16.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 60/3


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ Frar 2016

dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24 ta’ Novembru 2015

(2016/C 60/03)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 210 (2) u l-Artikolu 214 (6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri ddiskutew il-finanzjament għall-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni – il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija - f'Diċembru 2015 u f'Jannar 2016. Fit-3 ta' Frar 2016 qablu fuq “Fehim Komuni li jistabbilixxi qafas ta' governanza u kundizzjonalità għall-Faċilità għar-Refuġjati għat-Turkija bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni” (minn hawn 'il quddiem “Il-Fehim Komuni”).

(2)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-intenzjoni li esprimew l-Istati Membri biex jikkontribwixxu EUR 2 000 000 000 minn ammont totali ta’ EUR 3 000 000 000. It-twassil progressiv tal-assistenza għandu l-kundizzjoni li jiġi implimentat il-fehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom marbuta mal-appoġġ għas-Sirjani li qegħdin taħt protezzjoni temporanja u l-ġestjoni tal-migrazzjoni fi sforz koordinat biex jindirizzaw il-kriżi (“il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija”). Deċiżjonijiet relatati ma', u azzjonijiet li jipprovdu assistenza umanitarja se jiġu implimentati f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 (1) u skont il-prinċipji stabbiliti fil-kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja (2).

(3)

Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji individwali mill-Istati Membri se jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni bħala dħul assenjat estern, skont l-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3). Il-Kummissjoni, minħabba li hi biss għandha r-responsabbiltà li timplimenta l-baġit tal-Unjoni, b'konformità mal-Artikolu 317 TFUE, għandha, f'isem l-Unjoni, tirċievi notifika taċ-ċertifikati ta' kontribuzzjoni mill-Istati Membri. Dawn iċ-ċertifikati ta' kontribuzzjoni jippermettu li l-approprjazzjonijiet ta' impenn isiru disponibbli malli jiġu notifikati, b'konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (4). Iċ-ċertifikati ta' kontribuzzjoni individwali se jkunu bbażati fuq mudell wieħed li jagħti lok għal adattament, fejn meħtieġ, għal bżonnijiet speċifiċi.

(4)

Fid-dawl tal-Fehim Komuni, u bil-għan li jiġi żgurat grad ogħla ta' effiċjenza u koordinazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija, huwa meħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tiġi emendata skont dan,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 hija emendata skont li ġej:

1.

Il-premessi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 huma emendati kif ġej:

Il-Premessa 9 hija mibdula bit-test li ġej:

“(9)

L-għan ġenerali tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija huwa li l-azzjonijiet iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni u mill-kontribuzzjonijiet bilaterali tal-Istati Membri jiġu kkoordinati u ssimplifikati, sabiex tittejjeb l-effiċjenza u l-komplimentarjetà tal-appoġġ mogħti lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fit-Turkija”.

Il-Premessa 11 hija mibdula bit-test li ġej:

“(11)

L-istrumenti tal-UE attwalment użati b'reazzjoni għall-kriżi Sirjana, bħalma huma l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI) (5), l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) (6), l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (7), l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) (8) u l-finanzjament skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 rigward l-għajnuna umanitarja jistgħu (9) jikkontribwixxu għall-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija fil-limiti stipulati fil-qafas finanzjarju pluriennali għall-2014-2020. Kwalunkwe għajnuna umanitarja għall-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija għandha tiġi amministrata u mogħtija skont il-prinċipji umanitarji u l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja (10).”;

Il-Premessa 13 hija mibdula bit-test li ġej:

“(13)

Konformi mal-‘Fehim Komuni li jistabbilixxi qafas ta' governanza u kundizzjonalità għall-Faċilità għar-Refuġjati għat-Turkija bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni’ (minn hawn 'il quddiem ‘il-Fehim Komuni’) li ġie miftiehem fit-3 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-intenzjonijiet li esprimew l-Istati Membri li jikkontribwixxu EUR 2 000 000 000 minn ammont totali ta' EUR 3 000 000 000. It-twassil progressiv tal-assistenza għandu l-kundizzjoni li t-Turkija timplimenta l-impenji tagħhas kont il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija. Deċiżjonijiet relatati ma', u azzjonijiet li jipprovdu assistenza umanitarja se jiġu implimentati f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 (11) u skont il-prinċipji stabbiliti fil-kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja (12).”;

Il-Premessa 14 titħassar;

Il-Premessa 15 issir Premessa 14 u hija mibdula bit-test li ġej:

“(14)

Kif miftiehem fil-Fehim Komuni, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri se jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni bħala dħul assenjat estern, skont l-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (13). Il-Kummissjoni, minħabba li hi biss għandha r-responsabbiltà li timplimenta l-baġit tal-Unjoni skont l-Artikolu 317 tat-TFUE sejra, f'isem l-Unjoni, tirċievi ċ-ċertifikati ta' kontribuzzjoni individwali mingħand kull Stat Membru skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (14). Iċ-ċertifikati ta' kontribuzzjoni individwali se jkunu bbażati fuq mudell wieħed li jagħti lok għal adattament, fejn meħtieġ, għal bżonnijiet speċifiċi. Kull Stat Membru individwali se jibgħat iċ-ċertifikat ta' kontribuzzjoni ffirmat bi skeda ta' kontribuzzjonijiet lill-Kummissjoni biex jiġu rikonoxxuti.”.

2.

L-Artikoli tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 jiġu emendati kif ġej:

It-titolu tal-Artikolu 1 jiġi mibdul bit-test li ġej:

“L-Istabbiliment tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija”;

L-Artikolu 1 jiġi mibdul bit-test li ġej:

“Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni - il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (‘il-Faċilità’) - sabiex it-Turkija tiġi megħjuna tindirizza minnufih il-ħtiġijiet umanitarji u ta’ żvilupp tar-refuġjati u tal-komunitajiet ospitanti tagħhom, kif ukoll biex l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jiġġestixxu u jindirizzaw il-konsegwenzi tad-dħul ta’ refuġjati.”;

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 3 jiġi emendat kif ġej:

“Il-Faċilità għandha tikkoordina l-azzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri billi tistabbilixxi prijoritajiet u billi tindika l-istrumenti li għandhom jintużaw għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-azzjonijiet, b'konformità mal-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni preżenti.”;

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 jinbidel bit-test li ġej:

“Permezz tal-Faċilità se jiġi kkoordinat l-għoti ta' assistenza umanitarja, ta' żvilupp, u assistenza oħra lil refuġati u komunitajiet ospitanti, lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali biex jiġu ġestiti u indirizzati l-konsegwenzi tal-influssi ta' refuġjati.

It-tipi ta' azzjonijiet ikkoordinati permezz tal-Faċilità jistgħu jkopru, fost l-oħrajn:

(a)

L-għoti ta’ assistenza umanitarja lir-refuġjati;

(b)

Appoġġ li jikkontribwixxi lejn integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-aċċess għall-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali tar-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti, inkluż f'terminu ta' provvediment ta' infrastrutturi adegwati;

(c)

Appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-preżenza tar-refuġjati fit-Turkija, inkluż f'termini tal-ġestjoni tal-flussi migratorji u l-provvediment ta' infrastrutturi adegwati.”;

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 4 jinbidel bit-test li ġej:

“EUR 1 000 000 000 mill-ammont kumplessiv għandhom jiġu ffinanzjat mill-baġit tal-UE, soġġetti għal deċiżjonijiet individwali ta’ finanzjament sussegwenti f’konformità mal-Artikolu 84(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u skont ir-regoli finanzjarji u r-rekwiżiti tal-att bażiku rispettiv tiegħu.”;

Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 4 jinbidel bit-test li ġej:

“Fuq il-bażi tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li wegħdu li se jagħtu, l-Istati Membru se jagħtu l-ammont ta' EUR 2 000 000 000 abbażi tad-diżaggregazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ġew ibbażati fuq il-proporzjon (key) tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) skont il-baġit tal-2015”.

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 jinbidel bit-test li ġej:

“1.   Il-kumitat ta' tmexxija tal-Faċilità għandu:

(i)

jagħti gwida strateġika dwar il-koordinazzjoni tal-assistenza li għandha tingħata. Il-gwida strateġika għanda tikkonsisti mill-istipular tal-prijoritajiet ġenerali, it-tipi ta' azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġjati, l-istrumenti li għandhom jintużaw għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-azzjonijiet u l-koordinazzjoni tagħhom, kif ukoll, fejn xieraq, il-kundizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-implimentazzjoni tat-Turkija tal-impenji tagħha skont il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija għat-twassil tal-assistenza.

(ii)

jissorvelja u jivvaluta b'mod permanenti l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet koordinati taħt il-Faċilità, inkluż ir-rispett tar-rekwiżiti ta' kondizzjonalità, u jieħu kont tal-valutazzjonijiet li jsiru mill-istrutturi stabbiliti bil-għan li jissorveljaw il-progress li jkun qed isir fl-implimentazzjoni tal-impenji riflessi fil-Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija.

(iii)

jeżamina l-previżjonijiet ta' żborż relatati mal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni u, fejn xieraq, jista' jipproponi li l-Kummissjoni tiddiferixxi l-eżerċitazzjoni parzjali jew sħiħa marbuta ma' ħlas parzjali wieħed jew iktar futur dovut.

(iv)

jissorvelja l-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri, skont l-iskeda ta' kontribuzzjonijiet stipulata fiċ-ċertifikat ta' kontribuzzjoni ta' kull Stat Membru, bil-ħsieb tal-ammont miftiehem ta' EUR 2 000 000 000.

Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni u rappreżentant minn kull Stat Membru.

Sa fejn dan ikun possibbli, il-kumitat ta' tmexxija għandu jagħti l-gwida strateġika tiegħu permezz ta' kunsens. Fil-każ li jkun hemm votazzjoni, l-eżitu tal-votazzjoni għandu jkun deċiż permezz ta' maġġoranza sempliċi tal-membri.

It-Turkija għandha tkun membru tal-kumitat ta' tmexxija f'funzjoni konsultattiva b'rispett għall-paragrafu (1) (i) u (ii), sabiex tkun żgurata l-koordinazzjoni sħiħa tal-azzjonijiet fuq il-post, ħlief meta l-kumitat ta' tmexxija jkun qiegħed jeżamina l-gwida strateġika rigward il-kundizzjonijiet marbutin mal-implimentazzjoni tat-Turkija tal-impenji tagħha skont il-Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija għat-twassil tal-assistenza, jew meta jkun qiegħed jissorvelja u jivvaluta l-osservanza ta' dawn il-kundizzjonijiet.

Għandu jiġi żgurat li l-Istati Membri u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Kumitat ma jkunux f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess, kif definit mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.”;

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 5 jinbidel bit-test li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tippresjedi l-kumitat ta' tmexxija u għandu jkollha rwol ta' tmexxija fil-koordinazzjoni tax-xogħol tiegħu.

Il-Kummissjoni għandu jkollha d-dritt ta' veto fuq gwida strateġika tal-kumitat ta' tmexxija, bl-għan waħdieni li tiżgura l-legalità ta' kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti, inkluża l-kompatibilità mar-responsabbiltà tagħha li timplimenta l-baġit tal-Unjoni. Meta l-Kummissjoni tkun beħsiebha teżerċita dan id-dritt, hi għandha tiġġustifika, fuq talba, għala abbozz ta' deċiżjoni jkun inkonsistenti ma' kwalunkwe wieħed minn dawn ir-rekwiżiti fuq imsemmija.”;

Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 5 jinbidel bit-test li ġej:

“Fuq proposta mill-Kummissjoni, il-kumitat ta’ tmexxija għandu jfassal u jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu fi żmien tliet xhur mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.”;

Fl-Artikolu 6 l-intestaturi “Baġit tal-UE” u “Kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri” jitħassru.

Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 6 jinbidel bit-test li ġej:

“L-azzjonijiet u l-miżuri li għandhom jiġu kkordinati taħt il-Faċilità se jiġu implimentati f’konformità mar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit tal-Unjoni u r-rekwiżiti tal-atti bażiċi rispettivi.”;

Fl-Artikolu 6, jiżdied it-test li ġej mal-paragrafu 4:

“Fil-ġestjoni tal-ammonti kkoordinati taħt il-Faċilità, għandu jittieħed kont sħiħ tal-gwida strateġika mogħtija mill-kumitat ta' tmexxija msemmi fl-Artikolu 5, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet tat-twassil tal-għajnuna.”;

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 9 jiġi emendat bit-test li ġej:

“Din il-faċilità tiġi stabbilita fl-1 ta’ Jannar 2016 għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji għas-snin baġitarji 2016 u 2017. Hi se tkun ġestita abbażi tal-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u t-twaqqit tagħhom, li jkunu kkomunikati lill-Kummissjoni u rikonoxxuti minnha”.

3.

L-Anness jitħassar.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2016.

Għall-Kummissjoni

Johannes HAHN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.

(2)  Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, “Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja” (ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1).

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 1).

(9)  ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.

(10)  Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, “Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja” (ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1).

(11)  ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.

(12)  ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1.

(13)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(14)  ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1.