-2000 peress li naqset il-produzzjoni tal-lavanja tal-bjut. Mis-sospensjoni tal-AGL f'April 2014, il-produtturi tal-lavanja osservaw tnaqqis fid-domanda għal skart tal-lavanja u żdied iktar materjal mal-munzelli skart.

(259)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-prodott sekondarju tal-lavanja jista' jintuża bħala aggregat ta' kwalità baxxa għall-mili fl-inġinerija u bħala aggregati ta' tiżjin, u b'għażla bir-reqqa u tfarrik jista' jikkonforma mar-rekwiżiti bażi għall-bini ta' toroq (61). Għad li l-iskart tal-lavanja mhuwiex b'saħħtu daqs aggregati oħrajn, instab li huwa adegwat f'dan ir-rwol bażiku u, għalhekk, huwa adattat bħala alternattiva għal aggregat estratt ġdid fil-manifattura ta' konkrit u applikazzjonijiet tal-inġinerija b'saħħa medja. Ċertu skart tal-lavanja jitfarrak fi trab u granuli wkoll għal użu industrijali fil-manifattura ta' feltru tal-bjut u żebgħat bituminużi. Permezz tal-eżenzjoni għal-lavanja, l-imposta tħeġġeġ l-użu ta' dan il-qxur tal-iskart tal-lavanja, u b'hekk tonqos id-domanda għal ħabitats naturali u l-ħsara viżwali kkaġunata mill-munzelli ta' skart. Dan iħeġġeġ proġetti bħall-bypass ta' Bangor A55 li semmiet il-BAA.

(260)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, mis-sospensjoni ta' ċerti eżenzjonijiet mill-imposta f'April 2014, […] kienu mġegħlin ibigħu l-iskart tal-lavanja tagħhom b'telf ta' 3 %, xi ħaġa li turi li mingħajr l-eżenzjoni ma jkunx hemm suq għal skart tal-lavanja.

(261)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li, għalkemm 5 % biss tal-materjal estratt mit-tqattigħ tal-lavanja huwa materjal ta' kwalità għolja, il-valur relattiv ta' folji b'daqs xieraq ta' lavanja li jinbiegħu bħala madum tal-bjut jew tal-art, jew għal kisi b'madum u skopijiet dekorattivi oħrajn, jiġġustifika l-estrazzjoni tiegħu. Il-lavanja ta' kwalità għolja tinbiegħ għal bejn GBP 727 u GBP 1 076 it-tunnellata. L-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprovdew prezz tal-prodotti ta' produttur wieħed tal-lavanja, li huma kif ġej (GBP/it-tunnellata):

Sena

2007

2008

2009

2010

2011

2012

2013

2014

[…] għall-bjut

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

Arkitettoniċi

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li produttur ieħor tal-lavanja biegħ il-lavanja tal-bjut għal madwar GBP 700 it-tunnellata. U l-prodotti tal-lavanja arkitettonika tagħhom tinbiegħ kif ġej:

Sena

2008

2009

2010

2011

2012

2013

GBP il-metru kwadru

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(…)

(262)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-ispiża tal-produzzjoni ta' prodotti sekondarji tal-lavanja tammonta għal GBP 5,7 sa GBP 6,5 it-tunnellata (62). Madankollu, il-prezzijiet tal-bejgħ varjat tul is-snin minn massimu ta' GBP 7,36 it-tunnellata sa prezz minimu ta' GBP 4,10 it-tunnellata. Produttur ieħor tal-lavanja biegħ aggregati tal-lavanja għall-bini f'medda ta' bejn GBP 4,40 u GBP 6,42. Il-valur għoli ta' lavanja ta' kwalità għolja jagħmilha l-enfasi tal-attività f'dawk is-siti fejn jeżistu depożiti tal-lavanja. Ikun ekonomikament irrazzjonali għal kwalunkwe operatur li jqatta' lavanja minn barriera bl-iskop li jbigħha sabiex tintuża bħala aggregat, minflok bħala mezz kif jestratta lavanja ta' kwalità għolja.

(263)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprovdew dejta estratta mill-informazzjoni finanzjarja tal-produtturi tal-lavanja li turi li d-dħul minn prodotti arkitettoniċi jagħmilhom il-prodott primarju tal-kumpaniji. Il-proporzjon tal-lavanja tal-bjut għall-aggregat f'termini ta' dħul varja tul is-snin bejn 2,54 u 3,52.

(264)

Fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-lavanja sottomessa mill-BAA meta ntużat dejta dwar il-prezzijiet għall-importazzjonijiet, l-awtoritajiet tar-Renju Unit juru li l-prodotti tal-lavanja arkitettonika tar-Renju Unit u l-prodotti tal-lavanja arkitettonika importati huma differenti u jikkompetu fi swieq differenti mill-prodotti importati. Għalhekk, id-dejta dwar il-prezzijiet tal-importazzjonijiet ma tkunx preċiża biex jitqabblu l-prezzijiet.

(265)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-lavanja tat-tiżjin hija prodotta bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' lavanja ta' kwalità għolja. Tinbiegħ għal madwar GBP 15 it-tunnellata. Filwaqt li hija ogħla mill-prezz tal-bejgħ għall-mili fil-bini, kif muri hawn fuq, xorta għadha inqas mill-prezz għal-lavanja tal-bjut (li jaqbeż il-GBP 200 it-tunnellata). Il-prezz tal-lavanja tat-tiżjin hija paragunabbli ma' dik għal aggregati dekorattivi oħrajn disponibbli mingħand bejjiegħa fir-Renju Unit. Il-loġika ambjentali wara l-eżenzjoni għal-lavanja tibqa' valida peress li l-lavanja tat-tiżjin hija prodott sekondarju inevitabbli tal-produzzjoni ta' lavanja ta' kwalità għolja, filwaqt li s-suq tat-tiżjin huwa suq primjum għal dawk li jipproduċu franka jew granit.

(266)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li hija ħaġa konsistenti mal-objettiv ambjentali tal-AGL li l-lavanja u l-prodotti sekondarji tal-lavanja huma eżentati mill-imposta sabiex jitħeġġeġ l-użu ta' dak il-prodott sekondarju ta' skart alternattiv bħala sostitut għal aggregati ta' estratti ġodda.

(267)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li, bl-istess mod bħax-shale, jidher li l-lavanja tista' tinstab b'rabta ma' firxa ta' tipi oħrajn ta' ġebla. Spiss jinstabu ġo ġebel ramli u/jew franka. It-terminu “primarjament” huwa maħsub sabiex jippermetti għal komposti li, primarjament iżda mhux kompletament, jinkludu l-materjal eżentat peress li dan huwa kif issibhom naturalment. Meta l-komposti jikkonsistu primarjament f'shale jew lavanja, il-proprjetajiet fiżiċi tagħhom jagħmluhom inqas adattati sabiex jintużaw bħala aggregat milli kieku kienu msawrin primarjament minn materjali li għandhom probabbiltà ikbar li jintużaw bħala aggregat.

(268)

Ir-Renju Unit stima li huma prodotti madwar 6,33 miljun tunnellata qxur ta' skart tal-lavanja fis-sena u li l-munzelli antiki li jistgħu jintużaw kienu jammontaw għal madwar 277 miljun tunnellat. Minn dawn, 0,66 miljun tunnellata biss inbiegħu sabiex jintużaw bħala aggregat qabel ma daħlet l-AGL. (63) Il-bqija jew intuża bħala mili għas-sadd jew tħalla jifforma munzelli ta' skart.

(269)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit iddikjaraw li l-eżistenza tal-eżenzjoni għal prodotti sekondarji tal-lavanja ma tħeġġiġx l-estrazzjoni ta' iktar lavanja peress li l-operaturi tal-barriera tal-lavanja diġà jsibuha diffiċli jsibu suq għall-iskart tal-prodott eżentat li jirriżulta mill-attività ta' tqattigħ tal-barrieri eżistenti tagħhom. Jiddikjaraw li, in-numru ġenerali ta' barrieri/minjieri tal-lavanja baqa' fil-parti l-kbira l-istess mindu daħlet l-imposta fuq l-aggregati, peress li kien hemm 50 fl-2000 u 49 fl-2010.

(270)

Ir-Renju Unit iqis li l-qxur ta' skart tal-lavanja huwa ttrattat kif suppost bħala l-prodott sekondarju inevitabbli ta' proċess ta' estrazzjoni li ma jsirx biex jiġi prodott l-aggregat, iżda li jsir biex tinkiseb lavanja ta' kwalità għolja li tintuża bħala madum tal-bjut, kisi b'madum u prodotti oħrajn li jiswew il-flus.

(271)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-prodotti sekondarji mill-produzzjoni tal-lavanja mqatta' ma jistgħux jiġu differenzjati mil-lavanja prodotta apposta bħala aggregat.

(272)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jikkontestaw l-allegazzjonijiet imressqin mill-BAA fil-proċedimenti quddiem il-Qorti f'T-210/02 RENV u fis-sottomissjonijiet tagħha lill-Kummissjoni li skont dawn hemm barrieri tal-lavanja li jużaw il-lavanja għal skopijiet ta' aggregati biss. Wara li investigaw kull wieħed mill-ismijiet tal-barrieri pprovduti mill-BAA tul il-proċeduri, l-awtoritajiet tar-Renju Unit żammew din l-istess konklużjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tar-Renju Unit xeħtu dubji fuq l-evidenza pprovduta, peress li wħud mill-barrieri jissemmew kemm bħala produtturi tal-lavanja tal-bjut kif ukoll bħala operaturi li jużaw il-lavanja primarjament għal skopijiet ta' aggregati.

(273)

Fir-rigward tal-BGS, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li d-dejta ġejja minn awtodeskrizzjoni tal-materjali prodotti mill-barrieri u l-użi finali tagħhom. Josservaw li l-barrieri jistgħu jiddeskrivu materjal b'mod differenti minn kif ikun kategorizzat għall-finijiet tal-AGL, u li l-materjali prodotti minn barriera jistgħu jinbidlu maż-żmien. Għalhekk, id-dejta hija l-iktar lista preċiża eżistenti ta' barrieri fir-Renju Unit u l-użi finali tal-materjali, iżda mhuwiex possibbli li jingħad li fiha lista kompletament preċiża tal-barrieri fir-Renju Unit u l-użi ċerti tal-materjali estratti. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li d-dejta hija skaduta wkoll u li jafu li hemm xi barrieri fost dawk elenkati li ma għadhomx attivi. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw ukoll li l-lista fiha kumpaniji li jista' jkollhom permess ta' ppjanar validu għat-tqattigħ minn barriera, iżda li fil-fatt ma jaħdmux bħala barrieri u qatt ma għamlu dan.

(274)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit urew li mil-lista sħiħa ta' barrieri mressqa mill-BAA ta' dawk li jipproduċu lavanja, shale u tafal għal użu bħala aggregati biss, tmienja nstabu li jew qatt ma użaw aggregati, li kienu jagħmlu attivitajiet oħrajn li mhumiex soġġetti għall-AGL jew inkella li kienu inattivi minn qabel ma ddaħħlet l-AGL. Uħud minn dawn il-barrieri ntużaw bħala miżbliet.

(275)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet tar-Renju Unit urew li użaw id-definizzjonijiet ipprovduti mir-Rapport li kien abbozzat fl-2003 b'mod speċifiku biex jgħin lill-awtoritajiet tat-taxxa fl-infurzar tal-AGL. Il-kriterju oġġettiv li ntuża mill-awtoritajiet tar-Renju Unit biex jagħmlu distinzjoni bejn tipi ta' ġebla relatati mill-qrib jeħtieġ materjal kategorizzat bħala lavanja li “tinqasam biss bi skarpell f'biċċiet u madum maqtugħin puliti”. Meta l-materjal ma jkollux din il-qasma tal-lavanja, ma jiġix ittrattat bħala lavanja għall-finijiet tal-AGL, jiġifieri mhuwiex eżentat. Materjal bħal dak li għalih tirreferi l-BAA jiġi kategorizzat bħala ġebel tat-tajn u huwa soġġett għall-imposta.

(276)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jieħdu nota tas-sottomissjoniiet minn bosta partijiet interessati fir-rigward tar-rappreżentazzjoni ħażina possibbli bħala lavanja tal-prodotti ta' barriera partikolari minnhom. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jgħidu li jekk il-materjal jissodisfa l-kriterju li jużaw sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-lavanja, il-qsim bi skarpell, allura l-materjal ġie kategorizzat kif suppost bħala lavanja għall-finijiet tal-AGL. Madankollu, l-awtoritajiet tar-Renju Unit josservaw li l-prodotti li normalment jinkisbu mil-lavanja li tinqasam bi skarpell jidhru bħala importati fuq is-sit web tal-barriera. Il-ġeoloġija tal-materjal f'dan il-post għadha ma ġietx ivverifikata mill-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit (“Her Majesty's Revenue and Customs” jew “HMRC”).

(277)

Peress li r-reġim ta' infurzar tal-HMRC japplika approċċ ibbażat fuq ir-riskju u jaġixxi fuq informazzjoni li barriera tista' ma tkunx konformi kif suppost mar-reġim fiskali, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ħadu impenn li jinvestigaw dan il-każ u kwalunkwe każ ieħor li fihom ir-riċerka li saret wara li nkisbet evidenza għall-Kummissjoni twassal għal tħassib dwar il-possibbiltà ta' klassifikazzjoni żbaljata tal-materjali. L-HMRC ħadet impenn li titlob jew tieħu kampjuni ġeoloġiċi minn dawn il-postijiet. Jekk joħroġ li l-materjal mhuwiex lavanja, l-imposta tintalab fuq il-materjal estratt u tista' tintalab il-ħlas ta' penali wkoll minħabba d-deskrizzjoni żbaljata tal-materjal.

(278)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit juru wkoll li meta jirreklamaw ġebel għal skopijiet ta' bejgħ, il-barrieri jistgħu jagħżlu li jużaw deskrizzjoni li ma tissodisfax it-test oġġettiv użat mill-HMRC għall-finijiet tal-imposta.

(279)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit irrevedew rekords tat-taxxa kunfidenzjali u informazzjoni pubblika marbutin ma' kull waħda mill-barrieri li l-BAA ddikjarat li kienu qed jipproduċu lavanja għal skopijiet ta' aggregati biss jew li allegatament kienu kkategorizzaw ħażin il-prodotti tagħhom bħala lavanja biex jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet. Ir-riżultati tar-reviżjoni kienu ppreżentati lill-Kummissjoni u wrew li jista' jkun hemm ċerti problemi fl-infurzar fir-rigward ta' barriera minnhom. L-awtoritajiet tar-Renju Unit ħadu impenn li jinvestigaw x'materjali fil-fatt jipproduċu u jekk ġewx kategorizzati kif suppost bħala lavanja. Madankollu, rigward il-bqija tal-barrieri li nstab li huma jew li kienu attivi, ma nstabet ebda indikazzjoni li jagħmlu estrazzjoni apposta tal-lavanja għal użu bħala aggregat.

(280)

Ta' min jgħid li fir-reviżjoni tagħha tal-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-Kummissjoni ħadet f'kunsiderazzjoni l-fatt li l-prodotti arkitettoniċi speċjalizzati tal-lavanja huma maqtugħin għall-qies eżatt. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-barrieri tal-lavanja fejn il-ġebel imqatta' jidher li huwa l-prodott ewlieni jipproduċu prodotti arkitettoniċi speċjalizzati (u b'hekk mhux aggregati), primarjament għax l-aggregati tal-lavanja huma riżultat tat-tfarrik.

(281)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprovdew statistiki b'appoġġ tal-idea tagħhom li l-lavanja ma kinitx qed tisposta l-bejgħ ta' aggregati sekondarji u li filwaqt li d-domanda għal ġebel imfarrak ta' kwalità għolja u ramel u żrar ta' kwalità għolja naqset għat-tnejn li huma tul il-perjodu kemm ilha l-imposta fuq l-aggregati, il-bejgħ tal-lavanja, it-tafal u x-shale għall-bini ma żdiedx bl-istess ammont. Milli jidher, is-sehem tal-bejgħ ta' dak imsemmi l-ewwel żamm il-proporzjon mat-tnaqqis fid-domanda. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jikkonkludu li l-lavanja, it-tafal u x-shale ma ħadux post ġebel imfarrak, ramel jew żrar ta' kwalità għolja fuq skala kbira.

5.6.2.2.    Shale

(a)   Kummenti riċevuti mingħand il-BAA fil-15 ta' Settembru 2014

(282)

Il-BAA tiddikjara li x-shale jista' jintuża bħala aggregati, jiġifieri għal skopijiet ta' aggregati ta' kwalità baxxa, kif muri mir-Rapport (64). Shale, tafal u ġebel tat-tajn jistgħu jseħħu bħala materjal żejjed fuq id-depożiti ta' ġebel imfarrak u jistgħu jinbiegħu bħala mili ta' kwalità baxxa.

(283)

Skont il-BAA, shale u tafal jistgħu jintużaw għal użi aggregati speċifiċi li ma hemmx ġebel ieħor disponibbli jew hemm, iżda inqas, bħall-kisi u l-għeluq ta' miżbliet u l-kisi ta' għadajjar u kanali. Jiddikjaraw li dawn jirrappreżentaw użi ta' tafal u shale bħala aggregati bl-istess mod li bih l-użu ta' materjali għad-drenaġġ u difiżi mill-baħar jirrappreżenta użu ta' aggregati. Il-BAA targumenta li filwaqt li x-shale huwa estratt bħala prodott sekondarju tat-tafal u l-faħam, hemm anki żoni kbar ħafna fir-Renju Unit fejn ix-shale iktar iebes u matur ikun inkorporat mal-ġebel ramli.

(284)

Il-BAA tiddikjara li, l-iktar varjetà iebsa tax-shale, simili għall-ġebel, dejjem kienet tintuża bħala aggregat anki qabel ma daħlet l-AGL. Il-BAA tat l-eżempju ta' barriera tax-shale li ilha tintuża mill-1981 u li tipproduċi ġebel għall-bini u tal-ħitan, ġebel tal-ġonna u ġebel magħruf bħala crazy paving flimkien ma' ċertu materjal għall-mili.

(285)

Il-BAA ssottomettiet lista ta' 20 barriera tat-tafal u tax-shale estratti mid-Directory of Mines and Quarries 2010 tal-BGS li allegatament jużaw materjal għal skopijiet ta' aggregat biss.

(286)

Jiddikjaraw li wħud mill-barrieri klassifikati bħala barrieri tal-“ġebel ramli” (“sandstone”) fid-Directory of Mines and Quarries tal-BGS fil-verità jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-AGL fuq il-bażi li fil-fatt huma barrieri tax-shale li huma parti mill-Caithness Shale Beds fl-Iskozja.

(287)

Il-BAA tiddikjara li hemm ħafna barrieri b'ġeoloġija mħallta inkluż ix-shale li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-materjal li jikkonsisti primarjament f'shale, peress li x-shale jinstab b'mod estensiv fir-Renju Unit u spiss ikun inkorporat ma' ġebel ieħor. Il-BAA tipprovdi l-eżempju ta' barriera tal-aggregati biss li tibbenefika mill-eżenzjoni b'dan il-mod.

(288)

Il-BAA tiddikjara li l-awtoritajiet tar-Renju Unit għandhom informazzjoni rigward l-ismijiet tal-barrieri li kienu eżentati mill-AGL fuq il-bażi li kienu kompletament jew primjament tal-lavanja jew tax-shale. Madankollu, informazzjoni bħal din ma setgħetx tiġi pprovduta lill-BAA għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità.

(b)   Kummenti riċevuti mingħand Robert Durward tal-BAA fis-17 ta' Jannar 2014

(289)

Il-BAA tallega li t-tafal u x-shale għal prodotti taċ-ċeramika u l-gypsum ma jistgħux jitqiesu li huma f'sitwazzjoni differenti mill-materjal intaxxat mill-AGL fid-dawl tal-iskop ambjentali tiegħu. Jiddikjaraw li dawn il-materjali huma kompatibbli ma' ġebel, ramel jew żrar estratt sabiex jintuża fil-bini peress li kienu estratti għal skopijiet ta' bini, u t-tafal u x-shale huma ġebel. Suppost, jintużaw volumi kbar ta' tafal u shale biex jiġu manifatturati prodotti tal-bini taċ-ċeramika. L-estrazzjoni tat-tafal użat għall-produzzjoni ta' brikks tista' titnaqqas billi jintużaw prodotti tal-bini tal-konkrit li jistgħu jiġu prodotti bi skart/prodott sekondarju tal-barrieri li spiss ikun intaxxat. Skont il-BAA, in-nuqqas ta' intaxxar tat-tafal u s-shale użati fil-prodotti tal-bini taċ-ċeramika jmur kontra l-AGL.

(c)   Kummenti riċevuti mingħand Torrington Stone fis-17 ta' Jannar 2014

(290)

Skont Torrington Stone, waħda mill-barrieri tagħha tipproduċi shale bħala prodott sekondarju tal-gritstone. Għandha kwalità tajba u tista' tintuża għal mili li jagħti s-saħħa. Barriera oħra tagħha tipproduċi x-shale bħala prodott ewlieni u ġebel ramli bħala prodott sekondarju, li huwa soġġett għat-taxxa. Torrington stone tidher li timplika li l-prodotti li jbigħu huma qxur, sottobażi, qxur, jew mili u jistgħu jinkisbu mill-materjali kollha tagħhom.

(291)

Wara l-introduzzjoni tal-AGL, il-prezzijiet tax-shale żdiedu minħabba l-forzi tas-suq.

(292)

Torrington Stone pprovdiet anki informazzjoni fir-rigward tal-barriera Venn li pproduċiet shale bħala prodott sekondarju li huwa ideali għall-mili tal-imbankmenti li kien jikkompeti ma' prodott sekondarju ntaxxat minn waħda mill-barrieri ta' Torrington Stone. Il-prezz tax-shale bħala prodott sekondarju mwassal kien ta' madwar GBP 3,50 inkluż it-trasport, stmat għal GBP 3,00.

(d)   Kummenti riċevuti mingħand Eunomia fis-17 ta' Jannar 2014

(293)

Il-kummenti riċevuti mingħand Eunomia ntbagħtu f'isem konsorzju tal-produtturi tal-aggregati sekondarji tar-Renju Unit (lavanja, fdalijiet tal-minjieri tal-ħaġar u rmied tal-qiegħ tal-inċeneraturi).

(294)

Skont Eunomia, il-fdalijiet tal-minjieri tal-ħaġar (normalment imsawrin minn shale) huma disponibbli biex jerġgħu jintużaw minn minjieri fondi operazzjonali jew minjieri fondi magħluqin/imbarrati. Il-fdalijiet tal-minjieri tal-ħaġar ġejjin mill-estrazzjoni tal-faħam bl-użu ta' metodi tat-tħaffir fil-fond. Il-proprjetajiet kwalitattivi tal-fdalijiet tal-minjieri tal-ħaġar ivarjaw ħafna bejn minjieri differenti u f'fażijiet ta' estrazzjoni differenti, marbutin mal-ġeoloġija tas-saffi fi żmien it-tħaffir. Minħabba l-proprjetajiet inkonsistenti tal-fdalijiet tal-minjieri tal-ħaġar, il-materjal huwa ta' kwalità baxxa ħafna u ftit li xejn għandu valur biex jerġa' jintuża.

(295)

Eunomia tgħid li l-fdalijiet tal-minjieri tal-ħaġar normalment ma jġibux prezz tajjeb. Madankollu, l-użu ta' ħanut jippermetti sabiex il-minjiera rispettiva tibqa' taħdem, bil-preservazzjoni ta' sjieda ta' artijiet vojta fejn jintremew il-fdalijiet. Eunomia tgħid li mingħajr l-opportunità li tforni l-fdal tal-minjieri tal-ħaġar b'ebda spejjeż jew bi prezz kompetittiv, li jirrifletti l-kwalità inferjuri tagħhom, ma hemm ebda għażla finanzjarmanet vijabbli disponibbli kif tbigħ ix-shale mill-minjieri tal-ħaġar għall-iffaċilitar tal-iżvilupp tal-bini. Eunomia tgħid li għall-fdalijiet tal-minjieri tal-ħaġar, l-ispiża tal-produzzjoni wara l-estrazzjoni, fuq il-bażi ta' kunsinna fi ħdan 5 km mis-sit sors, tipikament tkun ta' GBP […] it-tunnellata għal minjieri fondi operazzjonali, u GBP […] it-tunnellata għal minjieri fondi magħluqin/imbarrati. Għalhekk, l-impożizzjoni tal-AGL b'GBP 2 it-tunnellata […] l-ispejjeż. Ikun orħos li x-shale tal-fdalijiet tal-minjiera tal-ħaġar jintbagħat sabiex jintrema fil-barriera.

(e)   Kummenti mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit

(296)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jgħidu li l-loġika wara l-eżenzjoni tax-shale hija li l-maġġor parti assoluta tax-shale ma jintużax bħala aggregat. Tabilħaqq, ħafna mix-shale ġeneralment ma jkunx tajjeb biex jintuża bħala aggregat. L-użu ta' kwalità għolja tax-shale huwa biex isiru l-brikks li huwa proċess ċeramiku u, b'hekk, eżentat mill-AGL. Għalhekk, kwalukwe prodott sekondarju mix-shale estratt biex jintuża ħalli jsiru l-brikks ikun prodott sekondarju ta' materjal estratt għal użu mhux aggregat.

(297)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li x-shale huwa parti mill-istess familja ta' ġebel bħat-tafal. It-tafal ivarja minn artab u plastik sa ġebel tat-tafal iebes. Il-prorpjetajiet fiżiċi u kimiċi u l-kompożizzjoni mineraloġika tiegħu jistabbilixxu l-iktar użu xieraq tiegħu. Skont il-grad ta' fissilità (65) jista' jkun diffiċli li ssir distinzjoni bejn shale u tafal, fuq naħa tal-ispettru, u bejn ix-shale u l-lavanja, fuq in-naħa l-oħra.

(298)

L-awtoritajiet tar-Renu Unit jiddikjaraw li x-shale huwa marbut mill-qrib mal-estrazzjoni tat-tafal u jinkiseb ukoll mit-tħaffir għall-faħam. Bħat-tafal, ix-shale jista' jintuża fil-manifattura ta' brikks tal-faċċata, tal-pavimentar u tal-inġinerija (90 % tad-domanda għal tafal tal-brikks hija għall-użu fil-manifattura ta' brikks tal-faċċata għas-suq tad-djar), madum għall-bjut u l-kisi b'madum, u pajpijiet vitrijati għall-iskolar u d-drenaġġ. Jintużaw tunnellati kbar fil-manifattura tas-siment. Użi oħrajn jinkludu l-kisi u l-għeluq ta' miżbliet, l-għeluq ta' għadajjar u kanali, bħala materjal ta' tħejjija tal-art, fil-manifattura ta' aggregat ħafif għat-tfassil ta' blokok u għal mili tal-bini ġenerali.

(299)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li x-shale jista' jintuża bħala aggregat ta' kwalità baxxa, spiss sabiex jimla l-vojt u jipprovdi s-saħħa taħt il-wiċċ tat-toroq. Ċertu shale huwa tajjeb ukoll għall-manifattura ta' aggregat ħafif, iżda biss wara li jkun sarlu proċess ta' manifattura li jinvolvi temperaturi għoljin applikati fuq il-materjali. F'ċerti ċirkustanzi, il-kundizzjonijiet ġeoloġiċi (il-pressjoni u s-sħana) irriżultaw fil-formazzjoni ta' shales iktar ibsin li meta jifarrku jifformaw granuli f'forom ta' blokok li jistgħu jkunu tajbin għal ċerti applikazzjonijiet tal-aggregat ta' kwalità baxxa bħal mili għall-bini.

(300)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, peress li x-shale u t-tafal jixxiebhu ġeoloġikament, jitqiegħdu fl-istess grupp fl-istatistiki nazzjonali tar-Renju Unit. Fl-2000, mill-10 838 000 tunnellata tafal u shale mibjugħin fir-Renju Unit, 7 880 000 tunnellata ntużaw għal brikks, pajpijiet u madum, b'2 958 000 tunnellata tafal u shale mibjugħin għal użi oħrajn. Fl-2012, mill-5 497 000 tunnellata tafal u shale mibjugħin fir-Renju Unit, 3 569 000 tunnellata ntużaw għal brikks, pajpijiet u madum. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li peress li l-estrazzjoni tat-tafal u x-shale naqas bin-nofs bejn l-2000 u l-2012 u li l-bejgħ tat-tafal u x-shale għal skopijiet oħrajn għajr għal brikks, pajpijiet u madum kien 35 % inqas fl-2012 milli fl-2002, mhuwiex probabbli li l-introduzzjoni tal-imposta żiedet l-estrazzjoni tax-shale b'mod speċifiku għall-użu bħala aggregat.

(301)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-iskart tax-shale li jirriżulta matul l-estrazzjoni tal-faħam huwa prodott sekondarju mhux intenzjonat u mhux mixtieq. Ġeneralment, hu tajjeb biss bħala mili bażiku fil-bini tat-toroq jew għal imbankmenti tal-għargħar u għalhekk jinbiegħ bi prezz negliġibbli. Il-prodott sekondarju ġeneralment jintrema f'munzelli ta' skart konsolidat jew jintuża bħala materjal ta' mili addizzjonali jekk ikun hemm minjiera fuq l-art biswit. Filwaqt li l-faħam stess jinbiegħ għal madwar GBP 50 it-tunnellata, ix-shale normalment jinbiegħ bi prezz baxx ħafna, b'medja ta' mhux iktar minn GBP 1 sa 2 it-tunnellata, jekk tiżdied id-domanda qrib is-sit tal-estrazzjoni. L-ispejjeż tal-produzzjoni huma stmati li jammontaw għal bejn GBP 0,50 u GBP 2 it-tunnellata. Kultant, ix-shale jingħata anki b'xejn diment li x-xerrejja jittrasportawh huma stess.

(302)

L-istess huwa minnu għal fdalijiet oħrajn tal-minjieri tal-ħaġar, li ġeneralment jintużaw biss bħala aggregat ta' kwalità baxxa meta d-domanda togħla qrib is-sit fejn jiġu estratti.

(303)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li, ftit mill-prodott sekondarju tax-shale ta' attivitajiet ta' estrazzjoni oħrajn jinbiegħ bħala aggregat iżda ġeneralment ikun ekonomiku biss li x-shale jintuża bħala aggregat meta d-domanda tiżdied qrib is-sit fejn jiġi estratt, minħabba l-ispejjeż tat-trasport. Jiddikjaraw li, peress li t-tali shale ma ġiex estratt għall-finijiet ta' użu kummerjċali bħala aggregat, u jnaqqas id-domanda għal aggregat imqatta' ġdid, l-eżenzjoni tiegħu tkun konformi mal-objettiv ambjentali u l-għamla u l-loġika tal-AGL.

(304)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li t-tafal u x-shale huma ttrattati bħala kategorija waħda mill-BGS u mill-United Kingdom Minerals Yearbook, li fih tinġabar id-dejta annwali tar-Renju Unit. Skont l-Office for National Statistics, il-prezz tal-bejgħ medju tagħhom ivarja bejn GBP 2,52 u GBP 2,88 it-tunnellata. Fl-2012, il-prezzijiet kienu jvarjaw bejn GBP 3,34 u 4,44 it-tunnellata.

(305)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprovdew informazzjoni rigward barriera li tipproduċi gritstone użat fil-produzzjoni ta' asfalti għall-għoti tat-tarmak tat-toroq. Tipproduċi u tbigħ ukoll shale li huwa inkorporat fis-saffi tal-gritstone. Il-barriera tistima li l-ispiża tal-produzzjoni għall-prodotti tax-shale tagħha hija ta' GBP 6,31 it-tunnellata.

(306)

Rigward ix-shale użat għal proċessi taċ-ċeramika, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprovdew informazzjoni fornita mill-British Ceramic Confederation (“BCC”), l-assoċjazzjoni kummerċjali għall-industrija tal-manifattura taċ-ċeramika tar-Renju Unit. Josservaw li hemm varjabbiltà konsiderevoli fl-ispejjeż tal-produzzjoni għax-shale, skont għadd ta' fatturi. Jistmaw medda ġenerali ta' GBP […]-[…] it-tunnellata għall-ispiża tal-estrazzjoni.

(307)

Il-BCC tistima li l-prezz tal-bejgħ tax-shale għall-użu bħala aggregati jkun ta' GBP […] sa GBP […] it-tunnellata. Josservaw li x-shale jista' jinbiegħ bit-telf biex jiġu esposti materjali ta' kwalità tajba biex isiru l-brikks minn taħt id-depożitu tax-shale inkwistjoni.

(308)

Il-BCC tosserva wkoll li ħafna mill-produzzjoni tal-brikks isseħħ f'postijiet assoċjati mal-barrieri, u b'hekk il-materjal mhuwiex ipprezzat. Madankollu, jistmaw spiża — jekk jinbiegħu lil parti terza — ta' GBP […] sa GBP […] it-tunnellata, flimkien mal-ispejjeż tal-kunsinna. Josservaw li l-prezz tal-bejgħ tax-shale ikun inqas minn dak għal tafal ta' kwalità għolja.

(309)

Fir-rigward tal-eżenzjoni għal materjali li jikkonsistu primarjament f'faħam, linjite, lavanja u shale, l-awtoritajiet tar-Renju Unit juru li peress li l-minerali li jseħħu naturalment ma għandhomx purità ta' 100 %, l-eżenzjoni hija meħtieġa.

(310)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit iqisu li x-shale mhuwiex qed jitqatta' esklussivament biex jintuża bħala aggregat u kienu investigaw id-dikjarazzjonijiet inizjali tal-BAA f'dan ir-rigward fi żmien il-proċedimenti quddiem il-qrati tal-Unjoni. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li sabu li x-shale għadu jiġi prodott bħala prodott sekondarju ta' attivitajiet ta' estrazzjoni oħrajn, b'mod partikolari t-tafal, il-faħam u l-franka. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jisħqu li ebda wieħed mid-dokumenti mressqin mill-BAA quddiem il-qrati tal-Unjoni jew il-Kummissjoni, qabel ma ġiet adottata d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, ma wera li kien hemm barrieri li jużaw shale u tafal primarjament bħala aggregat.

(311)

Il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit sabiex jipprovdu informazzjoni dwar il-prodotti tal-erba' barrieri msemmijin f'sottomissjoni ta' parti interessata li huma barrieri eżentati li rebħu kuntratti biss minħabba t-tali eżenzjoni u li jipprovdu l-istess tip ta' prodotti bħal dawk li setgħet tipprovdi l-barriera ntaxxata tagħha. Jingħad li waħda mill-barrieri ngħatat permess li tuża x-shale. L-awtoritajiet tar-Renju Unit sabu li l-erba' barrieri kollha kemm huma kienu rreġistrati li jħallsu l-AGL u ilhom jagħmlu dan mindu daħlet fl-2002. Il-barrieri jidhru li jbigħu (66) ġebel imqatta' mill-barrieri, ramel, żrar, aggregat inklużi prodoti riċiklati u prodotti tal-konkrit, aggregat tal-ġebel iebes, aggregati u mili, prodotti tal-bini, aggregati tat-tiżjin u bnadar tal-ġebel ramli, u, rispettivament, ramel, żrar u aggregati oħrajn. Ma nstabet ebda indikazzjoni li xi waħda mill-barrieri bbenefikat minn eżenzjoni għax-shale.

(312)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ikkunsidraw anki tmien barrieri msemmijin fil-bażi ta' dejta tal-BGS bħala barrieri li jestrattaw b'mod deliberat ix-shale għal użu bħala aggregati. Jiddikjaraw li tal-inqas uħud minn dawn il-barrieri jestrattaw prodotti oħrajn minbarra x-shale. B'hekk, milli jidher ma setgħux jidentifikaw b'mod konklużiv kwalunkwe barriera tax-shale li testratta x-shale għal użu bħala aggregati biss.

(313)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jispjegaw li x-shale għandu jibbenefika wkoll minn eżenzjoni meta jkun prodott sekondarju tal-aggregati ntaxxati. Pereżempju x-shale jista' jiġi estratt bħala prodott sekondarju inevitabbli tat-tqattigħ tal-franka jew tal-gritstone mill-barrieri. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li x-shale huwa materjal b'valur inqas mill-frakna, u mhuwiex tajjeb għal firxa wiesgħa ta' skopijiet bħala aggregat. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li x-shale prodott bħala prodott sekondarju b'dan il-mod kien eżentat skont l-objettiv ambjentali tat-taxxa biex il-barrieri li jipproduċuh bħala prodott sekondarju jkunu jistgħu jbigħuh bħala sostitut għal aggregat ieħor imqatta' ġdid għall-firxa limitata ta' applikazzjonijiet li huwa xieraq għaliha. Li kieku oriġinarjament il-materjal kien intaxxat bħall-franka, il-barrieri ma kinux ikunu jistgħu jbigħu l-iskart tax-shale.

(314)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, peress li ġeneralment ix-shale tajjeb biss għal applikazzjonijiet bħala aggregati limitati u speċifiċi, u li ġeneralment huwa ekonomiku biss li x-shale jintuża meta d-domanda tiżdied qrib is-sit ta' estrazzjoni, huwa ferm improbabbli li jkun hemm domanda għolja biżżejjed għax-shale ħdejn barriera waħda li testratta primarjament aggregati oħrajn (eż. gritstone) biex tinċentivizza l-estrazzjoni ta' aggregat intaxxat addizzjonali biex taċċessal-prodott sekondarju tax-shale mhux intaxxat. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li ma jafux b'xi każ bħal dan li seħħ b'dan il-mod jew li jista' jkun li dan iseħħ fil-futur.

(315)

Bħala tweġiba għas-sottomissjoni ta' parti interessata lill-Kummissjoni li allegat li l-materjal primarju tal-barriera ta' Vyse (li tappartjeni għal Torrington Stone) f'North Devon huwa l-ġebel tat-tajn u x-shale użat bħala aggregat, bil-materjal sekondarju tal-ġebel ramli maħmuġ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jixħtu dubju fuq kemm ix-shale huwa l-materjal primarju ta' din il-barriera peress li s-sit web tagħhom jitkellem fuq il-prodotti tal-ġebel ramli ta' kwalità għolja, u jgħid “rikonoxxut b'mod universali għad-durabilità u l-kwalità eċċezzjonali tagħha, Braunton Aggregates tforni firxa ta' ġebel ramli minn ġebel tal-features, ġebel taċ-ċnut, ċagħaq tal-ġnien, ġebel tal-ġonna biex jitgħarblu l-mili u l-aggregati li jagħtu s-saħħa”. Fid-Directory of Mines and Quarries tal-2010 prodott mill-British Geological Survey, Beam Quarry hija elenkata li tipproduċi “Sandstone, Carboniferous, Bude Formation”. Ma jaċċettawx li, għalhekk, il-barriera ta' Vyse hija evidenza ta' shale estratt b'mod deliberat għal skopijiet bħala aggregati.

(316)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, fir-rigward tax-shale, l-HMRC tuża l-kriterju — kif deskritt fir-Rapport — li jistabbilixxi li dan il-materjal irid “jinqasam faċli (b'mus) f'biċċiet ħoxnin ftit mm”. Materjal li jinqasam fi blokok żgħar ftit ċentimetri (u li għalhekk hu iktar xieraq għal applikazzjonijiet aggregati) huwa klassifikat bħala ġebel tat-tajn u huwa soġġett għat-taxxa. Fis-sottomissjoni tagħha l-BAA tiddikjara li għadd ta' barrieri qed jestrattaw materjal klassifikat bħala shale biss għall-finijiet tat-taxxa u jbigħu dan il-materjal għall-aggregat. L-awtoritajiet tar-Renju Unit juru li kieku hemm xi evidenza sostantiva li kien hemm deskrizzjoni ħażina bħal din tal-ġebel bħala shale għall-fini ta' eżenzjoni mill-AGL, l-HMRC tinvestiga dan bħala evażjoni tat-taxxa potenzjali.

(317)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-attività fiskali kollha mwettqa mill-HMRC hija bbażata fuq ir-riskji. Dan ifisser li mhux in-negozji kollha rreġistrati mal-HMRC huma verifikati sakemm ma jkunx hemm raġuni għaliex wieħed jixħet dubju fuq id-dikjarazzjonijiet li jissottomettu għand l-HMRC. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jafu li hemm riskju ta' barrieri li jibbenefikaw minn eżenzjonijiet mill-AGL billi jiddeskrivu l-materjali li jipproduċu b'mod ħażin. L-HMRC tagħmel verifiki biex tara li l-AGL tkun qed tiġi applikata kif suppost, u tinvestiga meta jkun hemm evidenza ta' deskrizzjoni ħażina tal-materjali.

(318)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit analizzaw ir-rekords fiskali kunfidenzjali u informazzjoni pubblika fir-rigward tal-barrieri li l-BAA qalet li kienu qed jipproduċu tafal u shale biss għal finijiet ta' aggregati jew li kkategorizzaw il-prodotti tagħhom ħażin bħala shale sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet. Ir-riżultati tal-analiżi fir-rigward ta' kull barriera ntbagħtu lill-Kummissjoni. L-analiżi wriet li jista' jkun hemm ċerti problemi fl-infurzar fir-rigward ta' barriera minnhom u l-awtoritajiet tar-Renju Unit ħadu impenn li jinvestigaw. Fir-rigward tal-maġġoranza tal-barrieri li nstabu li huma jew kienu attivi, ma nstabet ebda indikazzjoni li jużaw ix-shale jew it-tafal għal użu bħala aggregati biss. Madankollu, l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni turi li tal-inqas erba' jew ħames (67) barrieri li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għad li l-prodott ewlieni tagħhom huwa l-ġebel imqatta' u x-shale jiġi estratt apparti.

5.6.2.3.    Faħam

(a)   Kummenti mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit

(319)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-faħam huwa ġebla kombustibbli u sedimentari. Il-faħam prodott fir-Renju Unit għandu kontenut għoli ta' kubrit u jintuża kważi b'mod esklussiv fi stazzjonijiet li jiġġeneraw id-dawl mill-faħam mgħammrim għad-desulfurizzazzjoni tal-gass mit-tromba ta' ċumnija, għad li hemm anki xi konsum domestiku. Bħalissa, il-faħam kollu tal-kokk (li jintuża fi fran tal-blast li jagħmlu l-azzar) huwa importat. Il-faħam mhuwiex tajjeb biex jintuża bħala aggregat.

(320)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, meta l-faħam jiġi estratt bit-tħaffir fil-wiċċ, il-materjal żejjed ta' fuq (68) u s-saffi minn bejn is-saffi tal-faħam jittellgħu b'mod separat mis-saffi tal-faħam u l-fireclays li jkunu eżatt taħt uħud mis-saffi. Il-fireclay, li huwa prodott sekondarju tal-estrazzjoni tal-faħam, huwa estratt b'mod separat u jinbiegħ għal madwar 10 % mill-prezz tal-faħam, primarjament bħala kolorant fil-proċess biex isiru l-brikks. Fil-każijiet kollha, il-materjal żejjed ta' fuq, il-ħmieġ bejn is-saffi u kwalunkwe residwu li jibqa' wara l-ipproċessar tal-mineral (pereżempju biex jitneħħew kontenut għoli ta' rmied jew impuritajiet oħrajn) huma sostitwiti fil-fetħa wara t-tħaffir.

(321)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-minjieri kollha taħt l-art jipproċessaw il-faħam tagħhom f'impjant ta' separazzjoni tad-densità. L-iskart mill-proċess ġeneralment jintrema u jiġi konsolidat. Il-munzelli skart li tħallew maż-żmien ġeneralment tgħattew u nksew b'veġetazzjoni biex jonqos l-impatt viżiv tagħhom. Jekk hemm minjiera tal-wiċċ tal-faħam u/jew ta' minerali oħrajn biswit, kultant l-iskart jintuża bħala materjal ta' mili addizzjonali biex jimtlew dawk il-fetħiet.

(322)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, ċerti fdalijiet jew skart mill-produzzjoni tal-faħam jistgħu jintużaw bħala aggregat ta' livell baxx, pereżempju għall-mili tal-inġinerija għat-tisħiħ jew għal imbankmenti tal-għargħar. L-iskart isir frak fin u ma għandux il-ħila inġineristika li jsostni, pereżempju, l-iżvilupp ta' bini.

(323)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li ma hemm ebda evidenza li hemm xi barriera fir-Renju Unit li testratta l-faħam biss biex tikseb l-aggregat. Jiddikjaraw li l-AGL hija mfassla biex tiżgura li l-materjal jikkonsisti biss fil-fdalijiet li jirriżultaw mit-tħaffir għall-faħam mhuwiex intaxxat. Saffi nodfa tal-aggregat li huma estratti meta jsir tħaffir għall-faħam huma soġġetti għall-AGL.

5.6.2.4.    Linjite

(a)   Kummenti mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit

(324)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-linjite huwa materjal intermedju bejn il-pit u l-faħam. L-uniku depożitu importanti ta' linjite fir-Renju Unit jinsab f'Devon, fejn huwa prodott sekondarju tal-estrazzjoni tat-tafal tal-kawlina. Jinbiegħu ammonti żgħar għal użu fl-ortikultura. Hemm depożiti kbar fl-Irlanda ta' Fuq ukoll, iżda ma kien hemm ebda produzzjoni kummerċjali tal-linjite minħabba l-oppożizzjoni lokali qawwija għall-produzzjoni. Il-linjite mhuwiex tajjeb biex jintuża bħala aggregat, b'mod partikolari minħabba l-kontenut għoli tiegħu ta' umdità u materja volatili.

5.6.2.5.    Valutazzjoni mill-Kummissjoni

5.6.2.5.1.   Lavanja

(325)

Għad li l-lavanja hija aggregat skont it-tifsira tas-Sezzjoni 17(1) tal-Att tal-2001, isegwi mis-sottomissjonijiet tal-awtoritajiet tar-Renju Unit u tal-partijiet interessati li l-lavanja hija estratta biex jinkisbu prodotti arkitettoniċi u dimensjonali li jinbiegħu għal prezzijiet ferm ogħla milli kieku tinbiegħ għal użu bħala aggregati. Ma jkunx jagħmel sens ekonomiku li l-barrieri jintużaw biss biex tiġi estratta lavanja għal użu bħala aggregati li minħabba l-proprjetajiet tagħhom f'ħafna każijiet ma jkunux adattati għal użi bħala aggregati ta' kwalità fina, iżda jintużaw bħala aggregat ta' kwalità baxxa. Barra minn hekk, il-metodi ta' estrazzjoni jiswew ħafna iktar flus meta mqabblin ma' metodi ta' estrazzjoni tal-aggregati standard — ikun ekonomikament illoġiku li jiġi prodott aggregat apposta b'dan il-mod li jiswa ħafna flus. Pereżempju, l-ispiża tal-produzzjoni ta' aggregati tal-lavanja tammonta għal GBP 5,7 sa GBP 6,5 it-tunnellata, filwaqt li jinbiegħu sa massimu ta' GBP 6,42 it-tunnellata.

(326)

Il-materjal użat għal skopijiet ta' lavanja ta' kwalità għolja għandu wiċċ maqtugħ minħabba l-mod kif jiġi estratt; blokok tqal ta' lavanja jinqatgħu tul il-vina f'qisien bħala sett bl-użu ta' sega, u mbagħad normalment ikollhom tal-inqas wiċċ wieħed li jinqasam tul pjan naturali fil-ġebla bit-tifriq (qsim b'martell u skarpell). F'dan il-każ, il-lavanja tgħaddi minn proċess eżentat skont is-Sezzjoni 18(2)(a) tal-Att Finanzjarju tal-2001 u tibbenefika minn kreditu ta' taxxa skont is-Sezzjoni 30.

(327)

Il-BAA u bosta partijiet interessati jiddikjaraw li l-uċuħ tal-bankijiet, il-ġebel tal-ħitan u l-ġebel taċ-ċnut huma użi aggregati u li l-barrieri li jipproduċu t-tali prodotti bħala prodotti primarji għandhom jiġu ntaxxati. L-argument ewlieni għal dan huwa li l-istruttura tal-prodotti tal-barrieri rispettivi mhijiex differenti minn dik ta' barrieri tal-ġebel (bħal granit jew ġebel ramli) li jipproduċu ġebel tal-ħitan ukoll bi prijorità u, wara, l-aggregati sekondarji ta' kwalità baxxa.

(328)

Għall-kuntrarju ta' aggregati oħrajn bħall-franka, il-lavanja tidher li teħtieġ tħaffir fil-fond, tant li l-estrazzjoni għaliha ssir tiswa l-flus meta mqabbla mal-ispejjeż ta' barriera tas-soltu. L-awtoritajiet tar-Renju Unit u l-partijiet interessati wrew li hemm differenza importanti bejn barrieri tal-aggregati normali (bħal granit, ġebel ramli u franka) u barrieri tal-lavanja u t-trattament fiskali differenti tagħhom huwa kompletament iġġustifikat.

(329)

Il-BAA u bosta partijiet interessati jiddikjaraw li hemm barrieri tal-lavanja li ma jipproduċux prodotti arkitettoniċi speċjalizzati, iżda jużaw il-lavanja għal użu bħala aggregati biss. Barra minn hekk, hemm barrieri li jiddikjaraw li għandhom ikunu eżentati għaliex jipproduċu lavanja, iżda, fil-fatt il-materjal li jipproduċu ma għandux il-qasma tal-lavanja xierqa jew inkella ġie kategorizzat ħażin.

(330)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, l-ewwel nett, skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma hemm ebda indikazzjoni ta' xi barriera li qed testratta lavanja għal użi bħala aggregati apposta. Tabilħaqq, fin-nuqqas ta' evidenza ċara li turi bil-kontra, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma setgħux jistennew li jsibu prova ta' fatt negattiv, jiġifieri li ma hemm ebda barriera li testratta lavanja apposta għal skopijiet bħala aggregati. Meta ġiet ipprovduta b'eżempji ta' barrieri li allegatament kienu qed jużaw il-lavanja għal użu bħala aggregati apposta, il-Kummissjoni talbet li l-awtoritajiet tar-Renju Unit jipprovdu informazzjoni fuq it-tali barrieri. L-informazzjoni turi li l-ebda waħda minn dawn il-barrieri ma kienet tuża l-lavanja primarjament għal skopijiet bħala aggregati apposta. L-informazzjoni xeħtet dubju biss fuq il-kwalifika bħala lavanja tal-prodotti ta' barriera minnhom, li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ħadu impenn li jinvestigaw. Rappreżentazzjoni ħażina tal-materjal tkun abbuż tal-AGL u mhux problema ta' għajnuna mill-Istat.

(331)

It-tieni, kif deskritt iktar 'il fuq fil-Premessa 169 il-Kummissjoni tqis li r-reklami li fihom il-barrieri jiddeskrivu l-prodotti tagħhom biex jiġbdu l-klijenti mhumiex relevanti għal kollox għall-valutazzjoni tal-użu tal-materjali għall-finijiet tal-AGL. L-awtoritajiet tar-Renju Unit infushom ma jiħdux it-tali deskrizzjonijiet f'kunsiderazzjoni għal skopijiet ta' infurzar tat-taxxa.

(332)

Il-kriterju użat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit biex jaraw jekk il-materjal estratt minn barriera partikolari huwiex lavanja huwa, skont ir-Rapport (69), jekk “jinqasamx bi skarpell biss f'biċċiet u madum maqtugħin puliti”. Għalhekk, jekk ikun hemm barrieri li jiddikjaraw li jipproduċu lavanja u b'hekk jibbenefikaw mill-eżenzjoni, li fil-fatt jipproduċu materjal li m'għandux qasma tal-lavanja biżżejjed kif qed tgħid il-BAA, dawn il-barrieri ma jkunux iddikjaraw li jridu jħallsu l-AGL apposta b'mod abbużiv. Dan jirrappreżenta problema fl-infurzar u jiġi investigat bħala frodi mill-HMRC. L-awtoritajiet tar-Renju Unit ħadu impenn li jinvestigaw il-barriera msemmija hawn fuq u kwalunkwe każ ieħor fejn riċerka li saret wara li l-Kummissjoni kisbet evidenza tikkaġuna tħassib dwar klassifikazzjoni ħażina tal-materjali. Jekk joħroġ li l-materjal mhuwiex lavanja, jintalbu kemm l-imposta kif ukoll penali.

(333)

Skont is-sejbiet tal-Qorti Ġenerali (70) l-inklużjoni ta' ċerti materjali fil-kamp ta' applikazzjoni tal-imposta skont ir-regola dwar it-taxxa normali applikabbli tiddependi “biss mill-isfruttar effettiv li sar minnhom bħala aggregati”. Għal lavanja estratta ġdida, dan jista' jiġi interpretat b'tali mod li, jekk ma jkun hemm ebda evidenza ta' barrieri li jestrattaw lavanja għal użu bħala aggregati apposta, il-lavanja mhijiex paragunabbli mal-materjali taxxabbli u, b'hekk, l-eżenzjoni marbuta mal-lavanja taqa' taħt il-prinċipji ġenerali tal-AGL.

(334)

Intwera lill-Kummissjoni li l-lavanja mhijiex estratta għal skopijiet bħala aggregati apposta, iżda titqatta' biex jinkisbu prodotti dimensjonali u tat-tiżjin.

(335)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-lavanja estratta ġdida hija f'sitwazzjoni fattwali u legali differenti mill-materjali ntaxxati u b'hekk ma taqax taħt il-prinċipju ta' taxxa normali tal-AGL.

(336)

Filwaqt li mis-sottomissjonijiet isegwi li parti żgħira biss (madwar 5 %) tal-materjal estratt mit-tqattigħ tal-lavanja hija lavanja ta' kwalità għolja li f'folji b'daqs xieraq tista' tinbiegħ bħala prodotti dimensjonali u arkitettoniċi u b'hekk mhux għal użu bħala aggregati, il-parti li jifdal tal-estrazzjoni mill-barrieri hija lavanja bħala prodott sekondarju jew skart li mbagħad jista' jintuża bħala aggregat (l-eżenzjoni tal-fdalijiet mill-estrazzjoni tal-lavanja hija vvalutata hawn taħt fis-Sezzjoni 5.6.4).

(337)

Madankollu, peress li l-estrazzjoni tal-prodott sekondarju tal-lavanja hija fenomenu inevitabbli meta titqattal-lavanja ta' kwalità għolja għal materjal tat-tiżjin u dimensjonali użat fil-bini u ma tistax isseħħ meta jitqattgħu materjali oħrajn, l-eżenzjoni tagħha tikkontribwixxi għall-objettiv tal-AGL. Tabilħaqq, tista' tgħin biex id-domanda titbiegħed minn materjali estratti ġodda għal użu bħala aggregati favur il-lavanja bħala prodott sekondarju. Barra minn hekk, ma hemm ebda riskju li din l-eżenzjoni tista' tħeġġeġ l-estrazzjoni ta' lavanja ġdida minħabba l-ispejjeż għoljin tal-estrazzjoni tal-lavanja li jistgħu jkunu koperti biss meta tinkiseb lavanja għat-tiżjin u dimensjonali. Dan ġie kkonfermat ukoll min-numru dejjem iżgħar ta' barrieri tal-lavanja attivi mindu daħlet l-AGL (minn 43 għal 32) kif għarrfu l-awtoritajiet tar-Renju Unit (71).

(338)

Il-Kummissjoni tosserva li jista' jkun hemm lavanja li sseħħ naturalment li ma jkollhiex purità ta' 100 %, iżda li xorta tissodisfa r-rekwiżit li tinferaq bi skarpell biss f'biċċiet u madum maqtugħin puliti. F'dawn il-każijiet, l-awtoritajiet tar-Renju Unit qiesu li l-eżenzjoni għandha tkopri anki materjal li primarjament jikkonsisti f'lavanja.

(339)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li peress li ma ġiet ipprovduta ebda evidenza li t-tali materjal jikkonsisti primarjament f'lavanja kien estratt apposta sabiex jintuża bħala aggregati, l-istess raġunar li japplika għall-materjal li jikkonsistu kompletament f'lavanja, għandu japplika wkoll għal materjal li jikkonsisti primarjament f'lavanja li tkopri s-sitwazzjoni deskritta fil-Premessa 338.

(340)

B'hekk, l-eżenzjoni taħt is-Sezzjoni 17(4)(a) tal-Att Finanzjarju tal-2001 mogħtija għal materjal kompletament jew primarjament magħmul minn lavanja, jew li huwa parti minn xi ħaġa li tikkonsisti f'lavanja, ma tidderogax mit-taxxa normali tal-AGL.

5.6.2.5.2.   Shale

(341)

Peress li x-shale huwa ġebla u, b'hekk, aggregat skont it-tifsira tas-Sezzjoni 17(1) tal-Att Finanzjarju tal-2001, l-eżenzjoni tiegħu mill-AGL ma tikkostitwixxix deroga mill-prinċipju ta' taxxa normali skont l-AGL, jekk ix-shale mhuwiex estratt għal użu bħala aggregati apposta. Fil-każ ta' estrazzjoni bħal din, l-eżenzjoni tagħha tista' tkun iġġustifikata biss jekk tikkontribwixxi għall-objettiv ambjentali tal-AGL, jiġifieri biex tinkiseb bidla fid-domanda.

(342)

Is-sottomissjonijiet tal-partijiet interessati u l-awtoritajiet tar-Renju Unit indikaw sensiela ta' użi tax-shale bħala aggregat, l-iktar bħala aggregat ta' kwalità baxxa għall-mili u biex jipprovdi s-saħħa taħt il-wiċċ tat-toroq jew bħala mili tal-imbankmenti.

(343)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li spiss ix-shale jkun inkorporat ma' ġebel ramli jew ma' materjali ntaxxati oħrajn. F'dawn il-każijiet, jista' jitqies li x-shale huwa estratt apposta flimkien mat-tali materjali għal użu kummerċjali bħala aggregat.

(344)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit stess iddikjaraw li dawk il-materjali li huma estratti biex jintużaw bħala aggregat, jew li jirriżultaw minn prodotti sekondarji minn proċess li għandu l-għan li jipproduċi aggregat għal użu kummerċjali, huma f'sitwazzjoni fattwali differenti mill-materjali eżentati. B'hekk, ix-shale li huwa estratt apposta għal sfruttament kummerċjali bħala aggregat huwa f'sitwazzjoni fattwali differenti wkoll mill-materjali eżentati bl-istess mod bħall-materjali ntaxxati mqattgħin ġodda kollha l-oħrajn. Għalhekk, ma jkun hemm ebda ġustifikazzjoni għaliex materjal jibbenefika minn eżenzjoni mill-AGL meta jiġi estratt apposta biex jintuża bħala aggregat.

(345)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit urew li l-maġġor parti assoluta tax-shale ma jintużax bħala aggregat peress li ħafna mix-shale ġeneralment ma jkunx tajjeb bħala aggregat. L-użu tax-shale ta' kwalità għolja huwa biex isiru l-brikks li huwa proċess ċeramiku.

(346)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni li rċiviet mingħand il-partijiet interessati, il-Kummissjoni tosserva li x-shale estratt ġdid jista' jintuża bħala aggregat, għad li mhux f'sitwazzjonijiet komuni u, għall-kuntrarju tal-estrazzjoni tal-lavanja, ma hemm ebda prodott speċjalizzat ta' kwalità fina li jiġi prodott mix-shale li jista' jiġġustifika eżenzjoni. Barra minn hekk, ix-shale stess huwa materjal li jista' jkollu karatteristiċi differenti ħafna minn punt ta' tqattigħ għal ieħor.

(347)

Il-Kummissjoni tieħu nota tas-sottomissjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit, spjegata fil-Premessa 297 li x-shale hija fl-istess familja ta' ġebel bħat-tafal, madankollu x-shale iktar iebes jista' jitqies li huwa fl-istess familja bħal-lavanja.

(348)

Barra minn hekk, għall-kuntrarju tat-tafal, ċertu shale jista' jintuża u huwa użat biex jipprovdi s-saħħa fil-bini u ma jeħtieġx bidla fiżika f'dan ir-rigward Premessa (299).

(349)

L-ewwel nett, il-kummenti tal-partijiet interessati riċevuti mill-Kummissjoni juru li x-shale jista' jiġi estratt u huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat. Ix-shale jġib prezz li jvarja bejn GBP […] u GBP 4,44 (ara l-Premessi 292, 304 u 307). Minn dan il-prezz, f'ċerti każijiet GBP 3 huwa biss il-prezz tat-trasport tax-shale. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li ma rċivietx informazzjoni dwar il-prezzijiet għal shale estratt bħala prodott ewlieni ta' barriera, iżda biss għal shale estratt bħala prodott sekondarju ta' materjal ieħor.

(350)

Rigward it-tqattigħ ta' shale ġdid, il-Kummissjoni rċiviet evidenza fir-rigward tal-inqas erba' jew ħames (72) barrieri li jsostnu li primarjament qed jestrattaw ix-shale għal użu bħala aggregati. Kif deskritt fil-Premessa 318, bħala tweġiba għal-lista ta' barrieri li dehru fil-BGS Directory of Mines and Quarries 2010 li qed jestrattaw ix-shale primarjament għal użu kummerċjali tal-aggregati tax-shale sottomessa mill-BAA, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit sabiex jipprovdu informazzjoni dwar dwan il-barrieri mir-rekords fiskali kunfidenzjali. B'hekk instab li erba' jew ħames (72) barrieri kienu rreġistrati li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mix-shale filwaqt li kienu qed jipproduċu ġebel imqatta' u shale għal użu bħala aggregati. L-awtoritajiet tar-Renju Unit spjegaw li peress li l-barrieri jipproduċu ġebel imqatta', ix-shale għandu jitqies bħala prodotti sekondarji tal-ġebel imqatta' u b'hekk jibbenefika kif xieraq mill-eżenzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta din l-ispjegazzjoni. Kif spjegat fil-Premessi 151 sa 158, il-prodotti sekondarji tal-ġebel imqatta' mhumiex eżentati mit-taxxa skont l-AGL. Barra minn hekk, il-barrieri tal-aggregati kollha jipproduċu xi ġebel imqatta' jekk ikun hemm domanda għalih u jekk il-ġebla tkun tajba għat-tqattigħ. Madankollu, dan ma jfissirx li jekk ikun hemm domanda u jagħmel sens ekonomiku li mhumiex ser jipproduċu primarjament aggregati meta ma jkun hemm ebda domanda għal ġebel imqatta'. Għalhekk, dawn il-barrieri jridu jitqiesu li huma barrieri li jestrattaw ix-shale apposta għal użu bħala aggregati.

(351)

Il-Kummissjoni tosserva l-eżistenza ta' kontradizzjoni li tirriżulta minn sottomissjoni li rċiviet. Il-kumment riċevut mingħand Torrington Stone jirreferi għall-estrazzjoni u l-bejgħ ta' aggregati tax-shale miksubin bħala prodott primarju minn waħda mill-barrieri tagħhom (Vyse). Madankollu, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-barriera ma tipproduċix shale affattu fuq il-bażi ta' kif inhuma ppreżentati l-prodotti tal-barriera fuq is-sit web tagħhom. Minkejja dan, il-Kummissjoni tosserva li x-shale jissemma fuq is-sit web tal-Barriera ta' Vyse, mhux fid-deskrizzjoni tal-prodotti tagħhom, iżda fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-prodotti differenti li jestrattaw (73).

(352)

Barra minn hekk, peress li din hija sottomissjoni mill-barriera stess, il-Kummissjoni trid toħodha f'kunsiderazzjoni. Jista' jkun il-każ li l-materjal li jipproduċu ġie kategorizzat ħażin bħala shale, iżda l-barriera stess tiddikjara li bbenefikat mill-eżenzjoni għax-shale. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tar-Renju Unit iddikjaraw bosta drabi li jinjoraw, għall-finijiet tal-AGL, il-mod li bih barriera tippreżenta l-prodotti tagħha lill-pubbliku. Ma ntqal xejn fuq xi test ġeoloġiku fil-barriera.

(353)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni u l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tqis li x-shale mqatta' ġdid huwa f'sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli ma' dik ta' materjali ntaxxati oħrajn.

(354)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit stabbilixxew li l-eżenzjoni tax-shale mqatta' ġdid għall-aggregati tista' tiġi ġġustifikata mill-objettiv ta' “bidla fid-domanda” tal-AGL. Tabilħaqq, eżenzjoni bħal din tippermetti tal-inqas li tinżamm l-estrazzjoni tax-shale għal użu bħala aggregati u, b'hekk, tippreżenta deroga mill-prinċipju ta' taxxa normali tal-AGL li tmur kontra l-objettiv tal-AGL.

(355)

L-eżenzjoni għall-fdalijiet mill-estrazzjoni tax-shale hija vvalutata hawn taħt fis-Sezzjoni 5.6.4.

(356)

Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li apparti mill-eżenzjoni tas-Sezzjoni 17(4)(a), ix-shale li jseħħ bħala prodott sekondarju tal-estrazzjoni tal-faħam jibbenefika wkoll mill-eżenzjoni tas-Sezzjoni 17(3)(f) tal-Att Finanzjarju tal-2001. Kif ser jiġi stabbilit hawn taħt fil-Premessa 367 ta' din id-Deċiżjoni, il-faħam mhuwiex użat u ma jistax jintuża bħala aggregat.

(357)

Ix-shale li huwa prodott sekondarju inevitabbli tal-estrazzjoni tal-faħam huwa tajjeb għal użu bħala aggregat u b'hekk jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tat-taxxa normali skont l-AGL. Madankollu, l-eżenzjoni tista' tiġi ġġustifikata mill-objettiv ta' “bidla fid-domanda” tal-AGL. Barra minn hekk, minħabba l-valur tiegħu, huwa ferm improbabbli li x-shale eżentat bħala prodott sekondarju jista' jġib miegħu żieda fit-tqattigħ ta' faħam ġdid, peress li dan ma jkunx jagħmel sens ekonomikament.

(358)

Barra minn hekk, peress li x-shale, bħat-tafal, fil-parti l-kbira jintuża f'pajpijiet, madum u biex isiru l-brikks, li huma prodotti taċ-ċeramika, jibbenefika mill-kreditu ta' taxxa mogħti għal proċessi taċ-ċeramika fis-Sezzjoni 30(1)(c) tal-Att Finanzjarju tal-2001. Peress li dan mhuwiex użu tal-aggregati u peress li l-materjali użati għall-proċessi taċ-ċeramika jgħaddu minn bidliet fiżiċi estensivi, jiġifieri fużjoni biex jiġi fformat prodott iebes, dejjiemi u li jiflaħ għat-temp, ix-shale użat għal proċessi taċ-ċeramika jibbenefika kif xieraq mill-ħelsien mill-AGL. Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni diġà sabet li l-ħelsien għall-proċessi industrijali u agrikoli (Sezzjoni 30(1)(c)) huwa konformi mal-prinċipji ta' taxxa normali li huma l-bażi tal-AGL (Premessa 137).

(359)

Il-Kummissjoni tosserva li l-BAA u partijiet interessati oħrajn ikkummentaw li l-materjali użati għall-brikks ma għandhomx jibbenefikaw minn eżenzjoni. Madankollu, l-awtoritajiet tar-Renju Unit wrew li l-brikks u proċessi oħrajn taċ-ċeramika mhumiex użi bħala aggregati. Il-brikks isirilhom proċess ta' manifattura estensiv. Jiġu fformati billi x-shale jew it-tafal jissaħħan f'temperatura għolja (iktar minn 1 000 °C) f'kalkara, biex tinbidel l-istruttura tax-shale jew it-tafal ħalli jsir briksa solida u b'saħħitha. Prodotti taċ-ċeramika oħrajn jissaħħnu b'mod simili f'kalklara, iżda jsiru fi prodotti b'forom differenti, eż. pajpijiet jew madum.

(360)

Il-brikks ma jsirux biex jintużaw bħala mili għas-saħħa bl-istess mod bħall-ġebel imfarrak. Isiru biex jittellgħu waħda fuq l-oħra, b'mod pulit, biex jittella' ħajt.

(361)

Fuq il-bażi ta' dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-użu tax-shale fi proċessi taċ-ċeramika jista' jibbenefika minn ħelsien mill-AGL peress li dan ma jirrappreżentax l-użu tax-shale bħala aggregati.

(362)

Barra minn hekk, ix-shale jista' jintuża minflok it-tafal, il-gagazza jew materjali oħrajn bħala sors ta' aluminosilikat fil-manifattura tas-siment. Jitħallat mal-franka, proċess eżentat mill-AGL. L-użu tal-franka, jew franka u materjali oħrajn fis-siment, huwa eżentat mill-imposta skont is-Sezzjoni 18(2)(c) tal-Att Finanzjarju tal-2001 peress li f'dan l-użu, il-proprjetajiet kimiċi tal-materjal huma importanti (bil-franka li tipprovdi s-silikat tal-kalċju, u t-tafal jew ix-shale li jipprovdi l-aluminosilikat). Għalhekk, ix-shale użat għall-manifattura tas-siment flimkien mal-franka jibbenefika kif xieraq minn eżenzjoni skont din is-Sezzjoni tal-Att Finanzjarju tal-2001. Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ il-Kummissjoni diġà sabet li l-eżenzjoni għal dan il-proċess hija konformi mal-prinċipji ta' taxxa normali tal-AGL (Premessa 90).

(363)

Il-produtturi tax-shale jkollhom juru x'użu kellu l-materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li pproduċew sabiex jitolbu eżenzjoni mill-AGL.

(364)

Pereżempju, ix-shale iseħħ bħala prodott sekondarju inevitabbli tal-estrazzjoni tat-tafal. Meta dan ikun il-każ u x-shale ma jkunx diġà qed jibbenefika minn eżenzjoni oħra jew ħelsien ieħor, jista' jiġi vvalutat jekk ix-shale rispettiv jistax jikkwalifika għal eżenzjoni skont l-AGL peress li ma kienx ġie estratt għal użu bħala aggregati apposta. L-eżenzjoni tkun konformi mal-prinċipji tal-AGL peress li din tikkonċerna shale li jinkiseb bħala prodott sekondarju inevitabbli ta' materjal li la huwa aggreat u li lanqas ma jintuża bħala aggregat u li jista' jintuża minflok aggregati estratti ġodda.

(365)

Fir-rigward tax-shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ġdid ta' materjali ntaxxati oħrajn, bħal gritstone jew franka, il-Kummissjoni tosserva li l-eżenzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn ix-shale meta mqabbel ma' materjali ntaxxati oħrajn. Madankollu, irid jiġi kkunsidrat jekk it-tali differenzjazzjoni fit-taxxa tistax tkun iġġustifikata mill-objettiv tal-AGL. Anki jekk l-eżenzjoni tista' twassal għal żieda fl-iskjerament tax-shale bħala prodott sekondarju għall-użu bħala aggregati a skapitu ta' prodotti sekondarji oħrajn mhux eżentati, il-Kummissjoni ma rċiviet ebda evidenza mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit jew mingħand il-partijiet interessati li turi li din l-eżenzjoni tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettiv tal-AGL li għandha l-għan li tnaqqas it-tqattigħ ta' materjal ġdid għal skopijiet ta' aggregati.

(366)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li jiġi estratt għal użu bħala aggregati apposta, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju ta' tqattigħ ta' materjali ġodda ntaxxati oħrajn, huwa fl-istess sitwazzjoni fattwali u legali bħal aggregati oħrajn li huma ntaxxati fid-dawl tal-prinċipju ta' taxxa normali tal-AGL u tal-objettiv ambjentali tagħha. B'hekk, din l-eżenzjoni hija selettiva de facto.

5.6.2.5.3.   Faħam

(367)

Is-sottomissjoni konġunta riċevuta mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit u l-BAA kif ukoll l-informazzjoni riċevuta f'okkażjonijiet oħrajn mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit jikkonfermaw li l-faħam mhuwiex u ma jistax jintuża bħala aggregat. Għalhekk, il-faħam mhuwiex fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-materjal intaxxat bl-AGL b'konformità mal-objettiv tal-AGL. L-istess japplika għal materjal li jikkonsisti primarjament f'faħam li jkopri s-sitwazzjoni li fiha l-faħam estratt ma jkollux kompożizzjoni ġeoloġika pura.

5.6.2.5.4.   Linjite

(368)

Is-sottomissjoni konġunta riċevuta mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit u l-BAA kif ukoll informazzjoni riċevuta f'okkażjonijiet oħrajn mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit jikkonfermaw li l-linjite mhuwiex u ma jistax jintuża bħala aggregat. Għalhekk, il-linjite mhuwiex fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-materjal intaxxat bl-AGL b'konformità mal-objettiv tal-AGL. L-istess japplika għal materjal li jikkonsisti primarjament f'linjite li jkopri s-sitwazzjoni li fiha l-linjite estratt ma għandux kompożizzjoni ġeoloġika pura.

5.6.3.   EŻENZJONI TA' AGGREGATI LI JIKKONSISTU KOMPLETAMENT FIL-FDAL, L-ISKART JEW PRODOTTI SEKONDARJI OĦRAJN, ESKLUŻ IL-MATERJAL ŻEJJED TA' FUQ, LI JIRRIŻULTAW MILL-ESTRAZZJONI JEW SEPARAZZJONI OĦRA MINN XI KWANTITÀ TA' AGGREGAT TA' KWALUNKWE TAFAL TAĊ-ĊINA JEW TAFAL TAL-KAWLINA (SEZZJONI 17(3)(e) U SEZZJONI 17(3)(f)(ii)).

(369)

Fis-sottomissjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni qabel id-Deċiżjoni ta' Ftuħ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit spjegaw li t-tafal taċ-ċina (magħrufa wkoll bħala “kawlina”) (74) u tafal tal-kawlina (75) huma minerali importanti. Normalment ma jitqattgħux biex iservu bħala aggregati. Fdal li jikkonsisti fi skart tal-ġebel u ramel huwa prodott sekondarju inevitabbli ta' din l-estrazzjoni. Skart tat-tafal taċ-ċina jista' jintuża fil-bini ta' imbankmenti u bħala mili ġenerai, fil-produzzjoni ta' materali legati bil-bitumen għall-bini ta' awtostradi, u jista' jkun sostitut għal aggregat fin ieħor fil-manifattura tal-konkrit. L-iskart tat-tafal tal-kawlina jista' jinbiegħ bħala aggregat fis-suq tal-bini wkoll.

(370)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu indikaw li peress li l-fdal li jirriżulta mill-estrazzjoni tat-tafal tal-kawlina u t-tafal taċ-ċina jkun disponibbli malli t-tafal tal-kawlina u t-tafal taċ-ċina jiġu estratti u peress li dan il-fdal jista' jipprovdi alternattiva għal firxa ta' ramel, żrar u ġebel estratt apposta biex jintuża bħala aggregat, l-eżenzjoni tgħin sabiex tonqos l-estrazzjoni ta' ramel, żrar u ġebel li ġew estratti speċifikament biex jintużaw bħala aggregat u, wara kollox, l-eżenzjoni tgħin biex jonqos l-impatt ambjentali tal-estrazzjoni tal-aggregati. L-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu pprovdew informazzjoni fuq l-iskart li jirriżulta mit-tafal tal-kawlina u taċ-ċina u l-munzelli ta' skart maħluqin.

(371)

Fil-Premessa 106 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni xeħtet dubju fuq jekk it-tali materjal ma jkunx f'sitwazzjoni paragunabbli bħal aggregati mhux eżentati, iżda osservat li jista' jkun hemm differenza bejn il-materjal eżentat u l-materjal mhux eżentat peress li l-materjali eżentati jikkostitwixxu l-fdal tal-estrazzjoni tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina. Huwa prodott sekondarju inevitabbli ta' din l-estrazzjoni, li ser jinstab mhux biss għall-fini ta' estrazzjoni tal-aggregat iżda anki inġenerali għall-estrazzjoni tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina. Tabilħaqq, kemm it-tafal taċ-ċina kif ukoll it-tafal tal-kawlina għandhom proprjetajiet speċifiċi li mhux dejjem jistgħu jiġu replikati.

(372)

Fil-Premessa 107 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni xeħtet dubju fuq jekk din id-differenza kinitx biżżejjed biex jintwera li l-eżenzjoni mit-taxxa kienet iġġustifikata minħabba l-għamla u l-loġika tal-AGL u semmiet li kienet teħtieġ iktar informazzjoni.

(373)

Wara li ppubblikat id-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni rċiviet bosta sottomissjonijiet mingħand partijiet interessati f'dan ir-rigward.

5.6.3.1.    Kummenti riċevuti mill-Kummissjoni

(a)   Kummenti riċevuti mingħand Sibelco Europe fis-16 ta' Jannar 2014

(374)

Skont is-sottomissjoni tagħha, Sibelco hija kumpanija involuta fl-estrazzjoni, l-ipproċessar u l-bejgħ ta' tafal taċ-ċina u tafal tal-kawlina. Il-parti l-kbira, 80 % sa 90 %, tal-produzzjoni tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina hija esportata. Sibelco tgħid li l-iskop primarju tal-użu tal-barrieri tagħha huwa l-estrazzjoni tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina. Materjali oħrajn estratti bilfors jistgħu jitqiesu bħala materjali sekondarji li jistgħu jew ma jistgħux ikunu tajbin għal użu finali bħala aggregati skont il-kostitwenti u l-ipproċessar possibbli tagħhom.

(375)

Sibelco tgħid li t-tafal taċ-ċina u tal-kawlina kif ukoll il-prodotti li jinkisbu minnhom ma jistgħux jintużaw bħala aggregati. Huma minerali industrijali speċjalizzati b'applikazzjonijiet u użi finali mhux bħala aggregati biss. Minħabba l-karatteristiċi kimiċi u fiżiċi uniċi tagħhom tista' ssir distinzjoni bejn it-tafal taċ-ċina u tal-kawlina u minħabba r-rarità tagħhom jiswew il-flus.

(376)

Skont Sibelco, il-fdal minn dawn l-attivitajiet ta' estrazzjoni minerali ma jikkostitwixxix materjal li huwa estratt apposta sabiex jintuża bħala aggregat. Il-fdal huwa estratt bħala konsegwenza neċessarja tal-kisba ta' tafal taċ-ċina u tal-kawlina. Il-prodotti sekondarji huma kompletament differenti minn minerali tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina u l-użi tagħhom mhumiex l-istess jew interkambjabbli b'xi mod. Barra minn hekk, Sibelco tgħid li, mingħajr l-estrazzjoni tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina f'dawn il-barrieri, ma jkun hemm ebda materjal aggregat potenzjali disponibbli għas-suq peress li l-barrieri ma jistgħux jitħaddmu b'mod ekonomiku għajr għat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina. Il-valur ta' bejgħ tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina huwa ferm ogħla minn dak ta' aggregat sekondarju miksub mis-sit. Tabilħaqq, il-valur ta' bejgħ huwa madwar […] sa […] darba ogħla għat-tafal taċ-ċina u madwar […] sa […] darba ogħla għat-tafal tal-kawlina. Skont Sibelco, jiġu estratti bejn 8 u 10 darbiet iktar mill-volum ta' tafal taċ-ċina fi fdal inevitabbli u sad-doppju tal-volum ta' tafal tal-kawlina f'materjali oħrajn.

(377)

Sibelco tgħid li minħabba l-post u d-distribuzzjoni tas-siti tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina, il-kundizzjonijiet ġeoloġiċi speċifiċi u l-investiment ta' kapital sinifikanti meħtieġ biex jinbdew l-operazzjonijiet tat-tqattigħ mill-barrieri f'dawn iż-żoni, mingħajr l-estrazzjoni tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina, ma sseħħ ebda attività ta' estrazzjoni tal-fdal f'dawn il-postijiet.

(378)

Skont Sibelco, il-bejgħ kollu ta' aggregat li jirriżulta minn prodotti sekondarji tal-estrazzjoni tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina jirriżulta fi tnaqqis dirett fil-volum ta' dan il-materjal li jitqiegħed f'munzelli u gzuz fil-post ta' estrazzjoni.

(379)

Skont l-informazzjoni pprovduta minn Sibelco, fid-depożiti tat-tafal taċ-ċina, il-mineral tat-tafal (kawlina) huwa fformat mid-dekompożizzjoni u d-dekompożizzjoni parzjali tal-minerali feldspar fil-granit. Il-proċess huwa magħruf bħala kawlinizzazzjoni u filwaqt li s-sehem u l-karatteristiċi tal-kawlina jvarjaw fid-depożiti, il-volum ta' kawlina fil-massa sħiħa ta' ġebla huwa ta' madwar 10 %. Filwaqt li ċertu element ta' estrazzjoni selettiva huwa possibbli, għall-parti l-kbira l-massa sħiħa tal-ġebla (materjal żejjed imdeffes) trid tiġi estratta qabel ma tkun tista' tiġi separata l-kawlina. Il-proċess ta' separazzjoni tal-kawlina permezz ta' separazzjoni bl-ilma, metodi tal-gravità u bosta stadji ta' tgħarbil u analiżi tal-qies jirriżulta f'materjal ta' prodott sekondarju li jikkostitwixxi granit, stent (ġebla), kwarz u majka esposti għall-kundizzjonijiet tat-temp u oħrajn li mhumiex. Fil-forma estratta tiegħu, dan il-materjal ta' prodott sekondarju mhuwiex tajjeb biex jintuża bħala aggregat. Hemm bżonn isir ipproċessar biex xi parti minnu ssir tajba għal użi finali bħala aggregati.

(380)

Skont Sibelco, f'depożiti tat-tafal tal-kawlina, it-tafal essenzjalment huwa mineral tal-kawlina iżda depożitat minn proċessi ġeoloġiċi sedimentari li spiss jipproduċu tqassim differenti ta' saffi. It-tqassim tas-saffi jinterponi tafal tal-kawlina, tafal tal-kawlina linjitiku u saffi ta' ramel. Dawn is-saffi ta' materjal żejjed imdeffes iridu jiġu estratti biex jinkixfu s-saffi suċċessivi tat-tafal tal-kawlina. Is-saffi tat-tafal tal-kawlina u tabilħaqq anki l-materjal żejjed imdeffes iridu jingħażlu bir-reqqa biex jiġi żgurat li ma hemm ebda kontaminazzjoni tat-tafal tal-kawlina ma' materjal ieħor u ebda kontrotħallit mhux ippjanat ta' saffi tat-tafal tal-kawlina ta' kwalità differenti. Il-materjal żejjed imdeffes tipikament ikun jirrappreżenta iktar minn 50 % tal-volum estratt sħiħ. Wara l-estrazzjoni tas-saffi tat-tafal tal-kawlina, dawn jitħalltu f'taħlitiet preċiżi skont l-użu finali speċifiku.

(381)

Skont Sibelco, id-differenza ewlenija bejn il-barrieri tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina u l-barrieri tal-aggregati hija li fil-barrieri tal-aggregati, l-iskart jew il-prodotti sekondarji essenzjalment huma l-istess materjal. Fil-barrieri tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina, il-prodotti sekondarji li jirriżultaw huma materjal ferm differenti mit-tafal li jitfittex bħala l-mineral primarju.

(382)

Skont Sibelco, l-eżenzjoni attwali għal materjal aggregat mibjugħ mill-ipproċessar xieraq tal-materjal miksub bħala prodott sekondarju inevitabbli tal-estrazzjoni tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina mhijiex ser tirriżulta f'żieda fl-attivitajiet ta' estrazzjoni tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina. Id-domanda u l-bejgħ tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina jixprunaw l-iżvilupp tal-barriera. Anki jekk ċerti prodotti sekondarji tal-estrazzjoni tat-tafal tal-kawlina u tat-tafal taċ-ċina mbagħad jiġu pproċessati u jsiru tajbin għal użi finali bħala aggregati, il-parti l-kbira tal-prodotti sekondarji li jirriżultaw xorta jispiċċaw f'munzelli u gzuz. Dan għaliex ma għadx hemm iktar domanda għall-aggregati (minkejja l-eżenzjoni attwali mill-imposta), iżda l-estrazzjoni fil-barrieri trid tkompli biex jiġi prodott il-volum tad-domanda tas-suq ta' tafal taċ-ċina u tal-kawlina. Bħalissa hemm madwar ħames darbiet iktar fdal, skart u prodotti sekondarji ġestiti fil-barrieri tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina ta' Sibelco milli bejgħ ta' aggregat. Dan juri li anki l-eżenzjoni attwali mill-imposta ma tistax tkompli tinċentivizza l-estrazzjoni ta' materjal għal użu bħala aggregat. Barra minn hekk, jidher li l-bejgħ ta' tafal u l-bejgħ ta' aggregati għandhom xejra kompletament differenti. Fil-produzzjoni tal-aggregati, kuntratt tal-provvista jikkonċerna proġett speċifiku u jdum għal perjodu relattivament qasir. Madankollu, l-industrija tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina jridu jfornu lill-manifatturi taċ-ċeramika b'taħlita konsistenti ta' materjal għal perjodu li jdum bosta snin.

(383)

Minbarra s-sottomissjoni tagħha, Sibelco pprovdiet lill-Kummissjoni wkoll b'ħarsa ġenerali lejn il-ġeoloġija, l-estrazzjoni u l-ipproċessar tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina.

(b)   Kummenti riċevuti mingħand Imerys Minerals Limited (“IML”) fis-17 ta' Jannar 2014

(384)

L-IML għandha Operazzjonijiet tat-Tafal taċ-Ċina u tal-Kawlina li jkopru madwar 5 000 ettaru f'Cornwall, Devon u Dorset fil-Lbiċ tal-Ingilterra.

(385)

L-IML tgħid li r-Renju Unit huwa produttur u esportatur dinji importanti ta' tafal tal-kawlina ta' kwalità għolja, b'iktar minn 80 % tal-produzzjoni li tiġi esportata. It-tafal tal-kawlina jintuża l-iktar bħala materja prima fil-manifattura taċ-ċeramika (b'mod partikolari prodotti sanitarji, madum tal-art u tal-ħitan, u pożati). Użi oħrajn jinkludu f'enamels u ħġejjeġ, brikks tal-bini, applikazzjonijiet refrattarji u bħala mili u siġillanti. Il-karatteristiċi materjali tat-tafal tal-kawlina ma jippermettulhux li jintuża bħala aggregat. Ġeneralment, l-aggregati jridu jkunu materjali ibsin u granulari. Għall-kuntrarju, it-tafal tal-kawlina huwa artab u mitħun fin. Il-valur relattiv tat-tafal tal-kawlina jipprekludih ukoll milli jintuża bħala aggregat. Huwa materjal relattivament rari u importanti, b'valur mill-fabbrika sa GBP […] it-tunnellata, skont il-kwalità tiegħu u l-livell ta' domanda għalih fis-suq.

(386)

Skont l-IML, ir-Renju Unit huwa wieħed mill-ikbar produtturi u esportaturi tat-tafal taċ-ċina fid-dinja, b'iktar minn 90 % tal-produzzjoni esportata.

(387)

L-IML tgħid li t-tafal taċ-ċina jitqies importanti minħabba l-bjuda, il-qies tal-partikuli fini, il-forma tal-partikuli ċatti, is-sawra ratba li ma tigrifx u l-inertezza kimika tiegħu. L-użi ewlenin tiegħu huma fil-manifattura tal-karta bħala materjal għall-mili u pigment tal-kisi, prodotti sanitarji u pożati. Applikazzjonijiet iktar speċjalizzati jinkludu bħala materjal għall-mili fiż-żebgħa, adeżivi, plastik, lasktu u siġillanti; u fil-manifattura tal-fibra tal-ħġieġ u prodotti farmaċewtiċi.

(388)

Skont l-IML, il-karatteristiċi materjali tat-tafal taċ-ċina ma jippermettulhux li jintuża bħala aggregat. Il-valur relattiv tat-tafal taċ-ċina jipprekludih ukoll milli jintuża bħala aggregat. It-tafal taċ-ċina huwa prodott rari ħafna, kemm f'livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Minħabba r-rarità u l-importanza tiegħu fid-dawl tad-domanda għall-użu tiegħu f'għadd ta' industriji, iġib prezz relattivament għoli. Prodott ta' kwalità inferjuri f'applikazzjoni bażika jinbiegħ għal madwar GBP […] mill-fabbrika filwaqt li prodott speċjalizzat ferm irfinat sabiex jintuża f'applikazzjoni teknika jġib iktar minn GBP […] it-tunnellata.

(389)

Skont l-IML, tirċievi royalty modesta b'medja ta' madwar GBP […] it-tunnellata għall-materjal mibjugħ bħala aggregati sekondarji. Skont l-IML, l-estrazzjoni tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina jseħħ indipendentement minn kwalunkwe fattur ieħor, u l-ġenerazzjoni ta' prodotti skart huwa inevitabbli. L-użu tiegħu bħala aggregat huwa ta' benefiċċju ferm ikbar għall-ambjent meta mqabbel mat-tqattigħ għal aggregat primarju. Mingħajr suq stabbli għall-iskart, dejjem iktar materjal ikollu jitħalla mormi fil-barrieri.

(390)

Skont l-IML, mit-8,47 m tunnellati li huma mħaffrin b'kollox, madwar 6,5 m jaqgħu fil-kategorija ta' materjal alimentatur tal-aggregati potenzjali. Breccia, ġebel imfarrak, żrar, materjal żejjed imdeffes, ġebla u stent jistgħu jiġu pproċessati biex jifformaw aggregati mfarrkin ta' tip wieħed jew ieħor li jvarjaw minn qxur b'daqs wieħed sa sottobażi/materjal għall-mili. Il-proċess ta' tfarrik jipprovdi prodotti taż-żrar u tar-ramel ukoll. Barra minn hekk, ir-ramel huwa ġġenerat matul il-proċess ta' separazzjoni bil-bucket wheel tat-tafal taċ-ċina. Mhux is-6,5 m tunnellati kollha jistgħu jiġu pproċessati f'aggregati sekondarji li jistgħu jitqiegħdu fis-suq, u l-volum ta' skart ivarja skont l-għamla taż-żona tat-tafal taċ-ċina maħduma. Proċessur eżistenti tal-iskart tat-tafal taċ-ċina jikkalkola li rendiment ta' 65 % huwa tipiku tas-6,5 m tunnellati ta' aggregati miksubin minn minjiera, jiġifieri jistgħu jsiru iktar minn 4 miljun tunnellata ta' prodott li jista' jinbiegħ.

(391)

Skont l-IML, bħala medja, ir-ramel tal-konkrit “mgħarbul xott” jinbiegħ għal GBP […] mill-fabbrika u prodott imfarrak (aggregati) għal GBP […] mill-fabbrika. Il-bejgħ ma jsirx mill-IML stess, iżda minn proċessur tal-iskart tat-tafal taċ-ċina.

(392)

L-IML tiddikjara li ma hemmx mod kif l-eżenzjoni tal-AGL tista' twassal għal iktar estrazzjoni ta' tafal tal-kawlina/ċina sabiex wieħed jikseb iktar materjal eżentat mill-imposta. L-IML diġà tarmi iktar skart milli tforni għall-ipproċessar tal-aggregati, u dan juri li l-livell ta' estrazzjoni jiddependi għal kollox mid-domanda tas-suq għall-mineral primarju; tafal taċ-ċina/kawlina.

(393)

L-IML tiddikjara li l-proċess ta' estrazzjoni diġà jipproduċi iktar skart milli jinbiegħ bħalissa u jkun illoġiku li jitħaffer iktar tafal taċ-ċina/kawlina biex jinkiseb il-prodott sekondarju tal-aggregati sekondarji.

(394)

Skont l-IML, biex jiġu prodotti aggregati li jistgħu jinbiegħu hemm bżonn li jsir iktar ipproċessar. Jiddikjaraw li, impjant għat-tgħarbil xott għall-produzzjoni tar-ramel jiswa madwar GBP 0,75 m, impjant tat-tfarrik tiswa madwar GBP 2 m u impjant tal-ħasil għall-ipproċessar tar-ramel tat-tajn jiswa sa GBP 1,5 m. Bl-użu tal-prezzijiet tal-bejgħ medji tar-ramel ta' GBP […] it-tunnellata u l-aggregati mfarrkin ta' GBP […] it-tunnellata, l-ispejjeż tal-produzzjoni tipikament ikunu ta' madwar 35 % għar-ramel u 50 % għall-aggregati mfarrkin.

(395)

Skont l-IML, jekk l-ewwel ma jitneħħiex il-kontenut ta' tafal taċ-ċina, ma jkunx kosteffikaċi li jsir it-tqattigħ mill-barrieri fis-siti għall-potenzjal ta' aggregati tagħhom. Il-materjali aggregati potenzjali huma disponibbli għas-suq biss minħabba l-estrazzjoni tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina, peress li mingħajr din, il-barrieri ma jkunux ekonomikament vijabbli. Minħabba l-ispiża għolja ħafna tal-estrazzjoni tal-minerali, u l-kwalità relattivament baxxa tal-prodott sekondarju li jirriżulta minn dak il-proċess meta mqabblin mal-aggregati primarji, is-siti ma jiġġeneraw ebda aggregat affattu li kieku ma kienx għall-kontenut minerali tagħhom.

(396)

Skont l-IML, l-eżenzjonijiet mill-AGL jagħmlu distinzjoni bejn il-materjali skart li jirriżultaw bħala l-prodott sekondarju tal-estrazzjoni ta' mineral mhux aggregati (bħal skart mill-estrazzjoni ta' tafal taċ-ċina/kawlina) li huma eżentati, u skart ta' materjali li huma l-prodott sekondarju tal-estrazzjoni tal-aggregati (bħal skart mill-franka), li għadhom soġġetti għall-AGL.

(397)

L-IML tiddikjara li l-prodotti sekondarji mill-barrieri tal-franka u l-ġebel imqatta' jiġu estratti apposta sabiex jintużaw bħala aggregati, filwaqt li l-prodotti sekondarji mill-estrazzjoni tat-tafal taċ-ċina jew tal-kawlina huma konsegwenzi inevitabbli tal-estrazzjoni ta' dawk il-materjali.

(398)

L-IML ipprovdiet lill-Kummissjoni bi studju tal-każ ippubblikat f'“Construction News” dwar l-użu ta' aggregati riċiklati u sekondarji mill-estrazzjoni tat-tafal taċ-ċina fil-konkrit f'sit kbir f'Londra.

(c)   Kummenti riċevuti mingħand Kaolin and Ball Clay Association fis-17 ta' Jannar 2014

(399)

Skont il-Kaolin and Ball Clay Association, bħala parti mill-operat tal-barrieri tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina, materjali oħrajn li bilfors jiġu estratti jistgħu jitqiesu bħala materjali “sekondarji”, li jistgħu ikunu jew ma jkunux tajbin biex jintużaw bħala aggregati. L-eżenzjonijiet attwali mill-AGL għal dawn il-materjali sekondarji ddaħħlu sabiex jiġi inċentivat l-użu tagħhom u tonqos il-kwantità tat-tali materjali mormijin fil-barrieri. Il-Kaolin and Ball Clay Association tiddikjara li t-tafal taċ-ċina u tal-kawlina ma jistgħux jintużaw bħala aggregat, u qatt ma ġew estratti għat-tali użu.

(400)

Skont il-Kaolin and Ball Clay Association, mingħajr l-estrazzjoni tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina, il-materjali aggregati miġjubin minnhom qatt ma jkunu disponibbli fis-suq. Sempliċiment, minħabba l-ispiża tas-separazzjoni tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina mill-aggregat, kif ukoll il-valur tal-aggregati nfushom, dan ma jkunx vijabbli. Il-prezzijiet tal-bejgħ tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina huma sostanzjalment ogħla mill-aggregati, u għalhekk huwa kosteffikaċi li jsir tħaffir għalihom.

(401)

Il-Kaolin and Ball Clay Association tiddikjara li xhieda oħra ta' dan tinsab fil-fatt li, bħalissa, anki bl-eżenzjoni mill-imposta fuq l-aggregati, madwar terz biss mill-materjal li jista' jiġi pproċessat f'aggregati fil-fatt jiġi pproċessat.

(402)

Skont il-Kaolin and Ball Clay Association, żgur li l-bejgħ tal-materjal tal-prodott sekondarju ser jonqos jekk tiddaħħal l-imposta fuq dawn il-minerali li bħalissa huma eżentati, fil-fatt diġà hemm evidenza li dan qed iseħħ għal proġetti li jibdew f'April 2014.

(d)   Kummenti riċevuti mingħand il-BCC fis-17 ta' Jannar 2014

(403)

Il-BCC tiddikjara li l-iskop primarju tal-iżvilupp tal-barrieri tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina huwa l-estrazzjoni u l-ipproċessar ta' dawn il-materjali li huma prodotti speċjalizzati differenzjati mir-rarità u l-karatteristiċi kimiċi u fiżiċi uniċi tagħhom. Skont il-BCC, it-tafal taċ-ċina u tal-kawlina u l-prodotti miksubin minnhom ma jistgħux jintużaw bħala aggregat u qatt ma jiġu estratti għal dan il-għan. Materjali oħrajn li bilfors jiġu estratti jistgħu jitqiesu bħala materjali sekondarji, li jistgħu jkunu jew ma jkunux tajbin sabiex jintużaw bħala aggregati. Skont il-BCC, ma jiġux estratti waħedhom biex jintużaw bħala aggregat u jsiru disponibbli biss meta jiġi estratt tafal taċ-ċina jew tal-kawlina, inkella l-barriera ma tkunx ekonomikament vijabbli.

(404)

Il-BCC tiddikjara li t-tafal tal-kawlina għandu prezz tal-bejgħ tal-inqas 5 sa 6 darbiet ogħla u t-tafal taċ-ċina tal-inqas 10 sa 12-il darba ogħla mill-prodott sekondarju li potenzjalment jista' jinbiegħ bħala aggregat sekondarju. L-aspett finanzjarju u r-restrizzjonijiet tas-sit ma jirriżultawx f'sitwazzjoni li fiha jiġi estratt iktar tafal taċ-ċina u tal-kawlina milli jinbiegħ sabiex jinkiseb materjal ta' prodott sekondarju addizzjonali għall-produzzjoni tal-aggregati. Anki bl-eżenzjoni, il-parti l-kbira (ħames darbiet iktar) tal-prodotti sekondarji tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina tibqa' ma tinbiegħx, u tispiċċa mqiegħda f'munzelli fuq il-post.

(405)

Skont il-BCC, il-barrieri eżentati u dawk mhux eżentati huma ferm differenti. Il-barrieri tal-aggregati mhux eżentati primarjament jestrattaw l-istess materjal bħall-prodotti primarji u l-iskart jew il-prodotti sekondarji tagħhom. Madankollu, fil-barrieri tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina l-iskart huwa differenti mill-materjali ewlenin. Dawn tal-aħħar huma minerali feldspar filwaqt li dawk imsemmijin l-ewwel huma fil-parti l-kbira ramel ibbażat fuq is-silika.

(406)

Il-BCC tiddikjara li l-bejgħ tal-materjal prodott sekondarju mill-barrieri tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina ser jonqos jekk tiddaħħal l-imposta fuqhom. Biex tiġi ssodisfata żieda fid-domanda, ikollhom jiġu estratti aggregati verġni.

(e)   Kummenti riċevuti mingħand il-BAA fil-15 ta' Settembru 2014

(407)

Il-BAA pprovdiet informazzjoni mingħand il-membri tagħha li jinsabu f'Cornwall fir-rigward tal-fatt li l-prezzijiet tat-tafal taċ-ċina jistgħu jvarjaw ħafna bejn GBP 50 sa GBP 5 000 it-tunnellata, skont il-grad u l-kwalità tiegħu.

(f)   Kummenti mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit

(408)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li mhux talli l-karatteristiċi tal-materjal tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina jipprekludu l-użu tagħhom bħala aggregati, talli anki l-valur relattiv tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina jipprekludi t-tali użu. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li, fil-fatt, ma hemm ebda użu attwali u stabbilit tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina bħala aggregati. Skont dan, is-sommarju tal-Kummissjoni tad-differenza bejn il-pożizzjoni tal-fdal, l-iskart jew il-prodott sekondarju mill-estrazzjoni ta' dawn il-materjali mhuwiex korrett għal kollox. L-eżenzjoni tal-prodotti sekondarji inevitabbli tal-materjali li ma jistgħux jintużaw u ma jintużawx bħala aggregat hija kompletament konsistenti mal-objettiv ambjentali tal-AGL.

(409)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprovdew deskrizzjoni dettaljata tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina u spjegaw għaliex mhumiex użati u ma jistgħux jintużaw bħala aggregat. Barra minn hekk, iż-żewġ materjali jġibu prezz għoli. Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, it-tafal tal-kawlina huwa materjal relattivament rari, b'valur li jitla' sa GBP 100 it-tunnellata, skont il-grad partikolari tat-tafal tal-kawlina meħtieġ u l-livell ta' domanda fis-suq. It-tafal taċ-ċina huwa materjal rarissimu, li jġib prezz għoli ħafna fis-suq ta' bejn GBP 70 u GBP 400 it-tunnellata. Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-ispiża tal-produzzjoni tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina hija għolja ħafna meta tqabbilha mal-ispejjeż tal-produzzjoni ta' tipi oħrajn ta' aggregati. L-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprovdew l-informazzjoni miġbura mingħand il-kumpaniji attivi fil-qasam. Kumpanija minnhom ipprovdiet il-figura medja ta' GBP […] it-tunnellata ta' tafal taċ-ċina, b'medda ta' GBP […] sa GBP […] għal prodotti differenti tat-tafal taċ-ċina. Kumpanija oħra semmiet GBP […] it-tunnellata. Għal tunnellata tafal tal-kawlina, l-ispiża medja tal-produzzjoni hija ta' GBP […] f'Dorset u GBP […] f'Devon. Kumpanija oħra semmiet GBP […] it-tunnellata.

(410)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, hemm żewġ kumpaniji li bħalissa jfornu tafal tal-kawlina u taċ-ċina fir-Renju Unit. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jipprovdu eżempju ta' kuntratt tal-provvista wieħed għal prodotti sekondarji tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina li fih il-prezz fl-2012 kien ta' GBP […] it-tunnellata. Fil-każ ta' kuntratt ieħor, il-prezz kien ta' GBP […] it-tunnellata ta' skart tat-tafal taċ-ċina mibjugħ. It-tafal tal-kawlina kien ipprezzat għal GBP […]. L-ebda waħda minn dawn iż-żewġ kumpaniji ma biegħet il-fdal jew il-prodotti sekondarji inevitabbli ġġenerati mill-attivitajiet direttament lill-utenti finali tat-tali aggregati. Minflok, iż-żewġ kumpaniji daħlu fi ftehim ma' partijiet terzi (li jispeċjalizzaw fil-bejgħ tal-aggregati) li bih qablu li jipprovdu sa ċertu ammont ta' aggregat għal prezz fiss, ikun xi jkun l-ammont li fil-fatt jiġi fornit. Skont dan, peress li l-prezz mhuwiex stabbilit direttament għal kull tunnellata aggregat li jipproduċu, il-barrieri tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina mhumiex inċentivati li jżidu l-ammont ta' fdal li jħallu warajhom oltre l-livell li ġie miftiehem. Imbagħad, il-partijiet terzi jbigħu l-aggregat lill-utenti finali. Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, lanqas l-ammont sħiħ ta' aggregati ma jista' jinbiegħ.

(411)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-produzzjoni tat-tafal taċ-ċina ma tistax tiġi separata mill-produzzjoni ta' skart tat-tafal taċ-ċina. L-għamla tal-proċess ta' estrazzjoni umda hija tali li l-pompi bilfors jisseparaw il-materjal tal-kawlina mixtieq u l-prodotti tal-iskart. Tradizzjonalment, l-ewwel stadju fl-estrazzjoni jew it-tqattigħ tat-tafal taċ-ċina kien li jitneħħa l-materjal żejjed ta' fuq u jiġi espost il-ġebel li fih it-tafal. It-tieni stadju tal-proċess kien li l-operatur tal-barriera jissoġġetta t-tafal espost jew il-wiċċ tal-fossa għal ġettijiet tal-ilma bi pressa għolja. Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, dan ineħħi t-tafal taċ-ċina, flimkien ma' prodotti oħrajn li tħallat miegħu (ramel u majka).

(412)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-materjal żejjed ta' fuq li jirriżulta mill-estrazzjoni huwa soġġett għall-AGL. Il-bqija tal-materjal li ma jistax jiġi evitat fil-proċess ta' estrazzjoni tat-tafal taċ-ċina huwa kopert mill-eżenzjoni.

(413)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li t-tafal tal-kawlina huwa estratt kompletament b'metodi tal-fosos miftuħa. L-estrazzjoni minn fosos miftuħa tinvolvi l-użu ta' skavaturi idrawliċi u dump trucks li jħaffru b'mod selettiv, jgħabbu u jwasslu t-tafal tal-produzzjoni individwali fil-faċilitajiet ta' ħżin u tħallit. Il-proporzjon ġenerali ta' tafal għal skart għall-industrija huwa ta' madwar 1 sa 1,5.

(414)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, meta operatur ma jkunx jista' jikseb il-prodot tat-tafal tal-kawlina jew taċ-ċina b'valur għoli, ma jkollux inċentiv li jestratta l-prodotti sekondarji waħedhom, b'mod partikolari minħabba l-valur ekonomiku baxx tagħhom. Il-preżenza tal-kawlinite jew xi tip ieħor ta' tafal f'ġebla tnaqqas is-saħħa tal-materjal u b'hekk għandha effett negattiv fuq il-prestazzjoni possibbli tiegħu bħala aggregat. Anki jekk l-operatur ma xtaqx jikseb il-materjal ta' valur għoli, xorta waħda jġarrab l-ispejjeż għoljin tat-tneħħija u r-rimi tal-materjal fin, jiġifieri l-kawlinite, tafal ieħor u majka. Skont dan, ma jkunx loġiku li l-prodotti b'valur għoli jitneħħew u jintremew sabiex jinkisbu l-prodotti sekondarji b'valur baxx li jistgħu jintużaw bħala aggregati. Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, anki bl-eżenzjoni mill-imposta, allegatament xorta ma jkunx ekonomikament razzjonali li jsiru attivitajiet ta' estrazzjoni fis-siti sabiex jinkiseb fdal eżentat sakemm ma jkunux qed jiġu estratti tafal taċ-ċina u tafal tal-kawlina b'valur għoli wkoll.

(415)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-prodotti sekondarji inevitabbli ġġenerati mill-estrazzjoni tat-tafal tal-kawlina u t-tafal taċ-ċina huma tajbin għal ċerti użi aggregati.

(416)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ikkummentaw fuq id-distinzjoni bejn l-estrazzjoni tal-franka għall-produzzjoni tal-ġir u l-ġebel imqatta' u l-prodotti sekondarji inevitabbli ġġenerati mill-estrazzjoni tat-tafal tal-kawlina u t-tafal taċ-ċina. Jisħqu li l-ġebel imqatta' u l-franka huma estratti sabiex jintużaw bħala aggregat, kif ukoll għal dawk l-iskopijiet mhux bħala aggregati. Il-ġebel imqatta' huwa prodott mill-ġebel ramli jew mill-granit — u t-tnejn li huma jiġu estratti sabiex jintużaw bħala aggregat. Il-fdal, l-iskart jew il-prodotti sekondarji miġjubin mill-produzzjoni tal-ġebel imqatta' u l-franka jistgħu jintużaw bħala aggregat ukoll.

(417)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-fatt li kemm il-franka kif ukoll il-prodotti sekondarji tagħha jistgħu jintużaw bħala aggregat huwa spjegat f'parti minnu mill-karatteristiċi materjali tagħhom. Skart li jirriżulta mill-estrazzjoni tal-franka, li tintuża fil-produzzjoni tal-ġir, aktarx li ma jikkonsistix f'materjal tal-iskart differenti, iżda franka addizzjonali. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li, f'ammont żgħir ta' każijiet, l-“iskart” tal-franka li jirriżulta mit-tqattigħ tal-franka għall-produzzjoni tal-ġir jista' ma jkunx kimikament adattat għall-produzzjoni tal-ġir. Madankollu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ikun perfettament adattat sabiex jintuża bħala aggregat jew għall-produzzjoni tal-ġir. L-użu finali tal-franka ser jiġi stabbilit iktar mid-domanda lokali milli mill-kompożizzjoni kimika.

(418)

Barra minn hekk, skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-iskart li jirriżulta mill-estrazzjoni tal-ġebel biex jiġi prodott ġebel imqatta' aktarx li jikkonsisti fil-parti l-kbira fi qxur tal-istess ġebla li tkun qed tiġi estratta. Għall-kuntrarju tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina, ma hemm ebda spiża addizzjonali marbuta mas-separazzjoni tal-gradi ta' kwalità superjuri u inferjuri tal-istess materjal.

(419)

Filwaqt li jikkwotaw lill-BGS, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li kemm il-materjal estratt ġdid kif ukoll il-prodotti sekondarji tiegħu huma estratti apposta għall-aggregati u biex jintużaw għal dan il-għan (76). It-tqattigħ mill-barrieri tal-franka u l-ġebel għall-ġebel imqatta' jiġġenera aggregati ta' kwalità għolja li jkunu estratti biex jinbiegħu waħedhom, anki kieku ma hemm ebda domanda lokali għall-franka jew il-ġebel imqatta'. L-ispiża tal-franka għall-ġir hija ta' madwar GBP 12,50 sa GBP 19,50 it-tunnellata, filwaqt li l-prezz tal-prodott sekondarju tagħha huwa ta' GBP 7,16 sa GBP 11,70 it-tunnellata. Il-prezz għal kull tunnellata ġebel ramli u kwarzit użat għall-produzzjoni tal-ġebel imqatta' huwa ta' madwar GBP 45,76 sa GBP 82,42, filwaqt li l-ispiża tal-aggregat tal-prodott sekondarju tiegħu huwa ta' madwar 6,58 sa GBP 10,04.

(420)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, barriera tal-granit tipproduċi diversi proporzjonijiet ta' ġebel imqatta' għall-art, binjiet tal-uffiċini, kċejjen tad-dar eċċ. u aggregat. Ġebel ignew (inkluż il-granit), li jintuża wkoll biex jiġi prodott il-ġebel imqatta', jiswa madwar GBP 5,51 sa GBP 12,91 it-tunnellata, filwaqt li l-prodott sekondarju aggregat tiegħu jinbiegħ għal madwar GBP 6,12 sa GBP 12,82 it-tunnellata.

(421)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-qrubija fil-prezz tal-franka/ġebel imqatta' u l-fdal tagħhom (li xorta huwa l-istess sustanza) tfisser li hemm inċentivi biex jiġu estratti t-tnejn li huma, skont id-domanda lokali. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jisħqu li d-differenza bejn il-prodotti sekondarji inevitabbli tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina u l-prodotti sekondarji tal-franka u l-ġebel imqatta' hija ġustifikabbli u kwalunkwe trattament tat-taxxa ieħor iwassal għal abbużi inkontrollabbli u ma jkunx jista' jiġi infurzat.

(422)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit juru wkoll li huwa kompletament konsistenti mal-objettiv tal-imposta li jitħeġġeġ l-użu tal-prodotti sekondarji inevitabbli mill-estrazzjoni tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina, peress li jistgħu jintużaw bħala aggregat. Peress li kemm il-franka/ġebel imqatta' kif ukoll il-prodotti sekondarji ġġenerati mill-produzzjoni tagħhom jistgħu jintużaw bħala aggregat, u huma estratti għal dak il-għan, l-eżenzjoni tal-fdal li jirriżulta mill-estrazzjoni tal-franka/ġebel użati għall-ġebel imqatta' sservi biss biex tħeġġeġ iktar estrazzjoni ta' aggregat ġdid, u ma tibdilx id-domanda minn aggregati estratti ġodda għal aggregati riċiklati u prodotti sekondarji tal-iskart.

(423)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jallegaw li l-franka hija aggregat ta' kwalità għolja, li għalih hemm anki domanda fis-suq. Hemm suq għal franka mqatta' biss għall-aggregat (88 barriera fir-Renju Unit, kif muri fis-sottomissjoni konġunta tal-BAA mal-awtoritajiet tar-Renju Unit), u b'hekk hemm motivazzjoni ambjentali li dan il-materjal jiġi sostitwit ma' prodotti sekondarji ta' tqattigħ ta' materjali oħrajn. Allegatament ma hemm ebda mod oġġettiv kif issir distinzjoni bejn franka prodotta bħala prodott sekondarju tal-produzzjoni tal-ġir agrikolu u l-franka mqatta' b'mod speċifiku sabiex tintuża bħala aggregat.

(424)

Parti interessata minnhom semmiet li hemm fosos tat-tafal taċ-ċina u tafal tal-kawlina li reġgħu nfetħu minħabba l-introduzzjoni tal-imposta sabiex jestrattaw aggregati eżentati biss. L-awtoritajiet tar-Renju Unit kisbu konferma mingħand iż-żewġ produtturi nazzjonali tat-tafal tal-kawlina u tafal taċ-ċina li dan mhuwiex il-każ u ddikjaraw li ma jafu b'ebda awtorizzazzjoni li ngħatat għal skopijiet ta' ftuħ mill-ġdid bħal dan.

(425)

Fir-rigward tal-kumment ta' parti interessata li r-ramel tas-silika li huwa prodott sekondarju tal-estrazzjoni tat-tafal tal-kawlina minn dejjem kien jintuża bħala sors tal-aggregat f'Cornwall u l-eżenzjoni ma tnaqqasx l-estrazzjoni ta' ramel imqatta' ġdid, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ivverifikaw u pprovdew il-bejgħ parzjali tar-ramel għal Devon u Cornwall u wrew li ma setgħu jattribwixxu ebda mill-produzzjoni għal prodotti sekondarji mill-estrazzjoni tat-tafal taċ-ċina.

5.6.3.2.    Valutazzjoni mill-Kummissjoni

(426)

Is-sottomissjonijiet mingħand il-produtturi tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina, l-għaqdiet kummerċjali rispettivi tagħhom u l-awtoritajiet tar-Renju Unit juru biċ-ċar li l-prodotti sekondarji jirriżultaw kemm b'mod mhux intenzjonat kif ukoll inevitabbli. Il-proċess ta' estrazzjoni kkumplikat u li jiswa l-flus tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina u l-fatt li jiġi prodott iktar skart milli l-produtturi tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina kapaċi jbigħu, juru li t-tafal taċ-ċina u tal-kawlina ma jiġux estratti apposta biex jiġu prodotti materjali ta' prodotti sekondarji eżentati għal użu bħala aggregati.

(427)

Barra minn hekk, il-produtturi tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina joperaw in-negozji tagħhom b'mod differenti minn barrieri li jfornu aggregati għal finijiet ta' bini, peress li jridu jonoraw kuntratti fit-tul sabiex jiżguraw produzzjoni kostanti tal-prodotti finali rispettivi. Dan ifisser li la jistgħu jqattgħu iktar u lanqas inqas mill-barrieri minn dak li hemm bżonn biex jiksbu l-kwantità ta' tafal taċ-ċina u tal-kawlina pprovduta fil-kuntratti tagħhom, u b'hekk l-ammont tal-prodotti sekondarji estratti jibqa' l-istess. L-introduzzjoni tal-AGL għall-prodotti sekondarji tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina taffettwa biss is-sitwazzjoni finanzjarja tan-negozji rispettivi bla ma jinkiseb ebda benefiċċju ambjentali.

(428)

Għall-kuntrarju tal-prodotti sekondarji mill-franka u l-ġebel imqatta', il-prodotti sekondarji tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina qatt ma jitqattgħu għalihom biss sabiex jiġu prodotti iktar aggregati eżentati. L-eżenzjoni għall-prodotti sekondarji tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina ma twassalx għal estrazzjoni ta' iktar tafal taċ-ċina u tal-kawlina mqatta' ġdid u l-valur ta' bejgħ tagħhom huwa ferm inqas. Ma hemm ebda qrubija fil-prezz bħal fil-każ tal-franka u l-ġebel imqatta'. Fil-fatt, id-differenza fil-prezz hija ferm ikbar. B'hekk, ma hemm ebda riskju li l-eżenzjoni tista' twassal għal żieda apposta tat-tqattigħ ta' materjali ġodda mill-barrieri. L-eżenzjoni għall-prodotti sekondarji mill-estrazzjoni tat-tafal tal-kawlina u taċ-ċina tħeġġeġ l-użu tagħhom minflok l-estrazzjoni ta' aggregati ġodda u hija konformi mal-prinċipji li fuqhom hija msejsal-AGL.

5.6.4.   EŻENZJONI TAL-AGGREGATI LI JIKKONSISTU KOMPLETAMENT FIL-FDAL MINN KWALUNKWE PROĊESS LI BIH IL-FAĦAM, IL-LINJITE, IL-LAVANJA JEW IX-SHALE JIĠU SEPARATI MINN ĠEBEL IEĦOR WARA LI JKUNU ĠEW ESTRATTI JEW MIKSUBIN MA' DIK IL-ĠEBLA L-OĦRA JEW TAL-FDAL MINN KWALUNKWE PROĊESS LI BIH IS-SUSTANZI MSEMMIJIN FIS-SEZZJONI 18(3) TAL-ATT FINANZJARJU TAL-2001 JIĠU SEPARATI MINN ĠEBEL IEĦOR WARA L-ESTRAZZJONI JEW JINKISBU MA' DIK IL-ĠEBLA L-OĦRA (SEZZJONI 17(3)(f)(i) U (ii))

(429)

Faħam, linjite, lavanja u shale u s-sustanzi elenkati fis-Sezzjoni 18(3) tal-Att Finanzjarju tal-2001 normalment ma jitqattgħux għall-użu tagħhom bħala aggregati, iżda jitqattgħu għal skopijiet oħrajn. Qabel ma adottaw id-Deċiżjoni ta' Ftuħ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu spjegaw li l-eżenzjoni għandha l-għan li tħeġġeġ l-użu minflok ir-rimi f'miżbliet tal-fdalijiet. Dan kemm itejjeb l-impatt viżiv kif ukoll inaqqas il-bżonn li jiġu estratti materjali oħrajn biex jintużaw bħala aggregati.

(430)

Fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni osservat li l-ewwel nett jista' jkun hemm differenza bejn il-materjal eżentat u l-materjal mhux eżentat peress li l-materjali eżentati jikkostitwixxu l-fdal mill-estrazzjoni tal-faħam, il-linjite, il-lavanja, ix-shale u s-sustanzi elenkati fis-Sezzjoni 18(3). Huma prodott sekondarju inevitabbli ta' din l-estrazzjoni, li normalment ma jseħħx biex jiġu estratti għal fini ta' użu bħala aggregati iżda sabiex jiġu estratti l-materjali u s-sustanzi kkonċernati li (normalment) ma jintużawx bħala aggregati. Fuq din il-bażi, il-fdal tal-estrazzjoni tal-faħam, il-linjite, il-lavanja, ix-shale u s-sustanzi elenkati fis-Sezzjoni 18(3) ma jidhirx li huwa f'sitwazzjoni paragunabbli mal-aggregati ntaxxati fid-dawl tal-objettiv tal-AGL.

(431)

Madankollu, il-Kummissjoni kellha dubju fuq jekk din id-differenza hijiex biżżejjed biex jintwera li l-eżenzjoni mit-taxxa hija ġġustifikata mill-prinċipji li fuqhom hija msejsal-AGL. Qieset li d-differenza mill-aggregati ntaxxati hija ġġustifikata biss jekk l-eżenzjoni hija limitata għall-fdal inevitabbli tal-estrazzjoni ta' dawk is-sustanzi. Il-Kummissjoni qieset li dan huwa l-każ peress li l-eżenzjoni hija limitata għall-materjal li huwa 100 % magħmul mill-fdal mill-proċess ta' separazzjoni.

(432)

Il-Kummissjoni kellha dubju fuq id-differenza fis-sitwazzjoni bil-materjali eżentati meta mqabbla mal-materjali mhux eżentati li jseħħu bħala l-fdal tal-estrazzjoni tal-franka meta l-franka tiġi estratta biex tipproduċi l-ġir jew meta mqabbla mal-fdal mill-estrazzjoni tal-ġebel biex jipproduċi l-ġebel imqatta' b'wiċċ ċatt wieħed jew iktar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni xtarret jekk l-eżenzjoni tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-objettiv mogħti lill-AGL jekk, pereżempju, il-lavanja u x-shale jew kwalunkwe waħda mis-sustanzi l-oħrajn elenkati fis-Sezzjoni 18(3) jiġu estratti sabiex jintużaw bħala aggregati.

(433)

Il-Kummissjoni rċiviet kummenti estensivi mingħand il-partijiet interessati li huma ppreżentati fis-sezzjonijiet relevanti b'rabta mal-eżenzjonijiet għall-faħam, il-linjite, il-lavanja jew ix-shale.

5.6.4.1.    Kummenti riċevuti mill-Kummissjoni

(a)   Kummenti mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit

(434)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-eżenzjonijiet mill-AGL jagħmlu distinzjoni bejn materjali skart li jirriżultaw bħala l-prodott sekondarju mill-estrazzjoni ta' mineral mhux aggregat (bħal skart mill-estrazzjoni tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina), li huma eżentati, u materjali skart li huma l-prodott sekondarju mill-estrazzjoni ta' aggregat (bħal skart mill-franka), li għadhom soġġetti għat-taxxa.

(435)

Fir-rigward tal-fdal mill-estrazzjoni tal-faħam, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-prezz negliġibbli tal-fdal tax-shale u l-minjieri tal-ħaġar juri li ftit li xejn hemm x'jinċentivizza l-estrazzjoni ta' faħam addizzjonali sabiex jinkiseb iktar prodott sekondarju, kemm jekk dak il-prodott sekondarju huwa eżentat mill-imposta kif ukoll jekk le.

(436)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-eżenzjoni għall-iskart li jirriżulta mit-tqattigħ tal-lavanja ma twassalx għal iktar estrazzjoni tal-lavanja għall-fini ta' kisba tal-qxur tal-lavanja, b'mod partikolari għaliex il-produzzjoni tal-lavanja diġà tipproduċi kwantitajiet kbar ta' qxur bħala skart tal-lavanja, li madwar 10 % minnu biss jintuża bħalissa bħala aggregat u għaliex ma jkunx ekonomikament fattibbli li l-barriera titħaddem għal dan il-għan.

(437)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li d-distinzjoni bejn l-iskart tal-lavanja minn naħa u l-iskart tal-ġebel imqatta' u l-franka min-naħa l-oħra tirriżulta mill-objettiv ta' skoraġġiment ta' estrazzjoni addizzjonali ta' franka ġdida għal użu bħala aggregat filwaqt li ma tiskoraġġixxix il-produzzjoni ta' materjal mhux aggregat. Anki meta l-franka tiġi estratta għal skopijiet mhux ta' aggregat jew il-ġebel jiġi estratt biex jipproduċi ġebel imqatta', il-fdal li jinħoloq fl-istess ħin ikun qed jiġi estratt sabiex jintuża bħala aggregat u huwa adattat sew għal dak l-użu. It-tqattigħ mill-barrieri jiġġenera aggregati ta' kwalità għolja li xorta jkunu estratti biex jinbiegħu waħedhom, anki li kieku ma kien hemm ebda domanda lokali għall-ġir jew il-ġebel imqatta'. Jidher li dan mhuwiex ukoll minnu għal fdal mil-lavanja, shale, faħam, linjite, tafal u s-sustanza msemmija fis-Sezzjoni 18(3). L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li ma hemm ebda evidenza li hemm xi barriera li testratta lavanja, shale, faħam, linjite, tafal jew is-sustanzi tas-Sezzjoni 18(3) apposta biex tikseb il-fdal ħalli jintuża bħala aggregat. Barra minn hekk, skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-eżenzjoni ma tħeġġiġx li jsir iktar tqattigħ sabiex jinkiseb il-fdal ħalli jintuża bħala aggregati eżentati.

(438)

Madankollu, skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-eżenzjoni tal-fdal mill-estrazzjoni tal-franka (kemm jekk ser jintuża għal skop mhux bħala aggregat bħall-ġir) u tal-ġebel għall-ġebel imqatta' aktarx li tħeġġeġ iktar tqattigħ sabiex jinkiseb il-fdal li jintuża bħala aggregat eżentat. Dan għaliex il-fdal jikkonsisti fl-istess sustanza bħall-materjal ewlieni mqatta', għandu valur relattivament qrib il-prezz tal-materjal ewlieni, u huwa xieraq sabiex jintuża bħala materjal aggregat ta' kwalità għolja. L-eżenzjoni tat-tali materjali mit-taxxa aktarx li tħeġġeġ it-tqattigħ addizzjonali u tmur kontra l-loġika ambjentali tal-AGL.

(439)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li f'xi punt ikkunsidraw li jintroduċu eżenzjoni għall-iskart mill-produzzjoni ta' aggregati primarji jew mill-produzzjoni tal-aggregati ta' kwalità għolja. Madankollu, il-konsultazzjoni mal-industrija wriet li dan ma jkunx fattibbli peress li l-firxa ta' prodotti tal-barrieri tvarja wisq u dak li ċerti barrieri jqisu li huma aggregati ta' kwalità għolja jkun l-iskart prodott minn barrieri oħrajn. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li minbarra r-riskju sinifikanti ta' evitar tat-taxxa, anki l-għoti ta' eżenzjoni għal “skart” li jirriżulta mit-tqattigħ ta' aggregati jmur kontra l-loġika u l-għan ambjentali ġenerali tal-AGL. Fil-fatt, l-eżenzjoni tgħin biex jonqos il-prezz relattiv tal-aggregati ta' kwalità inferjuri, u b'hekk tonqos id-domanda u potenzjalment twassal għal żieda fit-tqattigħ ta' aggregati (u l-ħsara ambjentali assoċjata) fis-siti kkonċernati.

(440)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, barriera tal-lavanja tipproduċi prodotti arkitettoniċi ta' kwalità għolja li jinbiegħu għal iktar minn GBP 200 it-tunnellata. Madwar 5 % tal-lavanja estratta hija tajba għal dan il-għan minħabba l-formazzjoni ġeoloġika tal-lavanja u, b'hekk jiġi prodott ammont kbir ta' skart tal-lavanja. Dan l-iskart tal-lavanja tajjeb biex jinbiegħ għal ċerti skopijiet ta' aggregati, u sehem żgħir mill-iskart maħluq jinbiegħ għal bejn GBP 2 u GBP 8 it-tunnellata, bil-bqija mħallijin munzelli fil-barriera. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-ispiża tal-produzzjoni ta' kwalunkwe tunnellata prodott sabiex jintuża bħala aggregat hija ogħla minn operazzjoni tipika ta' tħaffir u blast tal-aggregati li jistgħu jwettqu l-barrieri tal-franka jew tal-granit peress li l-lavanja tittieħed wara bosta proċessi u titqandel bosta drabi qabel ma titfarrak. L-istrateġija ta' tqegħid fis-suq hija li jinkiseb l-ogħla valur possibbli tar-riżorsa għad-dispożizzjoni tagħha, biex b'hekk jiżdied ir-rendiment tal-materjal b'valur għoli.

5.6.4.2.    Valutazzjoni mill-Kummissjoni

(441)

Fil-Premessa 366 iktar 'il fuq, il-Kummissjoni diġà kkonkludiet li peress li ntwera bil-provi li x-shale ġie estratt apposta sabiex jintuża bħala aggregat tal-inqas minn barriera waħda, l-eżenzjoni tiegħu skont is-Sezzjoni 17(4)(a) tal-Att Finanzjarju tal-2001 mhijiex iġġustifikata mill-prinċipji li fuqhom hija msejsal-AGL.

(442)

Fil-Premessi 205, 333, 367 u 368 aktar 'il fuq, il-Kummissjoni diġà stabbilixxiet li l-faħam, il-linjite, il-lavanja u s-sustanzi elenkati fis-Sezzjoni 18(3) ma jistgħux jiġu u mhumiex estratti ġodda sabiex jintużaw bħala aggregat u b'hekk mhumiex fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-materjali ntaxxati.

(443)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni vvalutat id-differenza bejn dawn l-eżenzjonijiet u l-fdal mill-estrazzjoni tal-franka meta l-franka tiġi estratta sabiex jiġi prodott ġir jew meta mqabbla mal-fdal mill-estrazzjoni tal-ġebel sabiex jiġi prodott il-ġebel imqatta' b'wiċċ ċatt wieħed jew iktar fil-kuntest tal-istabbiliment tal-prinċipji sottostanti tal-AGL kif spjegat fil-Premessi 149 sa 158.

(444)

Fir-rigward tal-fdal mill-estrazzjoni tal-lavanja, li jista' jintuża bħala aggregat u jikkonsisti wkoll f'lavanja, il-Kummissjoni tosserva li ebda tqattigħ ta' lavanja ġdida ma jseħħ apposta biex jinkisbu dawn il-prodotti minħabba l-valur baxx tagħhom (ara l-Premessi 226 u 237 — 240). Il-fdal mill-estrazzjoni tal-lavanja jġib prezz tal-bejgħ ta' bejn GBP […] u GBP […] it-tunnellata. Prodotti tal-lavanja arkitettoniċi ta' kwalità għolja jidher li għandhom prezz tal-bejgħ li jibda minn GBP 200 it-tunnellata u li jitla' għal iktar minn GBP 1 000 it-tunnellata. Sehem żgħir biss mill-fdal mill-estrazzjoni tal-lavanja fil-fatt għandu suq u jinbiegħ, anki bl-eżenzjoni mill-AGL. Barra minn hekk, l-estrazzjoni tal-lavanja hija proċess li jiswa ħafna flus u li għalih jiġġarrbu iktar spejjeż milli fil-każ tat-tqattigħ mill-barrieri regolari. Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-ispiża tal-produzzjoni tal-fdal mil-lavanja tammonta għal GBP 5,7 sa GBP 6,5 it-tunnellata (Premessa 263). Dan juri li ma jagħmilx sens ekonomiku li testratta l-lavanja apposta biss biex tibbenefika mill-fdal eżentat mill-estrazzjoni tagħha. B'hekk, mhuwiex probabbli li l-eżenzjoni żżid l-estrazzjoni ta' materjal ġdid.

(445)

Barra minn hekk, bid-dħul tipiku tal-barrieri tal-lavanja, il-prodotti arkitettoniċi speċjalizzati, għad li huma 5 % biss mill-produzzjoni, iġibu dħul għall-barrieri li huma 2,54 sa 3,52 darbiet ogħla mid-dħul li jġib miegħu l-fdal mil-lavanja (ara l-Premessa 263).

(446)

Peress li l-fdal mill-estrazzjoni tal-lavanja jista' u, fil-fatt, jintuża bħala aggregati, jista' jiġi kkunsidrat li hu f'sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli bħal materjali ntaxxati oħrajn.

(447)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjoni mill-AGL għall-fdal mill-estrazzjoni tal-lavanja tirrappreżenta, l-ewwel nett, eżenzjoni għall-fdal mill-estrazzjoni ta' materjal li mhuwiex estratt ġdid għal użu bħala aggregati u, it-tieni, ma twassalx għat-tqattigħ ta' materjali ġodda addizzjonali, iżda tista' żżid l-użu bħala aggregat ta' materjal li kieku jintrema jew jitħalla fil-barriera bħala skart. B'hekk, din l-eżenzjoni hija ġġustifikata mill-objettiv ta' “bidla fid-domanda” tal-AGL.

(448)

L-istess japplika għall-fdal tal-faħam, il-linjite u tas-sustanzi fis-Sezzjoni 18(3) tal-Att Finanzjarju tal-2001 li la huma aggregati jew mhumiex estratti għal użu bħala aggregati.

(449)

L-ewwel nett, l-estrazzjoni tal-linjite ma tiġġenerax fdal. Skont l-informazzjoni mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-linjite nnifsu huwa prodott sekondarju mill-estrazzjoni tat-tafal tal-kawlina f'Devon. Id-depożiti tal-linjite fl-Irlanda ta' Fuq mhumiex użati.

(450)

It-tieni, kif issottomettew il-partijiet interessati u l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-fdal mill-estrazzjoni tal-faħam, li jista' jinkludi x-shale mhumiex tajbin biex jintużaw bħala aggregat, pereżempju l-fireclay, jew inkella ġeneralment jintremew u jiġu konsolidati. Ċertu fdal jew skart mill-estrazzjoni tal-faħam huwa tajjeb biex jintuża bħala aggregati u, b'hekk, jista' jieħu post aggregati estratti ġodda.

(451)

L-informazzjoni dwar il-prezzijiet fir-rigward tal-prezz tal-faħam (GBP 50) kontra l-prezz li bih jinbiegħ il-fdal tal-faħam (GBP 1 sa 2), meta jkun hemm domanda għat-tali prodotti, turi li l-eżenzjoni għall-fdal tal-faħam ma tistax twassal għal iktar faħam estratt sempliċiment biex jinkisbu l-materjali eżentati.

(452)

L-eżenzjoni mill-AGL għall-estrazzjoni tal-fdal tal-faħam tgħin sabiex jinkiseb l-ambitu ambjentali tal-AGL.

(453)

It-tielet, kif spjegat fis-Sezzjoni 5.6.2, is-sustanzi elenkati fis-Sezzjoni 18(3) tal-Att Finanzjarju tal-2001 mhumiex estratti apposta biex jintużaw bħala aggregati peress li l-parti l-kbira tagħhom mhumiex aggregati jew mhumiex tajbin biex jintużaw bħala aggregati. L-uniċi sustanzi tajbin biex jintużaw bħala aggregati ħfief huma l-perlit, il-ġebel pumiku u l-vermikulit li mhumiex estratti fir-Renju Unit. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tar-Renju Unit wrew li s-sustanzi elenkati fis-Sezzjoni 18(3) tal-Att Finanzjarju tal-2001 jew ma jiġġenerawx fdal li jista' jintuża bħala aggregati, huma stess huma fdal mill-estrazzjoni ta' xi ħaġa oħra, jew inkella ma għadhomx jiġu estratti. Għalhekk, l-eżenzjoni għall-fdal tas-sustanzi elenkati fis-Sezzjoni 18(3) tal-Att Finanzjarju tal-2001, jekk teżisti, ma tistax twassal għal iktar estrazzjoni tal-materjal ewlieni sabiex jinkiseb il-prodott aggregat eżentat.

(454)

Għalhekk, il-Kummissjoni issa tista' tikkonkludi li l-eżenzjoni tal-aggregati li tikkonsisti kompletament fil-fdal minn kwalunkwe proċess li bih il-faħam, il-linjite jew il-lavanja ġew separati minn ġebel ieħor wara li ġew estratti jew wara li nkisbu minn dik il-ġebla l-oħra jew tal-fdal minn kwalunkwe proċess li bih is-sustanzi fis-Sezzjoni 18(3) ġew separati minn ġebel ieħor wara li ġew estratti jew wara li nkisbu ma' dik il-ġebla l-oħra hija f'sitwazzjoni legali u fattwali differenti mill-materjali ntaxxati mill-AGL fid-dawl tal-objettiv tal-AGL.

(455)

Il-fdal mill-estrazzjoni tax-shale meta x-shale jiġi estratt apposta sabiex jintuża bħala aggregati huwa paragunabbli mal-fdal mill-estrazzjoni ta' kwalunkwe materjal intaxxat ieħor (pereżempju franka, granit u gritstone). Il-Kummissjoni tosserva li ftit li xejn irċiviet informazzjoni dwar l-ispiża tal-estrazzjoni tax-shale u l-prezz li jġib ix-shale meta jiġi estratt bħala prodott primarju ta' barriera. Irċiviet xi informazzjoni dwar il-prezzijiet għal shale li jintuża biex isiru l-brikks, ix-shale bħala prodott sekondarju ta' materjal ieħor jew ix-shale flimkien mat-tafal. Madankollu, il-fatt li ssir estrazzjoni deliberata tax-shale sabiex jintuża bħala aggregati (ara l-Premessi 350 u 351) jixħet dubju fuq il-kisba tal-iskop ambjentali tal-AGL mit-tali eżenzjoni kif iddikjarat il-Qorti Ġenerali (77).

(456)

Il-fdal minn kwalunkwe proċess li bih ix-shale jkun ġie separat minn ġebel ieħor xorta waħda jista' jintuża bħala aggregati. Il-possibbiltà li tbigħ fdal mill-estrazzjoni tax-shale għall-użu bħala aggregati eżentat mill-AGL tagħti inċentiv żejjed lill-produtturi tax-shale u, potenzjalment, tista' tħeġġeġ estrazzjoni ta' shale ġdid kif indikat il-Qorti Ġenerali (78). Bħala l-prodott ewlieni, f'ċerti każijiet jidher li x-shale jiġi estratt għal użu bħala aggregati apposta. Il-fdal mill-proċess ta' kisba tax-shale għandu potenzjal li jinbiegħ bħala aggregati wkoll. Għalhekk, ma hemm ebda garanzija li l-eżenzjoni għall-fdal tax-shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat ma twassalx għall-estrazzjoni ta' iktar shale ġdid, xi ħaġa li tmur kontra l-objettiv ambjentali tal-AGL.

(457)

Il-fdal mill-estrazzjoni tax-shale, meta x-shale jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regola ta' taxxa normali tal-AGL u mhuwiex f'sitwazzjoni fattwali u legali differenti mill-materjali ntaxxati skont l-AGL fid-dawl tal-objettiv ambjentali tal-AGL. Barra minn hekk, l-eżenzjoni għat-tali fdal ma tistax tiġi ġġustifikata mill-għamla u l-loġika tal-AGL kif muri hawn fuq fil-Premessa 456.

(458)

Fir-rigward tax-shale bħala fdal li jinstab fit-tqattigħ tax-shale għal użu mhux bħala aggregat (pereżempju biex isiru l-brikks), il-Kummissjoni tqis li — fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli — għad li huwa f'sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli bħal materjali ntaxxati oħrajn, ma jistax jintwera li l-eżenzjoni tat-tali fdal tista' twassal għal żieda fi tqattigħ ta' shale ġdid għal użu mhux bħala aggregati. Minħabba l-prezz relattivament baxx tax-shale bħala prodott sekondarju meta jinbiegħ biex jintuża bħala aggregati (GBP […] sa GBP 4,4 it-tunnellata inklużi l-ispejjeż tat-trasport), huwa ferm improbabbli li l-eżenzjoni għall-fdal mill-estrazzjoni tax-shale tista' twassal għal żieda fit-tqattigħ ta' shale. Żieda bħal din fit-tqattigħ ta' shale ġdid għal użu mhux bħala aggregat xorta ma tmurx kontra l-objettiv tal-AGL.

(459)

Il-produtturi tax-shale jridu juru x'użi sar mix-shale li pproduċew sabiex jitolbu eżenzjoni mill-AGL għall-fdal, jiġifieri jekk intużax b'mod kummerċjali għal użu bħala aggregati.

5.6.5.   AGGREGATI LI JIKKONSISTU PRIMARJAMENT, JEW LI HUMA PART IMINN KWALUNKWE ĦAĠA LI TIKKONSISTI PRIMARJAMENT, FIL-FDAL JEW L-ISKART MINN, JEW PRODOTTI SEKONDARJI TA' KWALUNKWE PROĊESS TA' KOMBUSTJONI INDUSTRIJALI JEW MIT-TIDWIB JEW L-IRFINAR TAL-METALL (SEZZJONI 17(4)(c) (i) U (ii))

(460)

Qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu indikaw li l-iskop primarju tal-proċess industrijali kkonċernat (eż. il-ġenerazzjoni bil-faħam tad-dawl, it-tidwib tal-minerali tal-ħadid biex jiġi prodott l-azzar) huwa li jipproduċi prodott li ma jintużax bħala aggregat. Il-fdal, l-iskart u l-prodotti sekondarji kkonċernati huma, pereżempju, gagazza industrijali (gagazza, gagazza tal-azzar tal-forn tal-ossiġenu bażiku, gagazza tal-azzar tal-forn tal-ark elettriku u rmied tal-kombustjoni).

(461)

L-iskop tal-eżenzjoni huwa li tħeġġeġ l-użu minflok ir-rimi fil-barrieri (bidla fid-domanda). Dan jipprovdi kemm l-impatt viżiv kif ukoll inaqqas il-bżonn li jitqatta' aggregat verġni.

(462)

Il-Kummissjoni kellha dubji fuq kemm l-applikazzjoni tal-eżenzjoni għall-materjali li primarjament (jiġifieri minn 50 % jew iktar) huma msawrin mill-fdal jew skart minn, jew prodotti sekondarji ta' kwalunkwe proċess ta' kombustjoni industrijali jew it-tidwib jew l-irfinar tal-metall xorta waħda tkun konformi mal-għamla u l-loġika tal-AGL.

(463)

Il-Kummissjoni rċiviet bosta kummenti mingħand il-partijiet interessati f'dan ir-rigward.

5.6.5.1.    Kummenti riċevuti mill-Kummissjoni

(a)   Kummenti riċevuti mingħand Mineral Products Association fit-2 ta' Jannar 2014

(464)

Il-Mineral Products Association tappoġġja l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ li dawn il-materjali mhumiex fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-materjal intaxxat. Il-ġustifikazzjoni hija ċara għal materjali li jikkonsistu kompletament fi fdal jew skart. Iżda għal materjali li jikkonsistu primarjament fi fdal jew skart, eżenzjoni tkun iġġustifikata biss jekk ikun hemm ammont żgħir ta' residwu ta' materjal ieħor imħallat mal-materjal eżentat.

(b)   Kummenti riċevuti mingħand QPANI fit-8 ta' Jannar 2014

(465)

Skont QPANI, hemm provvista importanti ta' materjali użati fi swieq tal-aggregati li huma l-prodott sekondarju tal-proċessi ta' kombustjoni industrijali jew it-tidwib jew l-irfinar ta' metall bħal gagazza tal-ħadid u tal-azzar u rmied tal-qiegħ tal-inċeneraturi. L-assoċjazzjoni tappoġġja l-konklużjoni fil-Premessa (124) li dawn il-materjali “mhumiex fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-materjal intaxxat fid-dawl tal-objettiv mogħti lill-AGL”. Hemm ġustifikazzjoni ċara għall-materjali li huma “kompletament” il-fdal jew l-iskart minn, jew il-prodotti sekondarji ta' dawn il-proċessi fil-punt ta' użu kummerċjali li ser jiġi eżentat mill-AGL.

(c)   Kummenti riċevuti mingħand il-BAA fis-17 ta' Jannar 2014

(466)

Il-BAA ssottomettiet ittra minn Hart Quarry, barriera tal-ġir agrikolu, li turi d-diffikultajiet li l-barriera sabet biex il-prodotti sekondarji tagħha jikkompetu mal-aggregati tal-gagazza mill-ħdim tal-azzar fl-inħawi. L-aggregati prodotti mill-barriera huma eżentati għad li l-impatt ambjentali tal-ħdim tal-azzar huwa ferm ogħla minn dak ta' Hart Quarry. L-AGL allegatament ma ħallietx lil Hart Quarry tikkompeti fis-swieq tal-aggregati. Skont il-BAA, il-barriera tbigħ il-ġir kollu li tipproduċi u l-ammont tal-aggregati prodotti bħala prodott sekondarju meta mqabbel mal-produzzjoni totali baqa' l-istess, la jistgħu jonqsu u lanqas jiżdiedu. Għalhekk, ma hemmx munzelli kbar ta' aggregati mhux mibjugħa li nġemgħu matul l-AGL. Allegatament, il-barriera ma tistax iżżid il-produzzjoni tal-ġir tagħha biex tissodisfa d-domanda tal-esportazzjonijiet dovuta għall-prodotti sekondarji mhux mibjugħa.

(d)   Informazzjoni supplimentari riċevuta mis-Sur Bird tal-BAA fl-10 ta' Frar 2014

(467)

Is-Sur Bird tiddikjara li l-aggregat tal-gagazza mhuwiex prodott ta' skart mill-industrija tal-manfiattura tal-azzar, iżda prodott sekondarju li jista' jintuża bħala aggregat. Is-Sur Bird żvela informazzjoni li tirreferi għall-gagazza mir-rapport finali tal-Competition Commission tar-Renju Unit fis-Swieq tal-Aggregati u s-Siment fir-Renju Unit. Skont is-Sur Bird, il-gagazza tista' titfarrak f'addittiv jew alternattiva għas-Siment Portland Ordinarju biex issir prodott importanti li tagħmel aggregat tal-aqwa klassi.

(e)   Kummenti tal-awtoritajiet tar-Renju Unit

(468)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-eżenzjoni rigward is-sustanzi kimiċi miżjudin fil-materjali li rriżultaw minn kwalunkwe proċess ta' kombustjoni industrijali jew it-tidwib jew l-irfinar tal-metall sabiex ikunu jistgħu jintużaw bħala aggregati.

(469)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, għal bosta raġunijiet, il-prodott sekondarju tal-proċessi ta' kombustjoni industrijali mhux dejjem ikun ta' kwalità adattata jew suffiċjenti waħedha biex jintuża bħala aggregat. Madankollu, jekk jiżdied materjal żejjed, dan jista' jtejjeb l-adegwatezza tiegħu għat-tali użu. Pereżempju, il-produzzjoni tal-azzar inossidabbli jipproduċi silikat tad-dikalċju mat-tkessiħ. Dik is-sustanza tibdel il-gagazza (imsejħa gagazza AOD (79)) fi trab, li tqajjem problemi ta' trabijiet li jagħmluha inadattata sabiex tintuża bħala aggregat tal-bini jew b'xi mod ieħor. Jekk il-produttur tal-azzar iżid is-sustanza kimika borat tetra tas-sodju anidru (Borax) mal-gagazza mdewba wara li tkun iddewbet fil-forn, is-sustaza kimika tistabbilizza l-gagazza. Iż-żieda tas-sustanza kimika tneħħi l-problema tat-trab u minħabba fiha l-gagazza stabbilizzata tifforma materjal tat-tip ta' ġebla kristallina li mbagħad jista' jsirlu proċess ta' rkupru tal-metall, tfarrik u tgħarbil u esponiment għall-kundizzjonijiet tat-temp u mbagħad ikun tajjeb għal ċerti użi bħala aggregat, eż. fit-tħejjija ta' materjali tal-asfalt.

(470)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jgħidu li ż-żieda ta' sustanza kimika mal-prodott sekondarju ta' proċess ta' kombustjoni industrijali ma trendix l-eżenzjoni inkonsistenti mal-objettiv tal-imposta, peress li l-materjal li jirriżulta mhuwiex aggregat taxxabbli.

5.6.5.2.    Valutazzjoni tal-Kummissjoni

(471)

Fil-Premessa (124) tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni diġà kkonkludiet li l-aggregati li jikkonsistu kompletament, jew li huma parti minn xi ħaġa li tikkonsisti primarjament, fil-fdal jew l-iskart minn, jew prodotti sekondarji ta' kwalunkwe proċess ta' kombustjoni industrijali jew mit-tidwib jew l-irfinar tal-metall (“prodotti sekondarji tal-proċessi ta' kombustjoni industrijali jew mit-tidwib jew l-irfinar tal-metall”) mhumiex fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-materjal intaxxat fid-dawl tal-objettiv mogħti lill-AGL.

(472)

Kemm l-awtoritajiet tar-Renju Unit kif ukoll il-Mineral Products Association urew li l-aggregati li jikkonsistu primarjament fi prodotti sekondarji tal-proċessi ta' kombustjoni industrijali jew mit-tidwib jew l-irfinar tal-metall mhumiex fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-materjal intaxxat fid-dawl tal-objettiv assenjat lill-AGL.

(473)

Tabilħaqq, il-Kummissjoni rċiviet sottomissjonijiet li juru li l-prodotti sekondarji tal-proċessi ta' kombustjoni industrijali jew mit-tidwib jew l-irfinar tal-metall għandhom valur għoli bħala aggregati u bosta użi. Il-BAA ssottomettiet l-eżempju ta' barriera tal-franka li primarjament tipproduċi ġir agrikolu, iżda li tinsab f'kompetizzjoni ma' prodotti sekondarji ta' proċessi tal-kombustjoni industrijali jew mit-tidwib jew l-irfinar tal-metall fis-suq tal-prodotti sekondarji tagħhom, jiġifieri aggregati tal-franka. Dan juri li l-eżenzjoni għall-prodotti sekondarji tal-proċessi ta' kombustjoni industrijali jew mit-tidwib jew l-irfinar tal-metall hija saħansitra ġġustifikata iktar, peress li prodott sekondarju inevitabbli bħal dan, fil-fatt qiegħed jieħu post aggregati estratti ġodda oħrajn bħal aggregati tal-franka.

(474)

Il-Kummissjoni diġà indirizzat id-differenza bejn il-prodotti sekondarji mill-estrazzjoni tal-franka għall-produzzjoni tal-ġir agrikolu u l-prodotti sekondarji eżentati ta' proċessi mhux aggregati fil-Premessi 151 sa 158.

(475)

Il-BAA tiddikjara li l-prodotti sekondarji tal-proċessi ta' kombustjoni industrijali jew mit-tidwib jew l-irfinar tal-metall ma għandhomx jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-AGL peress li l-impatt ambjentali mill-ħdim tal-azzar huwa ferm ogħla minn dak tal-estrazzjoni tal-aggregati. Dan jista' jkun il-każ. Madankollu, il-ħdim tal-azzar huwa proċess li mhuwiex marbut mal-AGL. L-eżenzjoni għall-prodotti sekondarji tal-proċessi ta' kombustjoni industrijali jew mit-tidwib jew l-irfinar tal-metall isservi sempliċiment għall-bejgħ ta' dawn bħala aggregati sabiex ma jkunx hemm għalfejn jiġu estratti materjali ġodda għal użu bħala aggregati.

(476)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-kummenti riċevuti ma jikkostitwixxux raġuni li jwasslu sabiex tibdel il-valutazzjoni inizjali tagħha fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ (Premessa 124).

(477)

B'rabta mal-eżenzjoni li testendi għal materjal li primarjament, iżda mhux kompletament, huwa l-prodott sekondarju tal-proċess ta' kombustjoni industrijali jew tidwib/irfinar tal-metall, l-awtoritajiet tar-Renju Unit spjegaw li s-sustanzi kimiċi addizzjonali kultant huma meħtieġa sabiex jiġi stabbilizzat il-materjal li jrendih tajjeb sabiex jintuża bħala aggregat.

(478)

Il-Kummissjoni tosserva li d-Direttiva dwar l-Iskart mill-Industriji ta' Estrazzjoni (Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (80)) tiddeskrivi fl-Artikolu 3.3 “skart inerti” bħala skart li ma jsirlux trasformazzjonijiet fiżiċi, kimiċi jew bijoloġiċi importanti u għalhekk ma għandux jinvolvi riskji ta' tniġġis. L-eżempju pprovdut mill-awtoritajiet tar-Renju Unit (fil-Premessa 469) li jinvolvi l-użu ta' “Borax” jista' jiġi interpretat bħala marbut ma' eżempju ta' sustanza kimika addizzjonali li tista' żżid ir-riskju ta' tniġġis, skont l-ammonti użati, il-konċentrazzjoni tagħha u ż-żoni (ħamrija, korp tal-ilma, eċċ.) affettwati. Minkejja dan, l-użu ta' Borax ma jaqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(479)

Il-Mineral Products Association ipproponiet li meta l-materjali jitħalltu ma' materjali li huma soġġetti għall-imposta, it-taxxa dovuta għandha tkun proporzjonata għall-ammont ta' materjal taxxabbli fit-taħlita. Peress li l-AGL hija strutturata, dan diġà huwa l-każ. Il-materjal aggregat li “tħallat ma' materjal ieħor li mhuwiex l-ilma” jitqies li ntuża b'mod kummerċjali, u b'hekk, diġà jkun soġġett għall-imposta (Sezzjoni 19(1)(d) tal-Att).

(480)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjoni tas-Sezzjoni 17(4)(c)(i) u (ii) tal-Att taqa' taħt il-prinċipji li fuqhom hija msejsal-AGL u ma tikkostitwixxix vantaġġ selettiv.

5.6.6.   EŻENZJONI GĦAL MATERJAL LI JIKKONSISTI PRIMARJAMENT JEW KOMPLETAMENT F'TAFAL (SEZZJONI 17(4)(f))

(481)

Rigward it-tafal, qabel ma ġiet adottata d-Deċiżjoni ta' Ftuħ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu spjegaw li minħabba l-proprjetajiet tal-plastik tiegħu, is-soltu t-tafal ma jitqiesx ġebla. L-eżenzjoni tiċċara dan u tevita l-bżonn li tiġi identifikata u tintalab l-AGL fuq kwalunkwe ramel jew ġebel li jseħħ b'mod naturali flimkien mat-tafal.

(482)

Madankollu, il-Kummissjoni osservat li, f'termini ġeoloġiċi, it-tafal jitqies ġebla u li jista' jintuża bħala aggregat (81). Safejn materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'tafal ġie estratt sabiex jintuża bħala aggregat, ma kkunsidratx li kien ċar kif tista' tiġi ġġustifikata l-eżenzjoni fuq il-bażi tal-prinċipji ta' taxxa normali jew kemm jista' jitqies f'sitwazzjoni differenti mill-materjali ntaxxati fid-dawl tal-objettiv tal-AGL.

(483)

Il-Kummissjoni rċiviet il-kummenti li ġejjin mingħand il-BAA.

5.6.6.1.    Kummenti riċevuti mill-Kummissjoni

(a)   Kummenti riċevuti mingħand il-BAA fil-15 ta' Settembru 2014

(484)

Il-BAA tiddikjara li t-tafal jista' jintuża bħala aggregat mingħajr ma jkun fiżikament jew kimikament mibdul. Tiddikjara li t-tafal jaqa' taħt id-definizzjoni ta' aggregat ipprovduta mid-Deċiżjoni ta' Ftuħ. Jista' jintuża għal għadd ta' użi bħala aggregat inkluż mili għall-bini. Il-BAA tipprovdi kapitolu ta' ktieb fir-rigward tal-użi tat-tafal fl-inġinerija ċivili u fil-bini. Skont il-BAA, it-tafal jintuża wkoll fi kwantitajiet kbar mill-UK Highways Agency għal xogħlijiet fuq awtostradi. Il-BAA tiddikjara li dan huwa użu għal skopijiet bħala aggregati. It-tafal jaqa' f'waħda mill-kategoriji ta' materjali aċċettabbli pprovduti minn Specification for Highway Works in the United Kingdom. Jista' jintuża bħala mili koeżiv għal xogħlijiet fuq awtostradi. Il-BAA tat eżempji ta' barrieri li allegatament jestrattaw tafal tajjeb għal xogħol fuq awtostradi. Barra minn hekk, it-tafal huwa tajjeb għal użi speċifiċi bħala aggregati li għalihom ġebel ieħor mhuwiex tajjeb, eż. kisi u għeluq ta' miżbliet u għeluq ta' għadajjar u kanali.

(485)

Il-BAA pprovdiet lista ta' tmien barrieri li, allegatament, jestrattaw it-tafal għal użu bħala aggregati. Il-lista hija estratta mid-Directory of Mines and Quarries 2010 tal-BGS. Barra minn hekk, il-BAA pprovdiet eżempji ta' żewġ barrieri li jestrattaw tafal tajjeb għall-ħitan mill-baħar/difiża kontra l-għargħar, proġetti tal-inġinerija, kisi ta' miżbliet, għeluq ta' għadajjar, materjal għall-mili u reklamazzjoni tal-art, li lkoll, suppost, huma użi bħala aggregati. Il-materjal estratt jaqa' wkoll fil-kategorija ta' materjal koeżiv li huwa tajjeb għal xogħlijiet fuq awtostradi. Il-BAA tipprovdi wkoll eżempju tal-użu tat-tafal minn waħda mill-barrieri għall-bini ta' triq.

(486)

Għalhekk, il-BAA tiddikjara li hemm għadd ta' barrieri li jipproduċu u jbigħu tafal għal użu bħala aggregati u mhux biss għal proċessi taċ-ċeramika. Skont il-BAA, hemm anki għadd ta' barrieri fejn it-tafal huwa inkorporat ma' materjali oħrajn li minnhom il-materjal li jikkonsisti primarjament f'tafal ikun eżentat.

(b)   Kummenti mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit

(487)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li t-tafal mill-ewwel jingħaraf minn tipi oħrajn ta' ġebel sedimentari mitħun fin ħafna minħabba l-plastiċità u l-ħila tiegħu li jinqata' u jiġi fformat b'sikkina jew kazzola (definizzjoni fir-Rapport (82)). Dawn il-proprjetajiet tal-plastik tat-tafal jagħmluh inadatt għal ħafna mill-iskopijiet ta' aggregati għaliex jintefaħ hu u jassorbi l-ilma u jinqasam meta jinxef.

(488)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, ħafna mit-tafal huwa artab u mhux granulari u mingħajr trasformazzjoni kimika jew fiżika tajjeb biss biex jintuża bħala mili f'ċaqliq tat-terrapien jew tal-ħamrija, eż. għeluq ta' miżbla u difiżi kontra l-għargħar. Ġeneralment it-tafal ma jintużax għall-mili tas-sisien taħt il-bini minħabba li mhuwiex b'saħħtu, il-kompressibbiltà u s-suxxettibbiltà tiegħu li jiċkien u jintefaħ hija ferm probabbli li tikkaġuna ċaqliq tal-bini lil hinn mil-limiti permessibbli tiegħu, u b'hekk ifeġġu qasmiet u jispiċċa jċedi. Aggregat iebes u granulari huwa ppreferut għal dan il-għan għaliex jifforma pjattaforma ferm iktar stabbli għall-bini. B'hekk, tafal mhux ittrattat ġeneralment jitqies li mhuwiex xieraq għal “użu tipiku bħala aggregat” (bħal mili tal-pedamenti għall-bini, manifattura tal-konkrit, metall tat-triq jew tajn). Dawn l-użi jifformaw il-maġġor parti assoluta tal-produzzjoni fir-Renju Unit. L-“użu aggregat tipiku” kważi dejjem jeħtieġ materjal granulari iebes — is-soltu ramel, żrar u/jew ġebel iebes imfarrak bħal franka, ġebel ignew jew ġebel ramli, jew materjal granulari riċiklat minn skart tat-tiġrif jew ippjanar tat-toroq. L-uniċi ċirkustanzi li fihom it-tafal jista' jintuża għal “użu aggregat tipiku” huma meta t-tafal ikun sar perlit u jissaħħan għal iktar minn 1 000 °C fi proċess industrijali biex jifforma pelit iebes ħafif li jista' jintuża bħala aggregat granulari fil-konkrit għal ċerti applikazzjonijiet speċjalizzati iżda żgħar. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li ma rnexxielhomx jidentifikaw xi barriera fejn jista' jingħad li t-tafal jiġi estratt apposta sabiex jintuża bħala aggregat.

(489)

Madankollu, skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-proprjetajiet tat-tafal jagħmluh tajjeb għal applikazzjonijiet mhux aggregati fejn it-tafal jibqa' idratat u l-impermeabilità tiegħu għall-ilma hija rekwiżit importanti. L-Awtoritajiet tar-Renju Unit ma jqisux li l-għeluq u l-mili tal-miżbliet jużaw materjal bħala aggregat — mhijiex il-kwantità tal-materjal li hija meħtieġa, iżda l-impermeabilità għall-ilma u l-lissiji. Użi speċjalizzati tat-tafal jinkludu għeluq ta' miżbliet, għeluq ta' passaġġi tal-ilma u lagi jew għadajjar u difiżi mill-baħar. Tafal użat għal dan il-għan mhuwiex użu aggregat; minflok ma jintuża bħala mili bi kwantità meta jkunu meħtieġa proprjetajiet ibsin u granulari tal-materjal, it-tafal — li la hu iebes u lanqas granulari — jintuża biex joħloq ħajt li fih il-likwidu li jgħaddi huwa ristrett.

(490)

Bħala tweġiba għall-osservazzjoni tal-BAA li t-tafal jista' jintuża għal xogħlijiet fuq toroq, l-awtoritajiet tar-Renju Unit josservaw li l-Highways Agency għarrfet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar l-użi tat-tafal. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li tafal skavat mis-sit ta' proġett ta' bini ta' triq jista' jintuża, minħabba l-permeabilità tiegħu għal ċaqliq tat-terrapien jew ħamrija bl-ingrossa bħal mili u bini ta' imbankmenti fejn ma jkollux bżonn jiġi ttrasportat (jiġifieri t-tafal ma jitqattax apposta, huwa prodott sekondarju tal-bini tat-triq). It-tafal jista' jiġi ttrattat b'ġir jew siment biex titjieb il-kapaċità ta' felħan ta' traffiku tiegħu. Jista' jintuża fl-għeluq ta' kanali tad-drenaġġ (fejn il-permeabilità tiegħu hija importanti) jew bħala mili ta' fetħiet għal strutturi żgħar fejn ma jkunx hemm bżonn li jiflaħ għal toqol kbir. L-awtoritajiet tar-Renju Unit josservaw li tafal żejjed skavat minn postijiet fejn isiru x-xogħlijiet fuq it-toroq jista' jintbagħat f'miżbla bħala skart u, kultant, korpi kummerċjali jistgħu jittrattaw it-tafal bis-sħana biex jipproduċu aggregati ħfief għall-bini ta' toroq.

(491)

Filwaqt li kkwotaw il-Highways Agency, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jispjegaw li l-materjali ta' ċaqliq tat-terrapien jew ħamrija huma maqsumin f'kategoriji granulari (klassi 1) u koeżivi (klassi 2). Il-kategoriji granulari huma aggregati — materjali użati biex jiġi pprovdut mili stabbli u bl-ingrossa. Materjali koeżivi mhumiex aggregati, iżda jinvolvu materjali b'qies iżgħar tal-partikuli, li jġibu ruħhom b'mod koeżiv, jiġifieri jwaħħlu u għandhom permeabilità limitata għall-ilma.

(492)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, it-tafal jista' jintuża biss bħala materjal granulari jekk jiġi ttrattat bis-sħana u jsir pelit. Madankollu, jista' jintuża bħala materjal koeżiv mingħajr trattament bis-sħana. F'dawn l-użi, it-tafal ma jistax jiġi sostitwit minn materjali aggregati, eż. granit jew franka mfarrkin, peress li dawn huma materjali granulari. It-tafal jista' jiġi sostitwit minn irmied tal-fjuwil pulverizzat (eż. minn impjanti ta' produzzjoni tal-enerġija bil-faħam) peress li anki dan għandu proprjetajiet koeżivi.

(493)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, għall-kuntrarju tat-tafal, armour rock għad-difiżi tal-baħar huwa fformat mill-aggregat. Dan huwa rwol li jipprovdi l-ingrossa li bih, il-proprjetajiet ibsin u granulari tal-biċċiet irregolari mhux maqtugħin tal-ġebel jifformaw materjal stabbli li jipproteġi lill-art ratba mill-erożjoni mill-baħar. Id-difiżi mill-baħar tar-rock armour huma ferm differenti mill-użu tat-tafal fid-difiżi kontra l-għargħar; l-armour rock jirreżisti l-erożjoni kkaġunata mill-ilma minflok ma jkun fih l-ilma billi jkun impermeabbli għalih. Ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni tiddependi mis-severità tal-ambjent marittimu, iżda d-densità u l-valur ta' abrażjoni tal-aggregati huma proprjetajiet importanti.

(494)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li ma hemm ebda evidenza ċara, inkluż fil-materjal identifikat mill-Kummissjoni jew fil-materjal li l-BAA ssottomettiet lill-Qorti Ġenerali, li turi li t-tafal qed jiġi estratt biex jintuża bħala aggregat fir-Renju Unit. Il-fehma tal-Qorti Ġenerali kienet ikkwalifikata b'mod espliċitu bħala waħda “bla ħsara għal prova kuntrarja” (ara l-paragrafi 86-91 tas-sentenza tagħha f'T-210/02 RENV). L-awtoritajiet tar-Renju Unit investigaw is-suġġerimenti sottomessi mill-BAA fir-rigward tal-barrieri li allegatament kienu qed jużaw tafal biss għall-aggregati u kkonkludew li dan mhuwiex il-każ. L-informazzjoni estratta mir-rekords tat-taxxa kunfidenzjali ġiet ipprovduta lill-Kummissjoni.

(495)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit kkuntattjaw barriera li l-BAA ddikjarat li użat it-tafal tagħha għall-bini ta' triq. Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-barriera spjegat li t-tafal jintuża għall-bini ta' toroq bħala saff mhux permeabbli stabbli biex it-triq tittella' f'livell ogħla mill-pjan tal-għargħar li fuqu jitqiegħdu l-aggregat tal-ġebel u t-tarmak. Ma jintużax minflok aggregat tal-ġebel peress li ma jkunx tajjeb għal dan bla trattament

(496)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-karatteristiċi materjali u l-valur tat-tafal jagħmlu l-estrazzjoni tiegħu għall-użu bħala aggregati improbabbli b'mod inerenti.

(497)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, tafal, ħamrija jew materja organika li jseħħu b'mod naturali ma għandhomx purità ta' 100 %. Għalhekk, fid-definizzjoni tal-materjali ta' tafal, ħamrija, ħaxix jew materja organika oħra bħala eżentati mill-imposta fuq l-aggregat, kien hemm bżonn li jiġi pprovdut għal materjali li primarjament huma msawrin minn dawn il-materjali.

5.6.6.2.    Valutazzjoni mill-Kummissjoni

(498)

Il-partijiet interessati u l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma jaqblux dwar l-użu tat-tafal bħala aggregat. Jekk it-tali użu jista' jiġi stabbilit biss it-tafal ikun f'sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli ma' dik tal-materjali ntaxxati.

(499)

It-tafal huwa distint minn materjali oħrajn minħabba l-proprjetajiet tiegħu ta' plastiċità, ħila li jinqata' u jiġi fformat b'sikkina jew kazzola u n-nonpermeabilità tiegħu, li minħabba din mhuwiex tajjeb għal ħafna skopijiet ta' aggregati għaliex jintefaħ hu u jassorbi l-ilma u jinqasam meta jinxef.

(500)

Il-BAA ddikjarat li l-użi tat-tafal għall-għeluq ta' miżbliet, difiżi kontra l-għargħar u bħala materjal koeżiv għax-xogħlijiet fuq it-toroq huma użi aggregati. Madankollu, l-awtoritajiet tar-Renju Unit isemmu li dawn mhumiex użi aggregati tat-tafal. Peress li dawn l-użi kollha huma bbażati fuq il-kwalitajiet speċifiċi ta' nonpermeabilità u plastiċità tat-tafal u mhux fuq il-kwantità tal-materjal, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet tar-Renju Unit huma intitolati li jaraw it-tafal użat għall-għeluq ta' miżbliet, difiżi kontra l-għargħar u bħala materjal koeżiv għax-xogħlijiet fuq it-toroq bħala użu mhux aggregat.

(501)

Il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jaċċessaw rekords tat-taxxa kunfidenzjali rigward it-tmien barrieri tat-tafal li l-BAA ssottomettiet li jestrattaw it-tafal għal użu bħala aggregati. L-informazzjoni li rċiviet il-Kummissjoni mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit juru li l-ebda waħda minn dawn il-barrieri ma jużaw it-tafal għal użu bħala aggregati. Uħud mis-siti lanqas ma kienu barrieri, iżda miżbliet.

(502)

Skont l-informazzjoni li rċiviet, il-Kummissjoni tosserva li t-tafal mhuwiex estratt biex jintuża bħala aggregat. Ma jintużax għal skopijiet ta' aggregat u ma jistax jintuża għal skopijiet ta' aggregat sakemm ma jkunx soġġett għal trasformazzjonijiet fiżiċi, jiġifieri jsir pelit u jissaħħan għal iktar minn 1 000 °C fi proċess industrijali biex jifforma pelit iebes ħafif.

(503)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tafal ma jistax jintuża u mhuwiex estratt biex jintuża bħal aggregat u, b'hekk, huwa f'sitwazzjoni legali u fattwali differenti mill-materjali taxxabbli fid-dawl tar-regola ta' taxxa normali tal-AGL

(504)

Barra minn hekk, peress li t-tafal ma għandux purità ta' 100 %, il-materjal li jikkonsisti primarjament f'tafal huwa f'sitwazzjoni legali u fattwali differenti wkoll mill-materjali taxxabbli fid-dawl tar-regola ta' taxxa normali tal-AGL.

5.7.   KONKLUŻJONI DWAR IS-SELETTIVITÀ

(505)

Fuq il-bażi ta' dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li (i) materjal li jikkonsisti primarjament jew kompletament f'shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ġodda ntaxxati oħrajn, u (ii) fdal tax-shale estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, huma fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħall-aggregati ntaxxati fid-dawl tar-regola ta' taxxa normali u l-objettiv tal-AGL u l-eżenzjonijiet għat-tali materjali ma jistgħux jiġu spjegati bl-għamla u l-loġika tal-AGL. Għalhekk, dawn l-eżenzjonijiet huma selettivi.

(506)

Il-Kummissjoni tikkonkludi wkoll li l-eżenzjonijiet mit-taxxa, l-esklużjonijiet mit-taxxa u l-ħelsien mit-taxxa stabbiliti fis-Sezzjonijiet 17(3)(e), 17(3)(f)(i) u (ii) (ħlief għal fdal tax-shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat), is-Sezzjoni 17(4)(a) (ħlief għal materjal li jikkonsisti primarjament jew kompletament f'shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ġodda ntaxxati oħrajn), is-Sezzjoni 17(4)(c)(i) u (ii), 17(4)(f) (f'dak li għandu x'jaqsam mat-tafal), 18(2)(b) u 30(1)(b) (diment li jkun marbut ma' proċess eżentat skont it-tifsira tas-Sezzjoni 18(2)(b)) tal-Att Finanzjarju tal-2001, kif emendat mill-Att Finanzjarju tal-2002 u l-Att Finanzjarju tal-2007 rigward materjali li mhumiex fl-istess sitwazzjoni fattwali u legali bħall-materjal taxxabbli fid-dawl tal-objettiv tal-AGL u, b'hekk, mhumiex selettivi.

5.8.   VANTAĠĠ

(507)

Bl-għoti tal-eżenzjoniiet għal (i) materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ġodda ntaxxati oħrajn, u (ii) fdal tax-shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, minflok ma jintaxxahom, ir-Renju Unit qed jitlef ir-riżorsi u jipprovdi lill-benefiċjarji b'dawn l-eżenzjonijiet minn miżata li normalment ikollhom iħallsu. Għalhekk, il-miżura tinvolvi vantaġġ selettiv għall-benefiċjarji tal-eżenzjonijiet għal (i) materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ġodda ntaxxati oħrajn, u (ii) fdal tax-shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat.

5.9.   RIŻORSI TAL-ISTAT U IMPUTABBILTÀ LILL-ISTAT

(508)

Il-miżura hija ffinanzjata minn riżorsi tal-Istat peress li l-Istat qed jitlef riżorsi. Il-miżura hija imputabbli lill-Istat ukoll peress li ġiet stabbilita permezz ta' leġiżlazzjoni.

5.10.   TGĦAWWIĠ TAL-KOMPETIZZJONI U EFFETT FUQ IL-KUMMERĊ

(509)

Hemm kummerċ bejn l-Istati Membri fis-settur tal-aggregati u l-produtturi tal-aggregati eżentati jikkompetu ma' produtturi oħrajn tal-aggregati. Il-Kummissjoni rċiviet ukoll sottomissjoni estensiva dwar it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni kkaġunat mill-eżenzjonijiet mill-AGL. Barra minn hekk, ir-Renju Unit għandu fruntiera naturali fuq l-art mar-Repubblika tal-Irlanda u l-kummerċ tal-aggregati fuq din il-fruntiera huma estensivi (83).

(510)

Għalhekk, l-eżenzjonijiet mill-AGL għal (i) materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ġodda ntaxxati oħrajn, u (ii) fdal tax-shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni u jkollhom effett fuq il-kummerċ.

5.11.   KONKLUŻJONI DWAR L-EŻISTENZA TA' GĦAJNUNA

(511)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjonijiet mill-AGL għal (i) materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ġodda ntaxxati oħrajn, u (ii) fdal tax-shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

(512)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjonijiet mit-taxxa, l-esklużjonijiet mit-taxxa u l-ħelsien mit-taxxa stabbiliti fis-Sezzjonijiet 17(3)(e), 17(3)(f)(i) u (ii) (ħlief għal fdal tax-shale estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat), is-Sezzjoni 17(4)(a) (ħlief għal materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ġodda ntaxxati oħrajn), is-Sezzjoni 17(4)(c)(i) u (ii), 17(4)(f) (f'dak li għandu x'jaqsam mat-tafal), 18(2)(b) u 30(1)(b) (diment li jkun marbut ma' proċess eżentat skont it-tifsira tas-Sezzjoni 18(2)(b)) tal-Att Finanzjarju tal-2001, kif emendat mill-Att Finanzjarju tal-2002 u l-Att Finanzjarju tal-2007, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

6.   LEGALITÀ TAL-GĦAJNUNA

(513)

Għad li l-AGL ġiet notifikata mill-awtoritajiet tar-Renju Unit qabel ma ddaħħlet fis-seħħ, ir-Renju Unit ma rrispettax il-klawżola ta' sospensjoni tal-Artikolu 108(3) peress li l-AGL daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2002 qabel ma l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha fl-24 ta' April 2002 li ma tqajjimx oġġezzjonijiet. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ġiet ikkontestata fil-ħin u eventwalment tħassret mill-Qorti Ġenerali fis-7 ta' Marzu 2012 (T-210/02 RENV). B'hekk, dik id-deċiżjoni trid tiġi kkunsidrata nulla u bla effett fir-rigward tal-persuni kollha mid-data tal-adozzjoni tagħha. Għalhekk, peress li l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni waqqaf, b'mod retroattiv, il-presuppożizzjoni dwar il-legalità tagħha, l-implimentazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni mill-1 ta' April 2002 trid titqies bħala illegali (84). Skont il-ġurisprudenza, il-benefiċjarji tal-għajnuna ma jistgħux ma jistax ikollhom aspettattivi leġittimi dwar il-legalità tal-implimentazzjoni tal-għajnuna, peress li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjem ebda oġġezzjoni għall-miżura ġiet ikkontestata fil-ħin quddiem il-Qorti Ġenerali (85).

7.   VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

7.1.   BAŻI LEGALI

(514)

Minħabba l-iskop ambjentali tal-AGL, il-Kummissjoni kienet eżaminat fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-eżenzjonijiet u l-ħelsien mill-AGL skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE u fid-dawl tal-Linji Gwida dwar l-għanuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent.

(515)

Kif intqal fil-Premessa 513 iktar 'il fuq, ir-riżultat tal-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni huwa li l-għajnuna trid titqies illegali. Skont l-avviż tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta' għajnuna illegali mill-Istat (86), il-paragrafu 82 tal-EAG tal-2001 u l-paragrafu 205 tal-EAG tal-2008, il-Kummissjoni kienet ivvalutat il-kompatibbiltà tal-eżenzjonijiet u l-ħelsien mit-taxxa skont l-EAG tal-2001 diment li ġew applikati bejn l-1 ta' April 2002 u l-31 ta' Marzu 2008 u skont l-EAG tal-2008 diment li ġew applikati mit-2 ta' April 2008 u sal-31 ta' Marzu 2014, id-data tas-sospensjoni tal-eżenzjonijiet.

(516)

Il-Kummissjoni rċiviet kummenti mingħand il-BAA u l-argumenti tal-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward il-kompatibbiltà tal-eżenzjonijiet tal-AGL. Il-Kummissjoni ser tippreżenta u tindirizza biss il-kummenti marbutin mal-eżenzjonijiet mill-AGL għal shale u prodotti li jikkonsistu primarjament f'shale meta użati bħala aggregat u fdal tax-shale meta estratt flimkien max-shale li jintuża bħala aggregat.

(517)

Ta' min isemmi li kemm il-kummenti tal-BAA kif ukoll l-argumenti sottomessi mill-awtoritajiet tar-Renju Unit huma relatati l-iktar mal-eżenzjonijiet kollha jew uħud minnhom li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni qajmet dubji fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ u hemm xi argumenti speċifiċi relatati b'mod esklussiv max-shale.

(518)

Barra minn hekk, is-sottomissjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit hija marbuta mas-suppożizzjoni li x-shale mhuwiex estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregati u ma pprovdew ebda raġunijiet ta' kompatibbiltà speċifiċi għas-sitwazzjoni inkwistjoni li fiha l-Kummissjoni sabet li hemm każijiet li fihom ix-shale jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregati.

7.1.1   KUMMENTI RIĊEVUTI MILL-KUMMISSJONI

(a)   Kummenti riċevuti mingħand il-baa fis-17 ta' Jannar 2014

(519)

Il-BAA tqis li l-eżenzjonijiet, l-esklużjonijiet u l-ħelsien mit-taxxa mill-AGL ma jistgħux jitqiesu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) TFUE u l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali u tipprovdi kummenti f'dan ir-rigward. Jiddikjaraw li l-applikazzjoni ta' dawn l-eżenzjonijiet tmur kontra l-objettiv ambjentali tal-AGL, jiġifieri l-bidla tad-domanda favur sorsi ta' aggregati alternattivi.

(520)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li ebda waħda mill-eżenzjonijiet investigati ma hija marbuta mal-materjal li huwa estratt apposta biex jintuża bħala aggregat. Jiddikjaraw li l-eżenzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni xeħtet dubji fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ jestendu biss għal materjali li jirriżultaw b'mod mhux intenzjonat u inevitabbli matul l-estrazzjoni mhux ta' aggregati. Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, ma sabu ebda evidenza li l-materjali eżentati qed jiġu estratti apposta biex jintużaw bħala aggregati.

(521)

Fil-fehma tal-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-użu ta' prodott sekondarju jew skart mhux intenzjonat bħala aggregat huwa aħjar għall-ambjent meta mqabbel mat-tqattigħ ta' iktar aggregat. Jiddikjaraw li l-eżenzjonijiet mhumiex għajnuna mill-Istat. Kull eżenzjoni investigata twassal għal titjib fil-ħarsien tal-ambjent f'tal-inqas wieħed minn dawn iż-żewġ modi li ġejjin:

i.

L-eżenzjoni tgħin biex tbiegħed id-domanda lil hinn minn iktar tqattigħ ta' aggregati; u/jew

ii.

L-eżenzjoni tgħin biex jonqos il-ġmigħ ta' skart.

(522)

Ir-Renju Unit jiddikjara li jekk xi waħda mill-eżenzjonijiet investigati twassal għal għajnuna mill-Istat, dik l-għajnuna xorta hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c), inkluż fid-dawl tal-Linji Gwida tal-2001 u l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna Ambjentali tal-2008 u/jew fuq il-bażi tal-applikazzjoni diretta tal-Artikoli 107(3)(b) jew (c) tat-TFUE.

(523)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-eżenzjonijiet għall-AGL jaqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni strett tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuuna mill-Istat u li l-kompatibbiltà tagħhom trid tiġi vvalutata skont l-Artikoli 107(3)(b) jew (c) TFUE. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jikkwotaw il-kawża N 629/2008 b'rabta mal-iskema ta' impenn ta' tnaqqis tal-karbonju tar-Renju Unit. Il-Kummissjoni qieset li peress li l-iskema rispettiva u l-modalitajiet tagħha tfasslu biex iħarsu l-ambjent permezz tar-ridistribuzzjoni tar-riżorsi favur impriżi li l-iktar li jħarsu l-ambjent, il-linji gwida ma kinux applikabbli u kompliet b'valutazzjoni direttament skont it-Trattat.

(524)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-EAG tal-2008, fil-kapitolu dwar l-eżenzjonijiet mit-taxxa, rigward sitwazzjonijiet li fihom impriża tkun eżentata mill-kamp ta' applikazzjoni tat-taxxa ambjentali minħabba: (a) tħassib fuq l-impatt tat-taxxa fuq il-kompetittività ta' ċerti impriżi; (b) tħassib ekonomiku ieħor; u (c) in-nuqqas ta' ħila tal-Istat Membru milli jimponi t-taxxa b'rata ogħla bla ma jagħti xi eżenzjoni lil ċerti impriżi. Jiddikjaraw li l-Linji Gwida huma mfasslin sabiex jiżguraw li l-eżenzjonijiet mit-taxxi ambjentali tal-inqas jikkontribwixxu indirettament għall-iskop ambjentali tat-taxxa li ser tiddaħħal u li l-eżenzjoni ma xxekkilx l-objettiv ambjentali ġenerali fil-mira.

(525)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jissottomettu li l-objettiv tal-AGL inġenerali huwa l-ħarsien tal-ambjent u l-eżenzjonijiet mogħtijin mill-kamp ta' applikazzjoni tal-AGL huma mfasslin apposta biex jilħqu l-objettiv doppju ta': (a) bidla tad-domanda minn aggregat estratt ġdid għal skart u prodotti sekondarji oħrajn; u (b) tnaqqis tal-ġmigħ ta' skart mormi fil-barriera. Għalhekk, l-eżenzjonijiet jikkontribwixxu għal u jiżguraw li l-objettiv tal-AGL huwa ssodisfat. Huma wieħed mill-modi ewlenin li bih jinkiseb l-objettiv ambjentali tal-AGL. Għalhekk, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li jista' jkun il-każ li, la l-EAG tal-2001 u lanqas tal-2008 huma applikabbli għall-miżura.

(526)

Għalhekk, filwaqt li jibbaża direttament fuq l-Artikolu 107(3) TFUE, ir-Renju Unit jissottometti li l-iskop ta' kwalunkwe għajnuna li tirriżulta mill-eżenzjoniiet investigati tista' tiġi kategorizzata bħala: (i) għajnuna għall-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta' proġett importanti ta' interess Ewropew komuni, jiġifieri l-ħarsien tal-ambjent (Artikolu 107(3)(b) TFUE; jew (ii) l-għajnuna sabiex jitħaffef l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi (l-użu ta' aggregat riċiklat jew prodotti skart bħala aggregat) meta t-tali għajnuna ma tkunx taffettwa l-kundizzjonijiet kummerċjali b'mod avvers tant li tmur kontra l-interess komuni (Artikolu 107(3)(c)).

(527)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-eżenzjonijiet huma mezz neċessarju u proporzjonat sabiex jintlaħaq l-objettiv ambjentali tal-AGL u kwalunkwe għajnuna li tirriżulta mill-eżenzjonijiet twassal għal ftit li xejn jew ebda tgħawwiġ tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-eżenzjonijiet ma jaffettwawx ħażin il-kundizzjonijiet tan-negozjar tant li jmorru kontra l-interess komuni.

(528)

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-miżura skont l-EAG tal-2001, l-EAG tal-2008 u tagħmel valutazzjoni alternattiva direttament skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Kif spjegat hawn taħt, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE ma jistax jiġi applikat għall-miżura inkwistjoni.

7.2.   VALUTAZZJONI SKONT L-EAG TAL-2001

(529)

Il-paragrafu 47 tal-EAGH tal-2001 jistipula li: “Meta jadottaw taxxi li jridu jiġu imposti fuq ċerti attivitajiet għal raġunijiet ta' ħarsien tal-ambjent, l-Istati Membri jistgħu jqisu li hemm bżonn li jipprovdu għal eżenzjonijiet temporanji għal ċerti kumpaniji, speċjalment minħabba n-nuqqas ta' armonizzazzjoni fil-livell tal-UE jew inkella minħabba r-riskji temporanji ta' telf tal-kompetittività internazzjonali. B'mod ġenerali, it-tali eżenzjonijiet jikkostitwixxu għajnuna operatorja koperta mill-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE. Fl-analiżi ta' dawn il-miżuri, irid jiġi żgurat fost l-oħrajn jekk it-taxxa hijiex ser tiġi imposta minħabba deċiżjoni tal-Komunità jew inkella deċiżjoni awtonoma min-naħa ta' Stat Membru.”

(530)

Il-paragrafu 48 jistipula wkoll li: “Jekk it-taxxa ser tiġi imposta minħabba deċiżjoni awtonoma min-naħa ta' Stat Membru, il-kumpaniji milqutin jista' jkollhom ċerta diffikultà biex jadottaw il-piż tat-taxxa l-ġdid malajr. F'dawn iċ-ċirkustanzi, tista' tkun iġġustifikata eżenzjoni temporanja li tippermetti sabiex ċerti kumpaniji jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida.”

(531)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat fil-Premessa 149 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ li l-AGL hija taxxa li ser tiġi imposta fuq l-estrazzjoni ta' aggregati għal raġunijiet ta' ħarsien tal-ambjent. Il-Kummissjoni osservat ukoll li l-AGL ser tiġi imposta bħala riżultat ta' deċiżjoni awtonoma tal-awtoritajiet tar-Renju Unit.

(532)

L-ilmentatur kien (87) iddikjara li wħud mill-eżenzjonijiet ingħataw sabiex titħares il-kompetittività internazzjonali tal-produtturi tal-materjali eżentati. Dan jissuġġerixxi li ċerti kumpaniji jistgħu jsibu ċerta diffikultà sabiex jadattaw malajr għall-piż tat-taxxa l-ġdid u, f'dak il-każ, l-eżenzjonijiet mill-AGL jistgħu jiġu vvalutati skont il-paragrafi 47 u 48 tal-EAG tal-2001.

(533)

Fiż-żmien tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma kinux ipprovdew kwalunkwe raġunijiet ta' kompatibbiltà għall-miżura u l-Kummissjoni ma kelliex elementi suffiċjenti biex tikkonkludi jekk intlaħqux il-kundizzjonijiet imniżżla fil-paragrafi 47 u 48 tal-EAG tal-2001. Il-Kummissjoni wkoll lanqas ma kellha elementi suffiċjenti biex tikkonkludi jekk l-eżenzjonijiet setgħux jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern ibbażat fuq dispożizzjonijiet għajr il-paragrafi 47 u 48 tal-EAG tal-2001.

(534)

Il-BAA tgħid li l-eżenzjonijiet mill-AGL ma jistgħux ikunu kompatibbli skont l-EAG tal-2001. Skont il-BAA, l-eżenzjonijiet għax-shale, il-lavanja u t-tafal ma jagħtux kontribut importanti għall-ħarsien tal-ambjent (paragrafi 50 u 51(2)(a)). Minn kif inhuma mfasslin, l-eżenzjonijiet itellfu l-objettivi ġenerali fil-mira u ma għandhomx impatt pożittiv apprezzabbli f'termini ta' ħarsien tal-ambjent.

(535)

Il-BAA tisħaq li l-eżenzjonijiet għax-shale, il-lavanja u t-tafal ma jikkostitwixxux eżenzjonijiet temporanji ġustifikabbli skont il-paragrafi 47 u 48. Tiddikjara li l-AGL għandha l-għan li tagħmel kompetittiv materjal bħax-shale li jitqatta' biex jintuża bħala aggregat.

(536)

Il-BAA tiddikjara li l-eżenzjonijiet ma jikkostitwixxux għajnuna operatorja li tista' tkun awtorizzata skont il-paragrafu 51. Ma ġie konkluż l-ebda ftehim li bih il-kumpaniji benefiċjarji jieħdu impenn li jilħqu l-objettivi ta' ħarsien ambjentali matul il-perjodu tal-eżenzjonijiet. Barra minn hekk, skont il-BAA, il-kundizzjoni alternattiva skont il-paragrafu 51(1)(b) ma ġietx issodisfata, peress li l-kumpaniji eliġibbli għat-tnaqqis ma ħallsux sehem importanti mill-AGL.

(537)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit saħqu li r-riżultat tal-applikazzjoni tal-AGL għall-materjali eżentati jkun li jiżdiedu l-ispejjeż tal-produzzjoni għall-operaturi fis-setturi speċifiċi tas-suq li ma jistgħux jingħaddew lill-klijenti tagħhom. Dan iwassal għal tnaqqis ċar fl-ammont ta' skart u prodotti sekondarji mibjugħin sabiex jintużaw bħala aggregat, u żieda korrispondenti fit-tqattigħ ta' aggregat ġdid.

(538)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-effett tal-applikazzjoni tal-AGL għall-materjali eżentati jkun li xxekkel l-objettiv ambjentali tagħha peress li ma tibqax taħdem biex tibdel id-domanda favur skart u prodotti sekondarji inevitabbli ġġenerati mill-estrazzjoni ta' dawn il-materjali.

7.2.1.   VALUTAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

(539)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jibbażaw l-argumenti tagħhom esklussivament fuq il-paragrafi 47 u 48 tal-EAG tal-2001 biex jiġġustifikaw il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni.

(540)

Donnhom jargumentaw li l-barrieri li jużaw l-aggregati eżentati ser isibu diffikultajiet kbar minħabba l-piż tat-taxxa, kif diskuss fil-qosor fil-Premessa 537 iktar 'il fuq.

(541)

Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li l-EAG tal-2001 jippermetti eżenzjonijiet temporanji biss li jagħtu lok sabiex il-kumpaniji jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida, li mhuwiex il-każ għall-eżenzjonijiet mill-AGL. L-eżenzjonijiet inkwistjoni mhumiex limitati biż-żmien u ilhom japplikaw għal 12-il sena. L-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet ġiet sospiża għal ċertu żmien minħabba l-proċedura ta' investigazzjoni formali tal-Kummissjoni, iżda l-leġiżlazzjoni dwar is-sospensjoni ssemmi b'mod espliċitu li l-eżenzjonijiet kollha ser jerġgħu jidħlu fis-seħħ ladarba tintemm l-investigazzjoni tal-Kummissjoni, jekk ir-riżultati jkunu pożittivi.

(542)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-paragrafi 47 u 48 tal-EAG tal-2001 ma jistgħux iservu bħala bażi sabiex l-eżenzjonijiet mill-AGL għal shale u prodotti li primarjament jikkonsistu f'shale meta jintużaw bħala aggregat u fdal tax-shale meta estratt flimkien max-shale li jintuża bħala aggregat jiġu ddikjarati bħala kompatibbli mas-suq intern.

(543)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-ebda dispożizzjoni oħra tal-EAG tal-2001 ma tista' sservi bħala bażi sabiex tiġi stabbilita l-kompatibbiltà tal-AGL peress li l-produtturi tax-shale ma jħallsux sehem importanti mit-taxxa (paragrafu 51(1)(b)) u ma ġie konkluż l-ebda ftehim bejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit u l-produtturi tax-shale (paragrafu 51(1)(a)).

(544)

Fuq il-bażi ta' dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjonijiet mill-AGL għal (i) materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ntaxxati ġodda oħrajn, u (ii) fdal tax-shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat ma jistgħux jitqiesu kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-EAG tal-2001.

7.3.   VALUTAZZJONI SKONT L-EAG TAL-2008

(545)

Minħabba l-iskop ambjentali tal-AGL, fid-dawl tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ, il-Kummissjoni stħarrġet anki l-eżenzjonijiet u l-esklużjonijiet mit-taxxa skont il-kapitlu 4 tal-EAG tal-2008 li jikkonċerna għajnuna operatorja fil-forma ta' tnaqqis tat-taxxi ambjentali.

(546)

It-taxxi ambjentali huma definiti fil-paragrafu 70(14) tal-EAG tal-2008 bħala “taxxi li l-bażi tat-taxxa speċifika tagħhom għandha effett negattiv ċar fuq l-ambjent jew li għandha l-għan li tintaxxa ċerti attivitajiet, prodotti jew servizzi sabiex l-ispejjeż ambjentali jkunu jistgħu inklużi fil-prezz tagħhom u/jew li l-produtturi u l-konsumaturi jkunu orjentati lejn attivitajiet li jirrispettaw iktar l-ambjent.

(547)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li mhuwiex ikkontestat li l-estrazzjoni ta' aggregati għandha impatt negattiv fuq l-ambjent, b'mod partikolari fil-forma ta' ħsara lill-bijodiversità, trab, storbju u impatt fuq id-dehra. Dan huwa sostanzjat iktar mill-istudji kummissjonati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit imsemmijin fil-Premessa 17 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ. B'hekk, l-AGL tikkostitwixxi taxxa ambjentali skont it-tifsira tal-punt 70(14) tal-EAG tal-2008 u l-eżenzjonijiet mit-taxxa jistgħu jiġu vvalutati skont il-Kapitlu 4 tal-EAG tal-2008 peress li bdew japplikaw mit-2 ta' April 2008.

7.3.1.   BENEFIĊĊJU GĦALL-AMBJENT

(548)

Skont il-paragrafu 151 tal-EAG tal-2008, l-għajnuna fil-forma ta' tnaqqis mit-taxxi ambjentali ser titqies kompatibbli mas-suq intern diment li tikkontribwixxi tal-inqas b'mod indirett għal titjib fil-livell ta' ħarsien tal-ambjent u li t-tnaqqis tat-taxxa ma jxekkilx l-objettiv ġenerali fil-mira. Kif spjegat fil-paragrafu 57 tal-EAG tal-2008, it-tnaqqis mit-taxxi ambjentali li jikkonċerna lil ċerti setturi jew kategoriji ta' impriżi huwa aċċettat skont il-Kapitlu 4 tal-EAG tal-2008 jekk jagħmilha fattibbli li jiġu adottati taxxi ogħla għal impriżi oħrajn, b'hekk jirriżulta f'titjib ġenerali tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż, u jinħolqu inċentivi ikbar sabiex jitjieb il-ħarsien tal-ambjent. Il-Kummissjoni qieset li dan it-tip ta' għajnuna jista' jkun meħtieġ biex jiġu indirizzati esternalitajiet negattivi b'mod indirett billi tittħaffef l-introduzzjoni jew il-manutenzjoni ta' taxxa ambjentali nazzjonali relattivament għolja.

(549)

Il-Kummissjoni qieset li, f'dan il-każ, il-possibbiltà li jingħataw eżenzjonijiet għal ċerti materjali setgħet ippermettiet sabiex ir-Renju Unit idaħħal l-AGL.

(550)

Il-BAA tiddikjara li l-eżenzjonijiet ma jissodisfawx il-kriterji mnaqqxin mill-EAG tal-2008 u dawn ma jistgħux jitqiesu kompatibbli fuq din il-bażi.

(551)

Il-BAA tiddikjara li l-eżenzjonijiet ma jikkontribwixxux għal titjib fil-livell ta' ħarsien tal-ambjent u, fil-fatt, ixekklu l-objettiv ġenerali fil-mira (paragrafu 151 tal-EAG tal-2008).

(552)

Il-BAA tirreferi għal barriera msemmija fil-Cornish Building Stone and Slate Guide 2007 bħala barriera tal-lavanja u x-shale li tipproduċi ġebel tal-ħitan biex turi li l-barrieri huma eżentati biss għaliex jipproduċu shale u lavanja, u b'hekk din l-eżenzjoni xxekkel l-objettiv tat-taxxa peress li toħloq domanda saħansitra ikbar fl-industrija tal-bini għat-tali materjali. Skont is-sottomissjoni tagħha, il-BAA taf (88) b'numru ta' każijiet li fihom l-operaturi ta' barrieri fetħu barrieri tal-lavanja u x-shale, sempliċiment minħabba u sabiex jibbenefikaw mill-vantaġġi li jinkisbu mill-eżenzjonijiet mill-AGL. Barra minn hekk, barrieri soġġetti għall-AGL esperjenzaw tnaqqis importanti fil-bejgħ ta' prodott sekondarju ta' livell baxx jew skart bħal laqxiet u trabijiet fini tal-barrieri. Il-munzelli ta' dawn il-materjali żdiedu b'iktar minn 500 %. Skont il-BAA, dan juri li l-AGL falliet għal kollox milli tilħaq l-objettiv ambjentali tagħha peress li ċerti munzelli huma sostitwiti ma' oħrajn.

(553)

Il-BAA tissottometti eżempji ta' barrieri tal-ġir li l-prodott primarju tagħhom huwa ġir agrikolu mhux intaxxat, u li fihom inġemgħu munzelli kbar ta' skart u prodott sekondarju mhux mibjugħ, li l-produzzjoni tal-ġir agrikolu hija mxekkla anki b'domanda ikbar.

(554)

Il-BAA tiddikjara li l-punti 158(b) u 158(c) tal-EAG tal-2008 għandhom l-għan li jipprevjenu t-tqegħid ta' negozju fi żvantaġġ kompetittiv fuq il-bażi li huwa soġġett għal taxxa filwaqt li l-kompetituri diretti tiegħu mhumiex. Madankollu, skont il-BAA, f'dan il-każ, jidher ċar li l-kompetituri tal-produtturi li jibbenefikaw mill-eżenzjoni fil-fatt huma soġġetti għat-taxxa u mhumiex kapaċi jbigħu l-prodotti tagħhom minħabba l-iżvantaġġi kkaġunati mill-eżenzjonijiet mill-AGL.

(555)

Il-BAA tiddikjara li l-eżenzjoni għax-shale mhijiex meħtieġa u proporzjonata (paragrafi 155 sa 159). Il-BAA tallega li l-eżenzjonijiet għal-lavanja, it-tafal u x-shale mhumiex ibbażata fuq kriterji oġġettivi u li l-operaturi li jipproduċu l-istess prodotti huma ttrattati ferm differenti, fuq il-bażi tal-ġeoloġija taż-żona tagħhom. Barra minn hekk, ma ġie ssodisfat l-ebda kriterju għall-proporzjonalità u l-eżenzjonijiet imorru lil hinn minn perjodu ta' għaxar snin.

(556)

Il-BAA pprovdiet lill-Kummissjoni ittra separata mingħand barriera dwar l-effetti tal-AGL fuq il-bejgħ tagħhom ta' prodotti b'valur baxx (aggregati sekondarji), jiġifieri sottobażijiet, laqxiet, franka mfarrka (“crusher-run”), trabijiet fini tal-barrieri li naqsu b'żewġ terzi.

(557)

Il-BAA pprovdiet lill-Kummissjoni studju dwar l-effetti fuq il-produzzjoni ta' aggregati mill-introduzzjoni tal-AGL fl-2002 abbozzat minn BDS Marketing Research Ltd fi Frar 2014 għall-BAA.

(558)

Is-sejbiet tal-istudju huma kif ġej:

(559)

Imposta fuq l-aggregati ta' GBP 2 it-tunnellata tista' tirrappreżenta nofs jew terz mill-ispiża totali tal-aggregati b'valur baxx għall-klijent.

(560)

Il-konklużjoni tal-istudju hija li l-effet ewlieni tal-AGL kien żieda fl-użu ta' aggregati eżentati (primarji u prodotti sekondarji) għad-detriment ta' prodotti sekondarji ntaxxati ta' materjali ntaxxati b'valur għoli. Il-kumpaniji tat-tqattigħ mill-barrieri sabuha diffiċli — spiss impossibbli — biex isibu swieq għal dawn il-materjali b'valur baxx li jifdlilhom. Għaldaqstant, il-kumpaniji tat-tqattigħ mill-barrieri kellhom jarmu dawn il-materjali f'miżbliet. B'hekk, il-bidla netta kienet użu ikbar mill-aggregati mhux intaxxati (primarji u prodotti sekondarji) għad-detriment ta' aggregati ta' prodotti sekondarji ntaxxati li qabel kienu jinbiegħu, iżda issa saru materjal skart. Materjal skart minnhom ġie sempliċiment sostitwit minn materjal skart ieħor. Kultant, dan involva l-isterelizzazzjoni ta' riżervi ta' kwalità tajba.

(561)

Ir-rapport isemmi li mill-2001, il-bejgħ ta' aggregati primarji (b'valur għoli) naqas b'24,9 %, minħabba r-riċessjoni. Il-bejgħ ta' aggregati ta' prodotti sekondarji ntaxxati naqas b'60 %, jiġifieri 31,5 miljun tunnellata, mindu daħlet l-AGL fl-2002. Fl-2001, il-bejgħ ta' prodotti sekondarji ntaxxati ammonta għal 52 190 u fl-2011 għal 20 648 u l-bejgħ ta' aggregati primarji ntaxxati (b'valur għoli) naqas minn 188 843 fl-2001 għal 141 754 fl-2011. It-tnaqqis fil-bejgħ huwa muri fi grafika wkoll:

Image 1

Proportion of sales of taxed by-products since 2001 — Total

(562)

Huma inklużi tliet grafiki dettaljati fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-bejgħ ta' prodotti sekondarji ntaxxati fil-kategoriji li ġejjin: ġebel iebes, ġebel ramli, franka u ramel u żrar. Filwaqt li għar-ramel u ż-żrar il-bejgħ jidher li żamm livell kostanti b'żieda żgħira dan l-aħħar, il-bejgħ tat-tliet materjali msemmijin qabel jidher li naqas.

(563)

Il-volumi ta' aggregati eżentati mibjugħin jidhru li żdiedu minn inqas minn 5 miljun tunnellata għal kważi 30 miljun tunnellata mindu daħlet l-AGL. Dawn il-figuri jeskludu barrieri li jipproduċu aggregati eżentati biss peress li dawn is-siti mhumiex meħtieġa juru d-dħul tagħhom. B'hekk, skont l-istudju, iż-żieda totali fil-volumi eżentati tkun saħansitra ogħla miż-żieda ta' sitt darbiet aktar issuġġerita mill-figura. L-istudju juri li kien hemm żieda kostanti fil-volumi ta' bejgħ tal-aggregati eżentati kull sena. Jikkonkludi li numru dejjem ikbar ta' barrieri qed jiksbu eżenzjonijiet sħaħ jew parzjali, jiġifieri l-bejgħ taxxabbli ġie kkonvertit f'bejgħ eżentat.

(564)

Id-domanda għal aggregati riċiklati żdiedet biss bi ftit mindu daħlet l-AGL fl-2002. Kienet l-introduzzjoni tat-taxxa fuq il-miżbliet fl-1996 li rriżultat f'żieda fid-domanda għal aggregati riċiklati. Skont BDS, il-post tal-aggregati ntaxxati b'valur baxx ħaduh l-aggregati b'valur baxx li jibbenefikaw mill-eżenzjoni kif muri fit-tabella ta' hawn taħt:

BDS estimates of the low-value aggregates market, by type of aggregate

 

2001

2012

Change (%)

MT

%

MT

%

Quarries

(taxed low value materials only)

52,2

51,1

19

19,8

(63,6)

Recycled aggregates

45

44,0

47

49,0

4,4

Exempt aggregates

5

4,9

30

31,2

500,0

 

Total

102,2

100,0

96

100,0

(6,1)

(565)

Ir-Renju Unit jiddikjara li, li kieku l-eżenzjonijiet tqiesu li jwasslu għal għajnuna mill-Istat, ikunu kompatibbli mal-EAG tal-2008 għaliex:

i.

Jikkontribwixxu, tal-inqas b'mod indirett, għal titjib fil-livell ta' ħarsien tal-ambjent; u/jew

ii.

Ippermettew lir-Renju Unit idaħħal l-AGL peress li l-eżenzjonijiet għamluha fattibbli li jadotta taxxi ambjentali ogħla għal impriżi oħrajn attivi fil-produzzjoni ta' aggregat, li jkomplu jinċentivaw l-ilħuq tal-objettiv ambjentali tal-AGL u jirriżultaw f'titjib ġenerali tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż.

(566)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li bl-eżenzjonijiet, l-AGL għandha l-għan li tħeġġeġ l-użu ta' materjal riċiklat jew prodott sekondarju (li jirriżulta matul proċess li ma jkollux l-għan li jipproduċi aggregat), sabiex tonqos id-domanda għal aggregat verġni u b'hekk tonqos il-ħsara ambjentali marbuta mat-tqattigħ tal-aggregati mill-barrieri.

(567)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li kull eżenzjoni investigata twassal għal titjib fil-ħarsien tal-ambjent b'tal-inqas wieħed mill-modi li ġejjin: (i) tgħin biex id-domanda titbiegħed mit-tqattigħ ta' aggregati ġodda; u/jew (ii) tgħin biex jonqos il-ġmigħ ta' skart.

(568)

L-eżenzjoni għax-shale tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-Kapitlu 4 tal-EAG tal-2008. Ix-shale huwa tajjeb sabiex jintuża bħala aggregat f'ċerti każijiet, iżda l-kompożizzjoni fiżika u l-forom ta' blokok tiegħu jagħmluh inadatt għal applikazzjonijiet iktar speċjalizzati. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li peress li x-shale mhuwiex magħruf li jiġi estratt għal skopijiet speċifiċi ta' użu kummerċjali bħala aggregat, jinkiseb bħala prodott sekondarju inevitabbli biss. L-użu tax-shale jnaqqas id-domanda għal aggregat estratt ġdid u, b'hekk, l-eżenzjoni tiegħu mill-AGL tnaqqas il-ħsara ambjentali li hija marbuta mal-estrazzjoni ta' aggregati. L-eżenzjoni tiegħu mill-imposta tgħin ukoll sabiex jonqos il-ġmigħ ta' munzelli ta' skart u tnaqqas il-ħsara viżwali marbuta magħhom.

(569)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-fdal mill-estrazzjoni tax-shale, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li bl-inċentivi għall-użu tal-fdal li jirriżulta b'mod mhux intenzjonat u inevitabbli, l-eżenzjoni tbiegħed id-domanda mill-aggregat imqatta', u b'hekk tonqos il-ħsara ambjentali kkaġunata minnu.

(570)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jargumentaw li anki li kieku l-Kummissjoni kellha ssib li hemm evidenza li xi wieħed mill-materjali eżentati qed jiġu estratti apposta bħala aggregati, l-eżenzjonijiet mogħtijin lil dawn il-materjali xorta waħda jikkontribwixxu b'mod dirett għall-ilħuq tal-objettiv ambjentali tal-AGL. Jiddikjaraw li jekk hemm xi evidenza li xi materjal eżentat fil-fatt qed jiġi estratt apposta sabiex jintuża bħala aggregat, l-iktar, l-iktar dan isir fuq skala żgħira ħafna f'numru strettament limitat ta' barrieri. Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, li kieku kien il-każ li ammont ferm limitat ta' tqattigħ apposta tal-materjali eżentati sabiex jintuża bħala aggregat, dan ma jibdilx il-fatt li hemm ġustifikazzjoni oġġettiva għall-eżenzjoni tal-materjali relevanti. Il-ġustifikazzjoni tkun li (a) il-materjali normalment ma jiġux estratti sabiex jintużaw bħala aggregat; u (b) it-tqattigħ ta' dawn il-materjali jiġġenera ammont kbir ta' prodott sekondarju u skart inevitabbli li jistgħu jintużaw bħala aggregat meta jkun hemm l-inċentivi kummerċjali t-tajbin.

(571)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jisħqu li anki kieku numru żgħir ta' barrieri jestrattaw apposta materjal eżentat biex jużawh bħala aggregat, l-eżenzjonijiet jibqgħu ġġustifikati jekk jagħmluha fattibbli li jiġu adottati taxxi ogħla għal impriżi oħrajn, u b'hekk jirriżultaw f'titjib ġenerali ta' internalizzazzjoni tal-ispejjeż u jipprovdu iktar inċentivi sabiex jintlaħaq l-objettiv ambjentali tal-AGL.

(572)

F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprovdew l-argumenti għall-fdal ta' shale mill-minjieri tal-ħaġar.

7.3.1.1    Valutazzjoni mill-Kummissjoni

(573)

Il-Kummissjoni diġà stabbilixxiet li l-AGL hija taxxa b'objettiv ambjentali.

(574)

Madankollu, eżenzjoni ġenerali għax-shale tidher li xxekkel l-objettiv ambjentali tal-AGL peress li għandha l-potenzjal li tħeġġeġ l-estrazzjoni ta' shale u fdal tax-shale, kif iddikjarat ukoll il-Qorti Ġenerali (89).

(575)

Ix-shale huwa materjal li jista' jintuża bħala aggregat, għad li f'ċerti każijiet limitati bħala aggregat ta' grad baxx, u li jintuża bħala aggregat u estratt apposta biex jintuża bħala aggregat, hekk kif juru s-sottomissjonijiet tal-partijiet interessati u l-evidenza li rċiviet il-Kummissjoni. Ix-shale huwa estratt apposta sabiex jintuża bħala aggregat huwa, fil-fatt, materjal estratt ġdid u eżenzjoni sempliċiment tinċentivizza estrazzjoni ulterjuri.

(576)

Għalhekk, peress li l-Kummissjoni sabet każijiet li fihom ix-shale huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, eżenzjoni ġenerali għax-shale biss tagħmel l-estrazzjoni tiegħu iktar kompetittiva u tħeġġeġ iktar estrazzjoni.

(577)

Barra minn hekk, bħalissa x-shale huwa eżentat meta jiġi estratt bħala prodott sekondarju ta' materjal li huwa ntaxxat (bħal gritstone, ġebel ramli u franka). Il-Kummissjoni osservat iktar 'il fuq fil-Premessa 365 li l-eżenzjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn shale u materjali ntaxxati oħrajn, bħal prodotti sekondarji oħrajn tal-estrazzjoni ewlenija ta' gritstone, ġebel ramli u franka. Il-Kummissjoni qieset ukoll jekk it-tali differenzjazzjoni fit-taxxa tistax tkun iġġustifikata mill-objettiv tal-AGL. Madankollu, il-Kummissjoni ma rċiviet ebda evidenza mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit jew mingħand partijiet interessati li juru li din l-eżenzjoni tikkontrbiwixxi għall-ilħuq tal-objettiv tal-AGL li huwa li tnaqqas it-tqattigħ ta' materjal ġdid għal skopijiet ta' aggregati.

(578)

Barra minn hekk, l-eżenzjoni ma tgħinx sabiex jonqos il-ġmigħ ta' skart inġenerali peress li hi sempliċiment tibdel il-ġmigħ ta' munzelli ta' shale mal-ġmigħ ta' munzelli ta' aggregati ntaxxati ta' kwalità baxxa li ma jistgħux isibu xerrej.

(579)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-eżenzjoni għax-shale għamlitha fattibbli li jiġu adottati taxxi ogħla għal impriżi oħrajn; madankollu ma tawx argumenti għat-tali dikjarazzjoni biex il-Kummissjoni tkun tista' tikkunsidra din il-ġustifikazzjoni fil-valutazzjoni tagħha. L-uniku argument ipprovdut mill-awtoritajiet tar-Renju Unit f'dan ir-rigward huwa marbut mal-fdal mill-minjieri tal-ħaġar, li l-eżenzjoni għalihom diġà tqieset mill-Kummissjoni li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

(580)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li anki jekk il-Kummissjoni ssib evidenza li x-shale huwa estratt għal użu kummerċjali bħala aggregat, l-eżenzjoni xorta tibqa' sservi skop ambjentali minħabba l-ammont limitat ta' tqattigħ apposta. Madankollu, il-Kummissjoni sabet li huma biss l-eżenzjonijiet mill-AGL mogħtijin għal (i) materjal li kompletament jew primarjament jikkonsisti f'shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ntaxxati ġodda oħrajn, u (ii) fdal tax-shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, u mhux inġenerali l-eżenzjoni għax-shale u l-fdal mill-estrazzjoni tax-shale. Għaldaqstant, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni diġà tagħmel distinzjoni tax-shale fid-dawl tat-tqattigħ apposta tiegħu għal użu kummerċjali bħala aggregat u ma tqisx l-ammont kbir ta' shale u fdal inevitabbli tax-shale meta ma jitqattax b'mod apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat. Għalhekk, il-ġustifikazzjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit fuq il-bażi tal-użu limitat bħala aggregat ma tistax isservi bħala bażi għal valutazzjoni komuni tax-shale u l-fdal tax-shale kollu.

(581)

B'konformità mas-sejbiet tal-Qorti Ġenerali (90), meta jkun hemm barrieri li jestrattaw shale apposta għal użu kummerċjali bħala aggregati, ma jibqax iggarantit li l-eżenzjoni ma twassalx għall-estrazzjoni ta' iktar materjal eżentat.

(582)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li eżenzjoni ġenerali għax-shale u l-fdal tax-shale xxekkel l-objettiv ambjentali ġenerali fil-mira tal-AGL peress li tista' tħeġġeġ it-tqattigħ ta' iktar materjal ġdid bħal dan.

7.3.2.   PROPORZJONALITÀ

(583)

L-intaxxar tal-aggregat ma ġiex armonizzat fil-livell tal-Unjoni u, għalhekk, il-Kummissjoni analizzat il-proporzjonalità tal-miżura proposta fid-dawl tal-paragrafu 159 tal-EAG tal-2008.

(584)

Fir-rigward tal-proporzjonalità, kull benefiċjarju ta' tnaqqis jew eżenzjoni jrid jissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin skont il-paragrafu 159 tal-EAG tal-2008:

(a)

Irid iħallas sehem it-taxxa nazzjonali li huwa ġeneralment ekwivalenti għar-rendiment ambjentali ta' kull benefiċjarju individwali meta mqabbel mar-rendiment marbut mat-teknika bl-aħjar rendiment fi ħdan iż-ŻEE. Il-benefiċjarji jistgħu jibbenefikaw l-iktar minn tnaqqis li jikkorrispondi għaż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni mit-taxxa, bl-użu tat-teknika bl-aħjar rendiment u li ma tistax tingħadda lill-klijenti.

(b)

Benefiċjarju jrid iħallas tal-inqas 20 % tat-taxxa nazzjonali sakemm ma tkunx tista' tiġi ġġustifikata rata inqas.

(c)

Jista' jidħol fi ftehimiet mal-Istat Membru li bih jieħu impenn li jilħaq l-objettivi ambjentali bl-istess effett bħal dak li jinkiseb skont il-punti (a) jew (b) iktar 'il fuq, jew li kieku jiġu applikati l-minimi tal-Komunità.

(585)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li filwaqt li l-eżenzjonijiet ma jiżgurawx li l-benefiċjarju jħallas tal-inqas 20 % tat-taxxa nazzjonali, eżenzjoni sħiħa tista' tiġi ġġustifikata mit-tgħawwiġ limitat tal-kompetizzjoni.

(586)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, anki f'daqqa, il-materjali eżentati investigati jifformaw biss sehem żgħir ħafna mis-suq tal-aggregati fir-Renju Unit. Billi jużaw id-dejta disponibbli mingħand l-Office for National Statistics, id-Department for Local Communities and Government u d-Department for Business, Innovation and Skills, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li mit-total ta' 205 miljun tunnellati ta' aggregat mibjugħin fir-Renju Unit kull sena, 6 miljuni biss jinkisbu minn materjali soġġetti għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni, u 3 miljuni minn dawn jinkisbu minn skart tat-tafal taċ-ċina u tal-kawlina. Skont il-Mineral Products Association, l-ikbar korp kummerċjali għall-produtturi tal-aggregati fir-Renju Unit, l-eżenzjonijiet investigati jammontaw biss għal madwar 3 % tas-suq tal-aggregati tar-Renju Unit.

(587)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-impatt fuq il-kompetizzjoni tal-materjali eżentati huwa limitat mill-ispejjeż tat-trasport tal-aggregat. Jisħqu li l-ispiża tat-trasport tammonta għal 8,55 pence t-tunnellata. Bħala medja, l-eżenzjoni mill-imposta ta' GBP 2 it-tunnellata tagħti vantaġġ kompetittiv lill-produttur tal-materjal eżentat fi ħdan raġġ ta' 23 mil biss. Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, fil-każ ta' vjaġġ bir-ritorn, il-materjal eżentat ser ikun jista' jiġi ttrasportat għal 11,6 mil oħra biss. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-kwantitajiet forniti ġeneralment ikunu żgħar ħafna peress li l-materjali eżentati huma tajbin biss bħala aggregati ta' kwalità baxxa. Jekk ikun hemm bżonn ta' aggregati iktar tradizzjonali għal proġett, ma jseħħ ebda tgħawwiġ tal-kompetizzjoni.

7.3.2.1    Valutazzjoni mill-Kummissjoni

(588)

L-informazzjoni riċevuta mill-Kummissjoni tiżvela li l-eżenzjoni għax-shale tgħawweġ il-kompetizzjoni bil-kbir.

(589)

Bosta partijiet interessati ddikjaraw li x-shale jintuża bħala aggregati u għandu impatt kbir fuq is-swieq lokali, speċjalment fl-Irlanda ta' Fuq. Milli jidher, fl-Irlanda ta' Fuq kien hemm mijiet ta' eluf ta' tunnellati ta' shale importati minn Donegal, fl-Irlanda. Ix-shale mill-Irlanda jinbiegħ fis-swieq tal-bini madwar l-Irlanda ta' Fuq kollha. Il-proġetti ta' bini tul il-fruntiera mal-Irlanda użaw aggregati eżentati mill-Irlanda klassifikati bħala shale.

(590)

Il-partijiet interessati indikaw ukoll problema partikolari bid-depożiti ta' shale li qed jintużaw f'siti ta' bini kbar, speċjalment tul il-kuritur ta' Glasgow Edinburgh. Intużaw madwar miljun tunnellata shale għall-bini ta' toroq. Dan affettwa l-kompetizzjoni bejn barrieri differenti u żamm lil barrieri oħrajn milli jbigħu l-prodotti sekondarji b'valur baxx tagħhom.

(591)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li s-suq għall-aggregati tax-shale huwa kemxejn lokali u li s-suq nazzjonali għall-aggregati fir-Renju Unit ma joffrix bażi ta' valutazzjoni tajba. Minħabba l-prezzijiet baxxi tal-aggregati tax-shale u l-ispejjeż għoljin tat-trasport, kif indikaw ukoll l-awtoritajiet tar-Renju Unit, jistgħu jivjaġġaw biss għal distanza limitata sabiex ifornu lill-klijenti u jkunu jistgħu jikkompetu ma' produtturi ta' aggregati ta' kwalità baxxa oħrajn. Għalhekk, valutazzjoni ta' dan it-tip tkun iktar relevanti fuq livell lokali. L-informazzjoni li rċiviet il-Kummissjoni mingħand partijiet interessati tindika l-fatt li l-eżenzjoni għax-shale tisposta l-bejgħ ta' aggregati ta' kwalità baxxa li huma ntaxxati li magħhom jikkompetu fuq livell lokali.

(592)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li eżenzjoni ġenerali għax-shale u l-fdal tax-shale tgħawweġ il-kompetizzjoni fis-swieq tal-aggregati lokali. L-argumenti tal-awtoritajiet tar-Renju Unit rigward it-tgħawwiġ limitat tal-kompetizzjoni minħabba l-eżenzjoni għax-shale ma jistgħux jintlaqgħu. Għalhekk, ġustifikazzjoni bħal din ma tistax isservi l-esklużjoni tal-ħlas ta' 20 % tal-AGL.

(593)

Għaldaqstant, il-miżura mhijiex proporzjonata kif jeħtieġ il-paragrafu 159 tal-EAG tal-2008.

(594)

Bla ma tqis li hemm bżonn li tivvaluta anki l-ħtieġa tal-miżura, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjonijiet mill-AGL mogħtijin għal (i) materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ntaxxati ġodda oħrajn, u (ii) fdal tax-shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat mhumiex kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-EAG tal-2008.

7.4.   VALUTAZZJONI ALTERNATTIVA SKONT L-ARTIKOLU 107(3)(b) TFUE — GĦAJNUNA LI TIPPROMWOVI L-EŻEKUZZJONI TA' PROĠETT IMPORTANTI TA' INTERESS KOMUNI EWROPEW

(595)

Kif intqal iktar 'il fuq, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jisħqu li l-eżenzjoni għall-prodotti li jikkonsistu kompletament jew primarjament f'shale u fdal tax-shale tista' titqies kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE billi tippromwovi l-ħarsien tal-ambjent bħala proġett ta' interess komuni Ewropew. L-awtoritajiet tar-Renju Unit ma pprovdewx argumenti għat-tali valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri fuq din il-bażi.

(596)

Fil-paragrafu 147 tal-EAG tal-2008, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-kundizzjonijiet li fihom tqis li l-għajnuna tista' tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

(597)

Dawk il-kundizzjonijiet huma dawn li ġejjin:

(a)

il-proposta ta' għajnuna tikkonċerna proġett li huwa speċifiku u ddefinit ċar fir-rigward tat-termini tal-implimentazzjoni tiegħu inklużi l-parteċipanti, l-objettivi u l-effetti tagħha u l-mezzi biex jinkisbu l-objettivi. Il-Kummissjoni tista' tqis ukoll li grupp ta' proġetti f'daqqa jikkostitwixxi proġett;

(b)

il-proġett irid ikun fl-interess komuni Ewropew: irid jikkontribwixxi b'mod sħiħ, eżemplari u identifikabbli għall-interess tal-Komunità fil-kamp tal-ħarsien tal-ambjent, bħal meta jkun ta' importanza kbira għall-istrateġija ambjentali tal-Unjoni Ewropea. Il-vantaġġ miksub mill-objettiv tal-proġett ma jridx ikun limitat għall-Istat Membru jew l-Istati Membri li jimplimentawh, iżda jrid jestendi għall-Komunità sħiħa. Il-proġett irid jippreżenta kontribuzzjoni sostantiva għall-objettivi tal-Komunità. Il-fatt li l-proġett jitwettaq minn impriżi fi Stati Membri differenti mhuwiex biżżejjed;

(c)

l-għajnuna hija neċessarja u tippreżenta inċentiv għall-eżekuzzjoni tal-proġett, li jrid jinvolvi livell għoli ta' riskju;

(d)

il-proġett huwa ta' importanza kbira fir-rigward tal-volum tiegħu: irid ikun sostanzjali fil-qies tiegħu u jipproduċi effetti ambjentali sostanzjali.

(598)

Barra minn hekk, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta kif suppost it-tali proġett, l-interess komuni Ewropew irid jintwera f'termini prattiċi: pereżempju, irid jintwera li l-proġett jippermetti li jsir progress importanti li jrid isir sabiex jintlaħqu l-objettivi ambjentali speċifiċi tal-Komunità (paragrafu 148 tal-EAG tal-2008).

(599)

Il-Kummissjoni tosserva li filwaqt li l-AGL taqdi ċerta politika ta' Stat Membru partikolari, ma jidhirx li hija marbuta ma' proġett u a fortiori mhux proġett li jkun “speċifiku u definit ċar fir-rigward tat-termini tal-implimentazzjoni tiegħu”.

(600)

Barra minn hekk, ma jidhirx li huwa possibbli li l-miżura tikkwalifika bħala proġett ta' interess komuni Ewropew peress li għadu politika li hija nazzjonali fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha.

(601)

Barra minn hekk, peress li l-eżenzjonijiet mill-AGL mogħtijin għal (i) materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li jseħħ bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ntaxxati ġodda oħrajn u (ii) fdal tax-shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat ma jidhirx li huma stess għandhom xi benefiċċju ambjentali peress li kulma jagħmlu hu li jħeġġu l-estrazzjoni tat-tali materjal, ma jistax jingħad kif it-tali eżenzjonijiet jikkontribwixxu għal żieda fil-ħarsien tal-ambjent.

(602)

Iktar importanti minn hekk, il-Qorti Ġenerali għamlitha ċara fil-Kawżi Konġunti T-254/00, T-270/00 u T-277/00, Hotel Cipriani, li “miżura ta' għajnuna ma tistax tibbenefika mid-deroga prevista mill-[Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat], ħlief jekk din ma tkunx prinċipalment ta' vantaġġ għall-operaturi ekonomiċi ta' Stat Membru, iżda tkun tirrappreżenta vantaġġ għall-Komunità sħiħa” (91). Dan il-kriterju mhuwiex issodisfat meta l-iskema ta' għajnuna nazzjonali sempliċiment tfittex li ttejjeb il-kompetittività tal-impriżi kkonċernati, fil-każ inkwistjoni sabiex tinċentiva l-użu ta' tip wieħed ta' aggregat.

(603)

Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjonijiet mill-AGL mogħtijin għal (i) materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ntaxxati ġodda oħrajn, u (ii) fdal tax-shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat ma jistgħux jitqiesu kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE bħala li jippromwovu l-ħarsien tal-ambjent bħala proġett ta' interess komuni Ewropew.

7.5.   VALUTAZZJONI ALTERNATTIVA SKONT L-ARTIKOLU 107(3)(c) TFUE — ŻVILUPP TA' ĊERTI ATTIVITAJIET EKONOMIĊI JEW TA' ĊERTI OQSMA EKONOMIĊI

(604)

Għal valutazzjoni tal-miżura ta' għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, għandu jiġi mistħarreġ jekk l-għajnuna inkwistjoni

(a)

tissodisfax objettiv definit ċar ta' interess komuni,

(b)

hijiex meħtieġa, xierqa u proporzjonata għall-ilħuq ta' dan l-objettiv,

(c)

taffettwax il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri tant li tmur kontra l-interess komuni.

(605)

Bħala kumment preliminari, il-Kummissjoni tosserva li, fil-prinċipju, il-miżuri li jinvolvu għajnuna operatorja huwa inkompatibbli skont l-Artikolu 107(3)(c).

(606)

L-AGL tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-ambjent, kif diġà stabbilit iktar 'il fuq fil-Premessa (87) b'konformità mas-sejbiet tal-Qorti Ġenerali. Il-ħarsien tal-ambjent tista' titqies bħala objettiv ta' interess komuni tal-UE.

(607)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-eżenzjonijiet mill-AGL mogħtijin għall-prodotti li jikkonsistu kompletament jew primarjament f'shale u fdal tax-shale, jippruvaw jilħqu wkoll l-objettiv ta' ħarsien tal-ambjent billi jfittxu li jbiegħdu d-domanda minn aggregati estratti ġodda favur shale (kompletament jew primarjament) u favur fdal tax-shale. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li, tradizzjonalment, dawn il-materjali ma jiġux estratti sabiex jintużaw bħala aggregati u li ma għandhom ebda indikazzjoni li jiġu estratti apposta sabiex jintużaw bħala aggregati.

(608)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprovdew informazzjoni dwar il-qagħda tas-settur tal-aggregati qabel ma daħlet l-AGL u l-ħtieġa li tiġi introdotta taxxa li tnaqqas l-estrazzjoni ta' materjali ġodda għal użu bħala aggregati filwaqt li jiġu pprovduti alternattivi xierqa.

(609)

Il-Kummissjoni tosserva li, fil-prinċipju, l-eżenzjonijiet mill-AGL servew ta' mezz ieħor biex tilħaq l-iskop ambjentali tagħha.

(610)

Hemm anki indikazzjonijiet li l-istess tnaqqis fl-estrazzjoni ta' aggregati ġodda ma setax jinkiseb mingħajr l-AGL u l-eżenzjonijiet minnha. F'dan ir-rigward, bosta kummenti mingħand partijiet interessati jindikaw il-fatt li l-materjali eżentati mill-AGL irnexxielhom jieħdu post prodotti ta' aggregati estratti ġodda. Kemm aggregati primarji ta' prodotti ta' kwalità għolja, iżda, b'mod partikolari, anki aggregati sekondarji ta' kwalità inferjuri, ġew sostitwiti mill-materjali eżentati. Dan ma jinkludix (i) materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ntaxxati ġodda oħrajn, u (ii) fdal tax-shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat.

(611)

Ix-shale jidher li għandu bosta użi bħala aggregat u li jiġi estratt apposta wkoll għal użu bħala aggregati kif spjegat fil-Premessa 341.

(612)

Għalhekk, eżenzjoni għax-shale u l-fdal tax-shale mqatta' apposta tagħmel l-estrazzjoni tiegħu iktar kompetittiva u tirriskja li tħeġġeġ it-tqattigħ ta' iktar shale. Kif spjegat fil-Premessi 575 sa 580, ix-shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat huwa simili għal materjali ntaxxati estrati ġodda biex jintużaw bħala aggregati, l-istess huwa applikabbli għal shale estratt bħala prodott sekondarju ta' materjali taxxabbli li huwa l-istess bħal prodotti sekondarji oħrajn ta' materjali taxxabbli li huma ntaxxati. L-eżenzjonijiet jagħmlu biss kategorija waħda ta' materjal estratt ġdid (shale) irħas mill-oħrajn. Dan jista' jħeġġeġ l-estrazzjoni ta' shale ġdid. Din il-konklużjoni hija sostnuta mis-sejbiet tal-Qorti Ġenerali (92).

(613)

Ix-shale huwa ġebla u t-tqattigħ tiegħu għandu effetti ambjentali simili għat-tqattigħ ta' minerali oħrajn. L-awtoritajiet tar-Renju Unit ma għamlux dikjarazzjonijiet bil-għan li juru li x-shale huwa alternattiva iktar ekoloġika għal sorsi oħrajn ta' aggregati anki jekk jinkiseb b'mod speċifiku għal użu kummerċjali bħala aggregat. Il-partijiet interessati argumentaw ukoll li l-eżenzjoni mill-AGL tagħmel ħsara lill-ambjent saħansitra iktar mill-proċess ta' estrazzjoni nnifsu peress li l-eżenzjoni tippermetti li x-shale jiġi ttrasportat fuq distanza ikbar u jibqa' jikkompeti ma' materjali ntaxxati oħrajn. It-trasport isir bi trakkijiet li jniġġsu l-arja u jagħmlu ħsara lit-toroq minħabba t-toqol tagħhom. Il-Kummissjoni tosserva li l-ispiża tat-trasport tirrappreżenta sehem għoli ħafna mill-ispiża tal-bejgħ tax-shale (ara l-Premessa 292), u dan ifisser li l-produtturi tax-shale jużaw il-marġni offrut mill-AGL biex jittrasportaw il-materjal iktar 'il bogħod milli jagħmlu s-soltu u jikkompetu fuq żona usa' ma' barrieri oħrajn.

(614)

Barra minn hekk, għad li jargumentaw b'mod ġenerali li l-eżenzjonijiet investigati għandhom l-għan li jnaqqsu l-ġmigħ ta' skart, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma wrewx li l-eżenzjonijiet meqjusin bħala għajnuna mill-Istat fir-rigward tax-shale tassew jistgħu jikkontribwixxu għat-tali tnaqqis. Il-Kummissjoni tqis li dawn l-eżenzjonijiet sempliċiment jibdlu l-ġmigħ ta' munzelli ta' fdal mill-estrazzjoni ta' shale ġdid biex jintuża bħala aggregat u shale bħala prodotti sekondarji mill-estrazzjoni ta' materjali ntaxxati mal-ġmigħ ta' munzelli ta' aggregati ta' kwalità baxxa ntaxxati li ma għadhomx isibu lil min jixtrihom.

(615)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li anki jekk il-ħarsien tal-ambjent huwa objettiv ta' interess komuni, eżenzjoni ġenerali għax-shale u l-fdal tax-shale meta jiġi estratt ġdid, kif hemm fis-seħħ bħalissa, fil-fatt tirriskja li xxekkel dan l-interess u ma tirrappreżentax strument xieraq għall-ilħuq tiegħu.

(616)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, kif deskritt anki fil-Premessi 589 u 590, l-għamla ferm distorsiva tal-għajnuna operatorja mogħtija lill-produtturi tax-shale li, skont is-sottomissjonijiet tal-partijiet interessati, qalgħet lil produtturi ta' aggregati oħrajn mis-suq jew spostat aggregati ta' kwalità baxxa oħrajn li normalment jikkompetu max-shale peress li ma jistgħux jikkompetu mal-prezzijiet baxxi li jistgħu joffru l-produtturi tax-shale.

(617)

Peress li l-Kummissjoni sabet li s-sitwazzjoni fattwali u legali ta' (i) materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ntaxxati ġodda oħrajn, u (ii) fdal tax-shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, hija paragunabbli ma' dik ta' aggregati ntaxxati bl-AGL, l-eżenzjoni mit-taxxa ta' dawn il-materjali tista' tkun iġġustifikata biss skont l-objettivi ambjentali tal-AGL jekk ikun jista' jintwera li l-objettivi ambjentali tal-AGL xorta waħda jistgħu jinkisbu b'dawn il-materjali.

(618)

Madankollu, kif spjegat iktar 'il fuq fil-Premessi 611 sa 615 u b'konformità mas-sejbiet tal-Qorti Ġenerali (93), il-Kummissjoni tqis li peress li x-shale huwa estratt b'mod speċifiku għal użu kummerċjali bħala aggregat u li peress li ma hemm ebda indikazzjoni li jkun iktar ekoloġiku minn aggregati oħrajn, l-objettivi ambjentali tal-AGL ma jistgħux jinkisbu bl-eżenzjonijiet għal (i) materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ntaxxati ġodda oħrajn, u (ii) fdal tax-shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat.

(619)

Il-Kummissjoni ma rċiviet ebda motiv ta' kompatibilità mingħand l-awtoritajiet tar-Renju Unit fir-rigward ta' shale jew fdal tax-shale li huma estratti għal użu kummerċjali bħala aggregat li tista' tieħu f'kunsiderazzjoni fil-valutazzjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tat-tali eżenzjonijiet mill-AGL mas-suq intern.

(620)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjonijiet mill-AGL mogħtijin għal (i) materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ntaxxati ġodda oħrajn, u (ii) fdal tax-shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, ma jistgħux jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

8.   KONKLUŻJONI U RKUPRU

(621)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjonijiet mill-AGL mogħtijin għal (i) materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ntaxxati ġodda oħrajn, u (ii) fdal tax-shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, li ġew implimentati b'mod illegali, jirrappreżentaw għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern.

(622)

Skont it-Trattat u l-ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni hija kompetenti li tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat irid jabolixxi jew jibdel l-għajnuna meta ssib li din tkun inkompatibbli mas-suq intern. (94) Il-Qorti sostniet ukoll b'mod konsistenti li l-obbligu fuq Stat Membru li jannulla għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kif kienet qabel. (95)

(623)

F'dan il-kuntest, il-Qorti ddeċidiet li dan l-objettiv jintlaħaq meta r-riċevitur ikun ħallas lura l-ammonti mogħtija bħala għajnuna illegali, b'hekk jitlef il-vantaġġ li jkun ibbenefika minnu minflok il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tkun ġiet irkuprata s-sitwazzjoni ta' qabel il-ħlas tal-għajnuna. (96)

(624)

Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (97) jiddikjara li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]”.

(625)

B'hekk, peress li l-eżenzjonijiet mill-AGL mogħtijin għall-materjal speċifikat fil-Premessa 620 ta' din id-Deċiżjoni ġew implimentati bi ksur tal-Artikolu 108 tat-Trattat, u jridu jitqiesu li huma għajnuna illegali u inkompatibbli, iridu jiġu rkuprati sabiex terġa' tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel ma ngħataw. L-irkupru għandu jkopri ż-żmien li minnu l-għajnuna tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju (jiġifieri dakinhar li l-benefiċjarju kien ikun obbligat iħallas l-AGL li kieku ma kienx hemm l-eżenzjonijiet illegali u inkompatibbli mill-AGL) sa meta l-vantaġġ tal-benefiċjarju ma baqax jeżisti. Is-somom li jridu jiġu rkuprati jridu jġarrbu l-imgħax sal-irkupru effettiv.

(626)

Peress li l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu dħul mitluf mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-irkupru tal-għajnuna jinvolvi li l-benefiċjarji tal-eżenzjonijiet iħallsu għall-AGL, għall-perjodu tal-applikazzjoni tagħha, flimkien mal-imgħax sal-irkupru effettiv.

(627)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-materjal tax-shale li (i) huwa estratt bħala prodott sekondarju tal-estrazzjoni tal-faħam, jew (ii) jintuża fi proċessi taċ-ċeramika, jew (iii) jintuża minflok tafal, gagazza jew materjali oħrajn bħala sors tal-aluminosilikat fil-manifattura tas-siment, jew (iv) jintwera bil-provi li jintuża b'mod ieħor għal skopijiet oħrajn għajr bħala aggregat, ma għandux jitqies li huwa użat b'mod kummerċjali bħala aggregat u, għalhekk, għandu jkun eskluż mill-irkupru.

(628)

Ma għandux ikun hemm obbligu li tiġi rkuprata għajnuna li ngħatat skont l-iskema li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati f'Regolament De minimis jew f'Regolament ta' Eżenzjoni ta' kategorija adottat fuq il-bażi tal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (98) iżda applikabbli fiż-żmien li fih ingħatat l-għajnuna.

(629)

Peress li l-kumulazzjoni hija eskluża għall-istess spejjeż eliġibbli, meta l-ammont totali ta' għajnuna riċevut mill-benefiċjarju jkun ta' iktar minn EUR 200 000, l-awtoritajiet tar-Renju Unit għandhom jirkuprawh kollu kemm hu, peress li ma jistgħux jintużaw ir-regolamenti De minimis promulgati fuq il-bażi tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 li kienu applikabbli fiż-żmien li fih ingħatat l-għajnuna.

(630)

Sabiex jiġu definiti l-benefiċjarji tal-għajnuna illegali u inkompatibbli u l-ammonti tal-għajnuna rispettivi, l-awtoritajiet tar-Renju Unit l-ewwel għandhom jistabbilixxu l-kumpaniji kollha li pproduċew shale u prodotti li jikkonsistu primarjament f'shale matul il-perjodu ta' bejn l-1 ta' April 2002 u l-preżent (“produtturi tax-shale”). Imbagħad, permezz tas-sorsi ta' informazzjoni kollha disponibbli, inklużi informazzjoni pubblika u rekords tat-taxxa kunfidenzjali, l-awtoritajiet tar-Renju Unit għandhom jistabbilixxu l-ammonti ta' materjal ta' shale speċifikat fil-Premessa 621 ta' din id-Deċiżjoni ntużaw b'mod kummerċjali minn dawn il-produtturi tax-shale. Jekk ma jkunx possibbli li jiġu stabbiliti dawn l-ammonti fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, l-awtoritajiet tar-Renju Unit għandhom jitolbu lill-produtturi tax-shale sabiex juru kemm il-materjal ta' shale li jipproduċu huwa (u kemm mhuwiex) il-materjal speċifikat fil-Premessa 621 ta' din id-Deċiżjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-iskema ta' għajnuna li tikkonsisti fl-eżenzjonijiet mill-imposta fuq l-aggregati stabbilita fis-Sezzjoni 17(4)(a) u 17(3)(f)(i) tal-Att Finanzjarju tal-2001 kif emendata mill-Att Finanzjarju tal-2002 u l-Att Finanzjarju tal-2007 mogħtija għal:

(a)

materjal li jikkonsisti kompletament jew primarjament f'shale li huwa estratt apposta għal użu kummerċjali bħala aggregat, inkluż shale li ssibu bħala prodott sekondarju tat-tqattigħ ta' materjali ntaxxati ġodda oħrajn; u

(b)

aggregati li jikkonsistu kompletament fil-fdal minn kwalunkwe proċess li bih ix-shale li jiġi estratt apposta għal użu kummerċjali bħal aggregat ġie separat minn ġebel ieħor wara li jkun ġie estratt jew wara li jkun inkiseb ma' dak il-ġebel l-ieħor.

imdaħħla fis-seħħ mir-Renju Unit bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE huma inkompatibbli mas-suq intern.

2.   L-eżenzjonijiet mit-taxxa, l-esklużjonijiet mit-taxxa u l-ħelsien mit-taxxa stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Att Finanzjarju tal-2001, kif emendat mill-Att Finanzjarju tal-2002 u l-Att Finanzjarju tal-2007:

Is-Sezzjoni 17(3)(e), 17(3)(f)(i) u (ii) (ħlief għall-materjali elenkati fl-Artikolu 1(1) ta' din id-Deċiżjoni),

Is-Sezzjoni 17(4)(e) (ħlief għall-materjali elenkati fl-Artikolu 1(1) ta' din id-Deċiżjoni), is-Sezzjoni 17(4)(c)(i) u (ii), is-Sezzjoni 17(4)(f) (f'dak li għandu x'jaqsam mat-tafal),

Is-Sezzjoni 18(2)(b) u

Is-Sezzjoni 30(1)(b) (diment li jkun marbut ma' proċess eżentat skont it-tifsira tas-Sezzjoni 18(2)(b))

ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

Artikolu 2

Ir-Renju Unit u l-Irlanda ta' Fuq iridu jabolixxu l-iskema ta' għajnuna safejn tikkonċerna l-materjali msemmijin fl-Artikolu 1(1).

Artikolu 3

L-għajnuna individwali mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1(1) ma tikkostitwixxix għajnuna jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet materjali stabbiliti mir-Regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 u applikabbli fiż-żmien li fih ingħatat l-għajnuna.

Artikolu 4

L-għajnuna individwali skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1(1) li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn Regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 u applikabbli fiż-żmien li fih ingħatat l-għajnuna jew minn xi skema ta' għajnuna approvata oħra hija kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 5

1.   Ir-Renju Unit irid jirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1(1) mill-benefiċjarji.

2.   L-għajnuna li trid tiġi rkuprata trid tinkludi l-imgħax mid-data li fiha tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data ta' rkupru propja tagħha.

3.   L-imgħax irid jiġi kkalkolat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (99).

Artikolu 6

1.   L-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1(1) irid isir minnufih u b'mod effettiv.

2.   Ir-Renju Unit irid jiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur mid-data li fiha tiġi notifikata din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni, ir-Renju Unit irid jissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

lista tal-entitajiet kollha li jipproduċu l-materjal imsemmi fl-Artikolu 1(1) bejn l-1 ta' April 2002 u d-data ta' sottomissjoni tal-lista;

(b)

għal kull waħda mill-entitajiet imsemmijin f'(a) iktar 'il fuq:

(i)

l-ammont totali ta' materjal imsemmi fl-Artikolu 1(1) użat b'mod kummerċjali mill-1 ta' April 2002;

(ii)

l-ammont totali (kapital u mgħaxijiet ta' rkupru) li jrid jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju;

(c)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u ppjanati sabiex tiġi rrispettata din id-Deċiżjoni;

(d)

dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati li jħallsu lura l-għajnuna.

2.   Ir-Renju Unit irid juża s-sorsi possibbli kollha ta' informazzjoni sabiex jibni l-lista ta' produtturi tax-shale u l-ammont totali ta' materjal imsemmi fl-Artikolu 1(1) użat b'mod kummerċjali minnhom mill-1 ta' April 2002, minn sorsi pubbliċi u rekords tat-taxxa kunfidenzjali, bħal: taxxa, bejgħ u rekords oħrajn miżmumin mill-kumpaniji stess, rekords tat-taxxa inklużi rekords tat-taxxa fuq il-profitt, ir-reġistru tal-kumpaniji, ir-reġistri tal-artijiet, dejta statistika, permessi/approvazzjonijiet ta' ppjanar, dejta miżmuma mill-awtoritajiet lokali u l-kunsilli tal-kontej, inklużi, iżda mhux limitati għal, dejta ta' reġistrazzjoni ta' Her Majesty's Revenues and Customs għall-finijiet tal-imposta fuq l-aggregati qabel u wara l-1 ta' April 2014, dejta mingħand il-Mineral Planning Authorities, l-Annual Minerals Raised Inquiry, il-bażi tad-dejta BritPits u dejta tal-British Geological Survey, il-UK Minerals Yearbook u l-Cornish Building Stone and Slate Guide 2007.

3.   Ir-Renju Unit irid iżomm lill-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħudin sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1(1). Minnufih għandu jissottometti lill-Kummissjoni, fuq talba ta' din tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ħa u li qed jippjana li jieħu b'konformità ma' din id-Deċiżjoni.

Irid jipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax irkuprat mingħand il-benefiċjarji

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 348, 28.11.2013, p. 162.

(2)   ĠU C 133, 5.6.2002, p. 11.

(3)  Idem 1.

(4)  Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Construction_aggregate (29 ta' Mejju 2013); FAOterm: http://termportal.fao.org/faoterm/search/pages/termUrl.do?id=204 (29 ta' Mejju 2013), European Standard BSEN 12620:2002; Dictionary of Building, James H. Maclean and John S. Scott, Penguin Books, fourth edition; Oxford Dictionary of Construction, Surveying & Civil Engineering, Christopher Gorse, David Johnston and Martin Pritchard, Oxford University Press 2012; Glossary of Building and Civil Engineering Terms, British Standard Institution, Blackwell Scientific Publications, 1993, 100-4403; http://www.uepg.eu/what-are-aggregates. Ara wkoll il-Kawża T-210/02 RENV tas-7 ta' Marzu 2012, British Aggregates Association vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2012:110, paragrafu 1.

(5)  Il-konkrit huwa taħlita ta' aggregati, siment u ilma. L-iskop tal-aggregati f'din it-taħlita huwa li jipprovdu struttura skelettrika riġida u sabiex inaqqsu l-ispazju okkupat mit-taħlita tas-siment.

(6)  L-aggregati jintużaw spiss fl-applikazzjoni għad-drenaġġ minħabba l-valur ta' kondottività idrawlika għoli tagħhom.

(7)  L-aggregati jintużaw bħala materjal bażi taħt pedamenti, toroq u binarji tal-ferroviji. F'dak il-każ, jgħinu sabiex jimtlew fetħiet u jipproteġu pajpijiet (pajpijiet ta' taħt l-art mnejn jgħaddi ilma ttrattat, jew bħala kondjuwits għall-kejbils, iridu jkunu protetti minn oġġetti li jaqtgħu fl-art u, għalhekk, taħthom u madwarhom jitqiegħed aggregat fin qabel ma jerġgħu jimtlew il-gandotti). L-aggregati jgħinu wkoll sabiex jipprovdu uċuħ ibsin (jipprevjenu s-sediment differenzjali taħt it-triq jew il-bini jew il-binarji — Toroq u żoni ta' parkeġġ mhux pavimentati jinksew b'saff aggregat fuq il-wiċċ biex jipprovdu wiċċ iktar solidu għall-vetturi, minn roti sa vannijiet. Dan iżomm lill-vetturi milli jeħlu fil-ħamrija, speċjalment meta l-art tkun imxarrba. Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Construction_aggregate (29 ta' Mejju 2013); http://sustainableaggregates.com/overview/uses.htm (29 ta' Mejju 2013).

(8)  Standard Ewropew BSEN 12620:2002.

(9)  UEPG, http://www.uepg.eu/what-are-aggregates, l-aħħar żjara fit-28/03/2013. Ara wkoll, http://www.bgs.ac.uk/planning4minerals/assets/downloads/86210_P4M_A_Guide_On_Aggregates.pdf p. 6.

(10)  http://www.bgs.ac.uk/planning4minerals/Resources_1.htm (29 ta' Mejju 2013); http://sustainableaggregates.com/sourcesofaggregates/recycled/rib_introduction.htm (29 ta' Mejju 2013); http://www.uepg.eu/what-are-aggregates (29 ta' Mejju 2013).

(11)  Glossary of Building and Civil Engineering Terms, British Standard Institution, Blackwell Scientific Publications, 1993, 630- 3.

(12)  http://sustainableaggregates.com/overview/uses.htm (29 ta' Mejju 2013); HM Customs & Excises — Consultation on a Potential Aggregates Tax — Summary of Replies, April 1999, paragrafu 18.

(13)  Pereżempju, ir-ramel, normalment ramel tas-silika, jintuża biex jagħmel il-forom f'funderija. Eżempju ieħor huwa l-franka, jew il-karbonat tal-kalċju. Mitħun fi trab fin, jintuża bħala aġent bjankatur jew materjal għall-mili fil-karta, adeżivi, żebgħa, plastik, PVC, toothpaste, pilloli u prodotti tat-tindif. Jintuża wkoll biex jipprovdi iktar kalċju f'supplimenti tal-vitamini u minerali, id-dqiq u l-għalf tal-bhejjem. Ir-ramel tas-silika huwa wkoll il-mezz ta' filtrazzjoni ewlieni użat mill-industrija tal-ilma biex jiġu estratti s-solidi mill-ilma mormi.

(14)  Il-ġir huwa assorbit mill-pjanti (għelejjel jew ħaxix) u s-siġar iżda jintilef naturalment ukoll mill-ħamriji permezz ta' lissija mill-ilma tax-xita u l-użu ta' fertilizzanti. Dan jista' jirriżulta f'żieda fl-aċidità, telf ta' fertilità fil-ħamrija u kultant effett avvers fuq l-istruttura tal-ħamrija. Biex jiġi rkuprat il-bilanċ, jiġi applikat “ġir agrikolu” fl-għelieqi biex jinżammu l-kundizzjonijiet ta' tkabbir meħtieġa għall-għelejjel u l-bur. Il-ġir jista' jkun sempliċi franka mitħuna jew dolimit (li fih ukoll il-manjeżju) jew franka maħruqa, (jew dolimit maħruq) fejn il-ġebla tissaħħan f'forn.

(15)  MPG6 — Guidelines for Aggregates Provision in England 1994, paragrafu 6-123 (23).

(16)  Budget announcement March 2000 — Prudent for a Purpose: Working for a Stronger and Fairer Britain — Kapitlu 6: Protecting the environment — Regenerating our cities/protecting our countryside — Waste; Aggregates, paragrafu 6.91; Pre-Budget Report — Novembru 2001 — Kapitlu 7: Protecting the environment — Protecting Britain's countryside — Aggregates quarrying — The aggregates levy, paragrafu 7.71; Budget announcement March 2001 — Kapitlu 6: Protecting the environment, paragrafu 6.91.

(17)  Ittra datata d-19 ta' Frar 2002, irreġistrata fil-21 ta' Frar 2002 taħt A/31371, paragrafu 4.10.

(18)  Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tkopri każijiet li fihom l-aggregat jiġi ttrasferit minn sit għal ieħor li jappartjenu għall-istess operatur. It-trasferiment minn sit għal ieħor normalment ma jkunx soġġett għall-AGL, ara s-Sezzjoni 19(3)(b) tal-Att Finanzjarju tal-2001.

(19)  L-awtoritajiet tar-Renju Unit indikaw li l-aggregat huwa soġġett għal ftehim ta' provvista meta jsir kuntratt jew meta l-prodotti jibdlu s-sid u jinħareġ dokument. Is-Sezzjoni 19(6) tal-Att Finanzjarju tal-2001 tindika li aggregat ser ikun soġġett għall-ftehim malli jkun identifikabbli għalih. Tipprovdi wkoll li għall-fini tal-imposta, it-trasferiment tas-sjieda tal-art fejn jinsabu l-aggregati ma jfissirx b'mod awtomatiku forniment tal-aggregat ukoll.

(20)  Ara s-Sezzjoni 48(2) tal-Att Finanzjarju tal-2001: L-“iskopijiet ta' bini” tfisser l-użu tal-aggregati bħala materjal jew appoġġ fil-bini jew it-titjib ta' kwalunkwe struttura (inklużi toroq u passaġġi, il-mogħdija li fuqha ser jew għandu jingħadda kwalunkwe binarju ferrovjarju jew imbankmenti) jew it-tħallit tagħhom bħala parti mill-proċess kif jiġu prodotti tajn, konkrit, tarmakadam, żrar miksi għat-triq jew xi materjal tal-bini simili ieħor.

(21)  Iċ-ċirkustanzi awtorizzati huma ddefiniti fis-subsezzjoni (7) tas-Sezzjoni 19. Din tikkonċerna s-sitwazzjoni li fiha l-aggregat jitħallat ma' aggregati taxxabbli li ma jkunux diġà ġew soġġetti għall-AGL u t-tħallit kollu jsir f'sit li huwa s-sit oriġinarju, sit irreġistrat taħt l-istess isem bħas-sit oriġinarju jew sit fejn jittieħed l-aggregat sabiex jiġi applikat fuqu proċess eżentat iżda li ma jkunx ġie applikat għalih.

(22)  Is-sit tal-ħatt tal-aggregati jikkorrispondi għal sit oriġinarju biss għal aggregati estratti minn qiegħ il-baħar/ilmijiet tar-Renju Unit.

(23)  Ara wkoll l-Avviż AGL 1: Aggregates Levy, April 2011, punt 8.1.

(24)  Din l-aħħar dispożizzjoni hija marbuta mas-sitwazzjoni li fiha l-aggregat jittieħed lura fl-art mnejn inkiseb u jibqa' fl-istess stat li kien fih meta nkiseb. F'sitwazzjoni bħal din ma jkun hemm ebda provvista taxxabbli ta' aggregati.

(25)  Ara l-Avviż AGL 1.

(26)  Ir-Regolamenti (Ġenerali) tal-2002 dwar l-Imposta fuq l-Aggregati (SI 2002/761) jistabbilixxu liema huma l-każijiet li fihom ir-rimi ta' aggregati jista' jwassal għal ħelsien mit-taxxa. Skont ir-regolament 13a, persuna hija intitolata għal kreditu ta' taxxa fir-rigward ta' kwalunkwe AGL ikkunsidrata meta l-aggregat taxxabbli inkwistjoni jintrema (billi jinxteħet jew b'xi mod ieħor) bi kwalunkwe wieħed mill-modi li ġejjin:

“i.

jitreġġa' lura bla ma jiġi pproċessat iktar fis-sit oriġinarju tiegħu jew fi kwalunkwe sit li mhuwiex is-sit oriġinarju iżda jkun irreġistrat taħt l-istess isem;

ii.

jintrema f'miżbla;

iii.

huwa żrar jew ramel użat għal skopijiet ta' restawr ta' bajjiet f'sit li mhuwiex is-sit oriġinarju tiegħu.”

(27)  L-Avviż AGL2 Proċessi ta' Għajnuna Industrijali u Agrikola, disponibbli fis-sit web tal-awtorità tat-taxxa HM Revenue & Customs.

(28)  L-eżenzjonijiet u l-esklużjonijiet ipprovduti fis-Sezzjonijiet 17(3)(e), 17(3)(f)(i) u (ii), is-Sezzjoni 17(4)(a) (diment li l-materjal eżentat li jikkonsisti kompletament f'faħam, linjite, shale, lavanja jintuża bħala aggregat jew jikkonsisti primarjament f'faħam, linjite, shale u lavanja), is-Sezzjoni 17(4)(c)(i) u (ii) (meta jikkonsisti primarjament fi skart), 17(4)(f) (f'dak li għandu x'jaqsam mat-tafal), 18(2)(b) (meta jkun marbut ma' proċess eżentat li jipprovdi għal materjali użati bħala aggregati) u 30(1)(b) (meta jkun marbut ma' proċess eżentat skont it-tifsira tas-Sezzjoni 18(2)(b) li tipprovdi għal materjali użati bħala aggregati) tal-Att Finanzjarju tal-2001, kif emendat mill-Att Finanzjarju tal-2002 u l-Att Finanzjarju tal-2007.

(29)  Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (traduzzjoni mhux uffiċjali) (ĠU C 37, 3.2.2001, p. 3).

(30)  Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1).

(31)  Is-Sur Bird ma pprovda ebda eżempju jew evidenza dwar dan.

(32)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 31.

(33)  Ara, pereżempju, Competition Commission Aggregates Cement and Ready-mix Concrete Market Investigation, Market Definition working paper tal-1 ta' Novembru 2011, paragrafu 19 u l-Provisional Findings Report tal-21 ta' Mejju 2013, paragrafu 5.5(b), 5.6(b) u 5.24; id-Deċiżjoni tal-OFT tat-2 ta' Novembru 2011, Proposed JV between Anglo American PLC and Lafarge S.A., ME/5007/11, paragrafu 72.

(34)  Ara l-Kawżi Konġunti C-328/99 u C-399/00 L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni [2003] ECR I-4035, paragrafu 35; il-Kawża C-222/04 Cassa di Risparmio di Firenze u Oħrajn [2006] Ġabra I-289, paragrafu 131; u l-Kawżi Konġunti C-393/04 u C-41/05 Air Liquide Industries Belgium [2006] Ġabra I-5293, paragrafu 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(35)  Il-Kawża C-143/99 Adria-Wien Pipeline [2001] Ġabra I-8365, paragrafu 41; ara wkoll il-Kawża C-172/03 Heiser [2005] Ġabra I-1627, paragrafu 40; il-Kawżi Konġunti C-182/03 u C-217/03 Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni [2006] Ġabra I-5479, paragrafu 119; il-Kawża C-88/03 Il-Portugall vs Il-Kummissjoni [2006] Ġabra I-7115, paragrafu 54; u l-Kawżi Konġunti C-428/06 sa C-434/06 UGT-Rioja u Oħrajn [2008] Ġabra I-6747, paragrafu 46; il-Kawża T-210/02 RENV, British Aggregates Association vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2012:110, paragrafu 47; il-Kawża C-487/06 P, British Aggregates Association vs Il-Kummissjoni [2008] Ġabra I-10515, paragrafu 82.

(36)   Adria-Wien Pipeline, iċċitata iktar 'il fuq fin-nota f'qiegħ il-paġna 35, paragrafu 42, u Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota f'qiegħ il-paġna 35, paragrafu 52; Kawża C-487/06 P, British Aggregates Association vs Il-Kummissjoni [2008] Ġabra I-10515, paragrafu 83.

(37)   Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota f'qiegħ il-paġna 35, paragrafu 56, u l-Kawża T-308/00 Salzgitter vs Il-Kummissjoni [2004] Ġabra II-1933, paragrafu 81; il-Kawża T-210/02 RENV, British Aggregates Association, ECLI:EU:T:2012:110, paragrafu 49.

(38)  Il-Kawża T-210/02 RENV, British Aggregates Association, ECLI:EU:T:2012:110, paragrafu 51.

(39)  Ara l-Economic and Fiscal Strategy Report and Financial Statement and Budget Report 1999 — Kapitlu 5: Building A Fairer Society — Tackling tax abuse; Protecting the environment p. 27 “ The Government will shortly publish draft legislation for a tax on the extraction of hard rock, sand and gravel used as aggregates ” (“Il-Gvern daqt jippubblika abbozz tal-leġiżlazzjoni għal taxxa fuq l-estrazzjoni ta' ġebel iebes, ramel u żrar użat bħala aggregati”). Ara wkoll il-Budget announcement March 2000 — Prudent for a Purpose: Working for a Stronger and Fairer Britain — Kapitlu 6: Protecting the environment — Regenerating our cities/protecting our countryside — Waste; Aggregates, paragrafu 6.91; Pre-Budget Report — Novembru 2001 — Kapitlu 7: Protecting the environment — Protecting Britain's countryside — Aggregates quarrying — The aggregates levy, paragrafu 7.71; Budget announcement March 2001 — Kapitlu 6: Protecting the environment, paragrafu 6.91; fejn jintwera li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ipprevedew b'mod speċifiku taxxa fuq l-aggregati biss.

(40)  Il-Kawża T-210/02 RENV, British Aggregates Association, ECLI:EU:T:2012:110, paragrafu 66.

(41)  HM Customs & Excises — Consultation on a Potential Aggregates Tax — Summary of Replies, April 1999, paragrafu 13.

(42)  Ma ntbagħtet ebda evidenza bħal din lill-Kummissjoni.

(43)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 42.

(44)  Kopja ta' din l-ittra elettronika ntbagħtet lill-Kummissjoni.

(*1)  Sigriet kummerċjali.

(45)  Il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha T-210/12 RENV iddikjarat li “ l-prinċipju ta' tassazzjoni normali li fuqu hija mibnija l-AGL huwa msejjes biss fuq il-kunċett tal-isfruttar kummerċjali fir-Renju Unit ta' materjal li hu taxxabbli bħala ‘aggregat’ ”. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-hekk imsejjaħ prinċipju ta' tassazzjoni normali definit jeħtieġ iktar stabbiliment ta' meta “l-materjal hu” taxxabbli “bħala aggregat”. Peress li s-Sezzjoni 17(2) tal-Att 2001 ma tipprovdix definizzjoni ġenwina ta' “aggregati taxxabbli” iżda tiddefinihom bħala aggregati li mhumiex eżentati u l-aggregati deskritti fil-punti b-d), il-prinċipju ta' tassazzjoni normali skont l-AGL kif definit ukoll mill-Qorti Ġenerali jrid inevitabbilment jiddependi fuq l-istabbiliment ta' meta “materjal hu użat bħala aggregat”.

(46)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 39.

(47)  Premessi 58 u 59 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(48)  Ara T-210/02 RENV — British Aggregates vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2012:110, Paragrafu 64.

(49)  Ara T-210/02 RENV — British Aggregates vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2012:110, Paragrafu 55.

(50)  Ara s-Sezzjoni 48 (2) tal-Att Finanzjarju tal-2001.

(51)  Sezzjoni 18(2): kwalunkwe proċess li biha sustanza relevanti tiġi estratta jew separata b'xi mod ieħor (kemm jekk bħala parti mill-proċess ta' kif tinkiseb mill-art kif ukoll jekk b'xi mod ieħor) minn kwalunkwe aggregat. Is-Sezzjoni 18(3) telenka s-suztanzi relevanti li huma (a) anidrit; (b) tafal tal-kawlina; (c) bariti; (e) tafal taċ-ċina; (f) feldspar; (g) fireclay; (i) fluworspar; (j) ert ta' fuller; (k) ħaġar u ħaġar semiprezzjuż; (l) gypsum; (m) kwalunkwe metall jew il-mineral ta' kwalunkwe metall; (n) muskovit; (o) perlit; (p) potassju; (q) ġebel pumiku; (r) fosfati tal-ġebel; (s) klorur tas-sodju; (t) talk; (u) vermikulit. Is-Subsezzjonijiet (3)(d) u (h) tas-Sezzjoni 18 tneħħew b'mod retroattiv mill-1 ta' April 2002 permezz tal-bidliet introdotti mill-Att Finanzjarju tal-2002.

(52)  Is-Sezzjoni 30(1)(b) tal-Att Finanzjarju tal-2001 tipprovdi ħelsien mit-taxxa fil-każ li proċess eżentat skont it-tifsira tas-Sezzjoni 18 (2) (a), (b) u (c) tal-Att Finanzjarju tal-2001 diġà jkun ġie applikat għall-materjal meta l-materjal diġà jkun ġie soġġett għall-AGL. B'hekk, tirrifletti l-eżenzjonijiet ipprovduti fis-Sezzjoni 18 (2).

(53)  Dawn is-sustanzi jibbenefikaw ukoll minn ħelsien mit-taxxa meta tħallset it-taxxa u l-proċess eżentat ikun sar wara (Sezzjoni 30(1)(b)). Il-valutazzjoni tal-esklużjoni tapplika mutatis mutandis għall-ħelsien mit-taxxa.

(54)  Il-premessa 73 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(55)  Ara l-Glossary of Building and Civil Engineering Terms, British Standard Institution, Blackwell Scientific Publications, 1993, 630-3007 u 630-3013.

(56)  Il-premessa 83 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(57)  Siltiet (datati t-30 ta' Ottubru 2002) mis-sit web ta' Alfred McAlpine

Ippubblikati fuq: http://www.amslate.com/applications/ima/ima.sbtml; Siltiet minn Construction Raw Materials Policy and Supply Practices in Northwestern Europe — Facts and Figures — England, Scotland and Wales (Great Britain), British Geological Survey Commissioned Report CR/02/082N kummissjonat mir-Road and Hydraulic Engineering Institute of the Ministry of Public Works and Water Management tal-Pajjiżi l-Baxxi, p. 50; Document by Geoff Topham of Aggregate Industries concerning quarrying at Holme Park Quarry, 19 ta' Ġunju 2002.

(58)  Ma ġie pprovdut ebda eżempju ta' barrieri.

(59)  Ara, pereżempju, http://www.honister.com/; http://www.callywithquarry.co.uk/quarry

(60)   “Survey of Arisings and Use of Secondary Materials as Aggregates in England and Wales in 2001” Symonds Group, Novembru 2002.

(61)  L-aggregat tal-lavanja ntuża minflok aggregat tal-ifjen kwalità fil-Bypass ta' Bangor A55 (fejn intużaw 150 000 tunnellata skart tal-lavanja), u spiss jintuża fit-Tramuntana ta' Wales għal mili ġenerali u imbankmenti.

(62)  […] tistima li l-ispiża tal-produzzjoni tal-aggregat tal-lavanja hija ta' GBP 6,50 it-tunnellata li, minnha, l-ispiża tat-tfarrik hija ta' madwar GBP 5 it-tunnellata. […] stmat l-ispiża tal-produzzjoni ta' tunnellata aggregat tal-lavanja għal GBP 5,69.

(63)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 60.

(64)  Rapport imħejji fl-2003 mill-British Geological Society għall-awtoritajiet tat-taxxa tar-Renju Unit biex jgħin lill-uffiċjali tat-taxxa fl-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għal-lavanja, ix-shale u t-tafal b'mod ġeoloġikament korrett.

(65)  Kemm il-materjal jista' jinqasam faċilment tul pjani paralleli fil-qrib.

(66)  L-informazzjoni ttieħdet minn fuq sorsi miftuħin bħall-Internet.

(67)  Mill-informazzjoni pprovduta ma jidhirx ċar fil-fatt x'materjal tipproduċi barriera minnhom għad li fil-lista tal-barrieri jidher li tipproduċi x-shale.

(68)  Il-materjal żejjed ta' fuq huwa l-materjal li jkun jinsab fuq il-mineral li l-operatur tal-barriera jkun irid jestratta.

(69)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 64.

(70)  Il-Kawża T-210/02 RENV, British Aggregates Association, ECLI:EU:T:2012:110, paragrafu 72.

(71)  Ara t-tabella fil-Premessa 143.

(72)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 67.

(73)  L-informazzjoni hija disponibbli minn hawn: http://www.brauntonaggregates.co.uk/technical-details.html, aċċessat fil-11 ta' Marzu 2015.

(74)  Skont l-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit, it-tafal taċ-ċina huwa tafal sedimentari mfarrak fin li jikkonsisti f'kawlinite. Jintużaw fil-produzzjoni ta' porċellana u karta li tleqq, prodotti kożmetiċi u mediċi.

(75)  It-tafal tal-kawlina huwa tafal sedimentari kawlinitiku mitħun fin li spiss jikkonsisti f'20-80 % kawlinite, 10-25 % majka, 6-65 % kwarz. Jintużaw fil-produzzjoni taċ-ċeramika biex tingħata l-plastiċità u saħħa bla tisħin.

(76)  British Geological Survey, Mineral Planning Factsheet, Construction aggregates, paġna 3.

(77)  Il-Kawża T-210/02 RENV, British Aggregates Association, ECLI:EU:T:2012:110, paragrafi 89 — 90.

(78)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 77.

(79)  Dekarburizzazzjoni tal-Ossiġenu tal-Argon.

(80)  Id-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta' skart mill-industriji ta' estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE — Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15).

(81)  Ara l-Glossary of Building and Civil Engineering Terms, British Standard Institution, Blackwell Scientific Publications, 1993, 630-3006; ara wkoll l-evidenza sottomessa mill-British Aggregates Association fir-replika tagħha lill-Qorti fil-kawża T-210-02: Construction Raw Materials Policy and Supply Practices in Northwestern Europe — Facts and Figures — England, Scotland and Wales (Great Britain), British Geological Survey Commissioned Report CR/02/082N kummissjonat mir-Road and Hydraulic Engineering Institute tal-Ministry of Public Works and Water Management of the Netherlands, p. 50.

(82)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 64.

(83)  Ara d-Deċiżjoni f'SA.18859 Relief from Aggregates Levy in Northern Ireland (ex N 2/04), http://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/241379/241379_1594138_163_2.pdf.

(84)  Ara l-Kawża C-199/06 CELF [2008] Ġabra I-469, paragrafi 61 u 64.

(85)  Ara l-Kawża C-199/06 CELF [2008] Ġabra I-469, paragrafi 63 u 66 sa 68.

(86)  L-avviż tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta' għajnuna illegali mill-Istat (ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22).

(87)  Premessa 150 tad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(88)  Ma ġiet ipprovduta ebda evidenza.

(89)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 77.

(90)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 77.

(91)  Il-Kawżi Konġunti T-254/00, T-270/00 u T-277/00, Hotel Cipriani et al., ECLI:EU:T:2008:537, paragrafu 337.

(92)  Il-Kawża T-210/02 RENV, British Aggregates Association, ECLI:EU:T:2012:110, paragrafu 89.

(93)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 77.

(94)  Ara l-Kawża C-70/72 Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja [1973] il-Ġabra 813, paragrafu 13.

(95)  Ara l-Kawżi Konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs il-Kummissjoni [1994] Ġabra I-4103, paragrafu 75.

(96)  Ara l-Kawża C-75/97 Il-Belġju vs il-Kummissjoni [1999] Ġabra I-3671, paragrafi 64 u 65.

(97)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(98)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).

(99)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).