13.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 58/5 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-12 ta’ Frar 2016
li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Esperti dwar l-Iffalsifikar tal-Euro
(2016/C 58/06)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/512 (1) tipprovdi li d-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (minn hawn ‘il quddiem id-“Direttorat Ġenerali”) huwa responsabbli għall-kompiti relatati mat-tħejjija tal-inizjattivi leġiżlattivi u regolatorji tal-Kummissjoni sabiex tiġi protetta l-euro kontra l-iffalsifikar, u jiġi pprovdut appoġġ f’dan il-qasam permezz ta’ taħriġ u assistenza teknika. Bil-ħsieb li tiżgura l-protezzjoni effettiva u konsistenti tal-euro, il-Kummissjoni teħtieġ li titlob l-għarfien espert ta’ speċjalisti f’korp konsultattiv. |
(2) |
Għaldaqstant huwa neċessarju li jitwaqqaf grupp ta’ esperti fil-qasam tal-protezzjoni tal-karti u l-muniti tal-euro kontra l-iffalsifikar u li jiġu definiti l-kompiti u l-istruttura tiegħu. |
(3) |
Il-grupp għandu jassisti l-Kummissjoni fit-titjib ta’ kundizzjonijiet għall-protezzjoni ġenerali tal-euro abbażi ta’ inizjattivi leġiżlattivi sabiex jiġu rrinforzati l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-iffalsifikar u fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Il-grupp għandu jistabbilixxi wkoll kooperazzjoni mill-qrib u regulari mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, il-Kummissjoni, iċ-Ċentru Tekniku Xjentifiku Ewropew (“ETSC”) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/861/KE (3), il-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) u l-Europol. |
(4) |
Il-grupp għandu jkun magħmul minn esperti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-ETSC, il-BĊE u l-Europol. |
(5) |
Għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni minn membri tal-grupp. |
(6) |
Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
(7) |
Huwa xieraq li jiġi stipulat perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Fi żmien propizju, il-Kummissjoni se tikkunsidra kemm hu xieraq li tingħata estensjoni, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Suġġett
Il-Grupp tal-Esperti tal-Kummissjoni dwar l-Iffalsifikar tal-Euro (minn hawn ‘il quddiem “ECEG”), huwa b’hekk stabbilit.
Artikolu 2
Il-kompiti tal-ECEG
Il-kompiti tal-ECEG se jkunu:
(a) |
li jassisti lill-Kummissjoni fil-preparazzjoni ta’ proposti leġiżlattivi, atti delegati jew inizjattivi ta’ politika li jkopru kemm il-karti kif ukoll il-muniti kontra l-iffalsifikar; |
(b) |
li jistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib u regulari mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, il-Kummissjoni, l-ETSC, il-BĊE u l-Europol sabiex jassigura l-protezzjoni effettiva u konsistenti tal-euro; |
(c) |
li jiskambja informazzjoni u jistabbilixxi prattiki tajba fir-rigward tal-prevenzjoni tal-iffalsifikar tal-euro, tal-ġlieda kontra karti u muniti foloz u tal-impatt tal-iffalsifikar għall-fini ta’ analiżi strateġika; |
(d) |
li jagħti pariri u għarfien espert lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, il-programmi u l-politiki tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 (5); |
(e) |
li jiddiskuti l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 331/2014. |
Artikolu 3
Konsultazzjoni
Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta mal-ECEG dwar kwistjonijiet li jirrelataw mal-protezzjoni ġenerali tal-euro abbażi ta’ inizjattivi leġiżlattivi sabiex jiġu rrinforzati l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-iffalsifikar (6).
Artikolu 4
Sħubija u Ħatra
1. Il-membri tal-ECEG ikunu l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-ETSC, il-BĊE u l-Europol.
2. Il-membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-rappreżentanti maħturin tagħhom.
3. Dejta personali għandha tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.
Artikolu 5
Operat
1. Is-servizz kompetenti tal-Kummissjoni għandu jaħtar il-President tal-grupp.
2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jistieden esperti minn barra l-ECEG li jkollhom kompetenzi speċifiċi f’suġġett li jkun fuq l-aġenda sabiex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp, abbażi ad hoc. Barra minn hekk, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jagħti status ta’ osservatur lil individwi jew organizzazzjonijiet hekk kif definit fir-Regola 8(3) tar-regoli orizzontali dwar il-gruppi ta’ esperti (7), u l-pajjiżi kandidati.
3. Membri tal-ECEG u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-UE, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (8) u (UE, Euratom) 2015/444 (9). Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.
4. Il-laqgħat tal-ECEG isiru f’bini tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali.
5. L-ECEG għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti.
6. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-dokumenti rilevanti kollha b’rabta mal-attivitajiet imwettqa mill-ECEG bħalma huma l-aġendi, il-minuti, u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, jew billi tinkludihom fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħra tal-Kummissjoni jew billi tagħmel link fir-Reġistru għal sit tal-Internet dedikat li fih ikun hemm dawn id-dokumenti. Id-dokumenti rilevanti mhux se jiġu ppubblikati fejn id-divulgazzjoni ta’ dokument idgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).
Artikolu 6
L-ispejjeż tal-laqgħat
1. Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-ECEG mhumiex se jitħallsu għas-servizzi tagħhom.
2. L-ispejjeż għall-ivvjaġġar u għall-għajxien li jġarrbu l-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.
3. Dawk l-ispejjeż jiġu rimborżati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.
Artikolu 7
Applikabbiltà
Din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2025.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2016.
Għall-Kummissjoni
Pierre MOSCOVICI
Membru tal-Kummissjoni
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/512 tal-25 ta’ Marzu 2015 li temenda d-Deċiżjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 81, 26.3.2015, p. 4).
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”) u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE (ĠU L 103, 5.4.2014, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/861/KE tat-8 ta’ Diċembru 2003 li tikkonċerna l-analiżi u l-koperazzjoni fir-rigward ta’ muniti foloz tal-euro (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 44).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ tali dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jistabilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6).
(6) Kif imsemmi fi premessa 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001.
(7) C(2010) 7649 finali.
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).
(10) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).