25.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/9


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/260

tat-23 ta' Frar 2016

li temenda d-Deċiżjoni 2006/80/KE fir-rigward tal-Polonja

(notifikata bid-dokument C(2016) 965)

(It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2008/71/KE tal-15 ta' Lulju 2008 dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-ħnieżer (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2008/71/KE tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali, mingħajr preġudizzju għal regoli aktar iddettaljati tal-unjoni li jistgħu jiġu stabbiliti għall-eradikazzjoni tal-mard jew għal għanijiet ta' kontroll.

(2)

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/71/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti jkollha lista aġġornata tal-azjendi kollha li jżommu l-annimali koperti minn din id-Direttiva u li jkunu jinsabu fit-territorju tagħhom.

(3)

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/71/KE jagħti l-possibilità li l-Istat Membru jiġi awtorizzat jeskludi mil-lista tal-azjendi meħtieġa skont l-Artikolu 3(1) ta' dik id-Direttiva, il-persuni fiżiċi li jrabbu ħanżir wieħed għall-użu jew għall-konsum personali tagħhom, sakemm dak l-annimal ikun suġġett għall-kontrolli stabbiliti f'dik id-Direttiva qabel kwalunkwe moviment.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/80/KE (2) tawtorizza lil xi Stati Membri japplikaw id-deroga prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/71/KE fir-rigward tal-azjendi li għandhom ħanżir wieħed biss.

(5)

Il-Polonja hija awtorizzata tapplika d-deroga prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/71/KE fir-rigward tal-azjendi li għandhom ħanżir wieħed biss.

(6)

Il-Polonja talbet li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni tagħha prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/71/KE fir-rigward tal-azjendi li għandhom ħanżir wieħed biss u implimentat ir-rekwiżiti tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni stabbiliti f'dik id-Direttiva.

(7)

Abbażi ta' din l-informazzjoni, huwa xieraq li l-annotazzjoni għall-Polonja titħassar mil-lista stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni 2006/80/KE, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/71/KE fir-rigward tal-azjendi li għandhom ħanżir wieħed biss.

(8)

Għaldaqstant, l-Anness tad-Deċiżjoni 2006/80/KE għandu jiġi emendat kif xieraq.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2006/80/KE jinbidel bit-test tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Frar 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 213, 8.8.2008, p. 31.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/80/KE Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/80/KE tal-1 ta' Frar 2006 li tagħti ċerti Stati Membri d-deroga prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/102/KEE dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 50).


ANNESS

“ANNESS

L-Istati Membri li huma awtorizzati japplikaw id-deroga prevista fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2008/71/KE fir-rigward tal-azjendi li għandhom ħanżir wieħed biss:

 

Ir-Repubblika Ċeka

 

Franza

 

L-Italja

 

Il-Portugall

 

Is-Slovenja

 

Is-Slovakkja”